Language of document : ECLI:EU:T:2024:223

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

10 ta’ April 2024 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pumi ta’ bibien u ta’ twieqi – Disinn preċedenti – Raġuni ta’ invalidità – Karattru individwali – Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑654/22,

M&T 1997, a.s., stabbilita f’Dobruška (Ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn T. Dobřichovský, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Nicolás Gómez, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

VDS Czmyr Kowalik sp.k., stabbilita fi Świętochłowice (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Witkowska u A. Pilecka, avukati,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, I. Dimitrakopoulos (Relatur) u B. Ricziová, Imħallfin,

Reġistratur: G. Mitrev, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, M&T 1997, a.s., titlob l-annullament u l-bidla tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑29 ta’ Awwissu 2022 (Każ R 29/2022‑3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

[omissis]

 Ittalbiet talpartijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata sabiex tilqa’ r-rikors u tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem l-EUIPO.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

11      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

 Iddritt

 Fuq ilmertu

[omissis]

13      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, essenzjalment, tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies b’mod żbaljat li l-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat lill-utent avżat ma kinitx differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti lil dan l-utent u li, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali.

14      Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, li jikkonċernaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar, l-ewwel nett, id-definizzjoni tal-utent avżat, it-tieni nett, id-determinazzjoni tal-grad ta’ libertà tal-kreatur u, it-tielet nett, il-paragun bejn l-impressjonijiet globali li d-disinni kunfliġġenti jagħtu lill-utent avżat.

[omissis]

 Fuq ilparagun bejn limpressjonijiet globali mogħtija middisinni kunfliġġenti

38      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 27 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat ma kienx jipproduċi impressjoni globali differenti minn dik tad-disinn preċedenti. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa rrimarka li ż-żewġ disinni kunfliġġenti kellhom pum ta’ bieb kompost minn liver ċatt u rettangolari, minn manku tal-liver parallelopipediku, tal-istess dimensjonijiet u proporzjonijiet, u minn profil irqiq. It-tieni nett, huwa rrileva li d-differenzi bejn iż-żewġ disinni kunfliġġenti kienu limitati biss għall-kurvatura tat-truf, li kienu arrotondati fir-rigward tad-disinn ikkontestat, u għall-forma tal-għonq, li t-tranżizzjoni tagħha kienet mgħawġa għal dak li jirrigwarda d-disinn ikkontestat u perpendikolari għal dak li jirrigwarda d-disinn preċedenti, u li dawn id-differenzi ma kinux suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjonijiet globali distinti fuq l-utent avżat, b’mod partikolari fid-dawl tal-grad għoli ta’ libertà tal-kreatur. Fil-fatt, id-differenza fil-kurvatura ma tiġix ipperċepita immedjatament mill-utent avżat mingħajr l-eżami tal-grad eżatt tal-angoli. Barra minn hekk, id-differenza fl-għonq, li jinsab fuq l-parti ta’ wara tal-pum u mhux fuq in-naħa esposta, ma għandhiex irwol determinanti fl-impressjoni globali. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell warrab żewġ differenzi oħra invokati mir-rikorrenti, jiġifieri forma ta’ rożetta u sfumatura ta’ kulur fuq id-disinn ikkontestat, billi qies li l-eżistenza tal-ewwel waħda ma tistax tiġi dedotta mil-linji tad-disinn ikkontestat u li t-tieni waħda ma kinitx suffiċjenti sabiex tikkontrobilanċja x-xebh tad-disinni inkwistjoni. Ir-raba’ nett, huwa qies li l-kisba mid-disinn ikkontestat tal-premju “Red Dot” fl‑2013 kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-impressjoni globali fuq l-utent avżat fid-dawl tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

39      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq diversi żbalji ta’ evalwazzjoni.

[omissis]

49      L-impressjoni globali prodotta fuq l-utent informat minn disinn għandha neċessarjament tiġi ddeterminata fid-dawl tal-mod kif il-prodott inkwistjoni huwa normalment użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2014, Gandia Blasco vs UASI – Sachi Premium-Outdoor Furniture (Pultruna kubika), T‑339/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:54, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attenzjoni tal-utent avżat tiffoka pjuttost fuq l-elementi l-iktar viżibbli u l-iktar importanti waqt l-użu tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 74, u tat‑28 ta’ Settembru 2017, Rühland vs EUIPO – 8 seasons design (Lampa f’forma ta’ stilla), T‑779/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:674, punt 43).

50      F’dan ir-rigward, l-importanza tal-karatteristiċi viżibbli tal-prodott hija evalwata abbażi tal-effett tagħhom mhux biss fuq id-dehra tiegħu, iżda wkoll fuq il-kumdità tal-użu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2014, Pultruna kubika, T‑339/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:54, punti 26 u 30, u tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec vs EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Jetski, dgħajsa bil-mutur), T‑377/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:504, punt 54).

51      Fi kliem ieħor, skont il-ġurisprudenza, grad għoli ta’ libertà tal-kreatur isaħħaħ il-konklużjoni li tgħid li d-disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jagħtu l-istess impressjoni globali għall-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ma jkollux karattru individwali. Għall-kuntrarju, grad dgħajjef ta’ libertà tal-kreatur jiffavorixxi l-konklużjoni li tgħid li d-differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat għandu karattru individwali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk id-differenzi bejn iż-żewġ disinni kunfliġġenti humiex suffiċjentement evidenti sabiex jagħtu fir-rigward tal-utent avżat impressjonijiet globali distinti.

[omissis]

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi li huma, min-naħa tagħhom, rilevanti għall-paragun bejn l-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti, għandu jiġi rrimarkat li, meta l-utent avżat juża pum ta’ bieb b’manku tal-liver konformement mal-użu normali tiegħu, huwa jaqbad il-parti tiegħu intiża għall-qbid b’idu, li tikkorrispondi, f’dan il-każ, għall-manku tal-liver, sabiex jeżerċita pressjoni minn fuq għall-isfel b’tali mod li l-bolt tal-lukkett tal-bieb jiżżerżaq u jippermetti li l-bieb jinfetaħ, li mbagħad jista’ jiġi mbuttat jew miġbud. Issa, meta l-utent avżat jersaq lejn il-pum tal-bieb sabiex jużah normalment, dan tal-aħħar jarah minn fuq. Minħabba f’hekk, l-elementi l-iktar viżibbli tiegħu huma dawk li jikkorrispondu għall-partijiet tal-pum li jħarsu ’l barra, jiġifieri l-partijiet ta’ quddiem, tal-ġenb u ta’ fuq tal-pum. Kif irrikonoxxa l-Bord tal-Appell fil-punti 33 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi fuq wara, jiġifieri l-kurvatura tat-truf u l-forma tal-għonq, huma viżibbli wkoll għall-utent avżat u ma jiġux injorati minnu. Barra minn hekk, kif tirrileva r-rikorrenti, il-kurvatura fit-tond tat-truf tad-disinn ikkontestat hija akkumpanjata minn dehra iktar fina u lixxa li l-utent avżat ser jinnota faċilment.

56      Barra minn hekk, il-forom fit-tond u iktar fini tat-truf tad-disinn ikkontestat jikkostitwixxu differenzi mad-disinn preċedenti li ser jiġu pperċepiti mill-utent avżat bħala li jinfluwenzaw il-manipulazzjoni tal-pum u huma, għalhekk, elementi importanti fir-rigward tal-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat, konformement mal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-aspetti għandhom effett fuq il-kumdità tal-użu tal-pum, peress li jikkorrispondu għall-partijiet tiegħu li jidħlu direttament f’kuntatt mal-idejn tal-utent avżat.

57      Konsegwentement, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 49 iktar ’il fuq, l-attenzjoni tal-utent avżat tiffoka fuq l-elementi kollha indikati fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq.

58      Issa, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq u tal-attenzjoni għolja tal-utent avżat f’dan il-każ (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), hemm lok li jitqies li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi fir-rigward tal-angoli tal-manku tal-liver u tal-għonq la jikkostitwixxu elementi marġinali u lanqas varjazzjonijiet minuri tal-istess disinn uniku. Fil-fatt, forma iktar tonda toħloq, b’mod ġenerali, tnaqqis tal-linji tal-għonq u tal-manku tal-liver, li għandu effett sinjifikattiv kemm fuq l-apparenza globali kif ukoll fuq il-kumdità ta’ użu tal-pum ta’ bieb. Għaldaqstant, dan huwa element li jiġbed l-attenzjoni tal-utent avżat.

59      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, għalkemm il-libertà tal-kreatur hija għolja (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), l-imsemmija differenzi huma suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti tad-disinni kunfliġġenti, kuntrarjament għall-analiżi tal-Bord tal-Appell.

[omissis]

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad29 ta’ Awwissu 2022 (Każ R 29/20223) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kowalik-Bańczyk

Dimitrakopoulos

Ricziová

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ April 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.