Language of document : ECLI:EU:T:2010:413

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti f’tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż applikati fuq il-wiċċ ta’ barra ta’ trakter – Raġuni assoluta għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub bl‑użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑378/07,

CNH Global NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Edenborough, barrister, u R. Harrison, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-5 ta’ Lulju 2007 (Każ R 1642/2006‑1), li jirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirrappreżenta trakter aħmar, iswed u griż bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2007,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2008,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008,

wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti, CNH Global NV, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Is-sinjal inkwistjoni huwa deskritt bħala “tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż kif applikati fuq il-wiċċ ta’ barra ta’ trakter, l-aħmar applikat fuq il-bonit, is-saqaf u l-ħnejja tar-roti, il-griż ċar u l-griż skur fuq il-bonit bħala strixxa orizzontali u l‑iswed għax-xibka fil-parti ta’ quddiem tal-bonit, ix-xasi u l-irfinituri vertikali ta’ barra”.

4        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il‑klassi 12 skont il‑Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Trakters”.

5        Fis-27 ta’ Ottubru 2006, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, minħabba li anki jekk ir-rikorrenti kienet ipprovat li ċ-ċifri ta’ bejgħ tagħha kienu “notevoli” fl-Istati Membri li jinsabu fl-Ewropa tal-Punent, hija ma kinitx ipproduċiet il-prova ta’ użu intensiv tas-sinjal inkwistjoni fl-Istati Membri l‑ġodda, li huma prinċipalment stati agrikoli, u li għalhekk ma setgħetx tiġi stabbilita għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal‑użu f’parti sostanzjali tal-Komunità Ewropea.

6        Fil-15 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tal-eżaminatur. Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell ċaħad l-appell u kkonferma din id‑deċiżjoni.

7        Essenzjalment, il-Bord tal-Appell enfasizza, minn naħa, li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti mill-bdiewa u, min-naħa l-oħra, li t-tagħqid tal-kuluri inkwistjoni kien nieqes minn karattru distintiv intrinsiku, it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni setgħet biss tiġi rreġistrata jekk hija tkun kisbet karattru distintiv minħabba fl-użu f’parti sostanzjali tal-Komunità. Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx pprovat li din il-kundizzjoni kienet sodisfatta, minħabba li, minn naħa, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Istati Membri l-ġodda fid-definizzjoni tas-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, iċ-ċifri tal-bejgħ f’dawn l‑Istati Membri, u anki f’xi Stati Membri qodma, kienu manifestament insuffiċjenti sabiex juru użu intensiv ta’ dan is-sinjal.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009].

 L-argumenti tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-pubbliku rilevanti, li jirrappreżenta perċentwali żgħira ħafna tal-popolazzjoni kollha, ser jipperċepixxi t-tagħqid ta’ kuluri tat-trakters iffabbrikati minnha bħala trade mark u li dan ser jagħmlu fl-Istati Membri differenti.

12      Ir-rikorrenti tqis li l-pubbliku rilevanti jinkludi lill-proprjetarji attwali kif ukoll lix‑xerrejja futuri ta’ trakters, iżda mhux dawk li għandhom biss sempliċi interess potenzjali għal dawn il-prodotti, għaliex huma biss dawk tal-ewwel li jkollhom interess ġenwin li t-trade mark tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

13      Skont ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ “bidwi” ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għal finijiet tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, minħabba li huwa impreċiż u jinkludi persuni li ma humiex rilevanti, bħall-bdiewa ż-żgħar jew il-bdiewa li ma għandhomx il-mezzi sabiex jixtru trakter. Għalhekk, il-Bord tal-Appell żbalja meta kkunsidra li l-bdiewa, b’mod ġenerali jikkostitwixxu l-pubbliku rilevanti u dan l-iżball wassal għal interpretazzjoni żbaljata tal-provi ppreżentati.

14      Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni magħmula mill-UASI li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn bdiewa b’mod ġenerali.

15      Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv ta’ trade mark miksub permezz tal-użu għandu jkun muri għal parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat, iżda mhux għal dan il-pubbliku kollu. Barra minn dan, tali prova għandha tiġi prodotta fir-rigward ta’ parti sostanzjali tat-territorju rilevanti, iżda mhux għat-territorju kollu, minħabba li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-UASI f’din id-direzzjoni ma saret l-ebda bidla fil-ġurisprudenza jew xi riforma leġiżlattiva f’dan il-qasam.

16      Barra minn dan, ir-rikorrenti tippreċiża li l-pożizzjoni tal-UASI dwar li l-kisba ta’ trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi stabbilita għat‑territorju kollu ta’ kull Stat Membru u għall-pubbliku rilevanti kollu “ma huwiex prattiku”.

17      Skont ir-rikorrenti, it-tqassim tal-pubbliku rilevanti ma huwiex uniformi fl-Istati Membri kollha u għalhekk il-livell ta’ użu xieraq jinbidel skont il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

18      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, f’dan il-każ, iċ-ċifri ta’ bejgħ assoluti tagħha tal‑prodotti kkonċernati, iż-żona ġeografika koperta kif ukoll il-fatt li l-bejgħ ma huwiex maqsum b’mod uniformi fil-Komunità huma nieqsa mir-rilevanza sabiex tiġi stabbilita l-kisba, mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal‑użu f’parti sostanzjali tal-Komunità. L-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati huma, minn naħa, in-numru ta’ bejgħ meta mqabbel mad-daqs tas-suq u, min-naħa l-oħra, it-tqassim ġeografiku tal-pubbliku rilevanti.

19      Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, iċ-ċifri ta’ bejgħ ta’ prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni kienu “notevoli” fl-Istati Membri li jinsabu fl-Ewropa tal‑Punent. Għalhekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fl-Istati Membri l-qodma, li jirrappreżentaw 90 % tal-Komunità u li għalhekk jikkostitwixxu parti sostanzjali, u għalhekk hija kisbet tali karattru distintiv għall-pubbliku rilevanti fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94.

20      Ir-rikorrenti tippreċiża li d-daqs tal-popolazzjoni, il-firxa taż-żona ġeografika u l‑fatt li l-Istati Membri fl-Ewropa tal-Lvant huma Stati agrikoli huma ċirkustanzi li ma humiex ta’ rilevanza sabiex tiġi stabbilita l-kisba, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal‑użu f’parti sostanzjali tal-Komunità Ewropea. Hija tqis li l-pubbliku rilevanti huwa l-element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-irziezet f’dawn l-Istati Membri huma żgħar wisq għall-użu ta’ trakters u għalhekk il-pubbliku rilevanti f’din il‑parti tal‑Komunità hija żgħira ħafna. Għalhekk kien żball il-fatt li l-UASI indika li r‑rikorrenti injorat l-Istati Membri li jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant u li warrbet is‑swieq il-ġodda tal-Istati Membri l-ġodda billi kkunsidrathom insinjifikattivi.

21      Ir-rikorrenti ssostni li l-UASI uża ċ-ċifri tal-bejgħ tagħha b’mod “qarrieq u fuq kollox żbaljat”.

22      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-UASI ppreżenta fir-risposta tiegħu żewġ mistoqsijiet li ma kinux tqajmu la quddiem l-eżaminatur u lanqas quddiem il-Bord tal‑Appell, li jirrigwardaw, minn naħa, l-indipendenza ta’ żewġ rappreżentanti ta’ gruppi professjonali li hija pproduċiet dikjarazzjoni minn tagħhom annessa mar‑rikors u l-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw il-mod kif trade mark speċifika tiġi pperċepita fl-Ewropa u, min-naħa l-oħra, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni flimkien mat-trade mark verbali CASE jew CASE INTERNATIONAL. Dawn l-argumenti huma infondati, billi, minn naħa, dawk ir‑rappreżentanti kienu f’pożizzjoni tajba sabiex jistabbilixxu kif it-trade mark hija pperċepita u, min-naħa l-oħra, l-elementi verbali tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma jinqrawx, filwaqt li t-tagħqid tal-kuluri huwa l-uniku element distintiv.

23      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tippreċiża li ġew prodotti provi diretti, li juru li t‑tagħqid tal-kuluri ta’ trakter jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali, kif ukoll ritratti li juru dan it-tagħqid ta’ kuluri. Kien ukoll ġie pprovat li twettqet promozzjoni speċjali ta’ dawn it-trakters, iffokata fuq il‑pubbliku rilevanti.

24      L-UASI jikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

25      Il-kuluri jew it-tagħqid ta’ kuluri, bħala tali, jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji u jistgħu minnhom infushom jiksbu, għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, karattru distintiv minħabba l-użu li sar minnhom, skont l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punt 79, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2009, BCS vs UASI – Deere (Tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar), T‑137/08, Ġabra p. II‑4047, punt 28].

26      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-eżaminatur u lanqas dawk tal-Bord tal-Appell, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda tillimita d‑diskussjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament għas‑sinjal inkwistjoni.

27      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-motivi assoluti msemmija fl‑Artikolu 7(1)(b) sa (d) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar‑Regolament Nru 207/2009] ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jekk din tkun kisbet, għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab ir‑reġistrazzjoni, karattru distintiv wara l-użu li sar minnha.

28      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jingħad li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l‑kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark teħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il‑prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs UASI (Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ ), T‑141/06, Ġabra p. II‑114, punt 32; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 52, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, Ġabra p. I‑6135, punt 30].

29      Din l-identifikazzjoni għandha ssir permezz tal-użu ta’ sinjal bħala trade mark u, għalhekk, minħabba fin-natura u l-effett tiegħu, li jagħmluh kapaċi li jiddistingwi l‑prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, Ġabra p. I‑5475, punt 64, u Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

30      It-tieni nett, sabiex tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark skont l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-kisba ta’ karattru distintiv għandha tiġi pprovata permezz tal-użu fit-territorju kollu tal-Komunità fejn din it‑trade mark kienet ab initio nieqsa minnu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punti 83 u 86; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 40; tal-10 ta’ Marzu 2009, Piccoli vs UASI (Forma ta’ arzella), T‑8/08, Ġabra p. II‑26, punti 36 u 41, u tat-30 ta’ Settembru 2009, JOOP! vs UASI (!), T‑75/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41; ara wkoll, b’analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen, C‑108/05, Ġabra p. I‑7605, punt 22].

31      It-tielet nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sabiex jiġi pprovat li s-sinjal inkwistjoni kiseb karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnu, għandhom jiġu evalwati b’mod globali l-elementi li jistgħu juru li t-trade mark tista’ sservi sabiex tidentifika l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li jkunu ġejjin minn impriża speċifika u għalhekk tiddistingwi dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

32      Għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, jistgħu jitqiesu, b’mod partikolari, is-sehem mis‑suq miżmum mit-trade mark, kemm huwa intensiv, ġeografikament mifrux u t-tul ta’ żmien tal-użu ta’ din it-trade mark, l-ammonti li ġew investiti mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon taċ-ċrieki ta’ persuni rilevanti li, permezz tat-trade mark, jidentifikaw il-prodott jew is-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża speċifika kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn (sentenza !, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

33      Ir-raba’ nett, il-karattru distintiv ta’ sinjal, inkluż dak miksub permezz tal-użu li sar minnu, għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas‑servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal‑kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 63, u Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

34      Fl-aħħar nett, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandu jkun seħħ qabel ma tkun saret l-applikazzjoni għat-trade mark [sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2002, Imagination Technologies vs UASI, C‑542/07 P, Ġabra p. I‑4937, punt 60, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Frar 2010, Deutsche BKK vs UASI (Deutsche BKK), T‑289/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60].

35      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell għamilx żball ta’ liġi meta ma aċċettax l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’parti sostanzjali tal‑Komunità u għalhekk kellha tiġi rreġistrata għall-prodotti kkonċernati skont l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

36      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li r-rikorrenti tikkontesta d-definizzjoni tal‑pubbliku rilevanti kif adottata mill-Bord tal-Appell, kif ukoll l-evalwazzjoni tiegħu li tgħid li s-sinjal inkwistjoni ma kisibx karattru distintiv permezz tal-użu f’parti sostanzjali tal-Komunità.

37      L-ewwel nett, f’dak illi jirrigwarda d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti li fir‑rigward tagħha t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, ir-rikorrenti tillimitaha għall-proprjetarji attwali u għax-xerrejja futuri ta’ trakters, filwaqt li l-Bord tal-Appell jestendiha għall‑bdiewa kollha.

38      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti hija marbuta mal-eżami tad-destinatarji tal-prodotti kkonċernati, billi huwa fir-rigward tagħhom li t-trade mark għandha tiżviluppa l-funzjoni essenzjali tagħha. Għalhekk, tali definizzjoni għandha ssir fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks, li għandha tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodott jew ta’ servizz intiż mit‑trade mark lill‑konsumatur jew lill-utent finali, billi tippermettilu jiddistingwi, mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni, dan il-prodott jew dan is-servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra (sentenza Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Eżaminati fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti sabiex jiġi kkontestat l-fatt li l-pubbliku rilevanti jista’ jkun ikkostitwit mill‑bdiewa b’mod ġenerali u li jeskludu minn din id-definizzjoni l-popolazzjoni kollha li hija potenzjalment interessata fil-prodotti kkonċernati ma humiex rilevanti.

40      Minn naħa, il-bdiewa, bħala ġestituri tal-irziezet, huma d-destinatarji intiżi għall‑għodda meħtieġa fl-irziezet tagħhom, b’mod partikolari, it-trakters. Ir‑rikorrenti stess tasal għal din il-konklużjoni meta hija tirrikonoxxi, f’wieħed mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-bdiewa huma l‑konsumaturi tipiċi ta’ trakters. L-argumenti dwar id-daqs żgħir ta’ xi rziezet kif ukoll il-limiti fil-baġit tal-bdiewa ma jpoġġux f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fabbrikanti ta’ trakters varji rnexxielhom jiżviluppaw magni kompatti għall-użu fl-irziezet żgħar. Bl-istess mod, il-fatt li xi bdiewa ma għandhomx il‑mezzi biex jixtru trakter hija ċirkustanza li tista’ tinbidel maż-żmien jew li tista’ tiġi megħluba permezz ta’ proposti ta’ finanzjament magħmula, pereżempju, mid-distributuri ta’ makkinarju agrikolu.

41      Min-naħa l-oħra, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn ix-xerrejja prospettivi ta’ trakters u l-persuni li huma biss potenzjalment interessati minn tali magni hija artifiċjali. Fil-fatt, fil-każ tal-liġi dwar it-trade marks u, għalhekk, tal‑identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti fis-suq, ma jistax ikun hemm persuni oħra li jistgħu jkunu potenzjalment interessati fit-trakters jekk mhux ix-xerrejja futuri tagħhom. Għalhekk, hemm lok li immedjatament jiġu esklużi il-partijiet l-oħra “interessati” bħall-mekkaniks, l-istoriċi, is-soċjologi u l-analisti politiċi, li għalihom il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti sabiex jiddeċiedu li jixtru, ma għandu ebda rwol.

42      Barra minn dan, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontesta d-definizzjoni tal‑pubbliku rilevanti magħżul mill-Bord tal-Appel ma jurux li l-perċezzjoni tas‑sinjal inkwistjoni mill-proprjetarji attwali u mix-xerrejja potenzjali ta’ trakters hija differenti minn dik tal-bdiewa b’mod ġenerali. L-adozzjoni ta’ din id‑definizzjoni restrittiva tal-pubbliku rilevanti għandha l-konsegwenza li tippermetti lir-rikorrenti tillimita b’mod artifiċjali l-pubbliku li fir-rigward tiegħu għandha tistabbilixxi l-kisba, mit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu.

43      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku kkonċernat kien kompost minn bdiewa, mingħajr ma wettaq distinzjoni fir-rigward tal-interess reali jew potenzjali tagħhom għax-xiri ta’ trakter.

44      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonstata fil-punt 25 tad‑deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tippretendi li weriet il-kisba, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal‑użu f’parti sostanzjali tal-Komunità Ewropea hekk kif meħtieġ skont il-ġurisprudenza.

45      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009], it-trade mark Komunitarja għandha “karattru unitarju” li jimplika li “għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha”. Mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja jirriżulta li, sabiex sinjal jiġi rreġistrat għandu jkollu karattru distintiv fil‑Komunità kollha. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009], l-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tal-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill‑Komunità [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Ford Motor vs UASI (OPTIONS), T‑91/99, Ġabra p. II‑1925, punti 23 sa 25].

46      L‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li kisbu karattru distintiv permezz tal-użu, għandu jinqara fid-dawl ta’ dan ir‑rekwiżit. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-kisba ta’ karattru distintiv għandha tiġi pprovata permezz tal-użu fit-territorju kollu fejn din it‑trade mark kienet nieqsa minn tali karattru.

47      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi mħawda ma’ dik li tippreċiża s-sens tal-espressjoni “għandha reputazzjoni” fi Stat Membru jew fil-Komunità, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), u tal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], kundizzjoni li trade mark reġistrata għandha tissodisfa sabiex tibbenefika mill-protezzjoni estiża għal prodotti jew servizzi mhux simili. F’dan il-każ, fil-fatt ma għandux jiġi eżaminat jekk sinjal jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja fil-Komunità kollha. Huwa pjuttost jipprekludi l-użu ta’ sinjal li mingħajr raġuni valida jista’ jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir‑reputazzjoni ta’ trade mark eżistenti jew li jkun ta’ ħsara għall-imsemmija trade mark, li għandha reputazzjoni jew fi Stat Membru jew fil-Komunità. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’termini territorjali, l-eżistenza ta’ reputazzjoni f’parti sostanzjali ta’ Stat Membru, fir-rigward tad‑Direttiva 89/104/KEE, jew fil-Komunità, fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed sabiex l-użu ta’ dan is-sinjal ikun ipprojbit (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, Ġabra p. I‑5421, punti 28 u 29, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C‑301/07, Ġabra p. I-9429, punti 27 u 30).

48      F’dan il-każ, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, kuntrarjament għal dak li r‑rikorrenti sostniet u għal dak li l-Bord tal-Appell sabet fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kisba, mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi stabbilita fil-Komunità kollha, hekk kif kienet fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jiġifieri fil-15 ta’ Lulju 2004, ħlief għall-parti tal-Komunità fejn it‑trade mark li għaliha saret applikazzjoni diġà kellha ab initio tali karattru. Huwa għalhekk f’dak it-territorju, inkluż dak tal-għaxar Stati Membri l-ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-1 ta’ Mejju 2004, li skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, tal-inqas frazzjoni sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti għandha tidentifika, permezz tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, il-prodotti kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża speċifika.

49      Madankollu, dan l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma jinvalidax id‑deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-kundizzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kisba, mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu huma iktar stretti minn dawk li ġew applikati mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, sabiex jiġi rreġistrat is-sinjal figurattiv li għalih saret l-applikazzjoni, ir‑rikorrenti kellha tistabbilixxi li s-sinjal inkwistjoni kien kiseb, qabel il‑preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru distintiv permezz tal‑użu fil-Komunità għal parti sinjikattiva tal-pubbliku kkonċernat. Għal dan il‑għan, ir-rikorrenti kellha tipproduċi quddiem l-UASI provi differenti, bħal dawk elenkati fil-punt 32 iktar ’il fuq, u dan skont id-data disponibbli f’kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

50      Minkejja l-flessibbiltà lilha offruti fir-rigward tal-provi, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tippermetti li tiġi stabbilita l-kisba ta’ dan il-karattru distintiv fl-għaxar Stati Membri l-ġodda. Fil-fatt, minn naħa, hija ma ressqet ebda prova li ssostni l-affermazzjonijiet tagħha li hija kienet għamlet “avvanzi sinjikattivi” f’dawn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, hija tirrikonoxxi li “jirriżulta b’mod ċar mill-provi li l-prodotti li jagħmlu użu mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu mibjugħa fi 23 mill-25 Stati Membri (f’dak iż‑żmien)”. Barra minn dan, hekk kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, meta ppreżentat l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova li s-sinjal inkwistjoni kien kiseb karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn l-Istati Membri. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, in‑nuqqas ta’ karattru distintiv f’parti mill-Komunità jostakola r-reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

51      Ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti, dwar is-saħħa probatorja ta’ ċerti dokumenti prodotti minnha sabiex tiġi stabbilita l-kisba, mit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ karattru distintiv minħabba fl-użu, ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

52      L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-pubbliku speċjalizzat pprovduti mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex ġejjin mill-Istati Membri kollha. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet pprovduti mir-rikorrenti kienu jirriżultaw esklużivament mir-rappreżentanti ta’ gruppi professjonali tal-Belġju u tar-Renju Unit u dawn kienu jirrigwardaw biss il-Belġju u r-Renju Unit, pajjiżi li fir-rigward tagħhom l-għarfien ta’ dawk ir-rappreżentanti kien x’aktarx limitat.

53      Huwa minnu li dawn id-dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu provi diretti tal-kisba, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ karattru distintiv minħabba fl‑użu, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjonijiet professjonali ta’ 2 mill-25 Stati Membri fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ma jipprovawx li s-sinjal inkwistjoni kiseb karattru distintiv fil-pajjiżi l-oħra tal-Komunità (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Barra minn dan, minkejja l-affermazzjonijiet tagħha matul is-seduta, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li kienu rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet pan-Ewropej, u li għalhekk id-dikjarazzjonijiet jikkonċernaw il-Komunità kollha. Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-kisba, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ karattru distintiv minħabba fl‑użu ’l barra minn dawn l-Istati Membri.

54      It-tieni nett, fir-rigward tal-volumi ta’ bejgħ u ta’ materjal ta’ reklamar, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, dawn huma provi sekondarji li jistgħu jikkorroboraw, skont il-każ, il-provi diretti tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, kif irrapportat mid-dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, il-volumi ta’ bejgħ u ta’ materjal ta’ reklamar bħala tali ma jurux li l-pubbliku kkonċernat minn dawn il‑prodotti inkwistjoni jipperċepixxi s-sinjal bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali. Għalhekk, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li għalihom ebda prova oħra ma ġiet prodotta, il-prova ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma tistax tiġi pprovduta biss mill-produzzjoni ta’ volumi ta’ bejgħ u ta’ materjal ta’ reklamar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

55      F’dan il-każ, jirriżulta mill-eżami tad-dokumentazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti li l-ebda wieħed mid-dokumenti relatati mal-volumi ta’ bejgħ jew mal-isforzi li saru fir-reklamar ma jippermettu li jiġi stabbilit liema parti tal‑pubbliku rilevanti jidentifika s-sinjal inkwistjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali. Barra minn dan, il-materjal ta’ reklamar ppreżentat huwa pjuttost żgħir u limitat għal xi dokumenti bl-Ingliż u bil-Ġermaniż u dikjarazzjoni tan‑nefqa f’komunikazzjonijiet għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fi tmien Stati Membri.

56      Huwa minnu li r-rikorrenti wkoll ippreżentat id-dokumentazzjoni li turi s-sehem tas‑suq li tikkorrispondi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fi Stati Membri differenti sabiex tistabbilixxi penetrazzjoni intensa u fit-tul fis-suq inkwistjoni. Madankollu, wara li kkunsidrat l-imsemmija sehem tas-suq maċ‑ċifri tal-bejgħ iddikjarati mir-rikorrenti u mad-data ta’ studju indipendenti wkoll ippreżentat mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat inkonsistenzi sinjifikattivi. Konsegwentement, l-ishma tas-suq ippreżentati mir-rikkorenti ma humiex affidabbli u għalhekk ma humiex biżżejjed sabiex juru penetrazzjoni intensa u fit-tul tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fis-suq Komunitarju.

57      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-ritratti, dawn jipprovaw biss li r-rikorrenti użat it-tagħqid tal-kuluri aħmar, iswed u griż fuq it-trakters tagħha. Madankollu, bħal fil-każ tal-volumi ta’ bejgħ jew tal-materjal ta’ reklamar, dawn ma jurux, bħala tali, li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti inkwistjoni jipperċepixxi s-sinjal inkwistjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

58      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, kif ukoll minn dak li ġie indikat fil‑punt 49 iktar ’il fuq, li l-iżball tal-Bord tal-Appell fid-definizzjoni tat-territorju rilevanti ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikorrenti ma stabbilixxietx il-kisba, mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fil-Komunità kollha.

59      Għalhekk, hemm lok li dan il-motiv wieħed jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill‑UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CNH Global NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.