Language of document : ECLI:EU:C:2008:376

Kawża C-49/07

Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE)

vs

Elliniko Dimosio

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Efeteio Athinon)

“Artikoli 82 KE u 86 KE — Kunċett ta’ impriża — Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tirrappreżenta, fil-Greċja, lill-Federazzjoni internazzjonali tal-motoċikliżmu — Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ — Dritt speċjali bis-saħħa ta’ liġi li jingħata l-kunsens għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi — Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet bħall-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi kif ukoll l-għoti ta’ kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.        Kompetizzjoni — Impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi

(Artikoli 82 KE u 86 KE)

1.        Persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jikkonsistu f’li torganizza kompetizzjonijiet sportivi u f’li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, intiżi sabiex dawn il-kompetizzjonijiet jiġu sfruttati kummerċjalment, u li jikkostitwixxu sors ta’ dħul għal din l-entità, għandha titqies bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Il-fatt li attività ekonomika tkun marbuta mal-isport mhuwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, fosthom dawk li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni.

Din il-konklużjoni ma titqegħedx fid-dubju mill-fatt li l-entità għandha l-poter li tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati lill-awtoritajiet pubbliċi għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, għaliex hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-parteċipazzjoni ta’ din l-entità fil-proċess deċiżjonali ta’ dawn l-awtoritajiet u l-attivitajiet ekonomiċi li hija twettaq, bħall-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali tal-kompetizzjonijiet. Il-fatt li hija ma tfittix li tagħmel profitt lanqas mhuwa ta’ ostakolu għal din il-konklużjoni, ladarba l-offerta tagħha ta’ prodotti u ta’ servizzi tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra. F’dan ir-rigward, assoċjazzjonijiet li ma jagħmlux profitt, li joffru prodotti jew servizzi f’suq speċifiku, jistgħu jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, is-suċċess jew is-sopravivenza ekonomika ta’ tali assoċjazzjonijiet jiddependi, fuq tul ta’ żmien, mill-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jimponu, fuq is-suq ikkonċernat, is-servizzi li joffru, għad-detriment ta’ dawk proposti mill-operaturi l-oħra.

(ara l-punti 22, 23, 26-28)

2.        L-Artikoli 82 KE u 86 KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil persuna ġuridika, li torganizza kompetizzjonijiet sportivi u li tikkonkludi f’dan il-kuntest kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar kif ukoll ta’ assigurazzjoni, il-poter li tagħti l-kunsens tagħha għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi jew stħarriġ.

Fil-fatt, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat, tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġi żgurat li d-diversi operaturi ekonomiċi jkollhom opportunitajiet ugwali. L-għoti lil persuna ġuridika, li, hija stess, torganizza u tisfrutta kummerċjalment kompetizzjonijiet sportivi, tal-funzjoni li tagħti lill-amministrazzjoni kompetenti l-kunsens tagħha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati għall-organizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet, jammonta de facto għall-għoti lil din l-entità tal-poter li tagħżel il-persuni awtorizzati sabiex jorganizzaw dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll li tiffissa l-kundizzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar huma organizzati, u, għalhekk, għall-għoti lil din l-entità ta’ vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha. Tali dritt jista’ għalhekk iwassal lill-impriża li jkollha dan id-dritt sabiex tostakola l-aċċess tal-operaturi oħra għas-suq ikkonċernat jew li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi l-kompetizzjonijiet li hija torganizza jew dawk li fihom hija tieħu sehem.

(ara l-punti 51-53 u d-dispożittiv)