Language of document : ECLI:EU:T:2010:413

Kawża T-378/07

CNH Global NV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti f’tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż applikati fuq il-wiċċ ta’ barra ta’ trakter — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub bl-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv, deskrittivi jew komuni — Eċċezzjoni — Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu — Definizzjoni tal-pubbliku rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(3))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv, deskrittivi jew komuni — Eċċezzjoni — Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(3))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv, deskrittivi jew komuni — Eċċezzjoni — Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu — Użu stabbilit fil-Komunità kollha

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(3))

1.      Il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, teħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il‑prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari. Din l-identifikazzjoni għandha ssir permezz tal-użu ta’ sinjal bħala trade mark u, għalhekk, minħabba fin-natura u l-effett tiegħu, li jagħmluh kapaċi li jiddistingwi l‑prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn dawk ta’ impriżi oħra.

Id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti hija marbuta mal-eżami tad-destinatarji tal‑prodotti kkonċernati, billi huwa fir-rigward tagħhom li t-trade mark għandha tiżviluppa l-funzjoni essenzjali tagħha. Għalhekk, tali definizzjoni għandha ssir fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks, li għandha tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodott jew ta’ servizz intiż mit‑trade mark lill‑konsumatur jew lill‑utent finali, billi tippermettilu jiddistingwi, mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni, dan il-prodott jew dan is-servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra.

(ara l-punti 28, 29, 38)

2.      Sabiex jiġi pprovat jekk sinjal kisibx karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu evalwati b’mod globali l-elementi li jistgħu juru li t‑trade mark tista’ sservi sabiex tidentifika l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li jkunu ġejjin minn impriża speċifika u għalhekk tiddistingwi dawn il‑prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra.

Għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, jistgħu jitqiesu, b’mod partikolari, is-sehem mis‑suq miżmum mit-trade mark, kemm huwa intensiv, ġeografikament mifrux u t-tul ta’ żmien tal-użu ta’ din it-trade mark, l-ammonti li ġew investiti mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon taċ-ċrieki ta’ persuni rilevanti li, permezz tat-trade mark, jidentifikaw il-prodott jew is-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża speċifika kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn.

(ara l-punti 31, 32)

3.      Il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi stabbilita fil-Komunità kollha, hekk kif kienet fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, ħlief għall-parti tal-Komunità fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni diġà kellha ab initio tali karattru. Huwa għalhekk f’dak it-territorju, inkluż dak tal-għaxar Stati Membri l-ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-1 ta’ Mejju 2004, li tal-inqas frazzjoni sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti għandha tidentifika, permezz tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-prodotti kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża speċifika.

(ara l-punt 48)