Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court (l-Irlanda) – l-Irlanda) – Brian Holohan et vs An Bord Pleanála

(Kawża C-461/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Proġett ta’ kostruzzjoni ta’ toroq – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti – Anness IV, punt 3 – Artikolu 5(3)(d) – Portata tal-kunċett ta’ “alternattivi ewlenin prinċipali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Brian Holohan, Richard Guilfoyle, Noric Guilfoyle, Liam Donegan

Konvenuta: An Bord Pleanálaen

fil-preżenza ta’: National Parks and Wildlife Service (NPWS)

Dispożittiv

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li “evalwazzjoni xierqa” għandha, minn naħa, telenka tipi ta’ habitats u ta’ speċi kollha li għalihom sit huwa protett, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tidentifika u teżamina kemm l-effetti tal-proġett propost fuq l-ispeċi preżenti f’dan is-sit, u li għalihom dan ma kienx ġie elenkat, kif ukoll dawk fuq it-tipi ta’ habitats u l-ispeċi li jinsabu barra mil-limiti ta’ dan is-sit, sa fejn dawn l-effetti jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-awtorità kompetenti li tawtorizza pjan jew proġett li jħalli lill-iżviluppatur liberu li jistabbilixxi sussegwentement ċerti parametri relatati mal-fażi ta’ kostruzzjoni, bħal-lokalizzazzjoni tas-sit ta’ kostruzzjoni u r-rotot ta’ trasport, ħlief jekk ikun ċert li l-awtorizzazzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet suffiċjentement stretti li jiggarantixxu li dawn il-parametri ma jippreġudikawx is-sit fit-totalità tiegħu.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti tiċħad il-konklużjonijiet ta’ perizja xjentifika li tirrakkomanda l-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali, l-“evalwazzjoni xierqa” għandha tinkludi motivazzjoni espliċita u ddettaljata, ta’ natura li tneħħi kull dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna l-effetti tax-xogħlijiet previsti fis-sit ikkonċernat.

L-Artikolu 5(1) u (3), kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-iżviluppatur li jipprovdi informazzjoni li teżamina esplicitament l-effetti sinjifikattivi tal-proġett tiegħu fuq l-ispeċi kollha identifikati fid-dikjarazzjoni pprovduta skont dawn id-dispożizzjonijiet.

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2011/92/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-effetti ambjentali kemm tal-alternattiva adottata kif ukoll ta’ kull waħda mill-alternattivi ewlenin prinċipali eżaminati minnu kif ukoll ir-raġunijiet tal-għażla tiegħu, fir-rigward, tal-inqas, tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, anki f’każ ta’ ċaħda fi stadju bikri ta’ tali alternattiva ewlenija.

____________

1     ĠU C 338, 9.10.2017.