Language of document : ECLI:EU:F:2014:179

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

3 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑5/12 DEP

Slawomir Bogusz

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, imressqa skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura minn S. Bogusz wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Ġunju 2013, Bogusz vs Frontex (F‑5/12, EU:F:2013:75).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea lil S. Bogusz skont l-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑5/12, Bogusz vs Frontex, huwa stabbilit għal EUR 2 547.50.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess — Determinazzjoni tal-onorarji li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Spejjeż indispensabbli marbuta mal-proċedura ta’ tassazzjoni — Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż.

Fit-teħid ta’ deċiżjoni fuq talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-kunsilliera tagħha. Min-naħa l-oħra, anki jekk il-produzzjoni ta’ fattura mħallsa tista’ tistabbilixxi r-realtà tal-ammont tal-ispejjeż li għalihom ir-rikorrent ġie sostnut għar-rappreżentazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li l-prova tal-ħlas tal-ispejjeż li jintalbu li jinġabru ma hijiex kundizzjoni minn qabel għall-intaxxar mill-Qorti Ġenerali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura tariffarja, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa liberament id-data tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-kunsilliera li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet. Il-libertà ta’ evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam jista’ jwassalha biex tistabbilixxi l-ispejjeż li jistgħu jinġabru għal ammont inqas minn dak li l-parti li hija responsabbli għall-ħlas kienet disposta li tħallas lill-parti l-oħra.

(ara l-punti 30, 33 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 318/82‑DEPE, EU:C:1985:468, punt 2; Comunidad autónoma de La Rioja vs Diputación Foral de Vizcaya et, C‑465/09 P‑DEP, EU:C:2013:112, punti 26 u 27; Kronofrance vs Il‑Ġermanja et, C‑75/05 P‑DEP, EU:C:2013:458, punt 30

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, EU:F:2009:149, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata u Cuallado Martorell vs Il‑Kummissjoni, F‑96/09 DEP, EU:F:2013:186, punt 28

2.      Anki jekk, formalment, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separament fuq l-ispejjeż u l-onorarji sostnuti għall-finijiet tal-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, madankollu hija l-qorti tal-Unjoni, meta tistabbilixxi l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

F’dan ir-rigward, talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tippreżenta natura pjuttost standard u hija differenti, bħala prinċipju, minħabba fl-assenza ta’ kull diffikultà għall-avukat li diġà ttratta l-mertu tal-kawża.

(ara l-punti 45 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti France Télévisions vs TF1, C‑451/10 P‑DEP, EU:C:2012:323, punt 32; CPVO vs Schräder, C‑38/09 P‑DEP, EU:C:2013:679, punt 42

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punti 46 u 47