Language of document : ECLI:EU:C:2020:420

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikoli 5 u 7 – Mistrieħ fil-ġimgħa – Leave annwali – Leave speċjali mħallas li jippermetti li wieħed ikun assenti mix-xogħol sabiex jissodisfa bżonnijiet u obbligi speċifiċi”

Fil-Kawża C‑588/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

Federación de Trabajadores Independientes de Comercio (Fetico),

Federación Estatal de Servicios, Movilidad y Consumo de la Unión General de Trabajadores (FESMCUGT),

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO)

vs

Grupo de Empresas DIA SA,

Twins Alimentación SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan (Relatur), M. Safjan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Federación de Trabajadores Independientes de Comercio (Fetico), minn J. I. Quintana Horcajada u D. Cadierno Pájaro, abogados,

–        għall-Federación Estatal de Servicios, Movilidad y Consumo de la Unión General de Trabajadores (FESMC‑UGT), minn B. García Rodríguez u J. F. Pinilla Porlan, abogados,

–        għall-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), minn P. Caballero Marcos, abogada,

–        għal Grupo de Empresas DIA SA u Twins Alimentación SA, minn A. I. Pérez Hernández, abogada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn organizzazzjonijiet sindakali ta’ ħaddiema, jiġifieri, minn naħa, il-Federación de Trabajadores Independientes de Comercio (Fetico), il-Federación Estatal de Servicios, Movilidad y Consumo de la Unión General de Trabajadores (FESMC‑UGT) u l-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO) u, min-naħa l-oħra, il-grupp ta’ kumpanniji DIA SA u Twins Alimentación SA, dwar kunflitti kollettivi tax-xogħol relatati mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ leave speċjali mħallas previsti fl-Artikolu 46 tal-Convenio colectivo del grupo de empresas Dia SA y Twins Alimentación SA (il-Ftehim Kollettiv tal-Grupp ta’ Kumpanniji Dia SA u ta’ Twins Alimentación SA) tat‑13 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016”), irreġistrat u ppubblikat mir-Resolución de la Dirección General de Empleo (ir-Riżoluzzjoni tad-Direzzjoni Ġenerali tal-Impjieg) tat‑22 ta’ Awwissu 2016 (BOE Nru 212 tat‑2 ta’ Settembru 2016, p. 63357).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/88

3        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tiddikjara:

4        “Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-[Unjoni Ewropea] għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

5        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11‑il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

8        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, huwa fformulat kif ġej:

9        “Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

 Id-Direttiva 2010/18

10      Il-Ftehim Qafas Rivedut dwar il-Leave tal-Ġenituri, konkluż fit‑18 ta’ Ġunju 2009, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), jipprevedi, fil-klawżola 1(1) tiegħu:

11      “Dan il-ftehim jistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali għall-ġenituri li jaħdmu, b’konsiderazzjoni għaż-żieda fid-diversità ta’ strutturi familjari filwaqt li jiġu rrispettati l-liġi, il-ftehim kollettiv u/jew il-prattika nazzjonali.”

12      Il-klawżola 7 ta’ dan il-ftehim qafas, intitolata “Ħin frank mix-xogħol abbażi ta’ forza maġġuri”, tistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintitolaw lill-ħaddiema għal ħin frank mix-xogħol, skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika nazzjonali, abbażi ta’ forza maġġuri għal raġunijiet urġenti tal-familja f’każ ta’ mard jew inċident li jirrendi l-preżenza immedjata tal-ħaddiem indispensabbli.

13      2.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-klawsola 7.1 u jillimitaw dan id-dritt għal ċertu ammont ta’ żmien fis-sena u/jew skont il-każ.”

14      Il-klawżola 8(1) tal-imsemmi ftehim qafas tipprovdi:

15      “L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’dan il-ftehim.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Kostituzzjoni

16      L-Artikolu 40(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“[L]-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippromwovu politika li tiżgura t-taħriġ u r-riabilitazzjoni professjonali; huma għandhom jiżguraw is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol u jiżguraw il-mistrieħ meħtieġ permezz tal-limitazzjoni tal-ġurnata tax-xogħol, tal-leave perijodiku mħallas u tal-promozzjoni ta’ ċentri xierqa.”

 L-Istatut tal-Ħaddiema

17      L-Artikolu 37 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li approva t-test irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), intitolat “Mistrieħ fil-ġimgħa, vaganzi pubbliċi u leave”, jipprovdi:

“1.      Il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa minimu, kumulabbli għal perijodi li ma jaqbżux l-erbatax-il jum, ta’ jum u nofs mingħajr interruzzjoni li, bħala regola, jinkludi wara nofsinhar tas-Sibt jew, fejn applikabbli, filgħodu tat-Tnejn u l-ġurnata sħiħa tal-Ħadd. Il-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għal minuri taħt it‑18‑il sena huwa ta’ mill-inqas jumejn mingħajr interruzzjoni.

[…]

3.      Il-ħaddiem, wara li jkun avża l-assenza tiegħu u wara li jkun ta r-raġunijiet, jista’ jkun assenti mix-xogħol filwaqt li jżomm id-dritt tiegħu għal remunerazzjoni, għat-tul u għar-raġunijiet li ġejjin:

a)      Ħmistax-il jum skont il-kalendarju fil-każ ta’ żwieġ.

b)      Jumejn għat-twelid ta’ wild u għall-mewt, inċident jew mard gravi, il-kura fl-isptar jew l-intervent kirurġiku outpatient li jeħtieġ il-mistrieħ id-dar ta’ membru tal-familja li jkollu rabta ta’ parantela li tista’ tasal sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem ikollu jmur f’post ieħor għal dan l-għan, it-tul ta’ żmien huwa ta’ erbat ijiem.

c)      Jum sabiex jibdel il-post tar-residenza abitwali tiegħu.

d)      Iż-żmien meħtieġ sabiex jaqdi dmir obbligatorju ta’ natura pubblika u personali, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot attiv. Meta regola leġiżlattiva jew konvenzjonali tipprevedi perijodu partikolari, id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu osservati fir-rigward tat-tul tal-assenza u ta’ kumpens finanzjarju. […]

e)      Sabiex jaqdi funzjonijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal fit-termini stabbiliti mil-liġi jew bi ftehim.

f)      Għaż-żmien meħtieġ sabiex isiru eżamijiet ta’ qabel it-twelid u sabiex jiġu segwiti korsijiet ta’ preparazzjoni għall-ħlas kif ukoll, fil-każ ta’ adozzjoni, ta’ kustodja jew ta’ fostering, sabiex ikun hemm attendenza ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ preparazzjoni obbligatorji u li wieħed jissottometti ruħu għall-evalwazzjonijiet psikosoċjali obbligatorji qabel id-dikjarazzjoni ta’ kapaċità bil-kundizzjoni, fil-każijiet kollha, li dawn għandhom iseħħu matul il-ħin tax-xogħol.”

18      L-Artikolu 38 tal-Istatut tal-Ħaddiema, intitolat “Leave annwali mħallas”, jipprevedi:

“1.      Il-perijodu ta’ leave annwali mħallas, li ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, huwa dak li jkun ġie miftiehem permezz ta’ ftehim kollettiv jew kuntratt individwali. Dan il-perijodu f’ebda każ ma jista’ jkun iqsar minn tletin jum skont il-kalendarju.

2.      Il-perijodu jew il-perijodi meta jista’ jittieħed il-leave għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn l-impriża u l-ħaddiem, skont kif ipprovdut, jekk ikun il-każ, fil-ftehim kollettivi dwar l-ippjanar annwali tal-leave.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-qorti tax-xogħol għandha tistabbilixxi d-data li fiha għandu jittieħed il-leave u d-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi appellata. Il-proċedura għandha tkun imħaffa u tingħata prijorità.

3.      Il-kalendarju tal-leave għandu jiġi stabbilit f’kull impriża. Il-ħaddiem għandu jsir jaf bid-dati li jikkonċernawh għall-inqas xahrejn qabel il-bidu tal-leave.

Meta l-perijodu tal-leave stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża msemmi fis-subparagrafu preċedenti jaħbat fl-istess żmien ma’ perijodu ta’ inkapaċità temporanja minħabba tqala, ħlas jew irdigħ, jew mal-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ impjieg previst fl-Artikolu 48(4), (5) u (7) ta’ din il-liġi, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt tieħu l-leave tagħha fi żmien differenti mill-perijodu tal-inkapaċità temporanja jew minn perijodu ieħor ta’ leave, li tkun intitolata għalih skont din id-dispożizzjoni, wara li jkun għadda l-perijodu ta’ sospensjoni, anki jekk is-sena kalendarja korrispondenti tkun diġà għaddiet.

Fil-każ li l-perijodu tal-leave jikkoinċidi ma’ inkapaċità temporanja minħabba ċirkustanzi differenti minn dawk indikati fil-paragrafu preċedenti, u li jimpedixxi lill-ħaddiem milli jieħdu kompletament jew parzjalment matul is-sena kalendarja li jikkorrispondi magħha, huwa jista’ jagħmel hekk wara li l-inkapaċità tiegħu tkun intemmet, iżda ma għandhomx ikunu għaddew iktar minn tmintax-il xahar mit-tmiem tas-sena li fiha kien ġie ġġenerat.”

 Il-Ftehim Kollettiv tat13 ta’ Lulju 2016

19      L-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016 huwa fformulat kif ġej:

“I.      Il-ħaddiem, wara li jkun avża dwar l-assenza tiegħu u wara li jkun ta r-raġunijiet għaliha, jista’ jkun assenti mix-xogħol tiegħu filwaqt li jżomm id-dritt tiegħu għal remunerazzjoni, għat-tul u għar-raġunijiet li ġejjin:

A.      Ħmistax-il jum kalendarju fil-każ ta’ żwieġ, li għandhom jittieħdu mid-data tal-avveniment jew mill-jum immedjatament preċedenti, skont l-għażla tal-ħaddiem.

B.      Tlett ijiem għat-twelid ta’ wild jew għall-mewt, inċident jew mard gravi, il-kura fl-isptar ta’ membru tal-familja li jkollu rabta ta’ parantela li tista’ tasal sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ. Fil-każ ta’ mewt ta’ konjuġi jew ta’ wild, dan il-perijodu għandu jiġi estiż għal 5 ijiem. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem ikollu bżonn imur f’post ieħor, l-imsemmi perijodu jiżdied b’jum.

C.      Jumejn meta membru tal-familja li jkollu rabta ta’ parentela li tista’ tasal sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ iġarrab intervent kirurġiku outpatient li jeħtieġ mistrieħ fid-dar. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem ikollu bżonn imur f’post ieħor, dan il-perijodu jkun ta’ erbat ijiem.

D.      Jum sabiex jibdel il-post tar-residenza abitwali tiegħu.

E.      Iż-żmien meħtieġ sabiex jaqdi dmir obbligatorju ta’ natura pubblika u personali, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot attiv.

F.      Sabiex jaqdi funzjonijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal fit-termini stabbiliti mil-liġi jew minn dan il-ftehim kollettiv.

G.      Għaż-żmien meħtieġ għal żjara ta’ ħaddiem fi klinika minħabba marda waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu, bil-kundizzjoni li dan jipproduċi ċertifikat mediku.

H.      Is-sigħat meħtieġa sabiex il-ħaddiem imur għal eżamijiet fi tmiem l-istudji jew it-taħriġ, meta jkun qiegħed jistudja biex jikseb titolu uffiċjali jew akkademiku. F’dawn il-każijiet, huwa għandu jipprovdi l-ġustifikazzjoni amministrattiva li tappoġġja t-talba tiegħu.

I.      Kull sena, il-ħaddiem jista’ jieħu sa tlett ijiem addizzjonali tal-leave kumulabbli wieħed wieħed minn kwalunkwe wieħed mil-leave previst fil-punti A), B) u D) iktar ’il fuq, jew sa jumejn fil-każ ta’ mewt ta’ konjuġi jew ta’ sieħeb ċivili jew ta’ wild jew, ukoll wieħed wieħed, minbarra l-leave previst fil-paragrafu 1), fil-każijiet li ġejjin:

1)      Jum, jew tmien sigħat kull sena sabiex jakkumpanja wild ta’ inqas minn 16‑il sena għal vista medika fil-klinika matul il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jipproduċi ċertifikat mediku.

2)      Fil-każ ta’ żwieġ ta’ membru tal-familja li jkollu rabta ta’ parentela li tista’ tasal sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsagwinità jew żwieġ.

3)      Fil-każ ta’ eżami tal-liċenzja tas-sewqan u ta’ ffirmar ta’ att notarili għax-xiri jew għall-bejgħ mill-ħaddiem ta’ residenza, li l-ħaddiem għandu jwettaq personalment u matul il-ħin tax-xogħol tiegħu.

II.      Għall-finijiet tal-leave, ħlief għal-leave previst fil-punt A) ta’ dan l-artikolu, il-koppji fi sħubija ċivili għandhom l-istess drittijiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu debitament irreġistrati fir-reġistru uffiċjali rilevanti u li l-ħaddiem ikollu ċertifikazzjoni ta’ dan, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjonijiet applikabbli tal-komunitajiet awtonomi.

III.      Il-ħaddiem għandu javża kemm jista’ jkun malajr lis-superjur immedjat tiegħu, sabiex dan jadotta l-miżuri neċessarji u jagħtih il-leave rilevanti, kif ukoll jippreżenta ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni allegata sabiex jittieħed il-leave mogħti jew li għandu jingħata.

IV.      Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jinftiehem li jkun hemm spostament meta l-ħaddiem ikollu jivvjaġġa iktar minn 150 km bejn il-post ta’ residenza abitwali tiegħu u l-post ta’ destinazzjoni.”

 Il-Kodiċi Ċivili

20      Il-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jistabbilixxi, minn naħa, fl-Artikolu 4(3) tiegħu, li “[i]d-dispożizzjonijiet [ta’ dan] il-[k]odiċi japplikaw b’mod supplimentari fl-oqsma rregolati minn liġijiet oħra” u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5(2) tiegħu, li “[i]l-vaganzi pubbliċi ma humiex esklużi mill-kalkolu skont il-kalendarju tat-termini”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      It-tilwim fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw kunflitti kollettivi tax-xogħol relatati mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ leave speċjali mħallas previsti fl-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016, li jimplimenta r-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema u jistabbilixxi drittijiet li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti. Dawn il-kawżi jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk dan il-leave speċjali mħallas għandux jiġi kkalkolat b’effett minn jum li fih il-ħaddiem għandu bħala prinċipju jaħdem u, bl-eċċezzjoni tal-leave għaż-żwieġ li t-tul tiegħu huwa espress espliċitament f’“[jiem] kalendarj[i]”, jittieħed mill-ħaddiem f’tali jiem. Il-jiem li fihom il-ħaddiem ma għandux jaħdem għall-impriża jinkludu, b’mod partikolari, il-vaganzi pubbliċi u l-jiem ta’ leave.

22      L-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 38 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedu perijodi minimi ta’ mistrieħ li jaqbżu dawk meħtieġa skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88. Barra minn hekk, l-Artikolu 37(3) ta’ dan l-istatut jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema għal leave speċjali mħallas li jippermettilhom jissodisfaw bżonnijiet jew obbligi speċifiċi bħal, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, iż-żwieġ, it-twelid ta’ wild, il-kura fl-isptar, l-operazzjoni kirurġika jew il-mewt ta’ qarib kif ukoll it-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ rappreżentanza sindakali. L-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016 jimplimenta dan l-Artikolu 37(3) f’kundizzjonijiet iktar favorevoli sa fejn jagħti leave ta’ tul itwal jew f’ċirkustanzi differenti minn dawk inklużi fl-imsemmi Artikolu 37(3).

23      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016, it-tul tal-leave għaż-żwieġ huwa espress f’“[jiem] kalendarj[i]”, filwaqt li dak ta’ leave speċjali mħallas ieħor huwa f’“jiem”, mingħajr ma huwa ppreċiżat jekk dawn humiex jiem kalendarji jew jiem ta’ xogħol. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax minn meta jibda l-leave. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Ċivili, li japplika b’mod supplimentari fl-oqsma rregolati minn liġijiet oħra, “[i]l-vaganzi pubbliċi ma humiex esklużi mill-kalkolu skont il-kalendarju tat-termini”.

24      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni mqajma hija marbuta mal-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u ta’ leave annwali mħallas żgurati mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet sindakali ta’ ħaddiema li huma partijiet fil-kawżi prinċipali jitolbu li, meta wieħed mill-avvenimenti previsti fl-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016 iseħħ matul wieħed minn dawn il-perijodi, il-leave speċjali mħallas li l-fatt ġeneratur tiegħu huwa dan l-avveniment jista’ jittieħed barra mill-imsemmija perijodi.

25      B’mod partikolari, sabiex jiġu deċiżi t-tilwim fil-kawża prinċipali, huwa determinanti li jsir magħruf jekk huwiex konformi mal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 li jiġi previst li l-bżonnijiet u l-obbligi li għalihom iwasslu l-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 46 jistgħu jiġġustifikaw il-leave speċjali previst minn din id-dispożizzjoni biss barra mill-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas, minkejja li dawn il-bżonnijiet u obbligi jirreferu għal għanijiet differenti minn dawk li għalihom dawn il-perijodi huma ddedikati.

26      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li ħaddiem ikun bil-leave tal-mard ma jistax jaffettwa d-dritt ta’ dan il-ħaddiem li jibbenefika effettivament mil-leave annwali mħallas tiegħu, fid-dawl tal-għanijiet diverġenti taż-żewġ tipi ta’ leave.

27      Issa, f’dan il-każ, jekk wieħed mill-avvenimenti msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jseħħ matul il-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas, hemm għanijiet differenti li jikkoinċidu, jiġifieri l-mistrieħ li huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura dawn il-perijodi lill-ħaddiema u bżonn jew obbligu previst minn wieħed mit-tipi ta’ leave speċjali mħallas previsti minn din il-leġiżlazzjoni. Jekk, f’dan il-każ, ma kienx possibbli li l-benefiċċju tal-leave speċjali mħallas jiġi pospost għal mument ieħor ħlief dak tal-imsemmija perijodi, il-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar jinġieb fix-xejn, peress li l-ħaddiema jkollhom jiddedikaw l-istess perijodi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-obbligi li għalihom kien previst dan il-leave speċjali mħallas.

28      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk rifjut li l-ħaddiem jingħata d-dritt li jieħu l-leave previst fl-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema u fl-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016, meta jseħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet matul il-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas, huwiex konformi mal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-koinċidenza tal-mistrieħ fil-ġimgħa mat-teħid tal-leave [speċjali] imħallas sabiex jintlaħqu għanijiet li huma distinti mill-mistrieħ?

30      2)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-koinċidenza tal-leave annwali mat-teħid tal-leave [speċjali] imħallas sabiex jintlaħqu għanijiet li huma distinti mill-mistrieħ, mir-rilassament u mir-rikreazzjoni.”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiema jingħataw il-leave speċjali previst f’din il-leġiżlazzjoni fil-jiem li fihom dawn il-ħaddiema għandhom jaħdmu, sa fejn il-bżonnijiet u l-obbligi li għalihom dan il-leave speċjali jkun meħtieġ iseħħu matul perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas imsemmija f’dawn l-artikoli.

32      Għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw, konformement mal-premessa 5 tal-imsemmija direttiva, minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      B’mod partikolari, l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom bħala suġġett id-dritt għal mistrieħ fil-ġimgħa u d-dritt għal leave annwali mħallas.

35      Madankollu, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) u (2)(a), mill-Artikolu 5, mill-Artikolu 7(1) kif ukoll mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta b’mod espliċitu li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-iffissar ta’ rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li ma jippreġudikax il-possibbiltà tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 4(2)(b) TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-politika soċjali, għall-aspetti ddefiniti fit-Trattat FUE, kompetenza kondiviża, fis-sens tal-Artikolu 2(2) TFUE.

37      Il-jiem ta’ leave speċjali mogħtija skont l-Artikolu 46 tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016 sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw bżonnijiet jew obbligi speċifiċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 iżda taħt l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenzi tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Minkejja dan, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżerċizzju ta’ tali kompetenzi ma jistax, madankollu, ikollu l-effett li jippreġudika l-protezzjoni minima żgurata lill-ħaddiema permezz ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, il-benefiċċju effettiv tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u ta’ leave annwali mħallas previsti fl-Artikoli 5 u 7 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT, C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard, li huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jfiq minn marda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25, tal‑21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 19, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 25).

40      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet differenti taż-żewġ tipi ta’ leave, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit bil-quddiem għandu d-dritt, fuq talba tiegħu u sabiex ikun jista’ jibbenefika effettivament mil-leave annwali tiegħu, li jieħu dan il-leave fi żmien differenti minn dak li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-mard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 20, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 26).

41      Madankollu, fir-rigward tal-leave speċjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, li mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxih tagħti lill-ħaddiema, meta jseħħu l-avvenimenti li hija ssemmi, id-dritt li jassentu ruħhom mix-xogħol, billi tipprevedi ż-żamma tar-remunerazzjoni. Għaldaqstant, il-benefiċċju ta’ dan il-leave speċjali mħallas jiddependi fuq żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li jseħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija f’din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, u l-fatt li l-bżonnijiet jew l-obbligi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ leave speċjali jseħħu matul perijodu ta’ xogħol, min-naħa l-oħra.

42      Sa fejn dawn huma intiżi biss sabiex jippermettu lill-ħaddiema jassentu ruħhom mix-xogħol sabiex jissodisfaw ċerti bżonnijiet jew obbligi speċifiċi li jeħtieġu l-preżenza personali tagħhom, il-leave speċjali mħallas previst mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-ħin tax-xogħol bħala tali, tant li l-ħaddiema ma jistgħux jibbenefikaw minnu matul il-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas. Għaldaqstant, dan il-leave speċjali ma jistax jiġi assimilat mal-leave tal-mard.

43      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, meta l-avvenimenti li jiġġustifikaw l-għoti ta’ wieħed mit-tipi tal-leave speċjali mħallas iseħħu matul perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas, li l-ħaddiema jibbenefikaw minnu skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88, dawn il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-leave speċjali mħallas matul perijodu ta’ xogħol sussegwenti.

44      F’dan ir-rigward, ma jistax madankollu jiġi sostnut li, minħabba li l-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas jaqgħu taħt l-Artikoli 5 u 7 ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lil Stat Membru, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tipprevedi l-benefiċċju ta’ leave speċjali mħallas, li jagħti tali leave speċjali minħabba s-sempliċi fatt li jseħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija f’din il-leġiżlazzjoni matul wieħed minn dawn il-perijodi u billi jeskludi, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet l-oħra għall-kisba u għall-għoti previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ tali obbligu jwassal sabiex jiġi injorat li, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dan il-leave speċjali, kif ukoll is-sistema applikabbli għalih, ma jaqax fis-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva.

45      Barra minn hekk, għalkemm dan ma jirriżulta la mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ifformulati mill-partijiet ikkonċernati, jidher, bla ħsara għall-istħarriġ mill-qorti tar-rinviju, li l-leave speċjali msemmi fl-Artikolu 46(I)(B) u (C) tal-Ftehim Kollettiv tat‑13 ta’ Lulju 2016 jaqa’, parzjalment, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas u, għaldaqstant, taħt id-Direttiva 2010/18, peress li ċerti tipi ta’ dan il-leave jistgħu jikkorrispondu għal dawk li l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-benefiċċju tal-ħaddiema, konformement mal-klawżola 7(1) ta’ dan il-ftehim qafas.

46      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċertament jirriżulta li leave ggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt u li jkollu għan distint minn tal-ewwel (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, il-klawżola 7(1) tal-Ftehim Qafas, interpretata fid-dawl tal-klawżola 1(1) u tal-klawżola 8(1) ta’ dan il-ftehim qafas, sempliċement tipprovdi li l-ħaddiema huma awtorizzati jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba forza maġġuri marbuta ma’ raġunijiet tal-familja f’każ ta’ mard jew inċident li jirrendi indispensabbli l-preżenza immedjata tal-ħaddiem. Minn dan isegwi li d-drittijiet minimi previsti f’din il-klawżola 7 ma jistgħux jiġu assimilati ma’ leave, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiema jingħataw il-leave speċjali previst f’din il-leġiżlazzjoni fil-jiem li fihom dawn il-ħaddiema għandhom jaħdmu, sa fejn il-bżonnijiet u l-obbligi li għalihom dan il-leave speċjali jkun meħtieġ iseħħu matul perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas imsemmija f’dawn l-artikoli.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiema jingħataw il-leave speċjali previst f’din il-leġiżlazzjoni fil-jiem li fihom dawn il-ħaddiema għandhom jaħdmu, sa fejn il-bżonnijiet u l-obbligi li għalihom dan il-leave speċjali jkun meħtieġ iseħħu matul perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali mħallas imsemmija f’dawn l-artikoli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.