Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tad-Dioikitiko Efeteio Athinon, il-Ġrecja) - Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE) vs Elliniko Dimosio

(Kawża C-49/07)1

(Artikoli 82 KE u 86 KE - Kunċett ta' impriża - Assoċjazzjoni li ma tagħmilx profitt li, fil-Greċja, tirrappreżenta lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu - Kunċett ta' 'attività ekonomika' - Dritt speċjali skond il-liġi li jingħata l-kunsens għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta' tlielaq bil-muturi - Eżerċizzju parallel ta' attivitajiet bħall-organizzazzjoni ta' tlielaq bil-muturi kif ukoll l-għoti ta' kuntratti ta' sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Efeteio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE)

Konvenut: Elliniko Dimosio

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Dioikitiko Efetieo Athinon - Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 82 u 86 KE - Kunċett ta' impriża - Assoċjazzjoni awtomobilistika li ma tagħmilx profitt (ELPA) li tirrappreżenta lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu fil-Greċja u li għandha d-dritt esklużiv li tawtorizza tlielaq fil-qasam ta' l-isport awtomobilistiku - Assoċjazzjoni li parallelament teżerċita attivitajiet ekonomiċi bħar-reklamar, l-assigurazzjoni, il-konklużjoni ta' kuntratti ta' sponsorizzazzjoni u l-finanzjament ta' premji

Dispożittiv

Persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jikkonsistu mhux biss f'li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet amministrattivi li jawtorizzaw l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet bil-muturi, iżda wkoll f'li torganizza hija stess tali kompetizzjonijiet u f'li tikkonkludi f'dan il-kuntest kuntratti ta' sponsorizzazzjoni, ta' reklamar kif ukoll ta' assigurazzjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 82 KE u 86 KE. Dawn l-artikoli jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil persuna ġuridika, li torganizza kompetizzjonijiet bil-muturi u li tikkonkludi f'dan il-kuntest kuntratti ta' sponsorizzazzjoni, ta' reklamar kif ukoll ta' assigurazzjoni, il-poter li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta' tali kompetizzjonijiet, mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi jew stħarriġ.

____________

1 - ĠU C 95, 28.04.2007.