Language of document : ECLI:EU:C:2018:883

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

7 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Proġett ta’ kostruzzjoni ta’ toroq – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti – Anness IV, punt 3 – Artikolu 5(3)(d) – Portata tal-kunċett ta’ ‘alternattivi ewlenin prinċipali’”

Fil-Kawża C‑461/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Brian Holohan,

Richard Guilfoyle,

Noric Guilfoyle,

Liam Donegan

vs

An Bord Pleanála,

fil-preżenza ta’:

National Parks and Wildlife Service (NPWS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tat-Tielet Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. Toader (Relatur), u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Holohan, R. Guilfoyle, N. Guilfoyle u L. Donegan, minn D. Browne u C. Hugues, BL, kif ukoll minn P. O’Higgins u J. Devlin, SC, b’mandat minn C. Herlihy u L. O’Sullivan u B. Harrington, solicitors,

–        għall-An Bord Pleanála, minn F. Valentine, BL, u N. Butler, SC, b’mandat minn A. Doyle u B. Slattery, solicitors,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Simons, SC, u minnM. Gray, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil kif ukoll minn L, Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn G. Brown, bħala aġent, assistita minn C. Banner, barrister, sussegwentement minn R. Fadoju u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn T. Buley u C. Banner, barristers,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes, E. Manhaeve u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Awwissu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”) kif ukoll tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Brian Holohan, Richard u Noric Guilfoyle, kif ukoll Liam Donegan u l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-ippjanar tat-territorju, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) rigward l-awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ estensjoni tal-periferija fit-Tramuntana tal-belt ta’ Kilkenny (l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ żvilupp”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar il-habitats

3        L-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdu li:

“[…] l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità, kif jidher fl-Artikolu [191 TFUE]

[…]

[…] l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; […] l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

e)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies “favorevoli” meta:

–        il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

–        l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

[…]

k)      sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’ mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[…]

l)      żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats huwa fformulat kif ġej:

“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[…]”

7        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

8        Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 6 tagħha japplikaw għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”), fis-sens tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi”).

 Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi

9        Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala [ŻPS] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva SEA

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva SEA jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima tal-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)      ‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

b)      ‘żviluppatur’ tfisser l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

c)      ‘kunsens għall-iżvilupp’ tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

d)      ‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

e)      ‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;

f)      ‘awtorità jew awtoritajiet kompetenti’ tfisser dik l-awtorità jew dawk l-awtoritajiet li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli sabiex iwettqu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.

[…]”

11      L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

12      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

a)      il-bniedem, il-fawna u l-flora;

b)      il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

c)      il-beni materjali u l-wirt kulturali;

d)      l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

13      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10”.

14      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ proġetti li, skont l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 6 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV sa fejn:

a)      l-Istati Membri jikkunsidraw li t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju partikolari tal-proċedura tal-kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati;

b)      l-Istati Membri jikkunsidraw li żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif u jagħti każ, fost ħwejjeġ oħra, tal-għarfien u l-metodi ta’ stima attwali.

[…]

3.      It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

[…]

c)      id-data meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent;

d)      il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent;

[…]”

15      L-Anness IV ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 5(1)”, jipprovdi fil-punt 3 tiegħu:

“Id-deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.”

16      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92 (ĠU 2014, L 124, p. 1), jipprovdi:

“Il-proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 u l-Artikoli 5 sa 11 tad-Direttiva [SEA] qabel is-16 ta’ Mejju 2017:

a)      tnediet il-proċedura rigward l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [SEA], jew

b)      ġie provdut it-tagħrif msemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [SEA].”

 Id-dritt Irlandiż

17      It-Taqsima 177V(1) li tinsab fil-parti XAB tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Ippjanar tat-Territorju u tal-Iżvilupp), tipprovdi:

“Evalwazzjoni xierqa mwettqa konformement ma’ din il-parti għandha tinkludi l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-habitats], dwar il-kwistjoni jekk proġett ta’ pjan ta’ okkupazzjoni ta’ artijiet jew jekk proġett propost jistax jippreġudika sit tal-Unjoni [Ewropea] fit-totalità tiegħu u evalwazzjoni xierqa għandha titwettaq mill-awtorità kompetenti kull darba li din l-awtorità tkun ikkonstatat, skont l-Artikolu 177U(4), li evalazzjoni xierqa kienet neċessarja qabel […] l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-proġett propost”.

18      Il-paragrafu 2 ta’ din it-Taqsima 177V jipprovdi:

“Billi twettaq l-evalwazzjoni xierqa prevista fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin: (a) ir-rapport jew id-dikjarazzjoni ta’ effetti Natura, skont il-każ; (b) kull informazzjoni addizzjonali pprovduta li tikkonċerna dan ir-rapport jew din id-dikjarazzjoni; (c) skont il-każ, kull informazzjoni komplementari mitluba mill-awtorità u pprovduta mill-applikant dwar dikjarazzjoni ta’ effetti Natura; (d) kull informazzjoni komplementari pprovduta lill-awtorità kompetenti fuq it-talba tagħha dwar rapport ta’ effetti Natura; (e) kull informazzjoni jew parir miksub mill-awtorità kompetenti; (f) skont il-każ, kull osservazzjoni bil-miktub jew rimarka indirizzata lill-awtorità kompetenti dwar it-talba għal awtorizzazzjoni tal-proġett propost; (g) kull informazzjoni rilevanti oħra.”

19      It-Taqsima 217B tal-liġi tal-2000 dwar l-ippjanar tat-territorju u l-iżvilupp tawtorizza lill-Aġenzija li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand awtoritajiet li jirregolaw it-toroq u li tistieden lil dawn tal-aħħar sabiex iwettqu modifiki preċiżi għall-modalitajiet tal-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq propost.

20      It-Taqsima 50 tar-Roads Act 1993 (il-Liġi tal-1993 dwar it-toroq) tistabbilixxi:

“(2)      Dikjarazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi l-informazzjoni speċifika li ġejja:

[…]

d)      il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati mill-awtorità li tirregola t-toroq u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tagħha, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent”.

21      Skont it-Taqsima 50(5) ta’ din il-liġi, opinjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kamp tal-evalwazzjoni, jiġifieri opinjoni bil-miktub li tikkonċerna l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’din id-dikjarazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent, għandha tiġi pprovduta fuq it-talba tal-iżviluppatur.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jixtiequ jiksbu digriet certiorari li jannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-11 ta’ Lulju 2014 li tinkludi l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp mogħtija lill-Kilkenny County Council (il-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny, l-Irlanda). Dan il-proġett ta’ żvilupp jinkludi l-kostruzzjoni ta’ madwar 1.5 km ta’ triq f’direzzjoni unika, il-kostruzzjoni tal-ewwel roundabout u l-adattament tat-tieni roundabout, il-kostruzzjoni ta’ mogħdija pedonali kif ukoll mogħdija għas-sewqan tar-roti min-naħa tal-belt u diversi xogħlijiet oħra.

23      It-triq proposta taqsam żewġ siti Natura 2000: iż-ŻPS tax-xmara Nore, indikata mill-Irlanda skont id-Direttiva (dwar l-għasafar selvaġġi), u s-sit ta’ importanza għall-Komunità (iktar ’il quddiem is-“SIK”) tax-xmajjar Barrow u Nore, elenkat bħala SIK skont id-Direttiva dwar il-habitats sa mis-sena 2004.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment isostnu, l-ewwel nett, li l-Aġenzija wettqet żball meta naqset milli teżamina l-effetti ambjentali tal-alternattivi ewlenin prinċipali studjati; it-tieni nett, li l-evalwazzjoni xierqa allegatament imwettqa kienet insuffiċjenti u, it-tielet nett, li l-konvenuta wettqet żball meta approvat il-proġett ta’ żvilupp, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ effetti Natura (iktar ’il quddiem id-“DEN”) ippreżentata mill-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny, sa fejn dan il-kunsill naqas milli jagħmel l-istudji ekoloġiċi preliminari għal din l-approvazzjoni.

25      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-iżviluppatur, jiġifieri l-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny, fassal id-DEN għall-proġett ta’ żvilupp għax-xahar ta’ Mejju 2013. Skont din il-qorti, id-DEN, li kienet ibbażata fuq dokument imfassal min-National Parks and Wildlife Service (is-Servizz ta’ Parks Nazzjonali kif ukoll tal-Fawna u tal-Flora Selvaġġa tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-Patrimonju u tal-Amministrazzjonijiet Lokali, l-Irlanda) fid-19 ta’ Lulju 2011, dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni u li jesponi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu għall-klassifikazzjoni bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, ma tanalizzax kompletament l-effetti fuq l-ispeċi minbarra dawk li għalihom is-sit tax-xmajjar Barrow u Nore ġie elenkat u ma tinkludix l-effetti fuq l-ispeċi u l-habitats protetti li jinsabu barra mil-limiti tas-siti inkwistjoni.

26      Fix-xahar ta’ Diċembru 2013, l-żviluppatur fassal ukoll dikjarazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“DEA”) u, fis-16 ta’ Diċembru 2013, talab lill-Aġenzija l-awtorizzazzjoni sabiex iwettaq il-proġett ta’ żvilupp.

27      Wara oppożizzjoni u smigħ fix-xahar ta’ April 2014, rapport ta’ spezzjoni li kien jikkonċerna din it-talba ġie ppubblikat fix-xahar ta’ Ġunju 2014. Fir-rapport tiegħu, l-ispettur ikkonkluda li l-informazzjoni li tinsab f’din it-talba, id-DEA kif ukoll fid-DEN ma kinitx adegwata u li informazzjoni importanti oħra kienet meħtieġa. L-ispettur talab informazzjoni addizzjonali iktar wiesgħa b’mod partikolari dwar il-fażi ta’ kostruzzjoni, studju xjentifiku ta’ referenza u abbozz fuq skala li jindikaw il-lokalizzazzjoni jew il-lokalizzazzjoni possibbli ta’ speċi jew ta’ habitats protetti kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar l-għażla ta’ “qabża”, li tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ pont fuq żona suġġetta għal possibbiltà ta’ għargħar. Minkejja dan ir-rapport ta’ spezzjoni, l-awtorità kompetenti ħadet id-deċiżjoni, fix-xahar ta’ Lulju 2014, li tagħti l-awtorizzazzjoni li jitwettaq il-proġett ta’ żvilupp.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, id-DEA ma kkunsidratx b’mod iddettaljat l-għażla tal-“qabża”, minħabba li din l-għażla ġiet skartata mill-Kunsill tal-kontea ta’ Kilkenny “fi stadju bikri” favur “alternattiva finanzjarjament iktar vantaġġuża”. Hija żżid li d-DEA lanqas ma analizzat b’mod espliċitu l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-ispeċi kollha li hija tidentifika.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1      Id-Direttiva tal-Kunsill [dwar il-habitats] għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali (Natura impact statement) għandha tidentifika l-firxa kollha tal-habitats u tal-ispeċi li għalihom is-sit huwa elenkat?

2)      Id-Direttiva [dwar il-habitats] għandha l-effett li l-impatt potenzjali fuq l-ispeċi kollha (mhux biss speċi protetti) li jikkontribwixxu u li jagħmlu parti minn habitat protett għandu jiġi identifikat u diskuss f’dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali?

3)      Id-Direttiva [dwar il-habitats] għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tindirizza espressament l-impatt tal-iżvilupp propost fuq l-ispeċi u l-habitats protetti li t-tnejn jinsabu fis-sit [Żona speċjali ta’ konservazzjoni] kif ukoll speċi u habitats li jinsabu barra mill-konfini tiegħu?

4)      Id-Direttiva [SEA], kif emendata, għandha l-effett li dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tindirizza espressament jekk l-iżvilupp propost huwiex ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-ispeċi identifikati fid-dikjarazzjoni?

5)      Alternattiva li ġiet ikkunsidrata mill-iżviluppatur u li ġiet diskussa fl-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, u/jew li ġiet sostnuta minn uħud mill-partijiet interessati, u/jew li ġiet ikkunsidrata mill-awtorità kompetenti, għandha titqies bħala “alternattiva ewlenija” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva [SEA], kif emendata, anki jekk din tkun ġiet skartata mill-iżviluppatur fi stadju bikri?

6)      Id-Direttiva [SEA] kif emendata, għandha l-effett li evalwazzjoni tal-impatt ambjentali għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni dwar l-impatt ambjentali ta’ kull alternattiva sabiex ikun jista’ jitwettaq paragun bejn ix-xewqat ambjentali tal-alternattivi differenti; u/jew li għandu jiġi espressament indikat fid-dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali b’liema mod ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali tal-alternattivi?

7)      Ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva [SEA], kif emendata, li r-raġunijiet għall-għażla tal-iżviluppatur għandhom jittieħdu “fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent”, japplika biss għall-alternattiva magħżula jew anki għall-alternattivi ewlenin studjati, b’tali mod li tkun meħtieġa analiżi ta’ dawn l-alternattivi sabiex jiġu indirizzati l-effetti ambjentali tagħhom?

8)      Il-fatt li dettalji tal-fażi tal-kostruzzjoni (pereżempju s-sit tal-kostruzzjoni u r-rotot) jistgħu jiġu deċiżi wara li jingħata l-kunsens huwa kompatibbli mal-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva [dwar il-habitats] u jekk dan ikun il-każ, awtorità kompetenti tista’ tippermetti li kwistjonijiet bħal dawn jiġu ddeterminati permezz ta’ deċiżjoni unilaterali tal-iżviluppatur, fil-kuntest ta’ kwalunkwe permess ta’ żvilupp maħruġ, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti minflok tiġi approvata minnha?

9)      Id-Direttiva [dwar il-habitats] għandha l-effett li awtorità kompetenti għandha tirreġistra, b’mod suffiċjentement iddetalljat u ċar sabiex jitneħħa kull dubju dwar it-tifsira u l-effett ta’ tali opinjoni, sa fejn l-opinjoni xjentifika ppreżentata lilha targumenta favur il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali qabel il-ħruġ tal-permess tal-iżvilupp?

10)      Id-Direttiva [dwar il-habitats] għandha l-effett li l-awtorità kompetenti għandha tagħti raġunijiet jew raġunijiet iddettaljati għaċ-ċaħda ta’ konklużjoni tal-ispettur tagħha li hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali jew studju xjentifiku qabel il-ħruġ ta’ permess tal-iżvilupp?

11)      Id-Direttiva [dwar il-habitats] għandha l-effett li awtorità kompetenti, fit-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa, għandha tipprovdi raġunijiet iddettaljati u espressi għal kull element tad-deċiżjoni tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-Direttiva dwar il-habitats

30      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni, bil-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Forest ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Iktar partikolarment, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex tiggarantixxi, bl-għajnuna ta’ kontroll preliminari, li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv ikun awtorizzat biss sakemm ma jippreġudikax dan is-sit fit-totalità tiegħu. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant torganizza żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, teżiġi minn Stati Membri li jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta teżisti probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li sseħħ wara din l-evalwazzjoni xierqa, tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jippreġudikax is-sit ikkonċernat fit-totalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punti 43 sa 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel tliet domandi

32      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li “evalwazzjoni xierqa” għandha, minn naħa, telenka t-tipi kollha ta’ habitats u ta’ speċi li għalihom sit huwa protett kif ukoll, min-naħa l-oħra, tidentifika u teżamina kemm l-effetti tal-proġett propost fuq l-ispeċi preżenti f’dan is-sit, iżda li għalihom dan ma kienx ġie elenkat, kif ukoll dawk fuq it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li jinsabu barra mil-limiti ta’ dan is-sit.

33      Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività fis-sit protett biss bil-kundizzjoni li jkunu kisbu ċ-ċertezza li din l-attività ma għandhiex effetti dannużi fuq is-sit imsemmi fit-totalità tiegħu. Dan huwa l-każ meta ma jeżisti ebda dubju raġonevoli mill-perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-evalwazzjoni mwettqa skont din id-dispożizzjoni ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li huma previsti fiż-żona protetta kkonċernata (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex ma jkunx ippreġudikat sit fit-totalità tiegħu bħala habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa meħtieġ li s-sit jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi kostitwenti tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ de Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni li għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit ikkonċernat.

37      Għalhekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, billi l-aspetti kollha li jistgħu jaffettwaw dawn l-għanijiet għandhom jiġu identifikati u li l-evalwazzjoni mwettqa għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi f’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li l-habitats u l-ispeċi kollha li għalihom is-sit huwa protett għandhom jiġu elenkati. Fil-fatt, l-assenza, f’din l-evalwazzjoni, ta’ identifikazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi kollha tagħhom li għalihom is-sit ġie elenkat tikser ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq u, għaldaqstant, kif essenzjalment tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hijiex ta’ natura li tneħħi kull dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ effetti dannużi għas-sit protett fit-totalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 33).

38      Għandu jingħad ukoll li, billi l-evalwazzjoni għandha turi b’mod ċar ir-raġuni li għaliha t-tipi ta’ habitats u l-ispeċi protetti ma humiex affettwati, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, li ċerti tipi ta’ habitats u ta’ speċi protetti biss jinsabu fi frazzjoni taż-żona protetta kkonċernata mill-proġett u li ma jistgħux jiġu affettwati t-tipi ta’ habitats u l-ispeċi oħra protetti preżenti fis-sit.

39      Fir-rigward ta’ tipi ta’ habitats jew ta’ speċi oħra, li huma preżenti fis-sit, iżda li għalihom dan ma kienx ġie elenkat, kif ukoll għat-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li jinsabu barra minn dan is-sit, hemm lok li jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li din tissuġġetta għall-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ambjentali li huwa previst fiha “[k]ull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu”. F’dan ir-rigward, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-għan ta’ konservazzjoni mfittex mid-Direttiva dwar il-habitats, imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li habitats jew speċi tipiċi għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjoni xierqa, jekk huma neċessarji għall-konservazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u ta’ speċi elenkati għaż-żona protetta.

40      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel tliet domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li “evalwazzjoni xierqa” għandha, minn naħa, telenka tipi ta’ habitats u ta’ speċi kollha li għalihom sit huwa protett, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tidentifika u teżamina kemm l-effetti tal-proġett propost fuq l-ispeċi preżenti f’dan is-sit, u li għalihom dan ma kienx ġie elenkat, kif ukoll dawk fuq it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li jinsabu barra mil-limiti ta’ dan is-sit, sa fejn dawn l-effetti jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

 Fuq it-tmien domanda

41      Permezz tat-tmien domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpetat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kompetenti li tawtorizza pjan jew proġett li jħalli għal deċiżjoni sussegwenti l-kompitu li jiġu stabbiliti ċerti parametri relatati mal-fażi ta’ kostruzzjoni, bħal-lokalizzazzjoni tas-sit ta’ kostruzzjoni u r-rotot ta’ trasport, u, fl-affermattiv, jekk dawn il-parametri jistgħux, f’dan l-istadju sussegwenti, jiġu stabbiliti unilateralment mill-iżviluppatur u unikament innotifikati lil din l-awtorità.

42      Hemm lok li jitfakkar li mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaqblu dwar pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjfikattiv biss wara li jkunu żguraw ruħhom fil-kuntest ta’ evalwazzjoni xierqa li ma huwiex ser jippreġudika s-sit ikkonċernat fit-totalità tiegħu.

43      Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett timplika, l-ewwel nett, qabel l-approvazzjoni ta’ dan is-sit jew ta’ dan il-proġett, l-identifikazzjoni tal-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li tista’ taffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. It-tieni nett, tali evalwazzjoni ma tistax titqies bħala xierqa jekk tinkludi lakuni u ma tinkludix konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna l-effetti tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni f’dan is-sit. It-tielet nett, l-aspetti tal-pjan jew tal-proġett kollha inkwistjoni li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet oħra jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan l-istess sit għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam.

44      Tali obbligi, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jaqgħu mhux fuq l-iżviluppatur, anki jekk ikun, bħal f’dan il-każ, awtorità pubblika, iżda l-awtorità kompetenti, jiġifieri dik li l-Istati Membri jaħtru sabiex twettaq kompiti li jirriżultaw minn din id-direttiva.

45      Isegwi li din id-dispożizzjoni teżiġi mill-awtorità kompetenti li hija telenka u tevalwa l-aspetti kollha ta’ pjan jew ta’ proġett li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sitt protett qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni.

46      Kif osservat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tagħha, huma biss il-parametri, li dwarhom ma jeżisiti ebda dubju xjentifiku li l-effetti tagħhom ma jistgħux jaffettwaw is-sit, li jistgħu jitħallew kompletament għad-deċiżjoni sussegwenti tal-iżviluppatur.

47      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-awtorità kompetenti li tawtorizza pjan jew proġett li jħalli lill-iżviluppatur liberu li jistabbilixxi sussegwentement ċerti parametri relatati mal-fażi ta’ kostruzzjoni, bħal-lokalizzazzjoni tas-sit ta’ kostruzzjoni u r-rotot ta’ trasport, ħlief jekk ikun ċert li l-awtorizzazzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet suffiċjentement stretti li jiggarantixxu li dawn il-parametri ma jippreġudikawx is-sit fit-totalità tiegħu.

 Fuq id-disa’ sal-ħdax-il domanda

48      Permezz tad-disa’ sal-ħdax il-domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti tiċħad il-konklużjonijiet ta’ perizja xjentifika li tirrakkomanda l-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali, l-“evalwazzjoni xierqa” għandha tinkludi motivazzjoni espliċita u ddettaljata ta’ natura li ġġib iċ-ċertezza li, minkejja tali opinjoni, ma jeżisti ebda dubju xjentifiku li jikkonċerna l-effetti ambjentali tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkunsidrat minn dawn il-konklużjonijiet.

49      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif imqassra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod partikolari li l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet kif ukoll konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkunsidrat.

50      Issa, fl-assenza ta’ tali konklużjonijiet ta’ natura li jneħħu kull dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-informazzjoni disponibbli, l-evalwazzjoni ma tistax titqies bħala “xierqa” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

51      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-rekwiżit jimplika li l-awtorità kompetenti tkun fil-pożizzjoni li tindika b’mod suffiċjenti l-motivi li ppermettewlha, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, li tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-opinjoni tal-ispettur tagħha li stedinha sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali, li kull dubju xjentifiku raġonevoli huwa eskluż fir-rigward tal-effetti ambjentali tax-xogħliijet previsti fis-sit ikkonċernat,

52      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-disa’ sal-ħdax id-domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti tiċħad il-konklużjonijiet ta’ perizja xjentifika li tirrakkomanda l-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali, l-“evalwazzjoni xierqa” għandha tinkludi motivazzjoni espliċita u ddettaljata, ta’ natura li tneħħi kull dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkonċernat.

 Fuq id-Direttiva SEA

53      Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għall-modifiki introdotti bid-Direttiva 2014/52, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu3(2) ta’ din id-direttiva, dawn il-modifiki huma applikabbli biss jekk ċerti stadji proċedurali jkunu twettqu wara s-16 ta’ Mejju 2017.

54      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-11 ta’ Lulju 2014.

55      Isegwi li d-domandi dwar id-Direttiva SEA għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-verżjoni inizjali ta’ din id-direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda

56      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) u (3) kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva SEA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-iżviluppatur li jipprovdi informazzjoni li teżamina espliċitament l-effetti potenzjalment sinjifikattivi fuq l-ispeċi kollha identifikati fid-dikjarazzjoni pprovduta skont dawn id-dispożizzjonijiet.

57      Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA, l-iżviluppatur jipprovdi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness IV ta’ din id-direttiva. Il-punt 3 ta’ dan l-anness jipprovdi speċifikament f’dan ir-rigward li, fost l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA, hemm “[i]d-deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari […] il-fawna, il-flora […] u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq”. L-Artikolu 5(3)(c) ta’ din id-direttiva barra minn hekk jimponi fuq l-iżviluppatur li jinkludi “[d]-data meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent”.

58      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali ifl-punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tagħha,billi minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-obbligu previst ma jestendix għall-effetti kollha fuq l-ispeċi preżenti kollha, iżda huwa limitat għall-effetti sinjifkattivi, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA, li skont dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-effetti tagħhom il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

59      Fir-rigward għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(1) u (3), kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva SEA għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-iżviluppatur li jipprovdi informazzjoni li teżamina esplicitament l-effetti sinjifikattivi tal-proġett tiegħu fuq l-ispeċi kollha identifikati fid-dikjarazzjoni pprovduta skont dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq il-ħames sas-seba’ domanda

60      Permezz tal-ħames sas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti ambjentali kemm tal-alternattiva adottata kif ukoll ta’ kull alternattiva ewlenija prinċipali eżaminata minnu kif ukoll ir-raġunijiet tal-għażla tiegħu fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, anki fil-każ ta’ ċaħda fi stadju bikri ta’ tali alternattiva ewlenija.

61      Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva SEA għandha b’mod partikolari bħala għan li l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent jiġu identifikati, deskritti u evalwati.

62      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tad-Direttiva SEA jistabbilixxi lista ta’ informazzjoni, speċifikata fl-Anness IV, li l-iżviluppatur jipprovdi taħt forma xierqa lill-awtoritajiet kompetenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett li huwa jippreżenta.

63      B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA jippreċiża li l-iżviluppatur għandu tal-inqas jipprovdi “il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati [minnu] u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent”.

64      Jirriżulta espliċitament mill-formulazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni li huwa l-iżviluppatur li għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati minnu kif ukoll indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent.

65      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva SEA ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin”, imsemmi fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif issostni li-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tagħha, li dak li huwa determinanti, sabiex jiġu identifikati dawk mill-alternattivi ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “prinċipali”, huwa l-influwenza ta’ dawn l-alternattivi fuq l-effetti, jew l-assenza ta’ effett, tal-proġett fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, id-data li fiha alternattiva ewlenija hija miċħuda mill-iżviluppatur hija irrilevanti.

66      Sussegwentement, peress li, skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA, huma biss il-punti prinċipali ta’ dawn l-alternattivi li għandhom jiġu pprovduti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma timponix li l-alternattivi ewlenin prinċipali eżaminati jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ekwivalenti għal dik tal-proġett magħżul. Fir-rigward ta’ dan, hija teħtieġ mill-iżviluppatur li huwa jindika r-raġunijiet tal-għażla tiegħu, tal-inqas fir-rigward tal-effetti rispettivi fuq l-ambjent. Fil-fatt, l-obbligu li għandu l-iżviluppatur li jipprovdi punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin għandu bħala għan b’mod partikolari li jimmotiva l-għażla tiegħu.

67      Dan l-obbligu impost fuq l-iżviluppatur jippermetti, sussegwentement, lill-awtorità kompetenti li twettaq evalwazzjoni fil-fond tal-effetti fuq l-ambjent li telenka, tiddeskrivi u tevalwa, b’mod xieraq, l-effetti fuq l-ambjent tal-proġett magħżul, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva SEA.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-punti prinċipali msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu pprovduti għall-alternattivi ewlenin prinċipali kollha li ġew eżaminati mill-iżviluppatur, kemm jekk dawn kienu inizjalment maħsuba minnu jew mill-awtorità kompetenti jew kemm jekk kienu ġew irrakkomandati minn ċerti partijiet ikkonċernati.

69      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċdenti, il-ħames sas-seba’ domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva SEA għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti ambjentali kemm tal-alternattiva adottata kif ukoll ta’ kull waħda mill-alternattivi ewlenin prinċipali eżaminati minnu kif ukoll ir-raġunijiet tal-għażla tiegħu, fir-rigward, tal-inqas, tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, anki f’każ ta’ ċaħda fi stadju bikri ta’ tali alternattiva ewlenija.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li “evalwazzjoni xierqa” għandha, minn naħa, telenka tipi ta’ habitats u ta’ speċi kollha li għalihom sit huwa protett, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tidentifika u teżamina kemm l-effetti tal-proġett propost fuq l-ispeċi preżenti f’dan is-sit, u li għalihom dan ma kienx ġie elenkat, kif ukoll dawk fuq it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li jinsabu barra mil-limiti ta’ dan is-sit, sa fejn dawn l-effetti jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

2)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-awtorità kompetenti li tawtorizza pjan jew proġett li jħalli lill-iżviluppatur liberu li jistabbilixxi sussegwentement ċerti parametri relatati mal-fażi ta’ kostruzzjoni, bħal-lokalizzazzjoni tas-sit ta’ kostruzzjoni u r-rotot ta’ trasport, ħlief jekk ikun ċert li l-awtorizzazzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet suffiċjentement stretti li jiggarantixxu li dawn il-parametri ma jippreġudikawx is-sit fit-totalità tiegħu.

3)      LArtikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti tiċħad il-konklużjonijiet ta’ perizja xjentifika li tirrakkomanda l-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali, l-“evalwazzjoni xierqa” għandha tinkludi motivazzjoni espliċita u ddettaljata, ta’ natura li tneħħi kull dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkonċernat.

4)      L-Artikolu 5(1) u (3), kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-iżviluppatur li jipprovdi informazzjoni li teżamina esplicitament l-effetti sinjifikattivi tal-proġett tiegħu fuq l-ispeċi kollha identifikati fid-dikjarazzjoni pprovduta skont dawn id-dispożizzjonijiet.

5)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti ambjentali kemm tal-alternattiva adottata kif ukoll ta’ kull waħda mill-alternattivi ewlenin prinċipali eżaminati minnu kif ukoll ir-raġunijiet tal-għażla tiegħu, fir-rigward, tal-inqas, tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, anki f’każ ta’ ċaħda fi stadju bikri ta’ tali alternattiva ewlenija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.