Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Erfurt (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Awwissu 2021 – UM vs Daimler AG

(Kawża C-506/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Erfurt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:UM

Konvenut: Daimler AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) 1 , flimkien mal-Artikoli 4, 5 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 2 , għandhom ukoll l-għan u l-finalità li jipproteġu l-interessi ta’ xerrejja individwali ta’ vettura u l-patrimonju tagħhom? Dawn l-interessi jinkludu l-interess ta’ xerrejja individwali li ma tixtrix vettura li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari li ma tixtrix vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet proprji tan-natura, jeżiġi li x-xerrejja ta’ vettura jkollha l-possibbiltà li tressaq talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-manifattur tal-vettura fil-każ ta’ aġir kolpevoli – b’negliġenza jew b’intenzjoni – mill-manifattur tal-vettura minħabba t-tqegħid fis-suq ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 267 TFUE flimkien mal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi dispożizzjonijiet Ġermaniżi bħall-Artikolu 348(3) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) u l-ġurisprudenza relatata, sa fejn irendu t-tressiq ta’ talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja diffiċli, tardiv jew frustranti? Dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ parzjalità tad-dritt Ġermaniż bħall-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili?

____________

1     ĠU 2007, L 263, p. 1

1     ĠU 2007, L 171, p. 1