Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Lulju 2009 - Intel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-286/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Intel Corp. (Wilmington, L-Istati Uniti tal-Amerika) (rappreżentanti: N. Green, I. Forrester, QC, M. Hoskins, K. Bacon, S. Singla, Barristers, A. Parr u R. MacKenzie, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla kompletament jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 finali, tat-13 ta' Mejju 2009, fil-Każ COMP/C­3/37.990 - Intel;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 finali, tat-13 ta' Mejju 2009, fil-Każ COMP/C­3/37.990 - Intel, li tikkonstata li hija kienet wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007 billi implementat strateġija li l-għan tagħha kien li teskludi kompetituri mis-suq ta' unitajiet ċentrali ta' pproċessar (central processing units, iktar 'il quddiem "CPUs") tat-tip x86. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

Ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat fil-liġi billi:

ikkonstatat li t-tnaqqis fil-prezz mogħti taħt ċerti kundizzjonijiet minn Intel lill-klijenti tagħha kien abbużiv fih innifsu minħabba l-fatt li dan kien suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, mingħajr ma stabbilixxiet jekk dan it-tnaqqis kienx attwalment kapaċi jeskludi l-kompetizzjoni;

ibbażat ruħha fuq forma ta' abbuż li jeskludi l-kompetizzjoni, imsejjaħ "restrizzjonijiet mhux moħbija" u naqset milli twettaq kwalunkwe analiżi ta' esklużjoni (anki tal-kapaċità jew tal-probabbiltà ta' esklużjoni) fil-konfront tiegħu;

naqset milli tanalizza jekk l-arranġamenti ta' tnaqqis bejn Intel u l-klijenti tagħha kinux implementati fit-territorju tal-Komunità Ewropea u/jew jekk kellhomx effetti immedjati, sostanzjali, diretti u prevedibbli fil-Komunità Ewropea.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-livell ta' prova meħtieġ fl-analiżi tagħha tal-provi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqset milli turi li l-arranġamenti ta' tnaqqis bejn Intel u l-klijenti tagħha kienu suġġetti għall-kundizzjoni li l-klijenti tagħha jixtru s-CPUs tat-tip x86 li jkollhom bżonn kollha jew kważi kollha mingħand Intel. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat l-eżami msejjaħ "daqs kompetitur effiċjenti" ("as efficient competitor", iktar 'il quddiem l-"eżami AEC") sabiex tiddetermina jekk it-tnaqqis ta' Intel setax jillimita l-kompetizzjoni iżda wettqet diversi żbalji fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta' dan l-eżami. Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tindirizza kategoriji ta' provi oħra rilevanti għall-effetti tat-tnaqqis ta' Intel. B'mod partikolari l-Kummissjoni naqset milli:

tindirizza l-provi li juru li waqt il-perijodu tal-ksur allegat, wieħed mill-kompetituri ta' Intel żied is-sehem fis-suq tiegħu u l-profittabbiltà tiegħu sostanzjalment iżda li n-nuqqas ta' suċċess tiegħu f'ċerti oqsma tas-suq u/jew ma' ċerti produtturi ta' tagħmir oriġinali ("OEMs") kien ir-riżultat tan-nuqqasijiet tiegħu stess;

tistabbilixxi rabta kawżali bejn dak li kkonstatat li huwa tnaqqis kundizzjonali u d-deċiżjonijiet tal-klijenti ta' Intel li ma jixtrux mingħand dak il-kompetitur;

tanalizza l-provi tal-impatt tat-tnaqqis ta' Intel fuq il-konsumaturi.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni naqset milli turi li Intel bdiet strateġija fuq medda twila ta' żmien sabiex teskludi l-kompetituri. Tali konstatazzjoni mhijiex sostnuta minn provi u huwa impossibbli li tiġi rrikonċiljata man-natura frammentarja tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (fir-rigward tal-prodotti koperti u tal-perijodu ta' żmien) fir-rigward ta' kull konsumatur ta' Intel.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kollha jew parti minnha għandha tiġi annullata fuq il-bażi li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali sostanzjali matul il-proċedura amministrattiva b'tali mod li kisret id-drittijiet ta' difiża ta' Intel. B'mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli:

tisma' lil Intel f'seduta rigward id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u l-ittra tal-fatti, minkejja li f'dawn tqajmu allegazzjonijiet u provi ġodda li jidhru b'mod prominenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tiġbor ċerti dokumenti interni mingħand il-kompetitur għall-atti tal-fajl meta ntalbet tagħmel dan mir-rikorrenti, u dan minkejja li, fl-opinjoni tar-rikorrenti, id-dokumenti:

(i) kienu direttament rilevanti għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni kontra Intel,

(ii) setgħu potenzjalment jeħilsu lil Intel mill-akkużi mressqa kontriha u

(iii) kienu ġew identifikati bi preċiżjoni minn Intel;

tieħu nota adegwata tal-laqgħa tagħha ma' xhud prinċipali minn wieħed mill-klijenti ta' Intel, li probabbilment seta' jressaq provi li jeħilsuha mill-akkużi mressqa kontriha.

Skont l-Artikolu 229 KE, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-ammont tal-multa imposta fuqha abbażi ta' tliet motivi.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-multa ta' EUR 1 060 000 000 (l-ogħla multa qatt imposta fuq impriża waħda mill-Kummissjoni) hija manifestament sproporzjonata peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi xi dannu għall-konsumatur jew esklużjoni tal-kompetituri.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kisritx intenzjonalment jew minħabba negliġenza l-Artikolu 82 KE: l-eżami AEC tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq informazzjoni li hija ma setgħatx tkun taf fiż-żmien meta kienet qiegħda tagħti t-tnaqqis lill-klijenti tagħha.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li meta ffissat il-multa, il-Kummissjoni naqset milli tapplika l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 tagħha, u ħadet inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet irrilevanti jew inadegwati.

____________