Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 – Apple vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1079/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Apple Inc. (Cupertino, California, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Beard, S. Love, J. Bourke, Barristers-at-Law, W. Knibbeler u T. van Helfteren, lawyers)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kumissjoni Ewropea tal-5 ta’ Settembru 2023, ikkomunikata lil Apple fis-6 ta’ Settembru 2023, referenza DMA.100022 li tiftaħ investigazzjoni tas-suq relatat mal-iMessage skont l-Artikoli 16 u 17(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925 1 sa fejn hija bbażata b’mod żbaljat fuq il-konstatazzjoni li iMessage huwa servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/1925 u tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi 2 ; u

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi dawk relatati ma’ kwalunkwe partijiet intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tar-Regolament (UE) 2022/1925 u tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u fatti materjali ineżatti meta ġie konkluż li iMessage huwa servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

____________

1 Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L. 265, p. 1).

1 Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36 u rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36).