Language of document : ECLI:EU:T:2023:724

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Novembru 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz – Deċiżjoni b’effett retroattiv adottata biex teżegwixxi s-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni – Artikolu 266 TFUE – Artikoli 22a u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal – Irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ imparzjalità – Terminu raġonevoli – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑790/21,

PL, irrappreżentat minn N. de Montigny, avukata,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑15 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, PL, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas‑16 ta’ Frar 2021 li tassenja mill-ġdid lir-rikorrent mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Mobbiltà u Trasport” b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) kif ukoll tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2021 li ċaħdet parzjalment l-ilment tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni materjali u morali li huwa seta’ ġarrab.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Din il-kawża tikkonċerna l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fix-Xatt tal-Punent u fl-istrippa ta’ Gaza f’Ġerusalemm tal-Lvant (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni”), fejn kien ilu jaħdem mis‑16 ta’ Frar 2012, għad-DĠ “Mobbiltà u Trasport”, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem l-“assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża”).

3        Id-deċiżjoni kkontestata ssegwi l-annullament mill-qorti tal-Unjoni Ewropea ta’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti li ordnaw l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża u l-irtirar mill-Kummissjoni tat-tielet deċiżjoni li għandha l-istess portata (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien l-“ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

4        Il-kuntest fattwali madwar l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet huwa dan li ġej.

5        Fl‑20 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent ġie informat permezz ta’ posta elettronika li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet ġiet approvata il-ġurnata ta’ qabel (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”). Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrent quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Kawża F‑96/13).

6        Iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ġew deskritti fil-punti 2 sa 14 tas-sentenza tal‑15 ta’ April 2015, PL vs Il‑Kummissjoni (F‑96/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza F‑96/13”, EU:F:2015:29), kif ġej:

“2 Ir-rikorrent huwa uffiċjal mal-Kummissjoni. Fiż-żmien tal-fatti, huwa kien ikklassifikat fil-grad AD 11 u kien inizjalment assenjat mad-diviżjoni ‘Riżorsi Finanzjarji’ tad-Direttorat ‘Riżorsi Komuni’ tad-DĠ ‘Mobbiltà’. Permezz ta’ deċiżjoni tal-[Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-‘Awtorità tal-Ħatra’)] tas‑16 ta’ Jannar 2012, huwa ġie ttrasferit mad-diviżjoni ‘Finanzi, kuntratti, verifika” tad-Direttorat ‘[Politika tal-V]iċinat’ tad-DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni – EuropeAid’ (iktar ’il quddiem id-‘DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni’) u assenjat bħala kap tad-diviżjoni mad-delegazzjoni […], b’effett mis‑16 ta’ Frar 2012.

3      Meta huwa kien qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala kap tad-diviżjoni ‘Finanzi, kuntratti u awditjar’ tad-delegazzjoni, din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ missjoni ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea li kellha bħala suġġett il-programm imsejjaħ [kunfidenzjali] (1). Fi tmiem il-missjoni tagħhom, l-awdituri tal-Qorti tal-Awdituri indikaw nuqqasijiet fil-ġestjoni ta’ dan il-progamm. Matul l-istess perijodu, ir-rikorrent esprima ma’ diversi partijiet interessati t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-allegati irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-imsemmi programm, l-inkwiet tiegħu li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni internazzjonali titolari ta’ diversi kuntratti konklużi mad-DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni’, il-mistoqsijiet tiegħu dwar ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta mir-rabtiet ta’ ċerti membri tal-persunal lokali tad-delegazzjoni ma’ din l-organizzazzjoni internazzjonali u s-suspetti tiegħu ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni, min-naħa ta’ din l-organizzazzjoni, ta’ proġett tal-Unjoni Ewropea msejjaħ [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, id-diviżjoni ‘Finanzi, Kuntratti u Awditjar’ tad-delegazzjoni, li tiġġestixxi l-programm [kunfidenzjali], kienet is-suġġett ta’ investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi […] miftuħa fl‑2011 u fl‑2013.

4      Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, [A], ir-rappreżentant[a] tal-persunal tad-delegazzjoni (iktar ’il quddiem ir-‘rappreżentant[a] tal-persunal’), bagħtet lill-kap tad-delegazzjoni nota, iffirmata minn 21 membru tad-delegazzjoni […], li tirrapporta l-frustrazzjoni ta’ parti mill-membri tal-persunal wara tibdil fl-approċċ fil-mod kif taħdem id-diviżjoni ‘Finanzi, Kuntratti u Awditjar’ tad-delegazzjoni matul is-seba’ xhur li fihom ir-rikorrent kien fit-tmexxija tagħha. Dan it-tibdil fl-approċċ jingħad li kkawża dewmien twil fil-ġestjoni tal-proġetti, jew saħansitra l-imblokkar ta’ xi wħud minnhom, kif ukoll telf ta’ kredibbiltà fil-konfront tal-imsieħba tal-Unjoni. Ir-rappreżentant[a] tal-persunal semmiet ukoll f’din in-nota li aġir mhux xieraq li jikkomprometti l-integrità professjonali tal-membri tal-persunal kien ġie rrapportat matul is-seba’ xhur preċedenti u li dan kompla jseħħ. In-nota ntemmet b’appell lis-superjuri biex tinstab soluzzjoni malajr għal din is-sitwazzjoni deskritta bħala li kienet saret insopportabbli.

5      Fit‑22 u 23 ta’ Ottubru 2012, il-kap tad-diviżjoni ‘Finanzi, Kuntratti u Awditjar’ tad-Direttorat ‘[Politika tal-V]iċinat’ tad-DĠ Żvilupp u Kooperazzjoni li fiha kien jappartjeni r-rikorrent (iktar ’il quddiem il-‘kap tad-diviżjoni tar-rikorrent’) mar fuq missjoni tad-delegazzjoni u ltaqa’ mal-kollegi tal-persuna kkonċernata, peress li din kienet assenti.

6      Fil‑25 ta’ Ottubru 2012, inżammet laqgħa fi Brussell, fil-preżenza b’mod partikolari tal-kap tad-diviżjoni tar-rikorrent u tar-rikorrent stess, li kienet iddedikata għall-aġir ta’ dan tal-aħħar u għall-problemi ta’ komunikazzjoni bejn id-diviżjonijiet ‘Finanzi, Kuntratti u Awditjar’ u ‘Operazzjonijiet’ fi ħdan id-delegazzjoni.

7      Fid‑9 ta’ Novembru 2013, ir-rappreżentant[a] tal-persunal bagħtet posta elettronika lill-kap tad-diviżjoni tar-rikorrent sabiex tilmenta li l-aġir tar-rikorrent kien kompla jiggrava. Skont ir-rappreżentant[a] tal-persunal, ir-rikorrent issa kien akkuża lill-membri tal-persunal li tkellmu mal-kap tad-diviżjoni waqt il-missjoni tat‑22 u 23 ta’ Ottubru 2012. Fl-istess posta elettronika, ir-rappreżentant[a] tal-persunal talbet li tittieħed miżura preventiva biex il-membri tal-persunal ikunu protetti minn kull fastidju.

8      Permezz ta’ diversi posta elettronika tal-kap tad-delegazzjoni u tal-Viċi Direttur Ġenerali tad-DĠ ‘Żvilupp u kooperazzjoni’ tat‑12 ta’ Novembru 2012, kif ukoll tal-kap tad-diviżjoni tat‑13 ta’ Novembru sussegwenti, ir-rikorrent ġie mwissi dwar in-natura mhux xierqa tal-aġir tiegħu u fir-rigward tal-problemi ta’ komunikazzjoni li d-diviżjoni tiegħu u huwa stess kienu qegħdin jikkawżaw. Skont is-superjuri tar-rikorrent, dawn id-diffikultajiet kienu qegħdin jaffettwaw ix-xogħol tad-delegazzjoni u r-relazzjonijiet politiċi li l-Unjoni kellha fir-reġjun.

9      Fl‑20 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent ġie informat telefonikament bl-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu u rċieva posta elettronika tal-kap tad-diviżjoni ‘Riżorsi Umani fid-Delegazzjonijiet’ tad-DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni’ li ‘kkonferma[tlu] l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu fis-sede, mad-DĠ oriġinali [tiegħu], id-DĠ ‘Mobbiltà]’. L-istess posta elettronika ppreċiżat li ‘[f]i ftit jiem oħra, iż-żmien meħtieġ biex jiġu ffinalizzati l-proċeduri[,] [huwa kien] ser jirċievi notifika uffiċjali’ u stednitu jieħu l-kumplament tal-leave qabel tmiem is-sena, ħaġa li kellha ‘twasslu biex daqt iħalli id-delegazzjoni’.

10      Permezz ta’ posta elettronika tat‑28 u 29 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent talab, rispettivament, lill-kap tad-delegazzjoni tiegħu u lill-kap tad-diviżjoni tiegħu biex jibagħtulu lista preċiża tal-fatti li għalihom kienu qegħdin jagħmlu riferiment fil-posta elettronika tagħhom tat‑12 u tat-13 ta’ Novembru preċedenti sabiex ikun jista’ jirrispondi għalihom.

11      Fl‑4 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent informa lill-kap tad-diviżjoni ‘Riżorsi Umani fid-Delegazzjonijiet’ tad-DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni’ li huwa kien qiegħed iħejji għat-tluq tiegħu, imma li huwa kien għadu ma rċeviex in-notifika uffiċjali tad-deċiżjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid imsemmija fil-posta elettronika tiegħu tal‑20 ta’ Novembru 2012, minkejja li kellu jlesti l-formalitajiet għar-rilokazzjoni tiegħu.

12      Fis‑6 ta’ Diċembru 2012, il-kap tad-delegazzjoni rrisponda għall-posta elettronika tar-rikorrent tat‑28 ta’ Novembru preċedenti fejn għarrfu li l-problemi li huwa kien semma kienu rikorrenti u li huwa ma setax jieħu nota tagħhom kull darba li huwa rċieva lment li jikkonċernah.

13      Fl‑10 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent talab, mill-ġdid, lill-kap tad-delegazzjoni biex jipprovdilu l-provi li jikkorroboraw l-akkużi li huwa għamillu. Fit‑12 ta’ Diċembru sussegwenti, il-kap tad-delegazzjoni stiednu biex, għal kull komunikazzjoni oħra, imur għand id-dipartiment tar-riżorsi umani kompetenti.

14      Fl‑20 ta’ Diċembru 2012, membru tal-persunal tad-diviżjoni ‘Ġestjoni tal-Karriera u tal-Prestazzjoni’ tad-DĠ ‘Riżorsi Umani u Sigurtà’ bagħat posta elettronika lir-rikorrent fejn informah li l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu mad-‘DĠ [u] diviżjoni: MOVE.SRD (Brussell)’, jiġifieri mad-DĠ ‘Mobbiltà’, ‘[kienet] ġiet approvata’ mill-kap tat-tim ‘Moviment tal-persunal’ tad-diviżjoni ‘Ġestjoni tal-karriera u tal-prestazzjoni’ fil-kwalità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra fid-data tad‑19 ta’ Diċembru 2012, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013. L-awtur tal-posta elettronika ppreċiża wkoll li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kellha bħala bażi legali l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli […], li ‘dan il-moviment [kien] irreġistrat u [seta’] jiġi kkonsultat [permezz tas-sistema tal-informatika tal-ġestjoni tal-persunal imsejjaħ] ‘Sys[p]er 2’, li kopja tal-imsemmija posta elettronika kienet ser tiddaħħal fil-fajl tar-rikorrent u li ‘ma kienet ser issir ebda skrittura fuq karta’”.

7        B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent ġie promoss għall-grad AD 12 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013.

8        Fis‑16 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent ġie assenjat mar-rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Londra (ir-Renju Unit).

9        Permezz tas-sentenza F‑96/13, li ngħatat fil‑15 ta’ April 2015, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

10      Fil‑15 ta’ Ottubru 2015, wara diversi skambji bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent, inżammet laqgħa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza F‑96/13 bejn il-kap tad-diviżjoni “Ġestjoni tal-karriera u tal-prestazzjoni” tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“diviżjoni DĠ RU.B4”) u r-rikorrent, fil-preżenza wkoll tal-avukat tiegħu u ta’ żewġ kapijiet ta’ diviżjoni (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015”).

11      Matul din il-laqgħa, il-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 informat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha, bħala l-Awtorità tal-Ħatra, li tordna, biex teżegwixxi s-sentenza F‑96/13, l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża b’mod retroattiv. Hija spjegat li l-għan tal-laqgħa kien li tagħti lir-rikorrent il-possibbiltà li jressaq il-kummenti tiegħu qabel ma hija tieħu din id-deċiżjoni.

12      Il-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 għamlet riferiment għall-fajl ta’ dak iż-żmien li kien juri, fil-fehma tagħha, kondotta mhux xierqa tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, waqt il-laqgħa ssemmiet ċerta posta elettronika bid-data tas‑27 ta’ Lulju 2012, tat‑18 ta’ Settembru 2012, tat‑3, 5 u 14 ta’ Ottubru 2012 u tat‑12 u 13 ta’ Novembru 2012.

13      Ir-rikorrent tkellem dwar il-kuntest ta’ din il-posta elettronika. Huwa spjega wkoll ir-rapport li huwa għamel lis-superjuri tiegħu fit‑3 ta’ Ottubru 2012 li jikkonċerna l-organizzazzjoni internazzjonali msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Huwa indika wkoll li, bejn it‑13 u l‑20 ta’ Novembru 2012, kienu seħħew ġrajjiet, li kien għadu ma jafx x’kienu, li wasslu lill-amministrazzjoni tordna l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża. Fil-fehma tiegħu, kien hemm konnessjoni, li għandha tiġi investigata, bejn din l-assenjazzjoni mill-ġdid u r-rapport tiegħu. Ir-raġunijiet invokati mill-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 kienu ġew meqjusa insuffiċjenti fis-sentenza F‑96/13.

14      Fit‑22 ta’ Diċembru 2015, il-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 ordnat l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem it-“it-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

15      Biex tiġġustifika din id-deċiżjoni, il-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 kkonstatat “sitwazzjoni ta’ komunikazzjoni estremament tensa” bejn ir-rikorrent u l-kollegi tiegħu kemm fid-delegazzjoni kif ukoll fis-sede, ħaġa li setgħet, fil-fehma tagħha, tkun tali li taffettwa b’mod sostanzjali l-funzjonament tajjeb tad-delegazzjoni. F’dan ir-rigward, hija għamlet espressament riferiment għall-posta elettronika bid-data tat‑18 ta’ Settembru sat‑13 ta’ Novembru 2012 li kienu ġew ippreżentati mill-amministrazzjoni lir-rikorrent waqt il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, fejn iċċitat xi siltiet.

16      Ir-rikorrent ikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. B’sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, PL vs Il‑Kummissjoni (T‑689/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑689/16”, mhux ippubblikata, EU:T:2018:925), din id-deċiżjoni ġiet annullata, minħabba li kienet ġiet adottata minn awtorità li ma għandhiex kompetenza, fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija lir-rikorrent mill-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) fil-kwalità tiegħu ta’ informatur.

17      Wara dan l-annullament, l-aġent kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 reġa’ adotta l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2019, b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni ta’ assenzjazzjoni mill-ġdid”).

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑18 ta’ Mejju 2020 (Kawża T‑308/20), ir-rikorrent talab l-annullament tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att.

19      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2020, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“direttriċi ġenerali tad-DĠ RU”) informat lir-rikorrent bir-rieda tagħha li tirtira t-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u li tissostitwixxiha b’deċiżjoni ġdida meħuda minnha stess, fil-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra. Hija ppreċiżat li din id-deċiżjoni kienet ser tirrigwarda l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2013. Id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU stiednet lir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

20      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrent talab lid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU biex tippreċiża r-raġunijiet li kienu wassluha tikkunsidra li l-aġent kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 ma kienx l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti biex tiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu. Premess illi, fid-dawl tal-irtirar imħabbar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, huwa bbenefika dejjem mill-istatus ta’ informatur, huwa sostna li d-deċiżjoni l-ġdida kellha tiġi adottata b’osservanza tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, huwa osserva li l-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ikollu riperkussjonijiet fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat fil-kawża T‑308/20. Finalment, huwa talab lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq dawn it-talbiet.

21      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2020, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU indikat li, fid-dawl tal-motivi tas-sentenza T‑689/16, kien jidher li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid setgħet tittieħed minnha biss. Din tal-aħħar ippreċiżat ukoll li l-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kien intiż li jimplimenta din is-sentenza bl-iktar mod inkontestabbli possibbli, mingħajr ma tistenna l-eżitu tal-proċedura mibdija fil-kuntest tal-Kawża T‑308/20. Għal dan il-għan, hija tenniet l-istedina tagħha lir-rikorrent biex jippreżenta l-osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni kkontemplata, imsemmija fl-ittra tas‑27 ta’ Lulju 2020.

22      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent fakkar iċ-ċirkustanzi li fihom kienet ittieħdet l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. B’mod partikolari, din l-assenjazzjoni mill-ġdid tħabbret lilu fl‑20 ta’ Novembru 2012, jiġifieri inqas minn xahar wara l-komunikazzjoni lis-superjuri tiegħu bil-possibbli irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-programm [kunfidenzjali], bit-tħassib tiegħu dwar l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni titolari ta’ diversi kuntratti konklużi mad-DĠ “Żvilupp u Kooperazzjoni – EuropeAid” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Żvilupp u Kooperazzjoni’”), bil-mistoqsijiet tiegħu dwar ir-riskji ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta mill-konnessjoni ta’ ċerti membri tal-persunal lokali u kuntrattwali tad-delegazzjoni ma’ din l-organizzazzjoni u bis-suspetti ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni, minn din l-organizzazzjoni, tal-proġett [kunfidenzjali]. Ir-rikorrent fakkar ukoll ir-raġunijiet li wasslu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, billi għamel riferiment għall-punti 66 u 67 tas-sentenza F‑96/13. Huwa sostna wkoll li, matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ma pprovdietx elementi ġodda, u lanqas ma ppreċiżat ebda lment li kien seħħ wara t‑13 ta’ Novembru 2012. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma setax jinvoka utilment l-osservazzjonijiet tiegħu. Ir-rikorrent fakkar ukoll li, sa mill‑10 ta’ Jannar 2016, huwa kien talab li jinstema’ mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU fuq is-sitwazzjoni tiegħu, ikkaratterizzata b’seba’ assenjazzjonijiet mill-ġdid b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013 fl-interess tad-dipartiment, għal impjiegi maħluqin b’mod speċjali għal dan il-għan u mneħħija wara t-tluq tiegħu. It-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienet adottata wkoll mingħajr ma r-rikorrent seta’ jippreżenta utilment l-osservazzjonijiet tiegħu. Kieku, kif kienet ħabbret id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, din id-deċiżjoni kellha tiġi sussegwentement rtirata, ikun l-obbligu tal-Kummissjoni mbagħad li tindika lir-rikorrent il-motivi preċiżi għall-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża biex jippermettilu li jippreżenta utilment l-osservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni jkollha tiżgura wkoll li d-deċiżjoni l-ġdida tittieħed b’osservanza tad-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw l-istatus ta’ informatur tiegħu. Meħuda inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kawża, li tmur lura għall-2012, ir-rikorrent talab li jkun milqugħ mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU sabiex jeżamina, għall-ewwel b’mod informali, l-elementi tali li jwaqqfu din is-sitwazzjoni.

23      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2020, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU indikat lir-rikorrent li huwa kellu l-elementi rilevanti kollha li jippermettulu jeżerċita utilment id-dritt għal smigħ tiegħu. F’dan ir-rigward, hija semmiet il-minuti tal-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015 magħmula mill-amministrazzjoni u mir-rikorrent, li minnhom jirriżultaw, fil-fehma tagħha, il-motivi meħudin inkunsiderazzjoni mill-kap tad-diviżjoni DG RU.B4 biex tadotta t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU fakkret li din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba biss il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħha. Għaldaqstant, hija stiednet lir-rikorrent sabiex jibgħatilha l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien ġimagħtejn u jannetti l-minuti mal-ittra. Fuq kollox, hija kkomunikat lir-rikorrent id-deċiżjoni tal-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Hija ppreċiżat li l-irtirar kien intiż li jwaqqaf l-irregolarità eżistenti marbuta man-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni u li dan l-irtirar kien ser ikun segwit bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent, wara li tisimgħu.

24      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent sostna li, kif jirriżulta mill-punti 60, 61 u 66 tas-sentenza F‑96/13, is-superjuri tiegħu kienu lmentaw dwar l-aġir tiegħu wara t‑13 ta’ Novembru 2012 li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jikkontesta. L-avvenimenti sussegwenti għal din id-data ma ġewx iċċarati waqt il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, li matulha l-Kummissjoni jidher li llimitat ruħha biex terġa’ taqra l-iskambji ta’ posta elettronika li seħħet bejn ir-rikorrenti u l-kap tad-delegazzjoni, minn naħa, u mal-kap tad-diviżjoni tiegħu fid-DĠ “Żvilupp u Kooperazzjoni”, min-naħa l-oħra. Ir-rikorrent fakkar li huwa kien talab, mingħajr suċċess, li jkollu aċċess għal nota bit-timbru tas-26 ta’ Novembru 2012 indirizzata lill-membri tal-Kummissjoni għall-Ġestjoni tar-Riżorsi fid-Delegazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“Comdel”) dwaru kif ukoll għad-dokumenti kollha li jirrigwardawh u, b’mod iktar partikolari, dawk trażmessi fl-2012 mid-DĠ “Żvilupp u Kooperazzjoni” lid-diviżjoni legali tal-Kummissjoni u għal dawk id-dokumenti miżmuma minn din tal-aħħar. Skont ir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda b’mod definittiv li l-motivi ta’ qabel it‑13 ta’ Novembru 2012 ma setgħux jimmotivaw legalment l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża. Fil-fehma tiegħu, l-informazzjoni li huwa kien ipprovda lis-superjuri tiegħu, mingħajr reazzjoni min-naħa tagħhom, kienet ġiet ikkomunikata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li kien sejjaħlu f’erba’ okkażjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawn l-istess elementi, il-Kummissjoni annullat il-kuntratti kollha ta’ ġestjoni indiretta konklużi mal-organizzazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-programm [kunfidenzjali]. Dawn l-istess elementi wasslu lill-kap tal-missjoni ta’ awditu tal-Qorti tal-Awdituri sabiex isemmi espressament, matul laqgħa minnhom, il-korruzzjoni, il-frodi, in-nepotiżmu u l-kollużjoni. Bħala kap tad-diviżjoni “Finanzi, Kuntratti u Awditu” fid-delegazzjoni, ir-rikorrent kien marbut jieħu l-miżuri tali li jippreżervaw l-interessi tal-Unjoni. Il-motivi ta’ eventwali deċiżjoni ġdida ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li, fil-fehma tiegħu, ma jidhrux fl-ittra tas‑27 ta’ Lulju 2020, kellhom għaldaqstant ikunu oġġettivi, ċari u preċiżi biex jippermettulu jikkontestahom waqt smigħ mal-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, li huwa talab bħala informatur, sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u jirripristina l-unur u d-dinjità professjonali tiegħu.

25      Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Novembru 2020, PL vs Il‑Kummissjoni (T‑308/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:571), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra t-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kien sar bla skop wara li ġie rtirat. Il-Kummissjoni ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż tal-istanza, peress li tqies li, bil-fatt tal-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, hija kienet impliċitament irrikonoxxiet li l-proċedura ta’ adozzjoni tagħha ma kinitx eżentata mill-kritika.

26      Permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent tenna quddiem id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU t-talba tiegħu għal smigħ waqt laqgħa.

27      Fis‑16 ta’ Frar 2021, id-direttriċi ġenerali tad-DG RU adottat id-deċiżjoni kkontestata.

28      Fl-ewwel tliet premessi tad-deċiżjoni kkontestata, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU indikat li d-diversi skritturi skambjati fl‑2012 bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu, kemm jekk mad-DĠ “Żvilupp u Kooperazzjoni” fi Brussell (il-Belġju) jew mad-delegazzjoni, kienu jirreferu għal “sitwazzjoni fir-relazzjonijiet […] li kull ma jmur qiegħda ssir iktar intollerabbli” u li, bil-għan li tiġi kkalmata s-sitwazzjoni fi ħdan id-delegazzjoni, kien meħtieġ li tittieħed id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, peress li l-amministrazzjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha.

29      Id-direttriċi ġenerali tad-DG RU fakkret sussegwentement il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tal-ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u r-raġunijiet li ġġustifikaw, skont il-każ, l-annullament tagħhom mill-qorti tal-Unjoni jew l-irtirar tagħhom mill-Kummissjoni.

30      Fil-premessa tnax tad-deċiżjoni kkontestata, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kkunsidrat li r-rikorrent kien ibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal u li, konsegwentement, hija kienet l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża.

31      Wara li qieset li r-rikorrent seta’ jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu fil-kuntest tal-iskambji deskritti fil-punti 19 sa 24 iktar ’il fuq, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU indikat, fl-aħħar premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li kien meħtieġ li “tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni amministrattiva” tar-rikorrent b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Jannar 2013, billi tiġi adottata deċiżjoni ġdida bl-istess kontenut bħat-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u bbażata fuq l-istess motivi, esposti fl-ewwel tliet premessi tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Fil-posta elettronika li fiha ntbagħtet id-deċiżjoni kkontestata, bid-data tas‑16 ta’ Frar 2021 wkoll, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU indikat lir-rikorrent li, matul is-snin ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa kellu suffiċjentement l-opportunità li jesprimi l-fehma tiegħu fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża u r-raġunijiet li kienu jiġġustifikawha, b’mod li ma kienx jidhrilha meħtieġ li tinżamm laqgħa bilaterali bejnha u bejnu.

33      Fis‑17 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrent ippreżenta lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kkontestata, fejn talab, b’mod partikolari, l-irtirar tagħha, l-annullament tad-deċiżjonijiet kollha l-oħra li ttieħdu fil-konfront tiegħu mill-awtoritajiet li ma għandhomx kompetenza fid-dawl tal-istatus tiegħu ta’ informatur u tat-tneħħija mis-sistema tal-informatika ta’ ġestjoni tal-persunal tal-Kummissjoni msejħa “Sysper 2” ta’ kull deċiżjoni amministrattiva oħra meħuda b’mod irregolari bejn l-2013 u l-2022 kif ukoll il-ħlas tal-ammonti ta’ EUR 100 000 u EUR 250 000 għall-allegati danni materjali u morali, rispettivament.

34      L-ilment tressaq permezz ta’ formola annessa, li rreferiet għall-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u kellha tintbagħat lid-diviżjoni “Appelli u Monitoraġġ tal-Każijiet” tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni DĠ RU.E2”) tal-Kummissjoni. Il-formola u l-ilment ġew akkumpanjati b’ittra tar-rikorrent, indirizzata lid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, li indikat li dan kien ilment ibbażat fuq l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-formola, l-ilment u l-ittra ntbagħtu flimkien permezz ta’ posta elettronika lid-diviżjoni DĠ RU.E2.

35      Permezz ta’ posta elettronika tal‑31 ta’ Mejju 2021, indirizzata lir-rikorrent, id-diviżjoni DG RU.E2 ikkonfermat li rċeviet il-posta tas‑17 ta’ Mejju 2021, filwaqt li rreferiet għall-ilment “ippreżentat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal” u annettiet dokument imsejjaħ “Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali”. Permezz ta’ din l-istess posta elettronika, ir-rikorrent ġie mistieden jippreżenta, jekk kien jidhirlu utli, kull dokument ġdid li jikkonċerna l-ilment tiegħu f’terminu ta’ ħmistax-il jum.

36      Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent talab lid-diviżjoni DG RU.E2 li ċerti aspetti tal-posta elettronika tal‑31 ta’ Mejju 2021 jiġu ċċarati, wara li tapprova dan id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU bħala l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Fl-ewwel lok, huwa osserva li l-ilment kien tressaq fuq il-bażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tieni lok, huwa talab li jingħatawlu r-regoli interni previsti mill-Awtorità tal-Ħatra għall-ipproċessar tal-ilmenti skont din id-dispożizzjoni. Fit-tielet lok, huwa talab li t-terminu ta’ ħmistax-il jum li ngħatalu biex jippreżenta kull dokument utli jkun sospiż sakemm tingħata risposta għat-talba għal kjarifika tiegħu. Barra minn hekk, huwa talab li tiġi osservata l-kunfidenzjalità ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal għal dan it-tip ta’ kawżi.

37      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Ġunju 2021, persuna mid-diviżjoni DĠ RU.E2 ippreċiżat li l-ilment imressaq mir-rikorrent fuq il-bażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal ser jiġi pproċessat minn din id-diviżjoni, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u skont kif jirriżulta mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 79‑2013, tad‑19 ta’ Diċembru 2013, li tikkonċerna l-preżentazzjoni ta’ talbiet skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-ilmenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-talbiet ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, trażmessi bħala anness magħha.

38      Permezz tad-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment, innotifikata lir-rikorrent fis‑16 ta’ Settembru 2021, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mir-riżorsi umani u mis-sigurtà (iktar ’il quddiem il-“membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU”), li jaġixxi fil-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra, laqa’ parzjalment l-ilment tar-rikorrent meta aċċetta li jirtira mill-fajl Sysper 2 it-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u r-referenzi kollha għall-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Il-kumplament tal-ilment ġie miċħud. Għal dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens ippreżentata fl-ilment, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU qiesha nieqsa mir-rabta mad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-allegat dannu rriżulta, fil-fehma tiegħu, minn suċċessjoni ta’ avvenimenti li seħħew mill‑2013. Konsegwentement, din il-parti tal-ilment ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU indika li huwa ma kienx l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti biex jipproċessa din it-talba u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet ser tingħata risposta għaliha f’deċiżjoni differenti.

II.    Ittalbiet talpartijiet

39      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn dan ikun neċessarju, id-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment;

–        tiddikjara u tinnota n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu miżuri għall-implimentazzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 b’konformità mar-raġunijiet tagħhom u l-ksur tal-awtorità ta’ res judicata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-dannu ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab kif ukoll EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Fiddritt

A.      Fuq issuġġett tarrikors

41      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, “sa fejn dan ikun neċessarju”, l-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment.

42      Skont il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta hija tikkonstata li dawn tal-aħħar ma għandhomx kontenut awtonomu u, fir-realtà, ma jistgħux jiġu sseparati minn dawk imressqa kontra d-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment ma humiex l-istess bħal dawk imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, insostenn tal-ewwel talbiet, ir-rikorrent jinvoka speċifikament ksur tal-garanziji mogħtija lill-informaturi mill-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ipproċessar tal-ilmenti li huma jressqu fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Minn naħa, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-ilment ma ġiex eżaminat minn Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Min-naħa l-oħra, insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv, huwa jafferma li ma ġiex żgurat l-ipproċessar singolari tal-ilment tiegħu, iggarantit mill-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal.

44      Madankollu, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jitlob l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni dwar ir-regolarità tal-proċedura tal-ilment, li għandha bħala skop li tippermetti u tiffavorixxi s-soluzzjoni bonarja tat-tilwim li jqum bejn uffiċjal u l-amministrazzjoni u li timponi fuq l-awtorità, li minnha jiddependi l-uffiċjal, li terġa’ teżamina d-deċiżjoni tagħha, b’konformità mar-regoli, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punti 143 sa 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata deċiżjoni mhux biss fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, imma wkoll fuq dawk li jirrigwardaw id-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment.

46      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, bit-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri biex teżegwixxi s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 b’mod konformi mar-raġunijiet tagħhom u l-ksur tal-awtorità ta’ res judicata.

47      B’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li t-tieni kap tat-talbiet tiegħu kien jirrigwarda waħda mill-illegalitajiet li fuqha kienet ibbażata t-talba għall-kumpens magħmula fit-tielet kap tat-talbiet tiegħu.

48      Għaldaqstant, jeħtieġ li t-tieni u t-tielet kap tat-talbiet jiġu interpretati flimkien bħala li huma kap wieħed ta’ talbiet, intiżi għal kumpens.

B.      Fuq ittalbiet għal annullament

49      Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità amministrattiva li ċaħdet l-ilment;

–        it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tal-awtorità ta’ res judicata u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ użu ħażin ta’ proċedura, ta’ ksur tal-garanziji proċedurali tiegħu kif ukoll tad-dritt għal smigħ b’mod effettiv u skont l-għan imfittex minn dan id-dritt;

–        it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dmir ta’ assistenza u tad-dmir ta’ premura fil-kuntest tal-proċedura għall-assenjazzjoni mill-ġdid, tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-protezzjoni mogħtija lill-informaturi, tad-dmir ta’ diliġenza, ta’ newtralità, ta’ imparzjalità, ta’ oġġettività, tad-dritt tiegħu għal ipproċessar ġust tal-fajl tiegħu mill-amministrazzjoni u tal-aspettattivi leġittimi tiegħu kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ proċedura.

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

50      B’mod preliminari, jeħtieġ li jitfakkru l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni meta hija tiddeċiedi li tassenja mill-ġdid xi uffiċjal.

51      Id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid huma suġġetti, għal dak li jikkonċerna s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-uffiċjali kkonċernati, għar-regoli tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr ma tagħti każ in-nazzjonalità, tassenja kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu li tikkorrispondi mal-grad tiegħu.

52      F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom skont il-missjonijiet li jiġu fdati lilhom u, fid-dawl ta’ dawn, fl-assenjazzjoni tal-persunal li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, minn naħa, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, li hija tosserva l-ekwivalenza bejn il-grad u l-impjieg (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, C‑539/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:840, punt 44).

53      Id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet interni, meta dawn jikkawżaw tensjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb ta’ xi servizz, jistgħu jiġġustifikaw l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz, mingħajr il-kunsens tal-uffiċjal ikkonċernat, a fortiori meta dan is-servizz ikun fdat b’missjonijiet diplomatiċi. Tali miżura tista’ tittieħed ukoll indipendentement mill-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-inċidenti inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Paesen vs SEAE, T‑88/21, EU:T:2022:631, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Peress li r-rikorrent tqies bħala informatur bona fide fis-sens tal-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ ukoll li jitfakkru l-garanziji li minnhom huwa bbenefika fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tingħata, mingħajr ebda formalità, lill-uffiċjali li jkunu taw informazzjoni bona fide fuq fatti li jagħtu lil wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ attività illegali, u dan għas-sempliċi fatt li jkun ipprovda l-imsemmija informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, AN vs Il‑Kummissjoni, T‑512/13 P, EU:T:2014:1073, punti 30 u 31).

56      Il-fatt li deċiżjoni sfavorevoli għal uffiċjal jew membru tal-persunal tiġi, kronoloġikament, wara l-komunikazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jwassal lill-Qorti Ġenerali, meta tkun adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni, biex teżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’viġilanza partikolari. Madankollu għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni ma toffrix lill-uffiċjal protezzjoni kontra kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalu preġudizzju, imma biss kontra d-deċiżjonijiet marbutin mar-rapporti magħmulin minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑692/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:894, punti 109 u 110).

57      Għal dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, il-punt 3 tal-Komunikazzjoni SEC(2012) 679 finali tal-Viċi President Šefčovič lill-Kummissjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2012 fuq il-Linji Gwida dwar l-Iżvelar ta’ Informazzjoni Protetta (whistleblowing) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-informaturi”) jippreċiża li hija l-persuna li tieħu miżura sfavorevoli kontra l-informatur li għandha l-obbligu li tistabbilixxi li din il-miżura kienet motivata minn raġunijiet li ma humiex l-iżvelar tal-informazzjoni protetta.

58      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni li tistabbilixxi r-regoli interni li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-informazzjoni pprovduta lill-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ipproċessar tal-fatti rrapportati minnhom, il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tiegħu u l-ħajja privata tagħhom kif ukoll il-proċedura tal-ipproċessar tal-ilmenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu ttrattati b’mod kunfidenzjali u, meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, qabel l-iskadenza tat-termini imposti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

59      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi mressqa mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni li tiċħad parzjalment l-ilment.

2.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ kompetenza talawtorità amministrattiva li ċaħdet l-ilment

60      Ir-rikorrent jikkontesta l-kompetenza tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU biex jiċħad l-ilment tiegħu, li huwa ressaq, skontu, taħt l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux taħt l-Artikolu 90(2) tal-imsemmi Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrent, ebda dispożizzjoni ma tippermetti li tiġi rikonoxxuta din il-kompetenza. Barra minn hekk, din il-kompetenza ma ġietx irrikonoxxuta mir-rikorrent fl-ilment tiegħu. Fir-replika, ir-rikorrent iżid jgħid li hija d-diviżjoni DĠ RU.E2 li pproċessat dan l-ilment, peress li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU sempliċement iffirmaha. Madankollu, din id-delega jew appoġġ amministrattiv ma huwiex previst mid-dritt applikabbli.

61      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent bħala li huma kemm inammissibbli minħabba li tardivi, kif ukoll infondati.

62      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, mingħajr delega, mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU bħala l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, skont ir-regoli mfakkra fil-punti 47 u 48 tas-sentenza T‑689/16.

63      Issa, skont il-punt 12 tat-Tabella V tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kumissjoni (2013) 3288, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti ta’ impieg (AATK), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9864, tas‑16 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Awtorità tal-Ħatra/AATK tal-Kummissjoni”), l-ilmenti mressqa kontra deċiżjonijiet meħudin fil-konfront tal-uffiċjali fil-gradi kollha jiġu normalment ippreżentati quddiem id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU. Madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 li tirreferi għall-punt 12 tat-tabella tipprevedi li, jekk id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU tkun adottat deċiżjoni mingħajr delega ta’ poter, kif inhu dan il-każ (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), ir-risposta għall-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni għandha tingħata mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU.

64      Ċertament, il-punt 12 tat-Tabella V tal-Anness I tad-Deċiżjoni Awtorità tal-Ħatra/AATK tal-Kummissjoni jirrigwarda l-ilmenti bbażati fuq l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li r-rikorrent jinvoka wkoll l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal.

65      Madankollu, l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi huwa stess għall-ilmenti li jitressqu minn uffiċjali li jikkonċernaw il-mod li bih huma ġew ittrattati wara jew minħabba li huma wettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn jirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU kellu kompetenza biex jiddeċiedi fuq l-ilment tar-rikorrent.

67      Għal dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-ipproċessar tal-ilment tiegħu mid-diviżjoni DĠ RU.E2, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, la d-deċiżjoni Awtorità tal-Ħatra/AATK tal-Kummissjoni, u lanqas il-Linji Gwida dwar l-informaturi ma jipprekludu lil din id-diviżjoni milli tappoġġja lill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma pproduċa ebda element tali li jipprova l-argument tiegħu li jgħid li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU sempliċement iffirma l-abbozz ta’ deċiżjoni propost mid-dipartimenti tiegħu. Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata n-natura tardiva tagħhom, jeħtieġ li dawn l-ilmenti jiġu kkunsidrati bħala infondati.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 266 TFUE, talawtorità ta’ res judicata u talprinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ użu ħażin ta’ proċedura u ta’ ksur talgaranziji proċedurali kif ukoll taddritt għal smigħ

69      It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

70      L-ewwel parti hija bbażata fuq “ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ, fuq l-assenza ta’ investigazzjoni amministrattiva, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tat-terminu raġonevoli”.

71      It-tieni u t-tielet parti, li l-Qorti Ġenerali ser teżamina b’mod konġunt, huma bbażati, essenzjalment, fuq diversi istanzi ta’ ksur li jikkonċernaw il-mod li bihom ġew eżegwiti s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 mill-Kummissjoni.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur taddrittijiet taddifiża u taddritt għal smigħ, fuq lassenza ta’ investigazzjoni amministrattiva, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, talprinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għallpartijiet, talArtikolu 41 talKarta tadDrittijiet Fundamentali talUnjoni Ewropea u taddritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tatterminu raġonevoli

72      B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi rrilevat, l-istess kif tirrileva l-Kummissjoni, li, fit-titolu ta’ din il-parti, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-opportunitajiet ugwali, li huma speċifiċi għad-drittijiet tad-difiża, li jissemmew ukoll. Madankollu, dawn l-ilmenti ma humiex sussegwentement żviluppati. Issa, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Peress li r-rikors, għal dak li jirrigwarda dawn l-ilmenti, ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

73      Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent iressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, tad-dritt għal smigħ tiegħu u, t-tieni nett, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fl-assenza ta’ investigazzjoni amministrattiva u minħabba l-qbiż ta’ żmien raġonevoli.

1)      Fuq ilksur taddritt għal smigħ

74      Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrent isostni li l-ewwel tliet premessi tad-deċiżjoni kkontestata fihom interpretazzjoni retroattiva tal-fatti li ma tinsabx fl-ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u li fir-rigward tagħha huwa ma nstemax. Barra minn hekk, ma ġiex informat qabel id-deċiżjoni kkontestata bil-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni xi skambji li seħħew mas-superjuri tiegħu fl-2012.

75      Ir-rikorrent iżid jgħid li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU rrifjutat li torganizza laqgħa miegħu, filwaqt li l-Kummissjoni kienet affermat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża T‑308/20 li d-deċiżjoni kkontestata kienet ser tiġi adottata wara li tkun debitament semgħetu. Skont ir-rikorrent, matul din il-laqgħa, huwa seta’, għall-ewwel darba, jinstema’ mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fuq ir-rabta bejn l-informazzjoni li huwa kien ikkomunika skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, li kienet sensittiva u kunfidenzjali fir-rigward tas-servizzi, u l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, mitluba mis-superjuri preċedenti tiegħu lid-delegazzjoni, suġġetta għall-investigazzjoni mill-OLAF, b’ritaljazzjoni pura.

76      Madankollu, flok semgħet lir-rikorrent f’laqgħa bilaterali, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni l-iskambji li seħħew fl-2015 bejn ir-rikorrent u l-amministrazzjoni, fir-rigward tal-akkużi tas-superjuri tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura li matulha huwa ma setax jibbenefika mill-garanziji mogħtija mill-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, f’termini ta’ kunfidenzjalità, quddiem Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Ir-rikorrent lanqas ma seta’ jibbenefika minn dawn il-garanziji fil-kuntest tal-iskambji li seħħew mal-amministrazzjoni immedjatament wara li ġiet irtirata t-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

77      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li huwa ma setax ikollu smigħ utli kważi disa’ snin wara l-fatti inkwistjoni.

78      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda.

79      F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jitfakkar li l-kontenut tad-dritt fundamentali għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni, ħaġa li hija tali li tiggarantixxi, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni tikkostitwixxi r-riżultat ta’ bbilanċjar xieraq bejn l-interess tas-servizz u l-interess personali tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑692/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:894, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, fil-kwalità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra, kellha tieħu deċiżjoni biex teżegwixxi s-sentenzi ta’ annullament, li tmur lura għad-data li fiha kienet ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑692/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:894, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni tista’ tittieħed biss b’rispett tad-dritt għal smigħ, fejn il-persuna kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli dwar il-miżura prevista, fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mibdi mill-amministrazzjoni u li l-prova tiegħu taqa’ fuq din tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Jeħtieġ li jiġi osservat li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ġiet ikkonstatata mill-qorti tal-Unjoni fis-sentenza F‑96/13 fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 6 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li għalkemm ir-rikorrent ma setax, fl-2012, jinjora l-perċezzjoni negattiva tal-aġir tiegħu mill-kollegi tiegħu u mis-superjuri tiegħu, il-konsegwenza kkontemplata mill-Awtorità tal-Ħatra, jiġifieri l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, ma kinitx ġiet esposta qabel l-adozzjoni ta’ din l-ewwel deċiżjoni, mingħajr ma huwa seta’ għaldaqstant jagħti l-fehma tiegħu. Barra minn hekk, skont il-qorti tal-Unjoni, mill-proċess irriżulta li s-superjuri tar-rikorrent kienu kkritikaw l-aġir tiegħu wara t‑13 ta’ Novembru 2012, kritika li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jikkontesta.

83      Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata fl-istess ċirkustanzi.

84      Fil-fatt, matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Diċembru 2015, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ġie b’mod partikolari indikat lir-rikorrent li l-elementi li jinsabu f’sensiela ta’ posta elettronika bid-data ta’ bejn it‑18 ta’ Settembru sat‑13 ta’ Novembru 2012 kienu suxxettibbli li jiġġustifikaw l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża. Ebda element sussegwenti għal din id-data ma ġie enfasizzat mill-Kummissjoni. Kif jirriżulta mill-minuti ddettaljati ta’ din il-laqgħa, ir-rikorrent seta’ jesprimi l-fehma tiegħu fuq dawn l-elementi u jispjega l-kuntest li fihom kienet intbagħtet il-posta elettronika, li kienet tinkludi s-suspetti tiegħu dwar l-organizzazzjoni msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u l-informazzjoni li huwa kien ikkomunika lis-superjuri tiegħu sa mit‑3 ta’ Ottubru 2012.

85      Fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU ħadet inkunsiderazzjoni l-minuti ta’ dawn il-laqgħat, li matulhom ir-rikorrent kien ta l-fehma tiegħu. Barra minn hekk, wara li ħabbret l-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU stiednet lir-rikorrent, fi tliet okkażjonijiet, biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq is-suġġett tal-kuntest li fih kienu ġew adottati l-ewwel u t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u li kienu jirriżultaw, fil-fehma tagħha, minn dawn il-minuti.

86      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-dritt għal smigħ imfakkar fil-punt 79 iktar ’il fuq ġie rrispettat.

87      L-argumenti tar-rikorrent ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

88      Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, l-ewwel tliet premessi tad-deċiżjoni kkontestata ma fihomx interpretazzjoni ġdida retroattiva tal-fatti kontenzjużi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar premessa ta’ din id-deċiżjoni, dawn it-tliet premessi huma limitati biex jirriproduċu, essenzjalment, il-kontenut tat-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid deskritt fil-punt 15 iktar ’il fuq.

89      Fit-tieni lok, fl-ittra tagħha tad‑9 ta’ Ottubru 2020, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kkomunikat lir-rikorrent il-minuti tal-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, li jsemmu l-iskambji ta’ posta elettronika li seħħet bejnu u s-superjuri tiegħu. Minn din l-ittra jirriżulta, essenzjalment, li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kienet intenzjonata tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jinsabu fil-minuti, li fuqhom hija stiednet lir-rikorrent jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

90      Fit-tielet lok, kif jirriżulta mid-digriet tal‑25 ta’ Novembru 2020, PL vs Il‑Kummissjoni (T‑308/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:571), il-Kummissjoni ċertament ippreċiżat quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet fi ħsiebha li tisma’ lir-rikorrent wara l-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 iktar ’il fuq, l-osservanza tad-dritt għal smigħ ma jeżiġix li l-persuna kkonċernata tagħti l-fehma tagħha matul xi laqgħa, peress li l-osservazzjonijiet tagħha jistgħu jinġabru fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub, kif kien il-każ hawnhekk.

91      Fir-raba’ lok, huwa minnu li, fil-kwalità tiegħu ta’ informatur, ir-rikorrent instema’ matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015 minn Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, l-elementi diskussi matul din il-laqgħa ġew deskritti b’mod iddettaljat fiż-żewġ dokumenti tal-minuti, li wieħed minnhom ġie miktub mir-rikorrent stess. Għaldaqstant, dawn il-minuti setgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU għall-iskopijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, wara li tat lir-rikorrent il-possibbiltà li jżid elementi oħra.

92      Fil-ħames lok, kif issostni l-Kummissjoni, xejn ma pprekluda lir-rikorrent milli jagħmel, b’risposta għat-tliet talbiet tad-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, preċiżazzjonijiet fuq l-irregolaritajiet li huwa kien irrapporta meta kien jaħdem fi ħdan id-delegazzjoni tiegħu. Dawn ir-rapporti, fil-forma ta’ posta elettronika indirizzata lis-superjuri tiegħu, kienu diġà ssemmew matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015 u quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Kawżi F‑96/13 u T‑689/16. Barra minn hekk, l-osservanza tal-garanziji allegati mir-rikorrent li jikkonċernaw il-kwalità tiegħu ta’ informatur ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv.

93      Fl-aħħar lok, l-argument tar-rikorrent li jgħid li huwa ma setax jinstema’ utilment kważi disa’ snin wara l-fatti għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrent u l-Kummissjoni ilhom jikkorrispondu bil-miktub sa mill‑2013 fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, inkluż quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, minkejja ż-żmien li ddekorra, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jagħti utilment il-fehma tiegħu lid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU fuq iċ-ċirkustanzi li fihom kienet ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ilksur talArtikolu 41(1) talKarta flassenza ta’ investigazzjoni amministrattiva u minħabba lqbiż tatterminu raġonevoli

95      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU ppronunzjat ruħha fl‑2021 fuq is-sitwazzjoni tiegħu bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u s‑16 ta’ Jannar 2015, li hija d-data tal-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu mar-rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Londra, mingħajr ma d-dewmien jista’ jiġi raġonevolment u leġittimament iġġustifikat, bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta. Ir-rikorrent iżid jgħid li l-illegalitajiet suċċessivi tal-Kummissjoni ma jistgħux jilleġittimaw dan id-dewmien. Fil-fehma tiegħu, ma kienx possibbli li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tiegħu a posteriori u huwa kellu jiġi debitament ikkumpensat.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta, kien jeżiġi analiżi ddettaljata, effettiva u konkreta tal-elementi kollha, b’mod diliġenti, ħaġa li involviet, għall-Kummissjoni, li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa biex teżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħu, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kienet timponi fuq id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU li twettaq investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti, li seħħew disa’ snin ilu, flok tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq il-minuti tal-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, li nżammet minn Awtorità tal-Ħatra li ma għandhiex kompetenza, li matulha ssemmew ċerti skambji mhux kompluti bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu, ta’ qabel it‑13 ta’ Novembru 2012 u li saru bi ksur tar-regoli ta’ protezzjoni marbuta mal-istatus ta’ informatur.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni, fir-replika tiegħu, li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kellha tiġġestixxi l-fajl tiegħu waħidha, mingħajr l-assistenza tas-servizzi tagħha u li hija kellha turi li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża bl-ebda mod ma kienet tirriżulta, b’mod dirett jew indirett, mill-fatti li kienu wasslu għar-rikonoxximent tal-kwalità tiegħu bħala informatur. Is-superjur tiegħu kien persuna kkonċernata mill-fatti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni tal-OLAF marbuta mal-informazzjoni li huwa kien bagħat fil-kwalità tiegħu ta’ informatur.

98      Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-rikorrent jiġu miċħuda bħala li huma kemm inammissibbli peress li huma tardivi, u kif ukoll infondati.

99      Jeħtieġ li jiġu eżaminati qabelxejn it-tieni u t-tielet ilment tar-rikorrent, li jikkonċernaw il-mod li bih id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU eżaminat is-sitwazzjoni tiegħu, qabel ma jiġi eżaminat l-ewwel ilment, li jirrigwarda l-qbiż tat-terminu raġonevoli.

100    Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment tar-rikorrent, ibbażat fuq l-obbligu tad-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU li twettaq investigazzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-proċeduri amministrattivi jseħħu b’osservanza tal-garanziji mogħtija mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit mill-Artikolu 41 tal-Karta. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta’ kawża u li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha kif ukoll li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb u l-effikaċità tal-proċeduri li hija timplimenta (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, BP vs FRA, T‑888/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:493, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-każ, anki jekk il-fatti jmorru lura għall-2012, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kellha quddiemha l-elementi meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. B’mod partikolari, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-minuti ddettaljati tal-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015, li matulha s-sitwazzjoni fid-delegazzjoni kienet ġiet diskussa mar-rikorrent. Ċertament, kif ġie indikat fil-punt 91 iktar ’il fuq, din il-laqgħa żvolġiet quddiem Awtorità tal-Ħatra li ma għandhiex kompetenza. Madankollu, il-minuti jsemmu elementi preċiżi u oġġettivi, riprodotti fil-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li fuqhom ir-rikorrent ġie mistieden jagħti l-fehma tiegħu mill-ġdid mid-direttriċi ġenerali tad-DĠRU fid‑9 ta’ Ottubru 2020. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-Unjoni fis-sentenza F‑96/13 kienu jikkontribwixxu wkoll biex jiġu stabbiliti l-fatti kontenzjużi.

102    Għaldaqstant, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU ma tistax tiġi kkritikata li ma wettqitx investigazzjoni wara li ġiet irtirata t-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

103    Għal dak li jirrigwarda t-tielet ilment tar-rikorrent, imressaq fir-replika, li jgħid li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kellha tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr l-assistenza tas-servizzi tagħha, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata n-natura tardiva tiegħu, li dan ma huwiex ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, imma fuq il-ksur tal-garanziji li minnhom kien jibbenefika fil-kwalità tiegħu ta’ informatur. Dan l-ilment tressaq ukoll, essenzjalment, mir-rikorrent fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 22a u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod li ser jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

104    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment tar-rikorrent, ibbażat fuq il-qbiż tat-terminu raġonevoli fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li tiegħu l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza u li huwa adottat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, AV u AW vs Il‑Parlament, T‑173/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:535, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    In-natura raġonevoli tad-dewmien ta’ proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tad-diversi stadji proċedurali li l-istituzzjoni segwiet, tal-aġir tal-partijiet matul il-proċedura, tal-kumplessità kif ukoll tal-importanza tat-tilwima għad-diversi partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2020, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, EU:F:2010:99, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan il-każ, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża iktar minn tmien snin wara l-fatti inkwistjoni, issib spjegazzjoni prinċipalment fl-annullament tal-ewwel u t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u fl-irtirar mill-Kummissjoni tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

107    Kif tindika l-Kummissjoni, għaddew biss erba’ xhur bejn dan l-irtirar u d-deċiżjoni kkontestata.

108    Madankollu, kien biss l-aħħar stadju ta’ proċedura amministrattiva li kellu jerġa’ jsir, minħabba l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fit-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, biex tiġi eżegwita s-sentenza T‑689/16, mogħtija fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

109    Issa, id-dekorrenza ta’ termini ta’ iktar minn sentejn bejn is-sentenza T‑689/16, li l-eżekuzzjoni tagħha ma kinitx kumplessa, u d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex raġonevoli.

110    L-istess japplika għat-terminu ta’ iktar minn tmien snin li ddekorra bejn il-fatti inkwistjoni u d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fis‑16 ta’ Frar 2021 b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Jannar 2013.

111    Ċertament, dan id-dewmien huwa parzjalment dovut għall-interruzzjonijiet li seħħew minħabba l-istħarriġ ġudizzjarju u minħabba l-iskambji numerużi bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16.

112    Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta li l-irtirar tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid meħuda biex tiġi eżegwita s-sentenza T‑689/16 kien ikkontribwixxa biex jittawwal l-eżitu tal-proċedura amministrattiva. Issa, minħabba l-iżbalji suċċessivi mwettqa mill-Kummissjoni u kkonstatati fis-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16, din il-proċedura kienet diġà twila.

113    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata f’terminu raġonevoli.

114    B’dan premess, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli ma jiġġustifikax, bħala regola ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta jkun għadda żmien eċċessiv li jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs AV, T‑701/16 P, EU:T:2018:276, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ kuntrarju, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jkollu bħala konsegwenza prattika prinċipali l-effett pervers li jtawwal iktar il-proċedura minħabba li din tkun kienet twila wisq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2013, Nardone vs Il‑Kummissjoni, F‑111/12, EU:F:2013:140, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jindika r-rikorrent, id-dekorrenza taż-żmien eċċessiv ma kellhiex effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Fil-fatt, kif ġie deċiż fil-punt 93 iktar ’il fuq, id-dewmien bejn il-fatti kkontestati u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma pprekludiex lir-rikorrent milli jagħti lid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU l-fehma tiegħu fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża. Bl-istess mod, kif jinsab indikat fil-punt 101 iktar ’il fuq, minkejja d-dekorrenza taż-żmien, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kellha l-elementi neċessarji kollha biex tieħu d-deċiżjoni tagħha.

117    Għaldaqstant, il-ksur tat-terminu raġonevoli ggarantit mill-Artikolu 41(1) tal-Karta ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Għaldaqstant, l-ewwel parti mressqa insostenn tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni u ttielet parti tattieni motiv, dwar leżekuzzjoni tassentenzi F96/13 u T689/16

119    It-tieni parti mressqa insostenn tat-tieni motiv hija intitolata “Fatti ġurisprudenzjali mhux ikkontestati, ammissjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-għan proċedurali u ta’ użu ħażin ta’ proċedura, nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u tal-protezzjoni marbuta mal-informatur”.

120    It-tielet parti hija bbażata fuq “ksur tal-prinċipji u regoli li jirrigwardaw ir-retroattività u ċ-ċertezza legali[, fuq] ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità (oġġettiva u suġġettiva)[, fuq] ir-rieda li tiġi adottata l-istess deċiżjoni li għandha l-istess portata u bbażata fuq l-istess motivi flok li jingħata kumpens għat-telf ta’ opportunità li wieħed ikollu d-drittijiet proċedurali tiegħu rrispettati fi żmien utli u b’mod effettiv”.

121    Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ partijiet, li l-Qorti Ġenerali ser teżamina flimkien, ir-rikorrent jagħmel sensiela ta’ konstatazzjonijiet u jallega diversi ksur li jikkonċerna l-mod li bih ġew eżegwiti s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 mill-Kummissjoni.

122    L-argumenti mressqa insostenn taż-żewġ partijiet huma repetittivi u, ħlief għal xi eċċezzjoni, ma humiex speċifikament marbuta mal-ksur invokat fit-titoli tal-partijiet. Madankollu huwa possibbli li jiġu identifikati żewġ settijiet ta’ argumenti.

123    L-ewwel sett ta’ argumenti mressqa mir-rikorrent jista’ jintrabat mal-użu ħażin ta’ proċedura, man-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u mal-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

124    It-tieni sett ta’ argumenti jsostni l-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, tal-Artikolu 266 TFUE u tal-protezzjoni marbuta mal-informatur.

125    Jeħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat dan it-tieni sett ta’ argumenti.

1)      Fuq ilksur talprinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali, talArtikolu 266 TFUE u talprotezzjoni marbuta malinformatur filkuntest tależekuzzjoni tas-sentenzi F96/13 u T689/16

126    Ir-rikorrent isostni essenzjalment li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija dderogat mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, filwaqt li ma kienx għadu possibbli għaliha li teżamina sitwazzjoni tant antika u li kienet ingħalqet definittivament, b’mod partikolari b’osservanza tal-protezzjoni tal-garanziji proċedurali marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ informatur. L-eżekuzzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 għalhekk kienet tfisser li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża tiġi rrinunzjata u r-rikorrent jiġi kkumpensat.

127    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent bħala li huma kemm inammissibbli u kif ukoll infondati.

128    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, biex tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament u teżegwixxiha b’mod sħiħ, l-istituzzjoni hija obbligata tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, imma wkoll il-motivi li jkunu wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tagħha, fis-sens li dawn huma indispensabbli biex jiġi stabbilit is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa bħala illegali u li, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat. Barra minn hekk, l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament. Dawn il-prinċipji japplikaw a fortiori meta s-sentenza ta’ annullament inkwistjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Biex twettaq l-obbligu li jimponilha l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni għandha tadotta l-miżuri konkreti li jkunu jistgħu jeliminaw l-illegalità mwettqa fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, hija ma tistax teċċepixxi d-diffikultajiet prattiċi li jista’ jimplika r-ripristinar tal-parti rikorrenti fis-sitwazzjoni legali li fiha kienet tinsab qabel l-adozzjoni tal-att li jkun ġie annullat biex taħrab minn dan l-obbligu (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2014, Cwik vs Il‑Kummissjoni, F‑4/13, EU:F:2014:263, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Huwa biss b’mod sussidjarju, meta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tiltaqa’ ma’ ostakoli kbar, li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha billi tieħu deċiżjoni tali li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuna kkonċernata mid-deċiżjoni annullata. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjoni tista’ tistabbilixxi djalogu magħha biex tasal fi ftehim li joffrilha kumpens ġust għall-illegalità li tagħha hija kienet vittma (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2014, Cwik vs Il‑Kummissjoni, F‑4/13, EU:F:2014:263, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq jirriżulta li l-annullament ta’ deċiżjoni għandha effett retroattiv li jeżiġi li l-awtorità tieħu deċiżjoni li tmur lura għad-data li fiha tkun ġiet adottata d-deċiżjoni annullata. Madankollu għandha ssir distinzjoni bejn din il-kwistjoni u dik tan-natura retroattiva tad-deċiżjoni l-ġdida meħuda mill-amministrazzjoni sabiex tissostitwixxi l-att annullat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħala regola ġenerali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att ikollha l-bidu tad-dekorrenza tagħha stabbilit għal data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu. Skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun madankollu mod ieħor b’mod eċċezzjonali meta l-għan li jkun irid jintlaħaq ikun jeħtieġ dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn l-aspettattivi jqumu meta l-amministrazzjoni tipprovdi lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, mhux kundizzjonati u konkordanti, li joħorġu minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li jnibbtu fil-konfront tagħha speranzi ġġustifikati. Barra minn hekk, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u man-normi applikabbli b’mod ġenerali (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Cortivo vs Il‑Parlament, F‑52/12, EU:F:2013:173, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE jinsab spjegat suffiċjentement fir-rikors b’osservanza tal-obbligi imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan l-ilment huwa għaldaqstant ammissibbli.

133    Skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 128 u 129 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha teżegwixxi s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 billi tosserva mhux biss id-dispożittivi tagħhom, imma wkoll il-motivi li kienu wasslu għal dawk id-dispożittivi u li kienu jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħhom, billi telimina l-illegalità mwettqa fil-konfront tar-rikorrent u billi tevita li d-deċiżjoni l-ġdida tkun ivvizzjata bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati f’dawn is-sentenzi.

134    Issa, fis-sentenza F‑96/13, il-qorti tal-Unjoni kkonstatat biss il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 82 iktar ’il fuq, li wassal għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Għal dak li jirrigwarda s-sentenza T‑689/16, il-qorti tal-Unjoni rrilevat biss in-nuqqas ta’ kompetenza tal-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 biex jadotta t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

135    L-eżekuzzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 kienet timponi għaldaqstant li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, fil-kwalità tagħha bħala Awtorità tal-Ħatra, teżamina s-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid billi tagħtih il-possibbiltà li jesprimi ruħu fuq it-tensjonijiet allegati u l-konsegwenzi li hija kienet intenzjonata tislet minnhom fil-kwalità tagħha bħala Awtorità tal-Ħatra, jiġifieri l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Jannar 2013.

136    Wara li semgħet lir-rikorrent, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kkonfermat li t-tensjonijiet esperjenzati fi ħdan id-delegazzjoni kienu ġġeneraw sitwazzjoni ta’ relazzjonijiet dejjem iktar intollerabbli u li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet iġġustifikata. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, kienet meħtieġa l-konferma tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent. Dan l-għan kien jeżiġi li d-deċiżjoni kkontestata jkollha effett retroattiv, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq.

137    Għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, mingħajr ma jinvoka argumenti preċiżi f’dan ir-rigward, il-prinċipju taċ-ċertezza legali ma ġiex miksur b’dan l-effett retroattiv, peress li la l-qorti tal-Unjoni u lanqas l-amministrazzjoni qatt ma kkontestaw il-fondatezza tal-assenjazzjoni mil-ġdid kontenzjuża sa mill‑2012, u lanqas a fortiori taw lir-rikorrent assigurazzjonijiet preċiżi, mhux kundizzjonati u konkordanti tali li joħolqu aspettattivi leġittimi, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 131 iktar ’il fuq.

138    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kellu jkollha effett retroattiv b’osservanza tal-kriterji mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq.

139    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-eżekuzzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 ma ltaqgħetx ma’ ostakoli kbar fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 93 u 101 iktar ’il fuq, id-dekorrenza taż-żmien ma pprekludietx lir-rikorrent milli jeżerċita b’mod sħiħ id-dritt tiegħu li jinstema’ mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, u lanqas lil din tal-aħħar milli jkollha l-elementi ta’ kuntest kollha biex tiddeċiedi fuq il-fatti kontenzjużi, b’mod li l-Kummissjoni setgħet tirrimedja l-illegalitajiet identifikati f’dawn is-sentenzi billi tadotta deċiżjoni ġdida u ma kinitx obbligata tagħti kumpens ġust ir-rikorrent. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet b’osservanza tal-Artikolu 266 TFUE.

140    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma jispjegax ir-raġunijiet li għalihom il-fatt li kellha tiġi eżaminata sitwazzjoni daqshekk antika biex jiġu eżegwiti s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 ma kienx jiggarantixxi l-osservanza tal-protezzjoni tal-garanziji proċedurali marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ informatur.

141    Fuq din il-bażi, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni sett ta’ argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-tieni u t-tielet parti tat-tieni motiv.

2)      Fuq lużu ħażin ta’ proċedura, innuqqas ta’ osservanza taddmir ta’ premura u lksur talprinċipju ta’ imparzjalità

142    Insostenn tal-ewwel sett ta’ argumenti identifikati fil-punt 123 iktar ’il fuq marbutin mal-użu ħażin ta’ proċedura, man-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura u mal-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, ir-rikorrent isostni li, biex teżegwixxi s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16, il-Kummissjoni qatt ma kellha l-iċken intenzjoni li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha li tikkonċerna l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża.

143    Skont ir-rikorrent, it-tifsira tad-deċiżjoni kkontestata tħabbret mill-bidu tal-iskambji li ppreċedewha. Quddiem dan il-fait accompli, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU sempliċement adottat l-istess deċiżjoni b’effett retroattiv, billi fformalizzat assenjazzjoni mill-ġdid li kienet ilha illegali mill‑1 ta’ Jannar 2013. Jixhed il-ħtieġa li “tiġi rregolarizzata” s-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata hemm il-fatt li l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kellha tiġi fformalizzata wara l-adozzjoni tagħha fl‑20 ta’ Novembru 2012 kif ukoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-kawża T‑689/16 li tgħid li kien “improbabbli” li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU kienet tadotta deċiżjoni differenti fl‑2015 meta mqabbla mad-deċiżjoni meħuda mill-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4. Ir-rikorrent isostni li r-retroattività mfittxija influwenzat il-portata tal-att u mhux bil-kontra. Il-Kummissjoni ma kinitx tkun konkretament ikkonċernata bl-għan imfittex mill-“istadji proċedurali imposti” fis-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16, b’mod partikolari li tippermetti lir-rikorrent li jkollu realment ċans li jinfluwenza lill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest ta’ analiżi oġġettiva u imparzjali. F’dan il-każ, ir-rikorrent instema’ bħala sempliċi formalità.

144    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat mill-ewwel li r-rikorrent iressaq essenzjalment l-istess argumenti insostenn tal-istanzi kollha tal-ksur allegat, filwaqt li l-kunċetti ta’ “imparzjalità”, ta’ “użu ħażin ta’ proċedura” u ta’ “dmir ta’ premura” għandhom tifsira ferm preċiża.

145    Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata responsabbli mill-kawża ma għandu jkun parzjali jew ikollu preġudizzju personali, fejn l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti biex teskludi kull dubju leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, PL vs Il‑Kummissjoni, T‑586/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:370, punti 107 u 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Il-kunċett ta’ “użu ħażin ta’ poter” jirreferi għall-użu tas-setgħat minn awtorità amministrattiva b’għan differenti minn dak li għalih huma jkunu ngħataw. Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, tirriżulta li tkun ittieħdet biex tilħaq skopijiet differenti minn dawk invokati (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2013, BY vs AESA, F‑81/11, EU:F:2013:82, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Fl-aħħar nett, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplikaw b’mod partikolari li, meta hija tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, imma wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑72/01, EU:T:2003:176, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    L-argumenti tar-rikorrent għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

149    Fl-ewwel lok, id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU ma tistax tiġi kkritikata li esponiet lir-rikorrent fil-kuntest tal-iskambji mfakkra fil-punti 19 sa 24 iktar ’il fuq, is-sens tad-deċiżjoni li hija kienet intenzjonata tieħu. Fil-fatt, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni mill-amministrazzjoni qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid iġġustifikat l-annullament tagħha mill-qorti tal-Unjoni fis-sentenza F‑96/13, minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

150    Fit-tieni lok, l-użu tat-terminu “regolarizzazzjoni” fid-deċiżjoni kkontestata la jindika parzjalità jew preġudizzju personali min-naħa tad-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, u lanqas l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ proċedura. Fil-fatt, l-illegalitajiet li jaffettwaw l-ewwel u t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ikkonstatati mill-qorti tal-Unjoni fis-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 ma kinux jikkonċernaw il-fondatezza tal-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, imma l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Għalkemm il-qorti tal-Unjoni ma eskludietx f’dawn il-kawżi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni differenti biex jiġu eżegwiti s-sentenzi tagħha, din tal-aħħar kienet timplika li jiġu rrimedjati l-illegalitajiet ikkonstatati, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 128 u 129 iktar ’il fuq.

151    Fit-tielet lok, il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li ġew meqjusa irregolari fis-sentenza F‑96/13, ma jaffettwawx lil dawk tad-deċiżjoni kkontestata. Din tal-aħħar ġiet adottata wkoll bil-għan li tirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati.

152    Fir-raba’ lok, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża T‑689/16 li tgħid li kien improbabbli li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, fl-2015, kienet tieħu deċiżjoni differenti minn dik adottata mill-kap tad-diviżjoni DĠ RU.B4 tikkostitwixxi biss teħid ta’ pożizzjoni tad-dipartiment legali tagħha fil-kuntest tal-kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jeskludix, barra minn hekk, riżultat differenti.

153    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid huwa nstema’ mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU biss bħala sempliċi formalità, huwa ma jibbaża ruħu fuq ebda indizju oġġettiv.

154    Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat fil-punt 85 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ġie mistieden tliet darbiet biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-intenzjoni tad-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU biex tirregolarizza s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu billi tikkonferma l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu.

155    Għaldaqstant l-ewwel sett ta’ argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-tieni u t-tielet parti ma humiex fondati.

156    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 22a tarRegolamenti tal-Persunal, taddmir ta’ assistenza u ta’ premura, talArtikolu 22c tarRegolamenti talPersunal, taddmirijiet ta’ diliġenza, ta’ newtralità, ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività, taddritt għal trattament ġust talfajl tarrikorrent u talaspettattivi leġittimi kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ proċedura

157    Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, bl-ewwel waħda bbażata fuq ksur tal-Artikolu 22c tar Regolamenti tal-Persunal, it-tieni waħda bbażata fuq ksur tad-dmir ta’ premura, it-tielet waħda fuq ksur tal-prinċipji ta’ oġġettività, imparzjalità u newtralità tal-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u, r-raba’ waħda bbażata fuq ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-informaturi.

158    B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi rrilevat, l-istess kif għamlet il-Kummissjoni, li, għalkemm il-ksur tad-dmir ta’ assistenza ġie invokat fit-titolu ta’ dan il-motiv, ebda argument ma ġie ppreżentat insostenn tiegħu fir-rikors. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jissodisfax ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u għaldaqstant għandu jiġu ddikjarat inammissibbli. L-istess japplika għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent. Dan tal-aħħar jissemma fit-titolu tal-motiv, imma ma ġiex elaborat b’mod suffiċjentement ċar fir-rikors.

159    Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, jeħtieġ li jiġu analizzati qabelxejn l-ewwel u r-raba’ parti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-tielet motiv, qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet l-oħra.

a)      Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 22c tarRegolamenti talPersunal

160    Ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq il-Kummissjoni li tadotta regoli għat-trattament kunfidenzjali tal-ilmenti mressqa minn persuna li għandha l-kwalità ta’ informatur meta hija tqis ruħha vittma ta’ atti ta’ ritaljazzjoni. Skont ir-rikorrent, dawn ir-regoli huma intiżi li jkopru t-tliet aspetti msemmija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 22c tar-regolamenti msemmija. Issa, ebda regola li tinkludi dawn it-tliet aspetti ma teżisti. L-uniċi regoli li kienu ġew adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċernaw it-termini għall-ipproċessar, l-oneru tal-prova u l-kompetenza tad-direttriċi ġenerali, u mhux tad-dipartimenti, biex tiddeċiedi bħala Awtorità tal-Ħatra.

161    Ir-rikorrent iżid jgħid li l-ipproċessar individwali tat-talbiet tal-informaturi, iggarantit mill-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, jimponi li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti taġixxi waħidha, mingħajr l-għajnuna tad-dipartimenti tagħha, u li l-informatur ikun protett, billi tevita li huwa jkun suġġett għall-istess regoli bħall-uffiċjali jew il-membri tal-persunal l-oħrajn, u li jkollu jiżvela sistematikament l-istatus tiegħu ta’ informatur u l-ġustifikazzjoni għal dan tal-aħħar.

162    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

163    B’mod preliminari, għandu jiġu nnotat li ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal kellu jiġi osservat fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

164    L-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi kif ġej:

“F’konformità mal-Artikoli 24 u 90, kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi proċedura għall-ġestjoni tal-ilmenti magħmula minn uffiċjali rigward it-trattament li ngħataw b’segwitu jew b’konsegwenza tal-qadi tal-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 22a jew 22b. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tiggarantixxi li tali lmenti jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali u, meta jkun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi, qabel jiskadu t-termini stabbiliti fl-Artikolu 90.

L-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi regoli interni dwar, fost affarijiet oħra:

–        il-komunikazzjoni lill-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 22a(1) jew l-Artikolu 22b tal-informazzjoni dwar is-segwitu mogħti għar-rapportar tagħhom,

–        il-ħarsien tal-interessi leġittimi ta’ dawk l-uffiċjali u tal-privatezza tagħhom, u

–        il-proċedura għall-ġestjoni tal-ilmenti msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.”

165    L-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie introdott mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15 u rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), bil-għan li jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni l-obbligu li tistabbilixxi r-regoli interni intiżi li jagħtu l-garanziji lill-informaturi, inkluż proċedura għall-ipproċessar tal-ilmenti li jikkonċernaw il-mod li bih huma ġew ittrattati wara jew minħabba li wettqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal.

166    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li r-regoli kollha applikabbli għall-informaturi, inkluż meta dawn iressqu l-ilmenti tagħhom, ikunu previsti f’att wieħed.

167    Għal dak li jikkonċerna lill-Kummissjoni, ċerti garanziji msemmija fl-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal kienu diġà previsti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-Linji Gwida dwar l-informaturi.

168    F’dawn il-linji gwida jissemmew diversi miżuri għall-protezzjoni tal-informaturi, fosthom hemm il-kunfidenzjalità tal-identità tal-informatur, li l-Kummissjoni tobbliga ruħha li tosserva. Skont din ir-regola, ismu ma għandux ikun żvelat lill-persuni potenzjalment implikati fl-aġir ħażin jew lil xi ħadd li ma għandux strettament bżonn li jkun jafu, ħlief jekk l-informatur jawtorizza personalment l-iżvelar tal-identità tiegħu jew jekk dan ikunx meħtieġ fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jistgħu jirriżultaw minn dan l-aġir. Ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq u li ġew invokati mir-rikorrent, huma wkoll previsti bħala miżura ta’ protezzjoni tal-informaturi. Barra minn hekk, jiġi ppreċiżat li, biex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni tieħu miżuri ta’ protezzjoni, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jippreżenta lilu nnifsu quddiem l-istituzzjoni bħala informatur.

169    Id-deċiżjoni Awtorità tal-Ħatra/AATK tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, tipprevedi wkoll regoli speċifiċi li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjali li rrapporta funzjonament ħażin skont il-proċeduri previsti f’dan ir-rigward. Kif jirriżulta mill-punti 47 u 48 tas-sentenza T‑689/16, tali deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu biss mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU, mingħajr delegar. Kif ġie indikat fil-punt 63 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni Awtorità tal-Ħatra/AATK tal-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll il-kompetenza tal-membri tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ RU biex jiddeċiedi fuq l-ilmenti mressqa minn dan l-uffiċjal kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

170    Dawn ir-regoli huma ssupplimentati mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 79‑2013 imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq. Din tal-aħħar tagħti lid-diviżjoni DĠ RU.D 2 (illum jisimha DĠ RU.E2) il-kompetenza biex tipproċessa t-talbiet u l-ilmenti kollha, inkluż dawk ippreżentati mill-informaturi, bil-għan li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tieħu deċiżjoni. Din il-komunikazzjoni tipprevedi li l-ilmenti mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jirċievu, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, risposta motivata fi żmien inqas minn dak previst mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa previst ukoll li l-ilmenti li jirrigwardaw suġġetti sensittivi ma jiġux diskussi waqt konsultazzjonijiet interdipartimentali.

171    Dawn ir-regoli jiġu kkompletati wkoll b’dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq. Skont din id-dikjarazzjoni, li tagħmel riferiment ukoll għall-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aċċess għad-data personali li tkun tinstab fl-ilment jingħata biss lill-persunal awtorizzat li jkollu strettament bżonnha. Hemm previsti mekkaniżmi għall-protezzjoni tad-data personali, bħalma huwa l-aċċess ristrett fi ħdan id-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” għall-hard disk tad-diviżjoni DĠ RU.E2. Barra minn hekk, jitfakkar li l-membri ta’ din id-diviżjoni huma obbligati bid-dmir ta’ kunfidenzjalità u ta’ diskrezzjoni.

172    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ilment li jiġi mingħand informatur jista’ jitressaq, kif kien il-każ hawnhekk, bl-għajnuna ta’ formola annessa li tirreferi għall-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-formola tal-ilment tippermetti lid-diviżjoni DĠ RU.E2 li tidentifika, sa mit-tressiq tiegħu, in-natura sensittiva tiegħu u li tiggarantixxi l-osservanza tal-miżuri ta’ protezzjoni lill-informaturi, imfakkar fil-punti 165 sa 171 iktar ’il fuq.

173    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni adottat regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-ipproċessar tal-ilmenti li jiġu mingħand l-informaturi, skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal.

174    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti kellha taġixxi mingħajr l-għajnuna tad-dipartimenti tagħha, tali rekwiżit la huwa impost mill-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas minn ebda waħda mir-regoli interni imsemmija fil-punti 167 sa 172 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-kunfidenzjalità tal-identità tal-informatur hija suffiċjentement protetta minn dawn ir-regoli.

175    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-protezzjoni mogħtija lill-informaturi hija intiża li tevita li dawn jiġu obbligati jiżvelaw sistematikament l-istatus tagħhom bħala informaturi u l-ġustifikazzjoni ta’ dan l-istatus għal kull persuna responsabbli għall-ilmenti, ir-regoli mfakkra fil-punti 168 sa 172 iktar ’il fuq ma jeżiġux li dawn il-persuni jiddeskrivu fid-dettall in-nuqqas ta’ funzjonament irrapportat fl-ilmenti tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-Linji Gwida dwar l-informaturi, dawn il-persuni għandhom jippreżentaw ruħhom quddiem l-istituzzjoni bħala informaturi sabiex id-dipartimenti jkunu jistgħu jiżguraw il-miżuri ta’ protezzjoni previsti mir-regoli adottati skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal.

176    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq irraba’ parti tattielet motiv, ibbażata fuq ilksur tarregoli dwar loneru talprova stabbiliti filLinji Gwida dwar linformaturi

177    Ir-rikorrent isostni li, skont il-punt 3 tal-Linji Gwida dwar l-informaturi, hija l-persuna li tadotta miżura sfavorevoli kontra l-informatur li għandha l-oneru li tipprova li ma teżisti ebda rabta bejn l-informazzjoni trażmessa skont l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal u din il-miżura. Issa, sabiex tirregolarizza perijodu passat, il-Kummissjoni ma pprovat qatt tipproteġi lir-rikorrent kontra l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża minkejja li din kienet ta’ preġudizzju kbir.

178    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent bħala li huma kemm inammissibbli, kif ukoll infondati.

179    B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrent ma invokax l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni intiż li jikkontesta l-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ diffikultajiet fir-relazzjonijiet interni fi ħdan id-delegazzjoni.

180    Ir-rikorrent isostni, min-naħa l-oħra, li r-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-informaturi ġew miksura minħabba l-fatt li d-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU ma wrietx l-assenza ta’ rabta bejn l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża u r-rapporti tagħha.

181    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li r-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova previsti fil-punt 3 tal-Linji Gwida dwar l-informaturi, imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq, kienu japplikaw f’dan il-każ.

182    Il-punt 3 tal-Linji Gwida dwar l-informaturi jipprovdi kif ġej:

“Kull membru tal-persunal li jirrapporta irregolarità gravi għandu jkun protett kontra l-atti ta’ ritaljazzjoni, sakemm huwa jaġixxi b’bona fide u b’osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-linji gwida. Għal dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova, ikun l-obbligu tal-persuna li tadotta miżura sfavorevoli kontra l-informatur li tistabbilixxi li din il-miżura kienet motivata minn raġunijiet li ma humiex ir-rapport dwar il-funzjonament ħażin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

183    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet motivata minn raġunijiet li ma humiex ir-rapport tar-rikorrent dwar il-funzjonament ħażin.

184    Fid-deċiżjoni kkontestata, kif issupplimentata mid-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment, l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet motivata minn diffikultajiet dwar relazzjonijiet interni, li kienu jirriżultaw minn diversi posta elettronika li jmorru lura għall-perijodu bejn it‑18 ta’ Settembru sat‑13 ta’ Novembru 2012. B’risposta għall-ilment, ġie indikat li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża ma kinitx motivata minn rapporti magħmula mir-rikorrent fl‑2012. Barra minn hekk, jissemmew il-problemi interpersonali bejn ir-rikorrent u l-kollegi tiegħu.

185    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rapport tar-rikorrent tat‑3 ta’ Ottubru 2012 seta’ rrenda iktar diffiċli r-relazzjonijiet bejn dan tal-aħħar, is-superjuri tiegħu u l-kollegi tiegħu, f’dan il-każ kien hemm problemi interpersonali u ta’ attitudni fi ħdan id-delegazzjoni li kienu jippreċedu dan ir-rapport u li setgħu jiġġustifikaw l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq.

186    Kif ġie indikat mill-Kummissjoni, dawn il-problemi jidhru evidenti, b’mod partikolari, fil-posta elettronika indirizzata mill-kap tad-delegazzjoni lir-rikorrent fit‑18 ta’ Settembru 2012 u msemmija matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

187    F’din il-posta elettronika, il-kap tad-diviżjoni indika lir-rikorrent li din kienet it-tieni darba f’perijodu qasir ta’ żmien li kien talab apoloġija mill-kollegi tiegħu. Il-kap tad-delegazzjoni kien staqsa għaliex dawn il-kollegi kienu qegħdin jgħaddu ċerti kummenti u fakkar lir-rikorrent li r-rispett kien triq b’żewġ direzzjonijiet, li jimplika li huwa ma kienx eżentat minn kritika f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa żamm man-naħa tal-persuna li lilha r-rikorrent kien talab apoloġija. Għaldaqstant, għalkemm il-kuntest li għalih tagħmel riferiment il-posta elettronika ma huwiex identifikabbli b’sempliċi qari tagħha, dan jippermetti li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ problemi interpersonali li affettwaw id-delegazzjoni u li kienu jippreċedu r-rapport.

188    Bl-istess mod, fil-posta elettronika tat‑12 ta’ Novembru 2012 indirizzata lir-rikorrent, imsemmija wkoll matul il-laqgħa tal‑15 ta’ Ottubru 2015 (ara punt 12 iktar ’il fuq), il-kap tad-delegazzjoni semma l-problemi ta’ komunikazzjoni kif ukoll l-ilmenti ta’ diversi kollegi li jgħidu li r-rikorrent kien adotta attitudni verbali u mhux verbali mhux xierqa. F’din il-posta elettronika, il-kap tad-delegazzjoni talab ukoll lir-rikorrent ibiddel immedjatament l-attitudni tiegħu, l-aġir tiegħu kif ukoll il-komunikazzjoni tiegħu.

189    Minn din il-posta elettronika jirriżulta li l-inċidenti kienu marbutin mal-attitudni tar-rikorrent u ma kinux iżolati u li kien ġie mgħarraf diversi drabi b’dawn id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet.

190    Filwaqt li bbażat ruħha fuq dawn l-elementi, il-Kummissjoni ħelset mill-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha skont ir-regoli mfakkra fil-punti 181 u 182 iktar ’il fuq, billi stabbilixxiet li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet ġiet motivata b’raġunijiet li ma humiex ir-rapport dwar il-funzjonament ħażin magħmul mir-rikorrent skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal.

191    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tielet motiv ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur taddmir ta’ premura

192    Ir-rikorrent jallega li ttieħed inkunsiderazzjoni biss l-interess tas-servizz fil-kuntest tal-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu għal karigi suċċessivi żejda maħluqa għalih sa mill-2013, filwaqt li l-interess personali u l-istatus tiegħu bħala informatur kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ukoll, wara li nstema’ fuq is-suġġett bil-għan li tiġi ggarantita lilu l-aħjar protezzjoni.

193    Il-Kummisssjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

194    Jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tad-dmir ta’ premura ġie invokat ukoll mir-rikorrent fit-tieni parti tat-tieni motiv, marbut mal-allegat użu ħażin ta’ poter u mal-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità. Insostenn ta’ dawn il-ilmenti, li ġew miċħuda (ara l-punti 142 sa 155 iktar ’il fuq), ir-rikorrent sostna li, biex teżegwixxi s-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16, il-Kummissjoni qatt ma kellha l-iċken intenzjoni li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża.

195    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent jilmenta minn ksur tad-dmir ta’ premura għal raġuni oħra, marbuta man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali tiegħu.

196    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm, skont id-dmir ta’ premura, l-awtorità kompetenti hija obbligata, meta tevalwa l-interess tas-servizz, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali tal-uffiċjal ma jistax iwassal sabiex jipprekludi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tassenja mill-ġdid lill-uffiċjal kontra r-rieda tiegħu jekk dan ikun fl-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, EU:T:2004:319, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent kien tqiegħed f’pożizzjoni f’diversi okkażjonijiet biex jesponi l-fehma tiegħu fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża. Din l-assenjazzjoni ġdida ma pprekludietx il-promozzjoni tiegħu għall-grad AD 12 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2013. Għal dak li jirrigwarda l-interess tas-servizz, ir-rikorrent ma jikkontestax id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni.

198    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv.

d)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ oġġettività, ta’ imparzjalità u ta’ newtralità talAwtorità talĦatra kif ukoll fuq ilksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fittrattament u ta’ nondiskriminazzjoni

199    Ir-rikorrent isostni li l-amministrazzjoni rrikonoxxiet li aġixxiet biss biex tikkoreġi l-illegalitajiet suċċessivi, mingħajr ma kienet qiegħda timmira għall-protezzjoni li kellha tingħatalu minħabba l-istatus ta’ informatur tiegħu, bi ksur tad-dmir ta’ newtralità, ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività.

200    Ir-rikorrent iżid jgħid li l-Comdel kellu jiġi kkonsultat mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Kieku dan il-kumitat kien ġie informat sa mill-2012 bil-motivazzjoni żbaljata wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu u bil-kwalità tar-rikorrent bħala informatur kif ukoll bis-suspetti tiegħu ta’ korruzzjoni marbutin mal-organizzazzjoni msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, x’aktarx li kienet tittieħed deċiżjoni differenti. Fil-fatt, id-DĠ “Baġit” huwa membru ta’ dan il-kumitat u d-dipartimenti tiegħu huma dawk li kienu formalment ħarġu twissija kontra din l-organizzazzjoni internazzjonali.

201    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-rikorrent jiġu miċħuda bħala kemm inammissibbli u kif ukoll infondati.

202    Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dmirijiet ta’ newtralità, ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività, jeħtieġ li jiġi rrilevat, l-istess bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrent itenni l-argumenti diġà eżaminati u miċħuda fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, insostenn ta’ ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, li jgħidu li l-Kummissjoni sempliċement irregolarizzat is-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent, mingħajr ma kellha l-għan li terġa’ teżamina s-sitwazzjoni tiegħu. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 144 sa 155 iktar ’il fuq, dawn l-ilmenti huma infondati.

203    Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, imsemmi fit-titolu ta’ din il-parti, il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li r-rikorrent ma ressaq ebda argument insostenn ta’ dawn l-ilmenti, b’mod li r-rikorrent, fuq dan il-punt, ma huwiex konformi mar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn l-ilmenti huma għaldaqstant inammissibbli.

204    L-uniċi argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn ta’ din il-parti, li ma ġewx ittrattati fil-kuntest ta’ motivi oħra jikkonċernaw il-konsultazzjoni tal-Comdel.

205    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-istess bħall-Kummissjoni, li r-rikorrent ma jallegax il-ksur ta’ xi dispożizzjoni speċifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2012 dwar il-ġestjoni tar-riżorsi tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, li tirregola l-Comdel u l-modalitajiet ta’ konsultazzjoni tagħha.

206    L-argumenti li jirrigwardaw il-Comdel isostnu l-ksur tal-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ imparzjalità u ta’ newtralità tal-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, invokat fil-kuntest ta’ din il-parti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreċiża, fir-replika, li l-intervent tal-Comdel, tal-inqas kien jipprovdi element oġġettiv ta’ apparenza ta’ newtralità u ta’ oġġettivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li terz seta’ jagħti l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-fajl.

207    Jekk wieħed jippreżupponi li r-rikors jista’ jitqies, fuq dan il-punt, bħala li huwa konformi mar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jeħtieġ li jiġi osservat li l-kompetenza tad-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU biex tiddeċiedi fuq l-assenjazzjonijiet mill-ġdid ta’ persuni li rrapportaw xi funzjonament ħażin, imfakkra fil-punt 48 tas-sentenza T‑689/16, hija intiża preċiżament li tagħti lill-informaturi l-garanziji supplimentari ta’ imparzjalità, ta’ oġġettività u ta’ newtralità mitluba mir-rikorrent.

208    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Comdel kien ġie kkonsultat qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Issa, biex teżegwixxi s-sentenza F‑96/13, il-Kummissjoni kellha tirrimedja biss l-illegalità li kienet ivvizzjat din id-deċiżjoni u li kienet tikkonċerna l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

209    Barra min hekk, anki fl-ipoteżi li kellu jiġi kkunsidrat li l-Comdel kellu jkun ikkonsultat mid-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jitfakkar li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, T‑70/05, EU:T:2010:55, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    Issa, ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li, f’każ ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Comdel, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 184 sa 190 iktar ’il fuq, l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet motivata mid-diffikultajiet fir-relazzjonijiet esperjenzati fid-delegazzjoni u kienet mingħajr rabta mar-rapport dwar funzjonamenti ħżiena li fil-konfront tagħhom id-DĠ “Baġit” kien ikun jista’, jekk ikun il-każ, jirreaġixxi fi ħdan il-Comdel.

211    Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tielet parti u, għaldaqstant, jiġi miċħud it-tielet motiv bħala li huwa, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

212    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq ittalbiet għal kumpens

213    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab u fl-ammont ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali allegat.

214    Għal dak li jirrigwarda l-illegalitajiet invokati, qabel xejn, ir-rikorrent jirreferi għall-ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, billi sostna li dawn ġew sussegwentement annullati minħabba li kienu illegali.

215    Imbagħad, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet, b’mod partikolari, bi ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu u tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, mingħajr ma rrispettaw in-normi li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-informaturi, li l-kwalità tagħhom, il-kontenut tal-protezzjoni u l-assenza ta’ limitazzjoni fiż-żmien kienu diġà ġew iċċarati mill-qorti tal-Unjoni. Skont ir-rikorrent, l-ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid huma vvizzjati bl-istess illegalitajiet. Matul is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ippreċiża li t-talba għal kumpens tiegħu kienet ibbażata wkoll fuq l-eżekuzzjoni inkorretta tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE.

216    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jifformula sett ta’ kapi ta’ illegalitajiet. Huwa jafferma li sa mill-2013 huwa kien ġie assenjat mill-ġdid seba’ darbiet kontra r-rieda tiegħu għal karigi żejda, maħluqin għalih, mingħajr qatt ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-portata tal-annullamenti sussegwenti. Id-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” ma pprovdiet ebda sostenn matul dawn l-assenjazzjonijiet mill-ġdid. Id-direttriċi ġenerali tad-DĠ RU rrifjutat sistematikament li tiltaqa’ miegħu filwaqt li l-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li l-allegati motivi għall-assenjazzjoni mill-ġdid kellhom konnotazzjoni suġġettiva li kienet timponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti li tisma’ hija stess lir-rikorrent. Huwa tpoġġa fuq lista sewda u kklassifikat bħala “litiġjuż”, mingħajr ma l-amministrazzjoni tipprova tifhem is-sitwazzjoni tiegħu bħala informatur. It-talbiet tiegħu għall-assistenza ġew miċħuda kollha filwaqt li ebda regola ma ġiet adottata li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-informatur. Jingħad li kien hemm ksur sistematiku tal-kunfidenzjalità tad-data personali tiegħu kkawżat mid-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Ħlief għad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid sussegwenti ġew adottati minn awtorità kompetenti.

217    Għal dak li jirrigwarda l-preġudizzju allegat, minn naħa, ir-rikorrent isostni li ġarrab dannu morali, stmat quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ammont ta’ EUR 100 000, minħabba tliet fatturi. L-ewwel wieħed, ir-rikorrent jilmenta minn attakk fuq ir-reputazzjoni tiegħu, fuq id-dinjità personali u professjonali tiegħu kif ukoll fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu minħabba l-fatt li l-Kummissjoni allegatament żammitu illegalment f’sitwazzjoni irregolari, li xxejjen is-sinjifikat tat-tagħlim mis-sentenzi mogħtija sussegwentement. It-tieni, ir-rikorrent jirreferi għall-inċertezza tas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu għal iktar minn disa’ snin, minħabba t-teħid ta’ deċiżjonijiet illegali ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li tnejn minnhom ġew annullati mill-Qorti Ġenerali, ħaġa li turi amministrazzjoni ħażina u nuqqas ta’ diliġenza li allegatament ikkawżawlu l-ansjetà u stress. It-tielet, ir-rikorrent jilmenta mit-tibdil sussegwenti fil-pożizzjonijiet u fil-karigi wara l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, mingħajr bażi partikolari minkejja l-istatus tiegħu ta’ informatur.

218    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li ġarrab dannu materjali, stmat fl-ammont ta’ EUR 250 000 marbut, fl-ewwel lok, mal-ispejjeż prekontenzjużi li mmultiplikaw sa mill-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, it-tieni mas-sitwazzjoni ta’ inċertezza ġudizzjarja u amministrattiva, ikkaratterizzata bl-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu sa mill-2013 għal karigi żejda, ħaġa li wasslet għal dewmien fil-karriera tiegħu u biex jitqies mis-superjuri tiegħu bħala n-“nagħġa s-sewda” li toħloq l-inkwiet, u t-tielet, mal-impossibbiltà għalih li jipprova jibbenefika mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u minn karriera internazzjonali kif ukoll milli jibbenefika minn promozzjoni fuq il-bażi tar-riżultati tal-investiment professjonali tiegħu.

219    Il-Kummissjoni titlob li t-talbiet għall-kumpens jiġu miċħuda bħala li huma kemm inammissibbli, kif ukoll infondati.

220    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ talba għal kumpens magħmula minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal, l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ xi istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jippreżupponi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir li bih ikun akkużat, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat. It-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà huma kumulattivi, ħaġa li timplika li, jekk ikun hemm waħda minnhom mhux issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkonstatata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑355/19, EU:T:2021:369, punt 142 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li l-proċedura prekontenzjuża fil-qasam ta’ kawża għad-danni tkun differenti skont jekk id-dannu li għalih jintalab il-kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma għandux natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, huwa l-obbligu tal-persuna kkonċernata li tadixxi, fit-termini imposti, lill-amministrazzjoni b’ilment kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-proċedura amministrattiva għandha tibda bil-preżentazzjoni ta’ talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża li tikseb kumpens, u li tkun segwita, jekk ikun il-każ, b’ilment kontra d-deċiżjoni li tiċħad din it-talba (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, A vs Il‑Kummissjoni, T‑595/11 P, EU:T:2012:694, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal kumpens marbutin mal-eżekuzzjoni ta’ res judicata skont l-Artikolu 266 TFUE, ibbażati fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet adottati jkunu jippermettu li jiġu kkumpensati b’mod parzjali biss il-konsegwenzi tal-illegalità mwettqa, dawn jistgħu jiġu ppreżentati ukoll fl-ilment kontra dawn id-deċiżjonijiet, mingħajr l-ammissibbiltà tar-rikors ma tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ talba fuq il-bażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il‑Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal li jkun naqas milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma jistax, permezz ta’ talba għall-kumpens għad-danni kkawżati b’dan l-att, isewwi din l-ommissjoni u jinqeda b’hekk b’termini ġodda għar-rikors. Lanqas ma jista’ jipprevalixxi ruħu mill-allegata illegalità ta’ dan l-att fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. B’mod ġenerali, uffiċjal ma jistax, permezz ta’ talba għad-danni, jipprova jikseb riżultat identiku għal dak li kien ikollu kieku jkollu suċċess b’rikors għal annullament li huwa naqas milli jippreżenta fil-ħin (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, F‑156/12, EU:F:2014:247, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel nett il-kapi ta’ illegalità imsemmija fil-punt 216 iktar ’il fuq, li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata mill-Kummissjoni, qabel ma jiġu eżaminati l-illegalitajiet invokati mir-rikorrent li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet sussegwenti dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża deskritta fil-punti 214 u 215 iktar ’il fuq.

225    Fir-replika, ir-rikorrent jippreċiża li l-allegazzjonijiet imfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq kienu biss kuntestwalizzazzjoni tar-rikorsi li wasslu għall-annullamenti suċċessivi mill-qorti tal-Unjoni.

226    Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna li d-deskrizzjoni, f’dawn l-allegazzjonijiet, tat-trattament li l-amministrazzjoni rriżervatlu sa mill-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tippermetti li tipprovdi elementi ta’ kronoloġija utli biex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi f’dan il-każ dwar l-osservanza tat-terminu raġonevoli. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet meħudin mill-amministrazzjoni fil-konfront tiegħu sa mill‑1 ta’ Jannar 2013 huma vvizzjati bl-istess illegalità li taffettwa l-assenjazzjoni mill-ġdid u li hija marbuta man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-istatus tiegħu ta’ informatur. Barra minn hekk, din l-assenjazzjoni mill-ġdid u l-fatt li jarawh bħala n-“nagħġa s-sewda” wara r-rapporti li għamel huma dawk li wasslu għall-assenjazzjonijiet mill-ġdid sussegwenti.

227    L-istess bħalma tagħmel il-Kummissjoni, jeħtieġ li jitqies li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent imfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq huma inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 221 sa 223 iktar ’il fuq. Fil-fatt, id-dannu li għalih intalab il-kumpens li jikkonċerna dawn il-kapi ta’ illegalità ma joħroġx mid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas mill-eżekuzzjoni tas-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16, imma minn sensiela ta’ aġir mhux ta’ natura deċiżjonali tal-amministrazzjoni kif ukoll minn atti oħra li jikkawżaw preġudizzju li seħħew qabel id-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrent naqas milli jikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali.

228    Fi kwalunkwe każ, dawn il-kapi ta’ illegalità ma humiex fondati. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent jitilqu, essenzjalment, mill-premessa li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni kkontestata b’effett retroattiv fl‑1 ta’ Jannar 2013, ittieħdet deċiżjoni dwarha minħabba r-rapporti tiegħu u li din affettwat minħabba f’hekk il-karriera sussegwenti tiegħu.

229    Madankollu, kif ġie konkluż fil-punt 190 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħelset mill-oneru tal-prova li hija kellha u stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża kienet motivata minn raġunijiet li ma humiex ir-rapporti magħmula mir-rikorrent. Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha mogħtija fil-kawżi F‑96/13 u T‑689/16, il-qorti tal-Unjoni ma ċaħditx il-fondatezza tal-assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża.

230    Għal dak li jikkonċerna l-illegalitajiet imsemmija fil-punt 215 iktar ’il fuq, dawn ġew invokati wkoll mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni li ċaħdet parzjalment l-ilment.

231    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta strettament mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet wara xulxin għal assenjazzjoni mill-ġdid illegali imsemmija fil-punt 214 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li t-talbiet għal kumpens marbutin mal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenzi F‑96/13 u T‑689/16 li jivvizzjaw l-ewwel u t-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid diġà ġew eżaminati u miċħuda mill-qorti tal-Unjoni f’dawn is-sentenzi. Dawn l-ilmenti għaldaqstant jiksru l-awtorità ta’ res judicata u huma inammissibbli.

233    Għal dak li jirrigwarda l-irtirar fil-mori tal-kawża tat-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid minħabba illegalità (Kawża T‑308/20), mill-analiżi li tinsab fil-punti 109 sa 113 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan l-irtirar ikkontribwixxa biex itawwal proċedura amministrattiva diġà twila, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata f’terminu raġonevoli, bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

234    Madankollu, din l-illegalità ma wasslitx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma ġiex stabbilit li l-ksur f’dan il-każ ta’ dan it-terminu seta’ jaffettwa l-kontenut tagħha (ara l-punti 115 sa 117 iktar ’il fuq).

235    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-ksur taż-żmien raġonevoli jista’ jwassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tikkundanna lill-amministrazzjoni, anki ex officio, għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali kkawżat b’dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2011, A vs Il‑Kummissjoni, F‑12/09, EU:F:2011:136, punti 225 u 226 u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    F’dan il-każ, insostenn tat-talba għal kumpens għad-dannu morali, ir-rikorrent isostni b’mod partikolari li, minħabba l-iżbalji suċċessivi li vvizzjaw l-ewwel tliet deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-Kummissjoni ħolqot sitwazzjoni ta’ inċertezza li ppersistiet fiż-żmien fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu, aspett li jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina u nuqqas ta’ diliġenza li kkawżalu l-ansjetà u stress lil’hinn minn dak li jista’ jitqies bħala li huwa raġonevoli.

237    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 100 000 għad-danni morali kollha allegati, mingħajr distinzjoni bejniethom.

238    Anki jekk ir-rikorrent ma tax indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż id-dannu marbut mal-istat ta’ inċertezza twila, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li dan il-fatt ma jipprekludix il-possibbiltà li jiġi ffissat ex æquo et bono ammont li jikkumpensa tali dannu, li l-eżistenza tiegħu, f’dan il-każ, tista’ tiġi kkonstatata.

239    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dewmien partikolarment twil tal-proċedura amministrattiva, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iktar minn tmien snin wara l-fatti, huwa dovut għall-iżbalji suċċessivi tal-amministrazzjoni, li setgħu jiġġeneraw stat ta’ inċertezza u ta’ ansjetà fir-rikorrent fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu, speċjalment peress li huwa pprevalixxa ruħu mill-istatus ta’ informatur.

240    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent jekk tiffissa, f’dan il-każ, ex æquo et bono, l-ammont ta’ EUR 3 000.

241    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jintlaqgħu parzjalment it-talbiet għal kumpens, fl-ammont ta’ EUR 3 000, u li jiġu miċħuda l-bqija tat-talbiet.

IV.    Fuq lispejjeż

242    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

243    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jeħtieġ li jiġi deċiż li l-Kummissjoni, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrent, u tikkundanna lil dan tal-aħħar ibati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tiegħu stess,

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 3 000 lil PL.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż ta’ PL, li għandu jbati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tiegħu.

Truchot

Kanninen

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Novembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.