Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2007 - Franza vs Il-Kunsill

(Kawża T-382/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues u A.-L. During, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 809/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward ta' drift-nets (għeżul tal-mitlaq)1 ;

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Regolament ikkontestat fil-kuntest tar-rikors preżenti huwa intiż sabiex jipprovdi definizzjoni uniformi ta' drift nets (għeżul tal-mitlaq). Ir-rikorrenti tikkontesta d-definizzjoni kif stabbilita mir-Regolament in kwantu din tinkludi għeżul tat-tunnara fil-kategorija ta' għeżul tal-mitlaq u konsegwentement tinkludihom fl-iskop tal-projbizzjoni ta' l-użu tagħhom prevista fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 894/972.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba nuqqas ta' motivazzjoni safejn dan ma jindikax ir-raġunijiet li għalihom huwa jestendi r-restrizzjonijiet ta' użu applikabbli għall-għeżul tal-mitlaq għal għeżul tat-tunnara stabbilizzati.

It-tieni nett, hija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità in kwantu l-projbizzjoni ta' l-għeżul tal-mitlaq, kif definiti, hija manifestament inadegwata fid-dawl, minn naħa, ta' l-għanijiet imfittxa minn din il-projbizzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-karatteristiċi partikolari ta' l-għeżul tat-tunnara meta mqabbla mat-tipi l-oħra ta' għeżul tal-mitlaq.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tisħaq li l-projbizzjoni ta' l-għeżul tal-mitlaq kif definiti mir-Regolament Nru 809/2007 hija diskriminatorja in kwantu mhuwiex ġustifikat, b'kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tagħhom, li l-għeżul tat-tunnara jiġu trattati bl-istess mod bħall-għeżul tal-mitlaq l-oħra.

____________

1 - ĠU L 182, p. 1.

2 - Regolament (KE) Nru 894/97 tad-29 ta' April 1997 li jippreskrivi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd (ĠU L 132, p. 1).