Language of document : ECLI:EU:T:2010:256

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva Metromeet – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti meeting metro – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑407/08,

MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.‑C. Plate u R. Kaase, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI li kienet

CBT Comunicación Multimedia, SL, stabbilita f’Getxo (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-12 ta’ Ġunju 2008 (Każ R 387/2007‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG u CBT Comunicación Multimedia, SL,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President tal-Awla, S. Papasavvas u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Settembru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2009,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat ir-risposta tar-rikorrenti, tas-16 ta’ Diċembru 2009, għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ Marzu 2004, CBT Comunicación Multimedia, SL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, wara limitazzjoni li seħħet matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 35 u 41, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Pubblikazzjonijiet teleċarġabbli fuq tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ metroloġija”;

–        klassi 16: “Pubblikazzjonijiet, kotba, rivisti, gazzetti, direttorji u katalgi; materjal edukattiv jew għat-tagħlim (bl-eċċezzjoni ta’ apparat); kollha kemm huma marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ metroloġija”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju; organizzazzjoni u tmexxija ta’ wirjiet bi skop kummerċjali u/jew pubbliċitarju; pubblikazzjoni ta’ testi pubbliċitarji; kollha kemm huma marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ metroloġija”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali; organizzazzjoni u tmexxija ta’ preżentazzjonijiet b’għan edukattiv jew kulturali; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars, ta’ simpożji, ta’ kongressi u ta’ konferenzi; editjar ta’ testi (bl-eċċezzjoni ta’ testi pubbliċitarji); kollha kemm huma marbuta biss ma’ kwistjonijiet ta’ metroloġija”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil- Bullettin ta’ Trade marks Komunitarji Nru 3/2005, tas-17 ta’ Jannar 2005.

5        Fil-15 ta’ April 2005, ir-rikorrenti, MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, ressqet oppożizzjoni fil-konfront tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, fejn allegat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mir-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 30348717 tat-trade mark figurattiva segwenti, flimkien mal-indikazzjoni tal-kuluri blu u isfar:

Image not found

7        It-trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti METRO ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Settembru 2003, u ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2004, b’mod partikolari, għall-prodotti u s-servizzi segwenti:

–        klassi 9: “Apparat għall-ipproċessar ta’ data u kompjuters; tagħmir ta’ ħażna elettronika, manjetika u ottika; tagħmir ta’ ħażna ROM, PROM, EAROM u EPROM, tagħmir ta’ ħażna CD-ROM, ċippijiet (ċirkuwiti integrati), diski, diski manjetiċi; plugboards elettroniċi bil-memorja, il-prodotti kollha msemmija hawn fuq, kemm jekk b’informazzjoni kif ukoll mingħajr informazzjoni rreġistrata; mikroproċessuri; software, databases”;

–        klassi 16: “Karti u kartunċin (sa fejn dawn huma inklużi fil-klassi 16); oġġetti magħmula minn dawn il-materjali, jiġifieri xugamani tal-karti, srievet tal-karti, filtri tal-karti, tixus tal-karti, toilet paper, ħrieqi tal-karti, materjali għall-ippakkjar, basktijiet għall-ippakkjar, materjal stampat; kartoleriji, albums tar-ritratti; materjal istruttiv u għat-tagħlim (bl-eċċezzjoni ta’ apparat) taħt forma stampata; fajls biċ-ċrieki, folders għal konferenzi, oġġetti neċessarji għal korrispondenza, folders għal dokumenti, kotba ta’ eżerċizzji għal kitba, għal aritmetika, għal mużika, għal vokabularju u għax xogħol tad-dar”;

–        klassi 35: “Reklamar; marketing, konsulenza fil-marketing u fix-xiri, studju tas-suq u analiżi tas-suq, relazzjonijiet pubbliċi; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; konsulenza fuq ġestjoni tal-impriża, fuq l-organizzazzjoni, fuq il-persunal u fuq l‑ekonomija ta’ impriża; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment, attivitajiet sportivi u kulturali; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji, kiri ta’ apparat awdjoviżiv; servizzi ta’ logħob on-line; pubblikazzjoni u editjar ta’ kotba, gazzetti u rivisti”.

8        L-oppożizzjoni kienet ukoll ibbażata fuq ir-Reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 30235327 tat-trade mark verbali meeting metro ippreżentata fit-22 ta’ Lulju 2002, u rreġistrata fit-18 ta’ Frar 2003, b’mod partikolari, għall-prodotti u s‑servizzi segwenti:

–        klassi 9: “Apparat għall-ipproċessar ta’ data u kompjuters, tagħmir li jġorr id-data (ipprovduti wkoll ma’ programmi li jistgħu jinqraw), programmi għall-ipproċessar ta’ data”;

–        klassi 16: “Materjal stampat, prospetti, rivisti, gazzetti, kotba, arti grafika, stampi, ritratti; materjal istruttiv u għat-tagħlim (bl-eċċezzjoni ta’ apparat), prodotti tal-karti u kartunċin (sa fejn dawn huma inklużi fil-klassi 16); karti, kartunċin”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju; amministrazzjoni ta’ negozju u konsulenza fuq ġestjoni tal-impriża; kollokament u riserva ta’ persunal; konsulenza fuq ġestjoni ta’ persunal, selezzjoni u reklutaġġ ta’ persunal, b’mod partikolari, riċerka u selezzjoni ta’ speċjalisti u ta’ amministraturi, u organizzazzjoni ta’ avvenimenti marbuta mar-reklutaġġ; servizzi ta’ aġenziji ta’ kollokament; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol temporanju”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ, istruzzjoni, perfezzjonament u orjentazzjoni professjonali; organizzazzjoni ta’ seminars u ta’ kungressi kif ukoll ta’ korsijiet b’korrispondenza; pubblikazzjoni u editjar ta’ kotba, gazzetti u rivisti; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali”.

9        L-oppożizzjoni saret fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, abbażi tat-trade mark verbali meeting metro, laqgħet l-oppożizzjoni kollha kemm hi, minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u rrilevat li s-sinjali meeting metro u Metromeet kienu jixxiebhu peress li kienu jinkludu l-elementi “metro” u “meet”, u li l-komponent “meeting” kien biss il-ġerundiv tal-element “meet”. L‑ordni maqluba tal-elementi “metro”, minn naħa, u tal-element “meet” jew “meeting”, min-naħa l-oħra, ma tikkumpensax għax-xebh viżiv u fonetiku li jeżisti bejn is-sinjali. Kunċettwalment, is-sinjali inkwistjoni jwasslu l-istess messaġġ.

11      Fl-14 ta’ Marzu 2007, CBT Comunicación Multimedia ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ r-rikors u għalhekk annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa ikkunsidra, minn naħa, li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u dawk koperti mit-trade mark preċedenti kienu jew identiċi, jew jixxiebhu u, min-naħa l-oħra, li s-sinjali kunfliġġenti kienu vagament jixxiebħu. Madankollu, il-Bord tal-Appell eskluda kull probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba li l-element komuni “metro” għandu immedjatament jinftiehem mill-pubbliku kkonċernat bħala allużjoni għall-metroloġija jew “Metrologie” bil-Ġermaniż. Il‑pubbliku inkwistjoni, kompost minn speċjalisti, partikolarment attenti meta jixtru l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati, għandu jipperċepixxi r-rabta mal-metroloġija. Barra minn hekk, id-differenzi viżivi bejn it-trade marks inkwistjoni għandhom importanza kbira.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3740529 tat-trade mark Komunitarja Metromeet;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ dokument prodott għall-ewwel darba quddiem il‑Qorti Ġenerali

15      Ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq investigazzjoni magħmula, fil-ħarifa tal-2007, minn istitut għall-istħarriġ, li minnu jirriżulta li 70 % tal-persuni mistoqsija fil-Ġermanja assoċjaw il-kelma “metro” mar-rikorrenti u 10 % ma’ sistema ta’ trasport taħt l-art barra mill-pajjiż.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009). Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li n-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18, u tad-19 ta’ Novembru 2008, Rautaruukki vs UASI (RAUTARUUKKI), T‑269/06, Ġabra p. II‑273, punt 20].

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-anness tar-rikors, li jikkonsisti fl-investigazzjoni li r‑rikorrenti għandha l-intenzjoni li tinvoka fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li dan ma ġiex ippreżentat għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

 Fuq il-mertu

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li fir-rikors ir-rikorrenti talbet, kif jirriżulta mill-punt 13 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u t-tiċħid tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3740529 tat-trade mark Komunitarja Metromeet. Fir-risposta tagħha għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir‑rikorrenti sostniet li t-talbiet tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija titlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-kawża quddiem l‑UASI sabiex dan ikompli bis-smigħ tal-kawża.

19      Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, it-talbiet tar-rikorrenti. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l‑indikazzjoni tan-natura sussidjarja tat-talba għal annullament, meta mqabbla mat-talba għal ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma ġietx inkluża fir-rikors, iżda fir-risposta tar-rikorrenti għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Minn dan isegwi li dan it-tibdil ta’ kap tat-talbiet magħmul fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti ta’ Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tal-14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑79, punt 53).

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel kap tat-talbiet, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

20      Ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li, kif kienet ikkonstatat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jeżisti xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali Metromeet u meeting metro, peress li t-tnejn li huma jinkludu l-elementi “metro” u “meet”, peress li s-suffiss “ing” li jinsab fl-element “meeting” tat-trade mark verbali preċedenti huwa sempliċiment il-ġerundiv ta’ “meet”, li ma huwiex ta’ natura tali li joħloq differenza viżiva, fonetika jew kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali. L-unika differenza tinsab fl-ordni maqluba taż-żewġ komponenti tas-sinjali, li, finalment, ma teskludix ix-xebh ta’ bejniethom.

21      Skont l-UASI, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni minħabba l-karattru ferm allużiv u vagament distintiv tal-element “metro”. Il‑professjonisti li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-metroloġija jassoċjaw l-element “metro” mal-metroloġija meta jkunu affaċjati minn prodotti u servizzi marbuta ma’ dan il-qasam speċjalizzat.

22      Skont it-termini tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jagħmel oppożizzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, “minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

23      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti jfissru kemm it-trade marks Komunitarji kif ukoll it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data ta’ preżentazzjoni tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l‑probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p. II‑174, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29 u, tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17].

25      Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza CAPIO, punt 24 iktar ’il fuq, punt 71, u l‑ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; Canon, punt 24 iktar ’il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 24 iktar ’il fuq, punt 18).

26      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 24 iktar ’il fuq, punt 17]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li tgħid li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi fuq bosta fatturi, b’mod partikolari, fuq kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, fuq l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, fuq il-livell tax-xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s‑sentenza CAPIO, punt 24 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l‑impressjoni globali prodotta minnhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li “teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku”, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks li l‑konsumatur medju għandu tat-tip ta’ prodott jew ta’ servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il‑konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza CAPIO, punt 24 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 25 iktar ’il fuq, punt 23).

28      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il‑konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju rari jkollu l-possibbiltà jipparaguna direttament diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 24 iktar ’il fuq, punt 26].

29      F’dan il-każ, it-trade marks preċedenti li fir-rigward tagħhom ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata huma trade marks nazzjonali rreġistrati fil-Ġermanja. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 34 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata, l‑evalwazzjoni għandha tkun limitata għat-territorju Ġermaniż.

30      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn professjonisti tal-metroloġija u minn fornituri ta’ servizzi f’dan il-qasam, sa fejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jikkonċernaw biss il-metroloġija. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi sostnut, b’mod validu, li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma indirizzati lill-pubbliku inġenerali peress li jsir użu ta’ kuljum minn strumenti ta’ kejl, bħal arloġġi, rigi li jiltwew, imwieżen, kikkri tal-kejl jew termometri. Fil-fatt, l-ebda prodott jew servizz ikkonċernat mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma jirreferi għall-istrumenti ta’ kejl msemmija mir-rikorrenti.

31      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l‑evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell fil-punti 23 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-trade mark meeting metro, u fil-punti 41 sa 45 tal-imsemmija deċiżjoni, dwar it-trade mark METRO, għandha tiġi kkonfermata. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

33      Għandu jitfakkar li, kif diġà ġie indikat fil-punt 27 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l‑impressjoni globali prodotta minnha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra. p. II‑4335, punt 47, u CAPIO, punt 24 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 25 iktar ’il fuq, punt 23].

34      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali f’dak li jirrigwarda aspett jew diversi aspetti rilevanti (sentenzi MATRATZEN, punt 26 iktar ’il fuq, punt 30, u CAPIO, punt 24 iktar ’il fuq, punt 89 ; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 25 iktar ’il fuq, punt 23).

35      L-ewwel nett, is-sinjali li għandhom jiġu pparagunati huma:

Trade Mark nazzjonali preċedenti

Trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni

Image not found

Image not found


36      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun viżiv, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark figurattiva li tinkludi element verbali kompost minn disa’ ittri fejn it-tipa tal-ittri hija standard. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li żewġ ittri “e” għandhom pożizzjoni iktar baxxa mill-ittri l-oħra u li l-aħħar waħda minnhom hija miktuba bil-maqlub. Barra minn hekk, fuq l-aħħar żewġ ittri “e” hemm element figurattiv kompost minn kwadru mdawwar, b’ċirku ġewwa fih. L-element “metro” tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għandu linja taħtu. It-trade mark preċedenti verbali hija komposta minn żewġ kelmiet, li jikkonsistu f’seba’ u ħames ittri rispettivament, li jammontaw għal tnax-il ittra.

37      Ma hemmx dubju li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn żewġ elementi, jiġifieri “metro” u “meet”, li jinsabu f’ordni maqluba fit-trade mark verbali preċedenti, il-kelma “meeting” tista’ faċilment tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala l-ġerundiv tal-kelma “meet”.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi bdil fl-ordni ta’ elementi ta’ trade mark ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ xebh viżiv [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hedgefund Intelligence vs UASI – Hedge Invest (InvestHedge), T‑67/08, Ġabra p. II‑77, punt 35].

39      Madankollu, huwa possibbli li wieħed jara d-differenzi minħabba l-preżenza tal-element figurattiv li huwa kompost minn kwadru, id-dispożizzjoni partikolari tal-aħħar żewġ ittri “e” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll l‑eżistenza ta’ ċerta differenza bejn l-elementi “meet” u “meeting”. Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell esposta fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, globalment, is-sinjali jixxiebhu biss vagament fuq il-livell viżiv, għandha tiġi kkonfermata.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun fonetiku, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l‑bdil fl-ordni ta’ żewġ elementi li jikkostitwixxu s-sinjali u l-fatt li l-kelma “meet” hija riprodotta b’mod ftit differenti fit-trade mark verbali preċedenti (meeting), iż-żewġ sinjali jiġu ppronunzjati b’mod differenti. Madankollu, minħabba li l-aħħar element tat-trade mark verbali preċedenti u l-ewwel element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma identiċi, kif ukoll minħabba li hemm xebh fil-pronunzja tal-elementi “meet” u “meeting”, jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn iż-żewġ sinjali meta kkunsidrati globalment. Il-fatt li l-elementi verbali jiġu ppronunzjati f’ordni inversa ma jistax jipprekludi li s-sinjali jkunu globalment jixxiebhu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza InvestHedge, punt 38 iktar ’il fuq, punt 39). Minn dan isegwi li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell esposta fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, it-trade marks inkwistjoni ma jixxibhux fuq il-livell fonetiku, ma tistax tiġi kkonfermata.

41      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn japplikaw għal prodotti jew servizzi dwar il-metroloġija u fid-dawl tal-pubbliku kkonċernat, li huwa kompost minn speċjalisti fil-qasam tal-metroloġija, għandu jiġi kkunsidrat l-imsemmi pubbliku li għandu, kif jirriżulta mill-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, jifhem s-sinjali inkwistjoni bħala li jirriferu għall-metroloġija u, kuntrarjament għal dak li jirriżulta fil-punti 33 u 34 tal-imsemmija deċiżjoni, għandu wkoll jifhem li dawn jirreferu għal laqgħat ta’ persuni kkonċernati minn din ix-xjenza, bħalma ġie rrilevat fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, peress li l-kelma “meeting” tagħmel parti mill-vokabularju Ġermaniż ta’ kuljum, b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat jifhem il-kelma “meet”. Għalhekk, teżisti rabta evidenti bejn is-sinjali inkwistjoni, peress li l-kunċetti li għalihom jirreferu huma identiċi.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

42      Għandu jitfakkar li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta, b’mod kumulattiv, il‑livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks ikunu għolja biżżejjed (sentenza MATRATZEN, punt 26 iktar ’il fuq, punt 45).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-element “metro”, mingħajr ma huwa deskrittiv, ma jistax jitqies li għandu karattru distintiv b’saħħtu fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi dwar il-metroloġija, u li huma indirizzati lil pubbliku kompost minn speċjalisti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, għalkemm l-element l‑ieħor tas-sinjali inkwistjoni jista’ jiġi pperċepit bħala distintiv, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm mhux identiċi, il-kliem “meet” u “meeting” jixxiebhu, peress li jikkonsistu mill-istess kelma f’żewġ forom grammatikali differenti minħabba l-eżistenza tal-ġerundiv f’wieħed mis-sinjali.

44      Issa, għandu jitfakkar li, anki fir-rigward ta’ pubbliku magħmul minn speċjalisti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà jipparaguna direttament d-diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar [sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 24 iktar ’il fuq, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Novembru 2008, Shaker vs UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana shaker), T‑7/04, Ġabra. p. II‑3085, punt 30]. Barra minn hekk, il-fatt li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni ma humiex mixtrija jew ipprovduti, rispettivament, ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa, iżid il-possibiltajiet li l-pubbliku kkonċernat jiġi żgwidat minn memorja impreċiża tal-istruttura tat-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 76].

45      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ karattru vagament distintiv tat-trade mark preċedenti ma jipprekludix li jiġi kkonstatat li f’dan il-każ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l‑probabbiltà ta’ konfużjoni, dan huwa biss element wieħed minn fost l-elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru vagament distintiv jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra p. II‑5213, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata].

46      Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma, parzjalment identiċi u, minn tal-inqas parzjalment jixxiebhu u, min-naħa l-oħra, peress li s-sinjali inkwistjoni jippreżentaw xebh viżiv u fonetiku, minkejja li dan huwa dgħajjef, u identiċità kunċettwali, għandu jiġi kkonstatat li bejn l-imsemmija sinjali ma teżistix differenza suffiċjenti li tippermetti li tiġi evitata kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’moħħ tal-pubbliku.

47      Kuntrarjament għal dak li kkunsidra l-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, ebda element ma jippermetti li jiġi preżunt li l-prodotti inkwistjoni normalment jinxtraw wara li l-informazzjoni fuq il-prodotti u s-servizzi kkonċernati jiġu studjati, b’tali mod li d-differenzi viżivi jkunu ta’ importanza kbira. Fil-fatt, ix-xiri tal-prodotti jew il-provvista tas-servizzi inkwistjoni jistgħu jsiru wara rakkomandazzjoni orali f’dan is-sens, u l-konsumatur, quddiem dawn iż‑żewġ sinjali, jista’ faċilment, minħabba l-immaġni imperfetta li huwa jiftakar, jitfixkel bejn il-prodott jew is-servizz immarkat bit-trade mark irrakkomandata u dawk immarkati bit-trade mark l-oħra inkwistjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv uniku għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun neċessarju li jsir il-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti METRO.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel kap ta’ talbiet, intiża għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

49      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet, għandu jiġi kkunsidrat li l‑interessi tar-rikorrenti huma, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, suffiċjentement protetti permezz ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Tali talba tikkostitwixxi biss konsegwenza tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li tinsab fil-kuntest tal-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009) [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 17, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra p. II‑11, punt 113].

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talba tar-rikorrenti.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli esposti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż rekuperabbli. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti sabiex l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Diċembru 2008, MIP Metro vs UASI – Metronia (METRONIA), T‑290/07, Ġabra p. II‑315, punt 60].

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-12 ta’ Ġunju 2008 (Każ R 387/2007‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG u CBT Comunicación Multimedia, SL, hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.