Language of document : ECLI:EU:C:2010:661

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Novembru 2010 (*)

“Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 12 – Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 12(2)(b) u (ċ) – Kunċett ta ‘delitt serju mhux politiku’ – Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ – Sħubija f’organizzazzjoni involuta f’atti ta’ terroriżmu – Tniżżil sussegwenti ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista’ ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li tikkostitwixxi l-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Responsabbiltà individwali għal parti mill-atti mwettqa mill-imsemmija organizzazzjoni – Kundizzjonijiet – Dritt ta’ ażil taħt id-dritt kostituzzjonali nazzjonali – Kompatibbiltà mad-Direttiva 2004/83/KE”

Fil-Kawżi magħquda C‑57/09 u C‑101/09,

li għandhom bħal suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-14 ta’ Ottubru u tal-25 ta’ Novembru 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-10 ta’ Frar u fit-13 ta’ Marzu 2009, fil-proċeduri

Bundesrepublik Deutschland

vs

B (C‑57/09),

D (C‑101/09),

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht (C‑57/09 u C‑101/09),

Bundesbeauftragter für Asylangelegenheiten beim Bundesamt für Migration und Flüchtlinge(C‑101/09),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, U. Lõhmus u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B, minn R. Meister, Rechtsanwalt,

–        għal D, minn H. Jacobi u H. Odendahl, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u A. Engman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn T. Eicke, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), u fit-tieni lok, tal-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn il‑Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesministerium des Inneren (Ministeru Federali tal-Intern), huwa stess irrappreżentat mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”), B (C‑57/09) u D (C‑101/09), ċittadini Torok ta’ oriġini Kurda, dwar, rispettivament, iċ-ċaħda mill-Bundesamt tal-applikazzjoni ta’ ażil u ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat imressqa minn B u tar-revoka minn din l-istess awtorità tad-dritt ta’ ażil u tal-istatus ta’ refuġjat li kienu ngħataw lil D.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffrimata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations Unies, vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        L-Artikolu 1, wara li jiddefinixxi, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi kif ġej, fit-Taqsima F:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li:

[…]

b)      ikkommettew delitt serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

ċ)      saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u tkeċċija lejn il-fruntiera”, jipprovdi:

“1.      L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jibgħat lura, bi kwalunkwe mod, rifuġjat lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

2.      Madankollu din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal refuġjat jekk għal raġunijiet serji huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala periklu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa residenti jew huwa, minħabba kundanna definittiva għal delitt jew delitt partikolarment gravi, theddida għall-kollettività ta’ dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali

6        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

 Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

7        Wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York, f’Washington u f’Pennsylvania, fit-28 ta’ Settembru 2001il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

8        Il-preambolu ta’ din ir-riżoluzzjoni jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont il-punt 5 tal-imsemmija riżoluzzjoni, “l-atti, il-metodi u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u […] l-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ atti terroristiċi jew l-istigazzjoni biex jitwettqu dawn l-atti, magħmula bil-ħsieb, imorru wkoll kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fit-12 ta’ Novembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1377 (2001), li fiha “[j]enfasizza li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-finanzjament, l-ippjanar u t-tħejjija ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali, kif ukoll kull forma oħra ta’ sostenn f’dan ir-rigward, huma bl-istess mod kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti [fiha].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva

11      Skont il-premessa 3 tad-Direttiva, il-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

12      Il-premessa 6 tad-Direttiva tistabbilixxi li l-għan ewlieni tagħha huwa, minn naħa, li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra biex jiġi żgurat livell minimu ta’ benefiċċju għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

13      Il-premessa 9 tad-Direttiva hija fformulata kif ġej:

“Dawk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta' l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva.”

14      Il-premessa 10 tad-Direttiva tispeċifika li din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt ta’ ażil għal applikanti għal ażil.

15      Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(16)      Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(17)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta Ġinevra.”

16      Il-premessa 21 tad-Direttiva tistabbilixxi:

“Atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċiji tan-Nazzjonijiet Uniti huma dikjarati fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu [internazzjonali], li jiddikjaraw li ‛atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‛finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”.

17      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tippreskrivi livelli minimi dwar, minn naħa, il-kwalifiki ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat sabiex jibbenfikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

18      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha,

“(a)      ‛protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

[…]

(ċ)      ‛refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih;

(d)      ‛stat ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[...]

(g)       ‛applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]”

19      L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu livelli stabbiliti aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm u safejn dawk il-livelli stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

20      L-Artikolu 12 tad-Direttiva, intitolat “Esklużjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III tagħha li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jipprovdi, fl-Artikolu 12(2) u (3):

“2.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk:

[…]

(b)      huwa jew hija jkunu kommettew delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refġjuta qabel id-dħul tiegħu jew tagħha bħala refuġjat; li jfisser il-ħin tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

(ċ)      huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu [Karta] tan-Nazzjonijiet Uniti.

3. Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih.”

21      L-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva jistabbilixxu li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussudjarja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti, rispettivament, fil-Kapitoli II u III jew II u V ta’ din l-istess direttiva.

22      L-Artikolu 14 tad-Direttiva intitlolat “Revoka u, tmien [tmiem] ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ stat ta’ refuġjat” u li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jipprovdi:

“1. Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp [kompetenti], jekk huwa jew hija jkunu waqfu milli jkunu refuġjati bi qbil ma’ l-Artikolu 11.

[…]

3. Stati Membri għandhom jirrevokaw, itemmi jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk, wara li huwa jew hija jkunu ngħataw stat ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

(a)      huwa jew hija messhom kienu jew huma esklużi milli jkunu refuġjati bi qbil ma’ l-Artikolu 12;

[…]”

23      L-Artikolu 21 tad-Direttiva, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, li huwa intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi fl-Artikolu 21(1) u (2):

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ nonrefoulement bi qbil ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.      Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri may refoule [jistgħu iwettqu refoulement ta’] refuġjat, sewwa jekk magħruf formalment u sewwa jekk le, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġunevoli sabiex jitqies jew titqies bħala periklu għas-sigurta ta’ l-Istat Membru li fih huwa jew hija huma preżenti; jew

(b)      huwa jew hija, wara li nstabu ħatja minn ġudizzju finali ta’ delitt partikolarment serju, jikostitwixxu periklu għall-Komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

24      Skont l-Artikoli 38 u 39 tagħha, id-Direttiva daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2004 u għandha tiġi trasposta sa mhux iktar tard fl-10 ta’ Otttubru 2006.

 Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

25      Sabiex jimplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

26      L-Artikolu 1(1) ta’ din il-pożizzjoni komuni jipprovdi li din tapplika għall-“persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” u mniżżla fil-lista fl-anness tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

27      Skont l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għall-finijiet tagħha:

“2.      […] ‘persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi’ għandha tfisser:

–        il-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi,

–        gruppi u entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.

3.      […] att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li’:

[…]

(iii)      tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

[…]

(k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

[…]”

28      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandha anness intitlolat “L-ewwel lista […] tal-persuni, gruppi u entitajiet msejħa fl-Artikolu 1[…]”. F’din il-lista oriġinarjament ma kinux jissemmew la d-DHKP/C u lanqas il‑PKK.

29      Il-kontenut ta’ dan l-anness ġie aġġornat bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK, tat-2 ta’ Mejju 2002 (ĠU L 116, p. 75).

30      Fl-imsemmi anness kif aġġornat jinsabu, fil-punti 9 u 19 tat-Taqsima 2 intitolata “Gruppi u entitajiet”, rispettivament, il-“Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” u l-“Armata/Il-Front/Il-Partit Rivoluzzjonarju għal Liberazzjoni tal-Poplu (DHKP/C), [Devrimci Sol (Xellug Rivoluzzjonarju), Dev Sol]”. Dawn l-organizzazzjonijiet eventwalment inżammu fil-lista prevista fl-Artikolu 1(1) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 permezz tal-pożizzjonijiet komuni sussegwenti tal-Kunsill, bl-aħħar waħda tkun id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/386/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2010, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI

31      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18) jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-atti intenzjonali elenkati f’dan l-artikolu li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru skont wieħed mill-għanijiet li huma wkoll elenkati fl-imsemmi artikolu, jiġu kkunsidrati bħala atti terroristiċi.

32      L-Artikolu 2 tal-imemmija Deċiżjoni Qafas, intitolata “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku”, jipprovdi fis-subparagrafu 2 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura li l-atti intenzjonali li ġejjin ikunu kastigabbli:

[…]

(b)      il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż bl-ogħti ta’ informazzjonji jew riżorsi materjali, jew bl-iiffinanzjar ta’ l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bil-konoxxenza tal-fatt illi parteċipazzjoni bħal din ser tgħin lill-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

33      L-Artikolu 16a(1) tal-Liġi fundamentali (Grundgesetz) jipprovdi:

“Il-persegwitati politiċi għandhom jibbenefikaw mid-dritt għal ażil.”

34      L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-proċedura ta’ ażil (Asylverfahrensgesetz, iktar ’il quddiem il-“AsylVfG”), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), jistabbilixxi li din il-liġi tapplika għall-barranin li jitolbu l-protezzjoni bħala persegwitati politiċi fis-sens tal-Artikolu 16a(1) tal-Liġi fundamentali jew il-protezzjoni kontra l-persekuzzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Genève.

35      L-Artikolu 2 tal-AsylVfG jipprovdi li l-benefiċjarji tad-dritt ta’ ażil għandhom, fit-territorju nazzjonali, status iddefinit mill-Konvenzjoni ta’ Genève.

36      L-istatus ta’ refuġjat kien inizjalment irregolat mill-Artikolu 51 tal-Liġi dwar id-dħul u r-residenza ta’ barranin fit-territorju federali (Gesetz über die Einreise und den Aufenthalt von Ausländern im Bundesgebiet, iktar ’il quddiem l-“Ausländergesetz”).

37      Il-Liġi tad-9 ta’ Jannar 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali (Gesetz zur Bekämpfung des internationalen Terrorismus, BGBl. 2002 I, p. 361, iktar ’il quddiem it-“Terrorismusbekämpfungsgesetz”) introduċiet, għall-ewwel darba, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3) tal-Ausländergesetz, b’effett mill-11 ta’ Jannar 2002, kriterji ta’ esklużjoni li jirriflettu dawk ipprovduti fit-Taqsima F tal-Artikolu 1, tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

38      Permezz tal-Liġi tad-19 ta’ Awwissu 2007 li tittrasponi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta’ residenza u ta’ ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union, BGBl. 2007 I, p. 1970), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrasponiet, fost oħrajn, id-Direttiva.

39      Fil-preżent, il-kundizzjonijiet sabiex persuna tiġi kkunsidrata refuġjat huma stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-AsylVfG. Skont l-Artikolu 3(1) (2) tiegħu:

“(1)      Ċittadin barrani jitqies bħala refuġjat skont il-[Konvenzjoni ta’ Genève] meta jkun mhedded mill-perikli msemmija fl-Artikolu 60(1) tal-Liġi [dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-baranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet, iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”)] fl-Istat fejn għandu n-nazzjonalità […]

(2)      Ċittadin barrani huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta hemm raġunijiet serji li jiġi ssuspettat li:

[…]

2.      ikkommetta delitt serju mhux politiku barra mit-territorju nazzjonali qabel ma ġie ammess bħala refuġjat, b’mod partikolari azzjoni krudili, anki jekk dan id-delitt twettaq b’għan allegatament politiku, jew

3.      kien ħati ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-ewwel sentenza tapplika wkoll għaċ-ċittadini barranin li instigaw dawn id-delitti jew dawn l-azzjonijiet, jew li pparteċipaw fihom bi kwalunkwe mod ieħor.”

40      Il-kriterji ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tal-AsylVfG issostitwixxew, sa mit-28 ta’ Awwissu 2007, it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(8) tal-Aufenthaltsgesetz, li min-naħa tagħha kienet issotitwixxiet it-tielet sentenza tal-Artikolu 51(3).

41      L-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), jipprovdi:

“Skont il-Konvenzjoni [ta’ Genève], barrani ma jistax jiġi ddeportat lejn Stat Membru li fih il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu huma mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu […]”

42      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG tipprovdi li “[d]-dritt għal ażil u għall-istatus ta’ refuġjat huma revokati minnufih jekk il-kundizzjonijiet mitluba għar-rikonoxximent tagħhom ma jkunux iktar sodisfatti”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑57/09

43      Fl-aħħar tal-2002, B, imwieled fl-1975, mar il-Ġermanja, fejn huwa talab l-ażil u l-protezzjoni bħala refuġjat, u, sussidjarjament, il-benefiċċju ta’ projbizzjoni ta’ deportazzjoni lejn it-Turkija.

44      Insostenn tat-talba tiegħu, huwa b’mod partikolari ddikjara li, fit-Turkija, minn meta kien għadu student, huwa kien issimpatizza mad-Dev Sol (li sar id-DHKP/C) u li kien appoġġja l-kunflitt bl-armi tal-gwerrilja fil-muntanji bejn l-aħħar tas-sena 1993 u l-bidu tas-sena 1995.

45      Wara l-arrest tiegħu matul ix-xahar ta’ Frar 1995, huwa kien sofra vjolenza fiżika gravi u nġiegħel jagħmel dikjarazzjoni taħt tortura.

46      Matul ix-xahar ta’ Diċembru 1995, huwa ġie kkundannat għal għomor il-ħabs.

47      Fl-2001, waqt li kien għadu arrestat, kien ġie kkundannat mill-ġdid għal għomor il-ħabs wara li ammetta r-responsabbiltà għall-qtil ta’ ħabsi ieħor issuspettat li kien informatur.

48      F’Diċembru 2002, huwa bbenefika minn libertà kkundizzjonata ta’ sitt xhur minħabba l-istat ta’ saħħtu sabiex jitlaq mit-Turkija u jmur il-Ġermanja.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2004, il-Bundesamt ċaħad it-talba ta’ ażil ta’ B bħala infondata u kkonstata li l-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 51(1) tal-Ausländergesetz ma kinux sodisfatti. Din l-awtorità kkunsidrat li, peress li twettqu reati serji mhux politiċi, B kien jaqa’ taħt it-tieni raġuni ta’ esklużjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(3) tal-Ausländergesetz [imsemmija sussegwentement fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(8) tal-Aufenthaltsgesetz, wara fil-punt 2 tal-Artikolu 3(2) tal-AsylVfG].

50      Fl-istess deċiżjoni, il-Bundesamt barra minn hekk ikkonstata li ma kien hemm ebda ostakoli għat-tkeċċija ta’ B lejn it-Turkija fid-dritt nazzjonali applikabbli u ddikjara li huwa kien suġġett għal tkeċċija lejn dan il-pajjiż.

51      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen (Qorti Amministrattiv ta’ Gelsenkirchen) annullat id-deċiżjoni tal-Bundesamt u ordnat lil dan tal-aħħar jirrikonoxxi d-dritt għal ażil lil B u biex tiġi kkonstatata l‑projbizzjoni ta’ tkeċċija tiegħu lejn it‑Turkija.

52      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (Qorti Amministrattiva Reġjonali Superjuri tan-Nordrhein‑Westfalen) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Bundesamt kontra din is-sentenza, billi qalet li kellu jiġi rikonoxxut id-dritt għal ażil fil-konfront ta’ B skont l-Artikolu 16a tal-Grundgesetz, kif ukoll l-istatus ta’ refuġjat.

53      Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-kriterju ta’ esklużjoni msemmi mill-Bundesamt għandu jinftiehem fis-sens li ma huwiex intiż li jippenalizza delitt serju politiku kommess fil-passat, iżda wkoll li jipprevjeni l-periklu li min jagħmel applikazzjoni jista’ jkollu għall-Istat Membru ospitanti, u li l-applikazzjoni tiegħu tkun teħtieġ evalwazzjoni globali ta’ kull każ partikolari individwali fid-dawl tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

54      Il-Bundesamt ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali) u invoka l-applikazzjoni tat-tieni u t-tielet kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(8) tal-Ausländergesetz (u sussegwentement il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 3(2) tal-AsylenVfG) billi sostna li, kuntrarjament għall-argument adottat mill-qorti tal-appell, dawn iż-żewġ kriterji ta’ esklużjoni ma jimplikawx la l-eżistenza ta’ periklu għas-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas eżami tal-proporzjonalità fir-rigward tal-każ partikolari f’din il-kawża.

55      Barra minn hekk, skont il-Bundesamt, il-kriterji ta’ esklużjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva jagħmlu parti mill-prinċipji li għalihom, skont l-Artikolu 3 tiegħu, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw.

 Il-Kawża C‑101/09

56      Minn Mejju 2001, D, imwieled fl-1968, joqgħod fil-Ġermanja, fejn applika għall-ażil fil-11 ta’ Mejju 2001.

57      Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, huwa b’mod partikolari ddikjara li, fl-1990, huwa ħarab lejn il-muntanji sabiex jappoġġja lill-PKK. Kien ġellied fil-gwerrilja u rappreżentant għoli tal-PKK. Lejn l-aħħar tal-1998, il-PKK bagħtu fit-tramuntana tal-Iraq.

58      Minħabba diverġenzi ta’ natura politika mat-tmexxija tal-PKK, huwa telaq din l-organizzazzjoni f’Mejju tal-2000 u minn dakinhar ġie mhedded. Huwa baqa’ għal madwar sena fit-tramuntana tal-Iraq, iżda mingħajr ma kien f’qagħda ta’ sigurtà.

59      F’Mejju tal-2001, il-Bundesamt tah id-dritt għal ażil u rrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat skont id-dritt nazzjonali fis-seħħ dakinhar.

60      Wara d-dħul fis-seħħ tat-Terrorismusbekämpfungsgesetz, il-Bundesamt beda proċedura ta’ revoka u, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2004, irrevoka r-rikonoxximent tad-dritt għal ażil u tal-istatus ta’ refuġjat li minnu bbenefika D skont l-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG. Din l-awtorità kkunsidrat li fuq D kien hemm suspetti fundati li huwa kkommetta delitt serju mhux politiku barra mill-Ġermanja qabel ma kien ġie aċċettat bħala rifuġjat u li kien ħati ta’ atti li jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

61      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen annullat din id-deċiżjoni ta’ revoka.

62      L-appell ippreżentat mill-Bundesamt inċaħad mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein Westfalen permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007. Permezz ta’ raġunament analogu għal dak wara s-sentenza li ngħatat fl-istess jum fil-kawża li tikkonċerna B, din il-qorti kkunsidrat li ma kinux japplikaw, anki fil-każ ta’ D, il-kriterji ta’ esklużjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

63      Il-Bundesamt ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza, billi sostna, essenzjalment, motivi analogi għal dawk imressqa insostenn tar-rikors ippreżentat fil-kuntest tal-kawża li tikkonċerna B.

 Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

64      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-appell, li bihom hija marbuta, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma humiex, jekk jiġu rritornati lura lill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, protetti suffiċjentement minn persekuzzjonijiet ġodda. Hija tikkonkludi minn dan li l-kundizzjonijiet pożittivi għal kunsiderazzjoni bħala refuġjati huma sodisfatti fiż-żewġ kawżi. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jingħataw l-istatus ta’ refuġjat jekk tapplika waħda mill-klawżoli ta’ esklużjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva.

65      Din il-qorti tispjega li, fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ waħda minn dawn il-klawżoli ta’ esklużjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma intitolati li jiġi rikonoxxut lilhom id-dritt għall-ażil skont l-Artikolu 16a tal-Grundgesetz, li ma jeskludi ebda kategorija ta’ persuni minn dan id-dritt.

66      Fl-aħħar nett, hija tosserva li la esklużjoni taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva u lanqas il-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà eventwali bejn l-Artikolu 16a tal-Grundegesetz u d-Direttiva ma jwasslu neċessarjament għat-telf tad-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

67      Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-ħames domandi li ġejjin, fejn l-ewwel u l-ħames domandi għandhom formulazzjoni kemmxejn differenti meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull waħda minn dawn il-kawżi:

“1)       Jista’ jingħad li hemm delitt serju tad-dritt komuni [reat serju mhux ta’ natura politika] jew atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva […] jekk [:]

[–]      l-applikant kien jagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931] u li teżerċita metodi terroristiċi u meta l-applikant ikun sostna b’mod attiv il-ġlieda bl-armi ta’ din l-organizzazzjoni [(Kawża C-57/09)]?

[–]      iċ-ċittadin barrani kien għal żmien twil involut bħala kombattent u bħala uffiċjal - inkluż, għal xi żmien, bħala membru fit-tmexxija tagħha - ta’ organizzazzjoni (f’dan il-każ il-PKK) li fil-ġlieda bl-armi tagħha kontra l-Istat (f’dan il-każ it-Turkija) applikat b’mod kontinwu metodi terroristiċi u li hija inkluża fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni […], u meta dan iċ-ċittadin barrani għalhekk sostna b’mod attiv il-ġlieda bl-armi ta’ din l-organizzazzjoni filwaqt li kien jokkupa pożizzjoni prominenti [(Kawża C‑101/09)]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) [jew] (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE […] hija suġġetta għall-fatt li [l-persuna kkonċernata] dan iċ-ċittadin barrani jkun għadu jirrappreżenta periklu?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva […] hija suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-każ ineżami?

4)       Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

a)      fil-kuntest tal-eżami ta’ proporzjonalità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li [l-persuna kkonċernata] jibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija taħt l-Artikolu 3 tal-[KEDB] jew taħt dispożizzjonijiet nazzjonali?

b)      esklużjoni tkun sproporzjonata biss f’każijiet eċċezzjonali li jkollhom karatteristiċi partikolari?

5)      Ikun kompatibbli mad-Direttiva […] fis-sens tal-Artikolu 3 tagħha li [:]

[–]      applikant jibbenefika, minkejja l-eżistenza ta’ kriterju ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tagħha, minn dritt għall-ażil skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali [(Kawża C‑57/09)]?

[–]      -ċittadin barrani jibqa’, minkejja l-eżistenza ta’ kriterju ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tagħha u minkejja li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(3) [(a)] tagħha, jibbenefika mill-għarfien tad-dritt għall-ażil taħt id-dritt kostituzzjonali nazzjonali [(Kawża C‑101/09)]?”

68      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2009, il-Kawżi C‑57/09 u C‑101/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Fil-kawża prinċipali, il-Bundesamt adotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, jiġifieri qabel id-9 ta’ Novembru 2004.

70      L-imsemmija deċiżjonijiet, li wasslu għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva.

71      Madankollu, għandu jitfakkar li, peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. B’mod partikolari, la mit-termini tal-Artikolu 68 KE u tal-Artikolu 234 KE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat KE kellhom l-intenzjoni jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja r-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw direttiva fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni internazzjonali li huma riprodotti minn din id-direttiva sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat Membru. F’tali każ, jeżisti interess tal-Unjoni ċert fejn, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali riprodotti mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li huma invokati sabiex jiġu applikati fihom (ara b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, Ġabra p. I-1493, punt 48).

72      F’dawn il-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-Terrorismusbekämpfungsgesetz daħħal fid-dritt nazzjonali każijiet għal esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat li jikkorrispondu essenzjalment għal dawk li jinsabu fit-Taqsima F tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Minħabba li l-kriterji ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 12(2) jikkorrispondu wkoll, essenzjalment, ma’ dawk li jinsabu fit-Taqsima F tal-Artikolu 1, il-Bundesamt, fiż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, eżamina u applika klawżoli ta’ esklużjoni, li, essenzjalment, jikkorrispondu għal dawk imdaħħla, iktar tard, fid-Direttiva.

73      Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bundesamt li tirrevoka d-deċiżjoni li tat l-istatus ta’ refuġjat lil D, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 14(3)(a) tad-Direttiva jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membri li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat ta’ kwalunkwe persuna interessata jekk huma jistabbilixxu, wara li jkunu taw dan l-istatus, li hija “għandu jiġi eskluża [għandha tiġi eskluża]” minn dan skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva.

74      Issa, kuntrarjament għar-raġuni ta’ revoka pprovduta mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, dik li tinsab fis-subparagrafu 3(a) tal-imsemmi artikolu ma għandhiex sistema tranżitorja u ma tistax tkun limitata għall-applikazzjonijiet magħmula jew għad-deċiżjonijiet meħuda wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Hija lanqas ma għandha n-natura fakultattiva ta’ raġunijiet ta’ revoka stabbiliti fl-Artikolu 14(4).

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jingħataw risposti għad-domandi magħmula.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

76      Id-Direttiva ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-punt 1(ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63 KE, li bih il-Kunsill kien responsabbli li jadotta miżuri dwar l-ażil, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll trattati oħra rilevanti, fil-qasam tal-istandards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex ikunu eliġibbli għall-istatus ta’ refuġjat.

77      Mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut tagħha ġew adottati biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw rwieħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenzi Salahadin Abdulla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u tas-17 ta’ Ġunju 2010, C‑31/09, Bolbol, lĠabra p. I-5539, punt 37).

78      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, li sar l-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva, billi jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Salahadin Abdulla et, punti 53 u 54, kif ukoll Bolbol, punt 38).

 Fuq l-ewwel domanda

79      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hawnhekk hemmx “delitt serju mhux politiku” jew “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva meta l-persuna kkonċernata tkun tappartjeni għal organizzazzjoni li hija mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu u li din il-persuna attivament issotni l-ġlieda armata mmexxija minn din l-organizzazzjoni, jekk ikun il-każ billi tokkupa pożizzjoni prominenti.

80      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li hija intiża li tiddetermina sa liema punt persuna li tappartjeni għal organizzazzjoni mniżżla f’din il-lista tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, għandu jiġi mistħarreġ minn qabel jekk l-atti mwettqa minn tali organizzazzjoni jistgħux, kif tippresupponi l-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ delitti serji u ta’ atti msemmija, rispettivament, fl-imsemmija punti (b) u (ċ).

81      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-atti ta’ natura terroristika, li huma kkaratterizzati mill-vjolenza tagħhom kontra l-popolazzjoni ċivili, anki jekk huma kommessi b’għan allegatament politiku, għandhom jiġu kkunsidrati bħala delitti serji politiċi fis-sens tal-imsemmi Artikolu 12(2)(b).

82      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva, il-premessa 22 tad-Direttiva tindika li dawn huma msemmija fil-preambolu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u spjegati, fost oħrajn, fir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-“miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu [internazzjonali]”.

83      Fost dawn l-atti, hemm ir-riżoluzzjonijiet 1373 (2001) u 1377 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, minn fejn jirriżulta li l-imsemmi Kunsill jitlaq mill-prinċipju li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma, b’mod ġenerali u indipendentement mill-parteċipazzjoni ta’ Stat, kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

84      Minn dan isegwi li, kif sostnew, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw tali osservazzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva anki għal persuna li, fil-kuntest tas-sħubija tagħha f’organizzazzjoni mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet implikata f’atti ta’ terroriżmu li għandhom dimensjoni internazzjonali.

85      Sussegwentement, tqum il-kwistjoni dwar kemm sħubija f’tali organizzazzjoni timplika li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva meta hija appoġġat b’mod attiv il-ġlieda bl-armi mmexxija minn din l-organizzazzjoni, jekk ikun il-każ, billi tokkupa pożizzjoni prominenti.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, kif ukoll barra minn hekk il-punti (b) u (ċ) tat-Taqsima F tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jippermettu li tiġi eskluża persuna mill-istatus ta’ refuġjat biss meta jkun hemm “raġunijiet serja [serji]” li jitqiesu li “huwa jew hija jkunu kommettew” delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ospitanti qabel id-dħul tiegħu jew tagħha bħala refuġjat jew li “huwa jew hija kienu ħatja” ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

87      Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tapplikahom biss wara li, għal kull każ individwali, tagħmel evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk jissodisfaw il-kriterji għall-istatus ta’ refuġjat, jaqgħu taħt waħda minn dawn iż-żewġ kriterji ta’ esklużjoni.

88      Konsegwentement, fl-ewwel lok, anki jekk l-atti mwettqa minn organizzazzjoni li hija mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu tista’ tkun relatata ma’ kull kawża ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, is-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata kienet imsieħba f’tali organizzazzjoni ma jistax ikollu l-konsegwenza awtomatika li hija għandha tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

89      Fil-fatt, ma hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u d-Direttiva fir-rigward tal-għanijiet segwiti, u ma huwiex iġġustifikat li l-awtorità kompetenti, meta hija għandha l-intenzjoni li teskludi persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, tibbaża ruħha biss fuq is-sħubija tagħha f’organizzazzjoni li tinsab f’lista adottata barra mill-kuntest stabbilit mid-Direttiva fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

90      Madankollu, l-inklużjoni ta’ organizzazzjoni f’lista bħal dik li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jippermetti li tiġi stabbilita n-natura terroristika tal-grupp terroristiku li kienet imsieħba miegħu il-persuna kkonċernata, li hija element li l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tistħarreġ, l-ewwel nett, li dan il-grupp ikkommetta atti li jaqgħtu taħt l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet li fihom iż-żewġ organizzazzjonijiet li fihom kienu msieħba l-konvenuti fil-kawża prinċipali tniżżlu fil-lista msemmija ma jistgħux jiġu pparagunati mal-evalwazzjoni individwali ta’ fatti speċifiċi li għandha ssir qabel kull deċiżjoni li teskludi persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva.

92      Fit-tieni lok, u kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 lanqas ma tista’ neċessarjament u awtomatikament taqa’ taħt il-kriterji ta’ esklużjoni pprovduti fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva.

93      Fil-fatt, mhux biss din id-Deċiżjoni Qafas, bħall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet adottata f’kuntest barra minn dak tad-Direttiva, li huwa essenzjalment umanitarju, iżda l-att intenzjonali ta’ parteċipazzjoni għall-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas u li l-Istati Membri kellhom jagħmluh punibbli fid-dritt nazzjonali tagħhom, ma huwiex tali li jagħti lok għall-applikazzjoni awtomatika tal-klawżoli ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, li jippresupponi reviżjoni kompleta taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ individwali.

94      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li appartjeniet għal organizzazzjoni li tapplika metodi terroristiċi hija suġġetta għal eżami individwali ta’ fatti speċifiċi li bihom jista’ jiġi evalwat jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha fi ħdan din l-organizzazzjoni, din il-persuna tkun ikkommettiet delitt serju mhux politiku jew kienet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, jew li hija instigat tali delitt jew tali atti jew ipparteċipat fihom fi kwalunkwe manjiera oħra, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva.

95      Sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li hemm kriterji ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, għandha tiġi attribwita lill-persuna kkonċernata, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ prova rikjest mill-imsemmi Artikolu 12(2), parti mir-responsabbiltà għal atti mwettqa mill-organizzazzjoni inkwistjoni matul il-perijodu meta hija kienet membru.

96      Din ir-responsabbiltà individwali għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-kriterji oġġettivi kif ukoll ta’ dawk suġġettivi.

97      Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha b’mod partikolari teżamina r-rwol li effettivament kellha l-persuna kkonċernata fit-twettiq tal-atti inkwistjoni, il-pożizzjoni tagħha fi ħdan l-organizzazzjoni, il-grad ta’ għarfien li hija kellha jew li suppost kellha tal-attivitajiet tagħha, kwalunkwe pressjoni li tkun ġiet suġġetta għaliha jew fatturi oħrajn li jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tagħha.

98      Awtorità li, waqt dan l-eżami, tikkonstata li l-persuna kkonċernata, bħal fil-każ ta’ D, okkupat pożizzjoni prominenti f’organizzazzjoni li tuża metodi terroristiċi tista’ tippreżumi li din il-persuna għandha responsabbiltà individwali għal atti mwettqa minn din l-organizzazzjoni matul il-perijodu rilevanti, iżda jibqa’ l-fatt li huwa neċessarju li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti qabel ma tkun tista’ tiġi adottata d-deċiżjoni li teskludi l-imsemmija persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda miż-żewġ kawżi għandha tkun li l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpetat fis-sens li:

–        il-fatt li persuna kienet tagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu u kienet tappoġġja b’mod attiv il-ġlieda armata mmexxija minn din l-organizzazzjoni ma jikkostiwixxix awtomatikament raġuni serja sabiex wieħed jaħseb li din il-persuna kkommettiet “delitt serju mhux politiku” jew “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”;

–        il-konstatazzjoni, f’dan il-kuntest, li hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li persuna kkommettiet tali delitt jew li tkun ħatja ta’ tali aġir hija suġġetta għal evalwazzjoni, skont il-każ partikolari, ta’ fatti speċifiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-atti mwettqa mill-organizzazzjoni kkonċernata jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet u jekk tistax tiġi attribwita responsabbiltà individwali fit-twettiq ta’ dawn l-atti lill-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-livell ta’ prova rikjest mill-Artikolu 12(2).

 Fuq it-tieni domanda

100    Permezz tat-tieni domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva hijiex suġġetta għall-fatt li l-persuna kkonċernata tibqa’ ta’ perikolu għall-Istat Membru ospitanti.

101    Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, fis-sistema tad-Direttiva, il-periklu attwali li eventwalment jirrappreżenta refuġjat għall-Istat Membru kkonċernat jittieħed inkunsiderazzjoni mhux fil-kuntest tal-Artikolu 12(2) tagħha iżda f’dak tal-Artikolu 14(4)(a), li permezz tiegħu l-Istat Membru jista’ jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat b’mod partikolari fejn hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat bħala theddida għas-sigurtà, u, min-naħa l-oħra, f’dak tal-Artikolu 21(2) tagħha, li jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti jista’, bħal ma jawtorizza wkoll l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jibgħat lura refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jiġi kkunsidrat li huwa ta’ theddida għas-sigurtà jew għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

102    Skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, li huwa analogu għat-Taqsima F(b) u (ċ) tal-Artikolu 1, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ċittadin ta’ pajjiż terz huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat jekk hemm raġunijiet biex wieħed jaħseb li “kommettew” delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ta’ rifuġju “qabel id-dħul tiegħu bħala refuġjat” jew li hu “kien ħati” ta’ atti kuntrarju għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

103    Skont il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti, dawn iż-żewġ kriterji ta’ esklużjoni huma intiżi sabiex jippenalizzaw atti mwettqa fil-passat, kif sostnew il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni.

104    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-kriterji ta’ esklużjoni inkwistjoni ġew stabbiliti sabiex jiġu esklużi mill-istatus ta’ refuġjat il-persuni meqjusa li ma tixirqilhomx il-protezzjoni marbuta ma’ dan l-istatus u sabiex jiġi evitat li l-għoti ta’ dan l-istatus jippermetti lill-awturi ta’ ċerti delitti gravi jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali. Għaldaqstant, ma huwiex konformi ma’ dan l-għan doppju li l-esklużjoni mill-imsemmi status jkun suġġett għall-eżistenza ta’ periklu attwali għall-Istat Membru ospitanti.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ta’ periklu attwali għall-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tielet domanda

106    Permezz tat-tielet domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva hijiex suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-każ inkwistjoni.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 12(2) jirriżulta li, meta li l-kundizzjonijiet hemm stabbiliti jiġu sodisfatti, il-persuna hija “eskluż[a]” mill-istatus ta’ refuġjat u li, fis-sistema tad-Direttiva, l-Artikolu 2(ċ) tagħha jissuġġetta l-kwalità ta’ “refuġjat” għall-fatt li l-persuna ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12.

108    L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat għal waħda mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ), kif ġie osservat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, hija marbuta mal-gravità tal-atti mwettqa, li għandhom ikunu ta’ tali grad li l-persuna kkonċernata ma tistax leġittimament titlob il-protezzjoni marbuta mal-istatus ta’ refuġjat kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva.

109    Peress li l-awtorità kompetenti diġà, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-atti mwettqa u tar-responsabbiltà individwali tal-persuna kkonċernata, ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw dawn l-atti u s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, hija ma hijiex obbligata li, jekk hija tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 12(2) huwa applikabbli, twettaq eżami tal-proporzjonalità li jimplika evalwazzjoni ġdida tal-livell ta’ gravità tal-atti mwettqa, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Olandiż u tar-Renju Unit.

110    Għandu jiġi enfasizzat li l-esklużjoni ta’ persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ma timplikax teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni separata dwar jekk din il-persuna tistax tiġi deportata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

111    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) (b) jew (ċ) tad-Direttiva ma hijiex suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-każ inkwistjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

112    Fid-dawl tar-risposta għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’kull waħda miż-żewġ kawżi.

 Fuq il-ħames domanda

113    Permezz tal-ħames domanda tagħha f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3 tagħha, li Stat Membru jirrikonoxxi dritt ta’ ażil taħt id-dritt kostituzzjonali tiegħu lil persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 3 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu livelli iktar favorevoli biex jiddeċiedu b’mod partikolari liema huma l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, sa fejn, madankollu, dawn il-livelli huma kompatibbli mad-Direttiva.

115    Issa, fid-dawl tal-għan tal-kriterji ta’ esklużjoni tad-Direttiva, li huwa li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni pprovduta minnha fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ir-riżerva li saret fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tipprekludi li Stat Membru jadotta jew iżomm dispożizzjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat ipprovdut minnha lil persuna li hija eskluża taħt l-Artikolu 12(2).

116    Madankollu, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 2(g) in fine tad-Direttiva jirriżulta li din ma tipprekludix li persuna titlob li tkun protetta fil-kuntest ta’ “tip ieħor ta’ protezzjoni” li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

117    Id-Direttiva, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève, titlaq mill-prinċipju li l-Istati Membri ospitanti jistgħu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, jagħtu protezzjoni nazzjonali flimkien ma’ drittijiet li jippermettu lill-persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva sabiex jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

118    L-għoti, minn Stat Membru, ta’ tali status ta’ protezzjoni nazzjonali għal raġunijiet oħra għajr il-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, jiġifieri b’mod diskrezzjonali fuq bażi ta’ kompassjoni jew għal raġunijiet umanitarji, ma jaqax, kif tispeċifika l-premessa 9 tad-Direttiva, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

119    Dan it-tip ieħor ta’ protezzjoni li l-Istati Membri għandhom dritt li jagħtu ma għandux madankollu jkun jista’ jiġi konfuż mal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tad-Direttiva, kif il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ġustament enfasizzat.

120    Għaldaqstant, sa fejn il-livelli nazzjonali li jagħtu dritt ta’ ażil lil persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjat fis-sens tad-Direttiva jippermettu li ssir distinzjoni ċara bejn il-protezzjoni nazzjonali u dik mogħtija taħt id-Direttiva, dawn ma jiksrux is-sistema stabbilita minnha.

121    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu dritt ta’ ażil taħt id-dritt nazzjonali tagħhom lil persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-Direttiva, sakemm dan it-tip ieħor ta’ protezzjoni ma jkunx jinvolvi riskju ta’ konfużjoni mal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tad-Direttiva msemmija.

 Fuq l-ispejjeż

122    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-fatt li persuna kienet tagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, minħabba l-involviment tagħha f’atti ta’ terroriżmu u kienet tappoġġja b’mod attiv il-ġlieda armata mmexxija minn din l-organizzazzjoni ma jikkostitwixxix awtomatikament raġuni serja sabiex wieħed jaħseb li din il-persuna kkommettiet “delitt serju mhux politiku” jew “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”;

–        il-konstatazzjoni, f’dan il-kuntest, li hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li persuna kkommettiet tali delitt jew li tkun ħatja ta’ tali aġir hija suġġetta għal evalwazzjoni, skont il-każ partikolari, ta’ fatti speċifiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-atti mwettqa mill-organizzazzjoni kkonċernata jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet u jekk tistax tiġi attribwita responsabbiltà individwali fit-twettiq ta’ dawn l-atti lill-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-livell ta’ prova rikjest mill-Artikolu 12(2).

2)      L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ta’ periklu attwali għall-Istat Membru ospitanti.

3)      L-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/83 ma hijiex suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-każ inkwistjoni.

4)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu dritt ta’ ażil taħt id-dritt nazzjonali tagħhom lil persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, sakemm dan it-tip ieħor ta’ protezzjoni ma jkunx jinvolvi riskju ta’ konfużjoni mal-istatus ta’ refuġjat fis-sens ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.