Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2010 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-65/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2009)9270 finali, tat-30 ta' Novembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mogħtija favur il-programm Operativo Andalucía Objetivo 1 (1994-1999), fi Spanja, skont id-Deċiżjoni C (94) 3456, tad-9 ta' Diċembru 1994, FEŻR Nru 94.11.09.001, u

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-Renju ta' Spanja jikkontesta d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq. Insostenn tar-rikors tiegħu dan l-Istat jinvoka s-segwenti motivi :

Ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988 1, minħabba li uża, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu ta' estrapolazzjoni peress li dan l-artikolu ma jipprovdix il-possibbiltà li l-irregolaritajiet ivverifikati fil-kuntest ta' azzjonijiet speċifiċi li jifformaw parti mill-globalità ta' azzjonijiet inklużi fil-Programmi Operattivi ffinanzjati mill-FEŻR jiġu estrapolati. Il-korrezzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet permezz tad-deċiżjoni kkontestata huma mingħajr bażi legali peress li l-linji gwida tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Ottubru 1997, dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji netti fil-kuntest tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 ma jistgħux, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Spanja vs Il-Kummissjoni, tas-6 ta' April 2000, C-443/97 2, jipproduċu effetti legali fil-konfront tal-Istati Membri, u peress li l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, jikkunsidra biss it-tnaqqis tal-għajnuna meta l-irregolarità tkun ikkonfermata minn eżami, u dan il-prinċipju huwa inkonsistenti mal-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet permezz ta' estrapolazzjoni.

Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE (prinċipju ta' kooperazzjoni leali), peress li l-korrezzjonijiet permezz ta' estrapolazzjoni twettaq minkejja li ma kinitx irriżultat insuffiċjenza fi ħdan is-sistema ta' amministrazzjoni, ta' kontroll jew ta' kontabbiltà relatata mal-kuntratti emendati, fid-dawl tal-fatt li l-korpi amministrattivi applikaw il-liġi Spanjola, li ma ġietx iddikjarata li tmur kontra d-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Renju ta' Spanja jsostni li l-osservanza tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi, anki meta dan jista' jwassal sabiex il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta' irregolaritajiet jew ksur konkret tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma tistax isservi bħala bażi għal estrapolazzjoni minħabba l-ineffiċjenza tas-sistema ta' amministrazzjoni, meta l-liġi li dawn il-korpi japplikaw ma ġietx iddikjarata bħala li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea mill-Qorti tal-Ġustizzja u meta l-Kummissjoni ma tkunx sejħet lill-Istat Membru, skont l-Artikolu 258 TFUE, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, minħabba n-nuqqas ta' rappreżentattività tal-kampjun użat għall-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja permezz ta' estrapolazzjoni. Il-Kummissjoni fasslet il-kampjun għall-applikazzjoni tal-estrapolazzjoni abbażi ta' numru limitat ħafna ta' proġetti (37 minn 5 319), mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-linji kollha tal-programm operattiv, inklużi l-ispejjeż li kienu ġew preċedentement irtirati mill-awtoritajiet Spanjoli, billi bdiet mill-ispiża ddikjarata u mhux mill-għajnuna mogħtija u billi użat programm informatiku li kellu livell ta' affidabbiltà ta' inqas minn 85 %. Għalhekk, ir-Renju ta' Spanja jsostni li l-kampjun ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' rappreżentattività neċessarji sabiex ikun jista' jservi bħala bażi għal estrapolazzjoni.

Preskrizzjoni tal-azzjonijiet skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta' Diċembru 3. Ir-Renju ta' Spanja jsostni, fl-aħħar nett, li l-komunikazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli tal-eżistenza ta' irregolaritajiet (li seħħet f'Ottubru 2004, fir-rigward ta' irregolaritajiet li twettqu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, fis-snin 1997, 1998 u 1999), għandha tagħti lok għall-preskrizzjoni tal-imsemmija irregolaritajiet minħabba t-terminu ta' 4 snin previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1)

2 - Ġabra p. I-2415

3 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 1, p. 340)