Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ottubru 2007 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-379/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: T. Nowakowski, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiġi ddikjarata n-nullità r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 804/2007 tad-9 ta' Lulju 2007, li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku (subdiviżjonijiet 25-32, ilmijiet KE) minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja;1

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob dikjarazzjoni li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 804/2007 tad-9 ta' Lulju 2007, li jistabbilixxi projbizzjoni ta' sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku (subdiviżjonijiet 25-32, ilmijiet KE) minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja huwa null. Ir-regolament ikkontestat jipprovdi li, mill-11 ta' Lulju 2007, il-parti mill-kwota tal-qbid allokata lir-rikorrenti għall-2007 fil-Baħar Baltiku titqies li ġiet eżawrita u tipprojbixxi, għall-perijodu bejn il-11 ta' Lulju 2007 u l-31 ta' Diċembru 2007, sajd ulterjuri tal-merluzz f'din iż-żona minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja jew iż-żamma abbord, it-trasbord u l-ħatt l-art ta' merluzz maqbud minn dawn il-bastimenti.

In sostenn ta' l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li wettqet żbalji manifesti meta kkalkulat il-ħatt mill-bastimenti tas-sajd Pollakki tal-kwantità ta' merluzz u tallega ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1941/2006 tal-11 ta' Diċembru 2006, li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-20072. Fil-kuntest ta' dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fir-rigward ta' l-ammonti ta' merluzz maqbud mill-bastimenti tas-sajd Pollakki fuq data li, skond ir-rikorrenti, hija arbitrarja u li ma tirrappreżentax is-sitwazzjoni reali, meħuda minn spezzjonijiet imwettqa minn spetturi tal-Kummissjoni stess u li ma tieħux in kunsiderazzjoni d-data pprovduta mis-Sistema Informatika Pollakka ta' Sajd Marittimu.

Ir-rikorrenti ssostni ulterjorment li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità peress li, fl-opinjoni tagħha, il-projbizzjoni ta' qabdiet introdotta mir-regolament jagħti lok għal effetti soċjoekonomiċi sfavorevoli li huma kunsiderevolment ikbar mill-vantaġġi ipotetiċi fir-rigward tas-salvagwardja tal-ħażniet tal-merluzz. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li evitat li tagħmel evalwazzjoni ta' dawn l-effetti qabel ma adottat ir-regolament ikkontestat u li ma kkunsidratx il-possibbiltà li tikseb l-għanijiet tagħha billi tuża mezzi li jikkaġunaw inqas ħsara lis-soċjetà u lill-ekonomija taż-żoni marittimi.

Fil-motivi tagħha, ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-regolament ikkontestat mhuwiex adegwatament motivat u dan, fil-fehma tagħha, jagħmilha diffiċli li tiġi vverifikata l-espedjenza u l-legalità tal-projbizzjoni introdotta mir-regolament.

Ir-rikorrenti tallega wkoll ksur tal-prinċipju ta' solidarjetà u ta' kooperazzjoni leali, u tikkritika lill-Kummissjoni talli ma għamlet l-ebda djalogu u talli ma tatx l-opportunità lir-rikorrenti tikkjarifika ċerti affarijiet kontenzjużi qabel ma adottat ir-regolament ikkontestat.

Ir-rikorrenti tikkonkludi billi ssostni li r-regolament ikkontestat jikser id-dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika liberament safejn il-projbizzjoni fuq il-qabdiet li dan jintroduċi jaffettwa persuni li ma jistgħux b'mod prattiku jbiddlu t-tip ta' attività li huma jipprattikaw u li għalihom is-sajd huwa l-uniku mezz ta' għijxien, a fortiori peress li din il-projbizzjoni hija totali u ma tagħtix lok għal eċċezzjonijiet.

____________

1 - ĠU 2007 L 180, p. 3.

2 - ĠU 2006 L 367, p. 1.