Language of document : ECLI:EU:T:2016:369

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq tat-telekomunikazzjoni tal‑Portugall u ta’ Spanja – Klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fis‑suq Iberiku inserita fil-kuntratt għax-xiri minn Telefónica tas-sehem ta’ Portugal Telecom fl-operatur Brażiljan ta’ telefonija mobbli Vivo – Protezzjoni legali ‘sa fejn awtorizzat mil-liġi’ – Ksur skont is suġġett – Restrizzjoni aċċessorja – Awtonomija tal-aġir tar-rikorrenti – Kompetizzjoni potenzjali – Ksur skont l-effetti – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Talba għas-smigħ tax-xhieda”

Fil-Kawża T‑216/13,

Telefónica, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Folguera Crespo, P. Vidal Martínez u E. Peinado Iríbar, avukati,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għal annullament tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom), u, b’mod sussidjarju, talba għal tnaqqis fil-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża, li tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l‑Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica/Il-Portugall Telecom) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), għandha bħala oriġini klawżola (iktar ’il quddiem il-“klawżola”) inkluża fl-Artikolu 9 tal-ftehim għax-xiri tal-ishma (iktar ’il quddiem il-“ftehim”) iffirmat mir-rikorrenti Telefónica, SA (iktar ’il quddiem “Telefónica”) u Portugal Telecom SGPS, SA (iktar ’il quddiem “PT”), fit-28 ta’ Lulju 2010, li għandu bħala suġġett il-kontroll esklużiv, minn Telefónica, tal-operatur tan-netwerk ċellulari Brażiljana Vivo Participações, SA (iktar ’il quddiem “Vivo”). Il-klawżola hija redatta kif ġej (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Id-Disa’ - Nonkompetizzjoni

Sa fejn huwa permess mil-liġi, kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku għal perjodu li jibda mid-data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta’ Diċembru 2011.”

2        Il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat, skont il-konklużjoni preliminari tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-21 ta’ Ottubru 2011, li, fid-dawl tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi (il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien jaqa’ dan il-każ u l-aġir tal-partijiet), il-klawżola kienet tammonta għal akkordju ta’ tqassim tas-swieq li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, bi ksur tal‑Artikolu 101 TFUE (premessi 2 u 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

I –  Preżentazzjoni ta’ Telefónica u ta’ PT

3        Telefónica hija l-ex monopolju tal-Istat Spanjol tat-telekomunikazzjoni, ipprivatizzata kompletament fl-1997, u l-ewwel operatur ta’ telekomunikazzjoni fi Spanja. Telefónica żviluppat preżenza internazzjonali f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tal-Amerika Latina u tal-Afrika u hija waħda mill-ikbar gruppi Ewropej ta’ telekomunikazzjoni (premessi 12 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, Telefónica kellha 2 % tal-kapital ta’ PT. Fil-mument tal-fatti li kienu s‑suġġett tal-imsemmija deċiżjoni, Telefónica kellha sehem minoritarju f’Zon Multimedia (iktar ’il quddiem “Zon”), kumpannija kompetitriċi ta’ PT attiva fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li rriżultat mill‑qasma, li saret fix-xahar ta’ Novembru 2007, bejn PT Multimedia u l-kumpannija parent tagħha PT. Minbarra l-ishma tagħha fil-kumpanniji Portugiżi, Telefónica bdiet tiżviluppa preżenza diretta fil-Portugall bis‑saħħa ta’ żewġ sussidjarji tagħha u tal-fergħa Portugiża ta’ waħda minnhom (premessi 18 sa 20 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Barra minn hekk, Telefónica kienet tinnomina, skont id-data, membru jew tnejn tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT. Fid-data tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni relatata max-xiri ta’ Vivo, jiġifieri s-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il quddiem), żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT kienu ġew innominati minn Telefónica (nota ta’ qiegħ il-paġna 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Il-grupp Portugal Telecom ġie kkostitwit fl-1994 wara li ngħaqdu tliet kumpanniji pubbliċi u ġie pprivatizzat f’ħames stadji bejn l-1995 u l‑2000. Fi tmiem il-ħames u l-aħħar stadju ta’ privatizzazzjoni, fl-2000, l-Istat Portugiż kellu 500 azzjoni ta’ kategorija A (iktar ’il quddiem l‑“azzjonijiet preferenzjali”), li kienu jagħtuh ċerti drittijiet partikolari, fosthom dritt ta’ veto għal emendi statutorji u ta’ deċiżjonijiet importanti oħra. Fit-12 ta’ Diċembru 2000, Portugal Telecom, SA adottat struttura ta’ kumpannija f’portafoll u l-isem PT (premessi 21, 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        PT hija l-ewwel operatur ta’ telekomunikazzjoni fil-Portugall u għandha preżenza strateġika f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari fil-Brażil u fl‑Afrika ’l isfel mis-Saħara. Fil-Brażil, l-attiv prinċipali ta’ PT kien 50 % tal-ishma tal-impriża komuni li tikkontrolla lil Vivo sakemm din tal-aħħar ġiet akkwistata minn Telefónica. Wara li biegħet l-ishma tagħha f’Vivo, fit-28 ta’ Lulju 2010, PT ikkonkludiet sħubija strateġika ma’ Oi, wieħed mill-fornituri priċipali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Brażil (premessi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        PT biegħet is-sehem tagħha ta’ 0.20 % f’Telefónica fl-2010 u ma tikkontrolla l-ebda kumpannija Spanjola. Hija toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti multinazzjonali Portugiżi tagħha li joperaw fis-suq Spanjol billi tuża n-netwerks ta’ operaturi oħra u, b’mod partikolari, ta’ Telefónica (premessi 27, 28 u 233 tad-deċiżjoni kkontestata).

II –  In-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim

9        Vivo hija waħda mill-operaturi prinċipali ta’ telekomunikazzjoni ċellulari fil‑Brażil. Fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim, fit-28 ta’ Lulju 2010, Vivo kienet ikkontrollata minn Telefónica u PT b’mod konġunt permezz ta’ Brasilcel NV (iktar ’il quddiem “Brasilcel”), kumpannija ta’ investiment irreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fis-6 ta’ Mejju 2010, Telefónica nediet offerta pubblika għal xiri ostili f’ammont ta’ EUR 5.7 biljuni fuq is-sehem ta’ 50 % dakinhar miżmuma minn PT f’Brasilcel. L-imsemmija offerta kien fiha b’mod partikolari dispożizzjoni li tipprovdi li “Telefónica ma hi ser timponi l‑ebda klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ solleċitazzjoni lil Portugal Telecom”. Din l-ewwel offerta ġiet miċħuda b’mod unanimu mill-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PT (premessi 35 u 36 tad‑deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-1 ta’ Ġunju 2010, fis-02:53, wara laqgħa li saret bejn il-partijiet fil‑31 ta’ Mejju 2010, PT bagħtet posta elettronika lil Telefónica b’abbozz ta’ tieni offerta għax-xiri tas-sehem tagħha f’Vivo. Il-klawżola ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-imsemmi abbozz (premessa 38 tad‑deċiżjoni kkontestata).

12      L-ewwel abbozz tal-klawżola kien redatt kif ġej (premessa 39 tad‑deċiżjoni kkontestata):

“Non-kompetizzjoni

Kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament, permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat-telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, għal perijodu li jibda mid-data tal-għeluq tal-offerta u li jintemm i) fil-31 ta’ Diċembru 2011 jew ii) fid-data tat-trasferiment effettiv tal-aħħar parti tal-azzjonijiet alternattivi B.”

13      F’posta elettronika mibgħuta lil PT fl-1 ta’ Ġunju 2010 fl-12:21, Telefónica ssuġġeriet li ssir emenda għall-klawżola biż-żieda tal-frażi “bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li kienu qed iseħħu fil-jum tal-firma ta’ dan il-ftehim” sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet li kienu jeżistu dakinhar ta’ kull parti fis-suq nazzjonali tal-ieħor. Din l-emenda ġiet integrata fit-tieni offerta datata l-1 ta’ Ġunju 2010 (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Minbarra l-ewwel abbozz ta’ klawżola, it-tieni offerta kienet tipprevedi żieda tal-prezz ta’ EUR 6.5 biljuni, għażla ta’ xiri mill-ġdid għal benefiċċju ta’ PT, li permezz tagħha hija setgħet tixtri mill-ġdid l‑azzjonijiet tagħha miżmuma minn Telefónica, u impenn minn Telefónica li tixtri l‑azzjonijiet li PT kellha fil-kumpannija Dedic SA, operatur ta’ ċentru ta’ tweġib ta’ telefonati Brażiljan. Barra minn hekk, it-tieni offerta kienet tipprovdi wkoll li Telefónica tobbliga ruħha li tastjeni milli timponi “kwalunkwe klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ solleċitazzjoni lil Portugal Telecom”, li kienet diġà dehret fl-ewwel offerta (premessi 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-1 ta’ Ġunju 2010 filgħaxija, il-Bord tad-Diretturi ta’ PT ħabbar li kien ikkunsidra li t-tieni offerta magħmula minn Telefónica ma kinitx tirrifletti l-valur reali ta’ Vivo. Madankollu, huwa ddeċieda li jissottometti d-deċiżjoni tiegħu għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija tat-30 ta’ Ġunju 2010 (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      It-tieni offerta saret pubblika mill-partijiet meta tpoġġiet fuq is-siti internet rispettivi tagħhom u ntbagħtet lill-awtoritajiet tal-Borża Spanjoli u Portugiżi. Barra minn hekk, il-kontenut tal-klawżola inserita fit-tieni offerta ġie ppubblikat ukoll f’fuljett imqassam mill-Bord tad‑Diretturi ta’ PT fid-9 ta’ Ġunju 2010 lill-azzjonisti tagħha bi tħejjija għal-laqgħa ġenerali tagħha li kellha ssir fit-30 ta’ Ġunju 2010 (premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fid-29 ta’ Ġunju 2010, Telefónica ppreżentat it-tielet offerta fl-ammont ta’ EUR 7.15 biljuni, li kien fiha wkoll l-istess termini u kundizzjonijiet bħat-tieni offerta (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-laqgħa ġenerali ordinarja ta’ PT approvat it‑tielet offerta magħmula minn Telefónica. Madankollu, il-Gvern Portugiż eżerċita d-dritt marbut mal-azzjonijiet preferenzjali li huwa kellu f’PT (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) sabiex iwaqqaf it-tranżazzjoni u Telefónica estendiet it-tielet offerta sas-16 ta’ Lulju 2010 (premessi 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, Ġabra, EU:C:2010:412), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, billi żammet f’PT drittijiet speċjali bħal dawk previsti fl-istatuti tal‑imsemmija kumpannija favur l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali tal-Istat f’PT, ir‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 56 KE (premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fis-16 ta’ Lulju 2010, PT talbet lil Telefónica testendi l-offerta tagħha sat-28 ta’ Lulju 2010, iżda Telefónica opponiet din it-talba u l-offerta saret invalida (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-27 ta’ Lulju 2010, saret laqgħa oħra bejn PT u Telefónica fejn Telefónica pproponiet lil PT, minn naħa, li żżid l-espressjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” fil-bidu tal-klawżola u, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-portata tal-klawżola mid-“data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta’ Diċembru 2011” (premessi 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-28 ta’ Lulju 2010, Telefónica u PT ikkonkludew il-ftehim li permezz tiegħu Telefónica ħadet il-kontroll esklużiv ta’ Vivo bis-saħħa tal‑akkwist ta’ 50 % tal-kapital ta’ Brasilcel, bil-prezz ta’ EUR 7.5 biljuni (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-ftehim, fl-Artikolu 9 tiegħu, kien fih il-klawżola segwenti (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Id-Disa’ - Nonkompetizzjoni

Sa fejn huwa permess mil-liġi, kull parti għandha żżomm lura milli tipparteċipa jew tinvesti, direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe affiljata, fi kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku għal perjodu li jibda mid-data [tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010] sal-31 ta Diċembru 2011.”

24      Kuntrarjament għat-tieni offerta (punt 14 iktar ’il fuq), il-ftehim ma kienx jipprevedi iktar l-għażla ta’ xiri mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ PT, li permezz tagħha din tal-aħħar setgħet tixtri mill-ġdid l-azzjonijiet tagħha miżmuma minn Telefónica. Għall-kuntrarju, il-ftehim kien jipprevedi b’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-riżenja tal-membri tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ PT innominati minn Telefónica (Artikolu 3(6) tal‑ftehim), fit-tieni lok, programm ta’ sħubija industrijali bejn iż-żewġ impriżi (Artikolu 6 tal-ftehim) bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux f’kompetizzjoni fil-Brażil (Artikolu 7 tal-ftehim) u, fit-tielet lok, l‑eventwali akkwist, minn Telefónica, tal-kumpannija Brażiljana Dedic, speċjalizzata fil-provvista ta’ servizzi ta’ ċentri ta’ tweġib ta’ telefonati (Artikolu 10 tal-ftehim) (premessi 56 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni seħħet fis-27 ta’ Settembru 2010, permezz ta’ “att notarili ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet” u ta’ “att notarili ta’ konferma” (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-data tal-iffirmar tal-ftehim, fit-28 ta’ Lulju 2010, PT ħabbret ukoll li hija kienet ikkonkludiet, f’din l-istess data, protokoll ta’ ftehim li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-implementazzjoni ta’ sħubija strateġika ma’ Oi (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u li hija kienet qed tippjana li takkwista 22.38 % tal-ishma tal-grupp Oi sabiex ikollha rwol sinjifikattiv fit-tmexxija ta’ dan tal-aħħar (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      It-tranżazzjoni Vivo ġiet innotifikata, fid-29 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Awwissu 2010, lill-Agência National de Telecommunicações (Anatel, Awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjoni Brażiljana) u lil Conselho Administrativo de Defesa Econômica (CADE, Awtorità tal‑kompetizzjoni Brażiljana) u, f’artikolu li deher fil-ġurnali fit-23 ta’ Awwissu 2010, Telefónica kkonfermat li l-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessi 103, 130 u 491 tad‑deċiżjoni kkontestata).

III –  Fatti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim

28      Fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010, saru żewġ konverżazzjonijiet bit-telefon bejn Telefónica u PT (premessi 113 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fl-4 ta’ Frar 2011, wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fid‑19 ta’ Jannar 2011 (ara l-punt 31 iktar ’il quddiem), Telefónica u PT iffirmaw ftehim sabiex ineħħu l-klawżola (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata), li kienet redatta kif ġej:

“Preambolu:

Peress li [PT] u Telefónica kkonkludew ftehim (iktar ’il quddiem il‑‘ftehim’) fit-28 ta’ Ġunju 2010 dwar il-bejgħ, minn [PT], lil Telefónica ta’ 50 % (ħamsin) fil-mija tal-kapital tal-kumpannija tad‑dritt Olandiż [Brasilcel] (iktar ’il quddiem ‘Brasilcel’ jew il‑‘kumpannija’).

Peress li l-Artikolu 9 tal-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, li permezz tagħha, sa fejn huwa permess mil-liġi, kull parti ntrabtet li ma tikkompetix mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, mid‑data tal-konklużjoni tat‑tranżazzjoni (kif iddefinita fil-ftehim) sal‑31 ta Diċembru 2011.

Peress li l-Artikolu 9 tal-ftehim kien diġà maħsub mill-partijiet fil‑kuntest ta’ eventwali għażla ta’ xiri mill-ġdid, għall-benefiċċju ta’ PT, ta’ azzjonijiet li dakinhar kienu miżmuma minn Telefónica fl‑imsemmija kumpannija, u li dan l-artikolu nżamm fil-ftehim finali, bil-kundizzjoni li jkun konformi mad-dritt, minkejja l-abbandun, finalment, tal-imsemmija għażla.

Peress li l-partijiet xtaqu jirrediġu bil-miktub il-fatt li l-Artikolu 9 iktar ’il fuq imsemmi ma huwiex applikabbli, li qatt ma ġie eżegwit, u li, konsegwentement, ma kellu l-ebda effett fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali rispettivi tagħhom.

Peress li Telefónica u PT ġew innotifikati, fl-24 ta’ Jannar u fil-21 ta’ Jannar 2011 rispettivament, bil-ftuħ, mill-Kummissjoni Ewropea, ta’ proċedura formali fil-konfront tagħhom dwar l-Artikolu 9 iktar ’il fuq imsemmi.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-partijiet jiftehmu dan li ġej:

Artikolu 1. Emenda tal-ftehim u rtirar tad-drittijiet

Qed issir emenda tal-ftehim u l-Artikolu 9 kollu kemm hu huwa mħassar. Dan l-artikolu huwa kkunsidrat bħala null u mhux miktub.

Il-partijiet jikkonfermaw, b’mod irrevokabbli u finali, li l-Artikolu 9 ma għandu jagħti l-ebda dritt, ikun xi jkun, jew jimponi xi obbligu, ikun xi jkun, lill-partijiet jew kwalunkwe terzi.

Artikolu 2. Liġi applikabbli

Dan il-ftehim kif ukoll kwalunkwe kwistjoni dwar l-eżekuzzjoni jew kull konsegwenza marbuta ma’ kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu rregolati mid-dritt Portugiż u għandhom jiġu interpretati skont dan tal-aħħar”.

IV –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

30      Il-klawżola ġiet skoperta, f’Settembru 2010, mill-Awtorità tal‑kompetizzjoni Spanjola, li informat lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Portugiża u lill-Kummissjoni dwarha, u ġie deċiż li din tal-aħħar tibda tinvestiga (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Fid-19 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra Telefónica u PT, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16  ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it‑tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fil-kuntest tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill‑partijiet fil-5 ta’ Jannar, fl-1 ta’ April, fil-25 ta’ Mejju, fl-10 u fl‑24 ta’ Ġunju 2011 kif ukoll fil-5 ta’ Settembru 2012 u lil uħud mill-klijenti multinazzjonali tagħhom fl-20 ta’ April 2011. Barra minn hekk, saru laqgħat ma’ PT, fis-17 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Settembru 2011 kif ukoll fis-27 ta’ Settembru 2012, u ma’ Telefónica, fil-21 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Settembru 2011 kif ukoll fis-27 ta’ Settembru 2012 (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fil-21 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, fl-4 ta’ Novembru 2011, il-partijiet kellhom aċċess għall-fajl u, fis-7 ta’ Novembru 2011, huma rċevew id-dokumenti korrispondenti. Fit-13 ta’ Jannar 2012, Telefónica u PT irrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda ma talbux seduta (premessi 7, 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fit-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

35      Il-Kummissjoni indikat li l-kawża li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda l-klawżola li tinsab fil-ftehim (punti 1, 22 u 23 iktar ’il fuq) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni spjegat li hija kienet ikkunsidrat, fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, li, fid-dawl tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi (il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kienet taqa’ din il-kawża u l-aġir tal‑partijiet), il-klawżola kienet tammonta għal akkordju ta’ tqassim tas‑swieq li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, bi ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, u li hija kkonfermat din il-konklużjoni fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni analizzat l-isfond fattwali tan-negozjati bejn il-partijiet li wasslu għall-introduzzjoni tal-klawżola fil-verżjoni finali tal-ftehim, il-fatti li seħħew wara l-iffirmar tiegħu (ara l-punti 10 sa 29 iktar ’il fuq) u l-argumenti tal-partijiet ippreżentati f’dak li jirrigwarda l-imsemmija sfond u fatti (premessi 29 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola u tas-swieq rilevanti, li, fid-dawl tal-kliem tal-klawżola (punti 1 u 23 iktar ’il fuq), din kienet tirrigwarda kwalunkwe proġett li jaqa’ fis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bil-kundizzjoni li parti jew oħra tagħti jew tista’ tagħti tali servizz. Konsegwentement, u kif jirriżulta mill-kliem tagħha, il-klawżola kienet tirrigwarda s-servizzi ta’ telefonija fissi u mobbli, ta’ aċċess għall‑internet u tat-televiżjoni kif ukoll is-servizzi tax-xandir bir-radju li huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ komunikazzjoni minkejja li ma humiex imsemmija fil-klawżola. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni spjegat li, skont il-kliem tal-klawżola, kull attività u kull investiment li sar qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri t-28 ta’ Lulju 2010, kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola (premessi 132 sa 136 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni nnotat li s-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola minħabba l‑preżenza ta’ kull parti fis-swieq tal-imsemmija servizzi fil-peniżola Iberika fid-data tal-iffirmar tal-ftehim (premessi 173, 174, 184 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-klawżola, il-Kummissjoni interpretat l-espressjoni “suq Iberiku” bħala li jirreferi għas-swieq Spanjol u Portugiż. Fid-dawl tal-attivitajiet kummerċjali tal-partijiet, li kienu jikkonsistu fi preżenza fil-maġġoranza tas-swieq ta’ komunikazzjoni elettronika fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ kull waħda minnhom u fi preżenza dgħajfa, kważi ineżistenti, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-parti l‑oħra (punti 3 sa 8 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola kien jikkonċerna l-Portugall, għal Telefónica, u lil Spanja, għal PT (premessi 137 sa 140 tad‑deċiżjoni kkontestata).

41      Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klawżola kienet tapplika għas-swieq kollha tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ televiżjoni fi Spanja u fil-Portugall, bl-eċċezzjoni tas-swieq ta’ forniment ta’ servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, ma hemmx dubju li l-klawżola tikkostitwixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li huwa ftehim miktub, konkluż u ffirmat mill-partijiet, li l-eżistenza tiegħu ma tistax tiġi nnegata u li, fuq kollox, il-klawżola kienet is-suġġett ta’ att notarili li fil-preambolu tiegħu jindika li kopja tal-ftehim kienet qed tiġi annessa miegħu (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirrigwarda r‑restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni kkunsidrat, wara li analizzat l-argumenti tal-partijiet, li l-klawżola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim, tal-għanijiet segwiti mill-klawżola, tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kienet taqa’ l-klawżola, tal-imġiba u l-aġir effettiv tal‑partijiet u, finalment, tal-intenzjoni tagħhom (premessi 238 sa 242 u 243 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fir-rigward tal-għan tal‑klawżola, li, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, il-klawżola kienet tipprekludi lil PT milli tippenetra fuq wieħed mis-swieq Spanjoli tat‑telekomunikazzjoni u lil Telefónica milli testendi l-preżenza tagħha, limitata, fuq is-swieq Portugiżi tat-telekomunikazzjoni, u dan matul il‑perijodu ta’ applikazzjoni tal-klawżola, b’tali mod li, minflok ma jikkompetu reċiprokament u jaġixxu bħala rivali, aġir normalment mistenni f’suq miftuħ u kompetittiv, Telefónica u PT ftehmu, b’mod intenzjonat, sabiex iwarrbu u jirrestrinġu kull kompetizzjoni fuq is‑swieq rispettivi tagħhom, u għalhekk il-klawżola tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq (premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni indikat li l-klawżola setgħet, fuq kollox, tipposponi l-integrazzjoni fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, peress li l-proċess ta’ integrazzjoni tal-imsemmi suq kien jiġi kompromess b’mod serju jekk operaturi storiċi bħal Telefónica u PT setgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, diġà qawwija ferm, fis-suq billi jipparteċipaw fi prattiki kollużorji li għandhom bħala għan li jipproteġu s‑swieq ta’ oriġini tagħhom u li jevitaw id-dħul ta’ operaturi oħra fuq dawn tal-aħħar (premessi 354 u 355 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      It-tieni nett, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim kien superfluwu jekk jiġi muri li dan kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li skont il-Kummissjoni, kien il-każ f’din il-kawża, hija madankollu indikat, bħala risposta għall-argumenti tal-partijiet, li, qabel kollox, il-klawżola kienet ġiet adottata minn żewġ kompetituri, b’tali mod li setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi li, imbagħad, anki jekk il-klawżola kienet ikkunsidrata bħala li ma tistax tipproduċi effetti, dan ma għandux jipprekludi li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan sa fejn, jekk ftehim kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ma kienx jagħmel differenza, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-ksur, jekk il-konklużjoni tal-ftehim kinitx fl-interess kummerċjali tal-kontraenti, jekk il-fatt li l-klawżola li kellha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni setgħet tirriżulta li ma tistax tipproduċi effetti fl-interess kummerċjali ta’ Telefónica jew ta’ PT kienx, għalhekk, irrilevanti; u jekk, finalment, il-partijiet bl-ebda mod ma urew li daħlu f’attivitajiet ġodda fi Spanja jew fil-Portugall li jistgħu jikkontradixxu l-implementazzjoni tal-klawżola, li ma kienx juri fih innifsu li l-klawżola kienet ġiet implementata, iżda kien sinjal li dan seta’ kien il-każ (premessi 240 u 357 sa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Il-Kummissjoni kkunsidrat li kellu jiġi deċiż li, f’dan il-każ, ma kienx jidher neċessarju li tintwera l-eżistenza ta’ xi effett negattiv fuq il‑kompetizzjoni sa fejn l-għan antikompetittiv tal-klawżola kien ġie stabbilit u li għalhekk ma kienx hemm lok li tingħata evalwazzjoni ddettaljata ta’ kull wieħed mis-swieq tat-telekomunikazzjoni inkwistjoni kif ukoll tal-effetti tal-klawżola fi ħdan dawn tal-aħħar (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      It-tielet nett, il-Kummissjoni indikat li l-klawżola ma setgħetx tiġi analizzata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo, peress li l-klawżola kienet tirrigwarda lis-suq Iberiku filwaqt li t-tranżazzjoni Vivo kienet tirrigwarda operatur li l-attività tiegħu kienet limitata fil-Brażil u li l-klawżola ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex issir it-tranżazzjoni (premessi 367 sa 433 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klawżola kienet timponi obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq il-partijiet u kienet tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq bil-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern u li kienet tikser, minħabba f’hekk, l-Artikolu 101 TFUE, fid‑dawl tal-kontenut tal-ftehim (u, b’mod partikolari, tar-redazzjoni tal‑klawżola, li ftit li xejn kienet tħalli dubji dwar in-natura tagħha) kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien jidħol il-ftehim (pereżempju, is-swieq tal-komunikazzjoni elettronika, li kienu liberalizzati) u tat-tmexxija u l-aġir effettiv tal-partijiet (b’mod partikolari, tax-xoljiment tal-klawżola minnhom stess iżda biss fl-4 ta’ Frar 2011, wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Jannar 2011, u mhux wara l-konverżazzjonijiet bit-telefon ta’ Ottubru 2010, kuntrarjament għal dak li qalu l-partijiet) (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni spjegat li l-klawżola ma kinitx tissodisfa l‑kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 101(3) TFUE (premessi 436 sa 446 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l‑Istati Membri (premessi 447 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Il-ħames nett, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien ikopri l-perijodu mid-data tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni, jiġifieri s-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), sad-data li fiha l-klawżola ġiet xolta, jiġifieri fl-4 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) (premessi 454 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Is-sitt nett, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, dispożizzjonijiet tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

53      Sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tas-servizzi koperti bil-klawżola kif iddefiniti fit-taqsima 5 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq) u, b’mod partikolari, għal kull parti, sempliċement il‑valur tal-bejgħ tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (premessi 478 sa 483 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, b’mod ġenerali, hija tikkunsidra l-bejgħ imwettaq mill-impriżi matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, iżda li, f’dan il-każ, il-ksur kien dam inqas minn sena u kien seħħ bejn l-2010 u l-2011. Konsegwentement, il-Kummissjoni użat il-bejgħ tal-impriżi matul is-sena 2011, li kien inqas mill-bejgħ irreġistrat mill-partijiet fl-2010 (premessa 484 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, li jistabbilixxi l-perċentwali tal-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal‑multa, il-Kummissjoni fakkret li l-ksur kien magħmul minn ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ televiżjoni Spanjol u Portugiż u li Telefónica u PT kienu l-operaturi storiċi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li hija kkunsidrat il-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta mill-partijiet (ara l-punti 16 u 27 iktar ’il fuq). Fid‑dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l‑perċentwali tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat kien ta’ 2 % għaż-żewġ impriżi kkonċernati (premessi 489 sa 491 u 493 tad‑deċiżjoni kkontestata).

56      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li dan kien ikopri l-perijodu mis-27 ta’ Settembru 2010 (data tal-konstatazzjoni notarili u, għalhekk, tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni) sal-4 ta’ Frar 2011 (data tal-ftehim tal-partijiet li xolja din il-klawżola) (premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni ma applikat l-ebda ċirkustanza aggravanti u kkunsidrat li d-data tar-rexissjoni tal-klawżola, l-4 ta’ Frar 2011, kienet tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti minħabba l-fatt li kienet biss 16-il jum wara l-ftuħ tal-proċedura u 30 jum wara li ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni lill-partijiet. Barra minn hekk, peress li l-klawżola ma kinitx sigrieta, il-Kummissjoni kkunsidrat li għandu jsir tnaqqis ta’ 20 % tal‑ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq il-partijiet (premessi 496, 500 u 501 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      L-ammont finali tal-multi jammonta għal EUR 66 894 000 għal Telefónica u EUR 12 290 000 għal PT (premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni spjegat li dan l-ammont ma kienx jeċċedi l-10 % tad‑dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn kull impriża kkonċernata (premessi 510 u 511 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

L-ewwel Artikolu

[Telefónica] u [PT] kisru l-Artikolu 101 [TFUE] billi pparteċipaw fi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-Artikolu 9 tal-ftehim konkluż minn dawn il-kumpanniji fit-28 ta’ Lulju 2010.

Il-ksur dam mis-27 ta’ Settembru 2010 sal-4 ta’ Frar 2011.

Artikolu 2

“Minħabba l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti s-segwenti multi:

a) [Telefónica]: EUR 66,894,000

b) [PT]: EUR 12,290,000

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

60      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

61      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba fis-seduta.

62      Fil-31 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti ressqet talba għas-smigħ ta’ xhieda, u b’hekk irrepetiet it-talba għas-smigħ ta’ xhieda mressqa fir-rikors bħala “talba addizzjonali”. Fl-24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija talba.

63      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2015.

64      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tiddikjara n-nullità parzjali tal-Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, “għar-raġunijiet esposti f’din in-nota jew għal raġunijiet oħra li l‑Qorti Ġenerali tista’ tapplika”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnha f’din il-proċedura.

65      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

66      Fis-seduta, ir-rikorrenti spjegat li, bil-kliem, “tiddikjara n-nullità parzjali tal-Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata”, li jinsab fit-tieni talba tagħha, hija talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija indikat li hija llimitat ruħha sabiex titlob l‑imsemmi annullament parzjali għar-raġunijiet invokati fir-rikors, peress li l-kliem “jew għal raġunijiet oħra li l‑Qorti Ġenerali tista’ tapplika” jirrifletti formula normalment użata fid-dritt Spanjol.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

67      Preliminarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi mar-rikors, filwaqt li r-rikorrenti tikkontesta l-ammissibbiltà tar‑riferimenti magħmula mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha fir-rikors parallel ippreżentat minn PT kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑208/13, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni.

A –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi mar-rikors

68      Il-Kummissjoni ssostni li ċerti annessi mehmuża mir-rikorrenti mar‑rikors tagħha ma ġewx prodotti waqt il-proċedura amministrattiva u għalhekk għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Dan huwa l-każ tal‑annessi A.25, A.37, A.55, A.56, A.57, A.58, A.59, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65, A.67, A.69, A.70, A.71, A.72, A.74, A.75, A.76, A.77, A.78, A.79, A.80, A.81, A.82 u A.83 kif ukoll tal-artikli tal-istampa elenkati fl-anness A.70 li lanqas kienu inklużi fil-proċess amministrattiv, jiġifieri l-annessi A.19, A.28, A.41, A.44, A.45, A.46, A.47, A.48, A.49, A.51 et A.53, u partijiet mill-annessi A.9, A.11, A.12, A.13, A.14, A.16, A.18, A.20, A.21, A.22, A.23, A.27, A.29, A.30, A.38, A.39, A.40, A.43 u A.52.

69      Għal dak li jirrigwarda l-annessi mressqa insostenn tal-motivi li jikkontestaw id-determinazzjoni tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li huma inammissibbli għaliex il-legalità ta’ att tal-Unjoni hija evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data li fiha jkun seħħ l-att. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-eżami tal-legalità ta’ deċiżjoni għandu, bħala regola, isir abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt imsemmija mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva.

70      Fir-rigward tal-annessi mressqa insostenn tal-motivi li jikkontestaw l‑ammont tal-multa, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm hu veru li l-Qorti Ġenerali tista’, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, waqt l-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni elementi kumplimentari ta’ informazzjoni li ma kinux imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fid‑dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, din il-possibbiltà għandha, bħala regola, tillimita ruħha sabiex tikkunsidra elementi ta’ informazzjoni preċedenti għall-imsemmija deċiżjoni li hija setgħet tkun taf fil-mument li ħaditha. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-annessi A.76 (rapport datat 4 ta’ April 2013), A.77, A.80, A.81 (rapport u dokumenti datati 5 ta’ April 2013) u, finalment, A.82 (dokument datat 8 ta’ April 2013).

71      Finalment, il-Kummissjoni tiddikjara, fir-rigward tar-rapporti legali, jiġifieri l-annessi A.69 u A.76, li l-punti ta’ dritt li jinsabu f’dawn tal‑aħħar għandhom ikunu fil-kontenut stess tan-noti tar-rikorrenti jew, tal-inqas, ikunu suffiċjentement identifikati f’dawn in-noti. Fir-rigward tar-rapporti ekonomiċi, jiġifieri l-annessi A.75 u A.77, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li dawn ma jistgħux ikunu rilevanti fil-każ ta’ ftehim li l-għan ristrettiv tagħhom huwa stabbilit b’mod inkontestabbli.

72      Madankollu, fis-seduta, il-Kummissjoni spjegat li r-rapporti legali ma kinux inammissibbli jekk il-punti ta’ dritt li dawn ir-rapporti kellhom l‑għan li juru kienu identifikati b’mod suffiċjenti fid-dettall fin-noti u aċċettat, bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li dan kien il-każ f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti rreferiet għal punti suffiċjentement preċiżi tar-rapporti inkwistjoni insostenn ta’ elementi identifikati b’mod ċar fl-argumenti tagħha fil-punti 78, 83, 85, 90, 94 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 167 tar-rikors. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni indikat li hija ma kinitx invokat il-ġurisprudenza li tipprovdi li r-rapporti ekonomiċi ma humiex rilevanti fil-każ ta’ ftehim li l-għan restrittiv tagħhom huwa stabbilit b’mod inkontestabbli sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tal-imsemmija rapporti, iżda sabiex issostni li ma kienx hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal‑mertu tal-ksur.

73      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tinterpreta b’mod żbaljat il‑ġurisprudenza: huma kkunsidrati inammissibbli biss il-punti ta’ fatt jew ta’ dritt wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, li ma huwiex il-każ tal-annessi li l-Kummissjoni tipprova twarrab, li jirrigwardaw ċirkustanzi preċedenti għad-deċiżjoni. Barra minn hekk, rapporti ekonomiċi u legali ppreparati b’mod speċjali sabiex tiġi kkontestata d‑deċiżjoni huma wkoll ammissibbli.

74      Għandha ssir distinzjoni, fost l-annessi li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata, minn naħa, bejn dawk prodotti fil-kuntest tal‑kontestazzjoni tad-determinazzjoni tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, dawk prodotti fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-ammont tal-multa.

75      Fl-ewwel lok, qabel kollox, għandu jiġi nnotat li, fost l-annessi li l‑ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata, l-annessi segwenti ġew prodotti sabiex tiġi kkontestata d-determinazzjoni tal-ksur: l-annessi A.25, A.37, A.55, A.56, A.57, A.58, A.59, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65, A.67, A.69, A.70, A.71, A.72, A.74, A.75, A.76, A.77, A.78 u A.79 kif ukoll l-artikli tal-istampa ċċitati fl-anness A.70.

76      It-tieni nett, qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-annessi A.56 (tabella li tiġbor id-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulenti u tar-rappreżentanti ta’ Telefónica u ta’ PT waqt in-negozjar tat-tranżazzjoni), A.69 (parir tad‑dritt Portugiż ta’ M. M. P.), A.70 (tabella li tiġbor l-artikli tal‑istampa ċċitati fir-rikors), A.71 [dikjarazzjoni maħruġa mill-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid (Spanja) dwar sanzjonijiet dixxiplinari], A.75 (rapport ta’ PWC), A.76 (rapport dwar id-dritt Brażiljan redatt minn D. W. C. A.) u A.77 (rapport ta’ S. & R.) ġew ippreparati speċifikatament fid-dawl tal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, mill-argument tagħha fil-kuntest tal-kontroreplika jirriżulta li l‑Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tal-provi wara d‑deċiżjoni kkontestata, iżda li ġew redatti speċifikatament sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni jew sabiex jiddefenduha.

77      Sussegwentement, kif ammettiet hija stess waqt is-seduta, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rapporti legali mħejjija speċifikatament sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-annessi A.69 (parir tad-dritt Portugiż ta’ M. M. P.) u A.76 (rapport dwar id-dritt Brażiljan redatt minn D. W. C. A.), minħabba li, sa fejn l-annessi fihom punti ta’ dritt li fuqhom huma bbażati xi motivi li jinsabu fir‑rikors, tali punti għandhom jidhru fil-kontenut stess tan-nota li magħhom dawn l-annessi huma mehmuża jew, tal-inqas, ikunu identifikati b’mod suffiċjenti f’din in-nota. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-punti ta’ dritt li jinsabu fir-rapporti legali huma suffiċjentement identifikati fin-noti tar-rikorrenti (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-annessi A.69 u A.76 għandhom ikunu ddikjarati ammissibbli.

78      Finalment, l-istess japplika, kif il-Kummissjoni ammettiet ukoll fis‑seduta (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), għar-rapporti ekonomiċi mħejjija speċifikatament sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l‑annessi A.75 (rapport ta’ PWC) u A.77 (rapport ta’ S. & R.), peress li l-kwistjoni tar-rilevanza ta’ dawn ir-rapporti fil-każ ta’ ftehim li l-għan restrittiv tagħhom huwa stabbilit b’mod inkontestabbli, imqajma mill‑Kummissjoni, tittratta manifestament il-mertu tal-kawża, b’tali mod li l-eventwali tweġiba għal din il-mistoqsija ma għandhiex tkun deċiżiva għall-ammissibbiltà tal-annessi.

79      It-tielet nett, sabiex ikunu ddeterminati b’mod preċiż il-kumplament tal‑annessi, prodotti fid-dawl tal-kontestazzjoni tad-determinazzjoni tal‑ksur, li l-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tagħhom minħabba li ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ssostni li uħud minn dawn l-annessi (ara l-punt 75 iktar ’il fuq) huma kompletament jew parzjalment addizzjonali meta mqabbla mal-provi mressqa matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti dwar dan il-punt.

80      Sabiex jiġu stabbiliti b’mod preċiż l-annessi jew partijiet mill-annessi li jinsabu, f’dan il-każ, fost l-annessi mressqa fil-kuntest tal‑kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tagħhom, u bl-esklużjoni ta’ dawk stabbiliti b’mod speċifiku sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata (ara l‑punt 76 iktar ’il fuq), għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-artikli tal-istampa elenkati fl-anness A.70 u, min-naħa l-oħra, l-annessi l-oħra mressqa fil-kuntest tal-kontestazzjoni tad‑determinazzjoni tal-ksur li l-Kummissjoni tissolleva l‑inammissibbiltà tagħhom.

81      Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, artikli tal-istampa elenkati fl‑anness A.70, jiġifieri l-annessi A.8, A.9, A.10, A.11, A.12, A.13, A.14, A.16, A.17, A.18, A.19, A.20, A.21, A.22, A.23, A.24, A.26, A.27, A.28, A.29, A.30, A.35, A.36, A.38, A.39, A.40, A.41, A.43, A.44, A.45, A.46, A.47, A.48, A.49, A.51, A.52, A.53 u A.54, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni fis-seduta ammettiet li l-anness A.70 kien indika b’mod korrett liema minn dawn l-annessi kienu diġà jinsabu kompletament jew parzjalment fil-proċess u liema kienu addizzjonali, u dan kien ġie redatt fil-minuti tas-seduta. Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li l-annessi A.8, A.10, A.17, A.24, A.26, A.35, A.36, A.54 kollha kif ukoll il-partijiet indikati bħala li diġà jinsabu fil-proċess tal-annessi A.9, A.11, A.12, A.13, A.14, A.16, A.18, A.20, A.21, A.22, A.23, A.27, A.29, A.30, A.38, A.39, A.40, A.43 u A.52 kienu jinsabu diġà fil-proċess amministrattiv ta’ din il-kawża, b’tali mod li l‑ammissibbiltà tagħhom ma hijiex ikkontestata. Għall-kuntrarju, l‑annessi A.19, A.28, A.41, A.44, A.45, A.46, A.47, A.48, A.49, A.51 u A.53 kif ukoll il-partijiet indikati bħala addizzjonali tal-annessi A.9, A.11, A.12, A.13, A.14, A.16, A.18, A.20, A.21, A.22, A.23, A.27, A.29, A.30, A.38, A.39, A.40, A.43 u A.52 ma tressqux waqt il‑proċedura amministrattiva, b’tali mod li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata.

82      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, annessi oħra mressqa insostenn tal-kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li l‑inammissibbiltà tagħhom hija mqajma mill-Kummissjoni (ara l‑punt 75 iktar ’il fuq), u bl-esklużjoni ta’ dawk stabbiliti speċifikatament sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), jiġifieri l-annessi A.25, A.37, A.55, A.57, A.58, A.59, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65, A.67, A.72, A.74, A.78 u A.79, mill-proċess jirriżulta li huma biss dawk fost dawn l-annessi li fihom korrispondenza li l‑awtentiċità tagħha hija ċċertifikata minn nutar, bl-eċċezzjoni tal‑anness A.58, jiġifieri l-annessi A.55, A.57, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65 u A.67 kif ukoll l-anness A.37, għandhom partijiet li diġà jinsabu fil-proċess amministrattiv.

83      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni tiddikjara, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 11 tar-risposta, li l-atti notarili inklużi bħala annessi A.25, A.55, A.57, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65 u A.67 huma xi drabi akkumpanjati minn korrispondenza li diġà tinsab fil-proċess amministrattiv, kif inhu l-każ, pereżempju, tal-anness A.65. Din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata mir-rikorrenti, li fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tar-replika tirrispondi li l-annessi A.55 sa A.63, A.65 u A.67 fihom korrispondenza bejn il-partijiet waqt in-negozjati li kienet tinsab fil-proċess amministrattiv, iżda li d-data tagħha issa hija ċċertifikata minn nutar, kif ukoll korrispondenza oħra li ssaħħaħ il‑prova ta’ fatt li l-Kummissjoni kienet diġà taf, jiġifieri l‑parteċipazzjoni tal-Gvern Portugiż fl-imsemmija negozjati. Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li filwaqt li l-annessi hekk imsemmija mill-partijiet fihom korrispondenza, din kienet diġà tinsab fil-proċess amministrattiv, b’tali mod li l-ammissibbiltà tagħha ma hijiex ikkontestata, filwaqt li l-atti notarili li jakkumpanjawha huma supplimentari, b’tali mod li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata.

84      Imbagħad, għandu jiġi indikat li l-annessi A.25 u A.59 ma fihomx korrispondenza, iżda, minn naħa, att notarili ta’ kontabbiltà annwali ta’ PT u tas‑C. G. de D. u, min-naħa l-oħra, estratti tad-Diário da República relatati man-nomina u mat-tmiem tal-funzjonijiet tal-kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Portugiż; li r-rikorrenti stess ammettiet li ma pproduċietx l-annes A.58 waqt il-proċedura amministrattiva; u, finalment, li l-anness A.37 kien diġà jidher fil-proċess tal-Kummissjoni peress li PT kienet annettietu mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

85      Finalment, mill-qari flimkien tan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 11 tar-risposta u Nru 6 tar-replika (punt 83 iktar ’il fuq) u tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, għandu jiġi dedott li l-anness A.37 u l‑korrispondenzi li jinsabu fl-annessi A.55, A.57, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65 u A.67 kienu diġà jinsabu fil-proċess, b’tali mod li l‑ammissibbiltà tagħhom ma hijiex ikkontestata. Min-naħa l-oħra, l-atti notarili li jinsabu fl-imsemmija annessi kif ukoll l-annessi A.25, A.58, A.59, A.72, A.74, A.78 u A.79 ma tressqux waqt il-proċedura amministrattiva, b’tali mod li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fost l-annessi prodotti minħabba l-kontestazzjoni tad-determinazzjoni tal-ksur, hija biss l-ammissibbiltà tal-annessi segwenti li hija kkontestata: l-ewwel nett, huma l-annessi A.25, A.58, A.59, A.72, A.74, A.78 u A.79, it-tieni nett, atti notarili li jinsabu fl-annessi A.55, A.57, A.60, A.61, A.62, A.63, A.65 u A.67 u, it-tielet nett, fost l-artikli tal-istampa, l-annessi A.19, A.28, A.41, A.44, A.45, A.46, A.47, A.48, A.49, A.51 u A.53 kif ukoll partijiet mill-annessi A.9, A.11, A.12, A.13, A.14, A.16, A.18, A.20, A.21, A.22, A.23, A.27, A.29, A.30, A.38, A.39, A.40, A.43 u A.52 li huma meqjusa bħala addizzjonali fit-tabella li tinsab fl-anness A.70.

87      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dawn l-annessi, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża diversi drabi, il‑portata tal-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il‑proċeduri skont l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li tagħhom il-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fil-fond, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid‑dawl tal-motivi mressqa mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra, EU:C:2011:810, punti 102 u 109, u Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punti 62 u 82, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2062, punti 56 u 59) u fid-dawl tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar, kemm jekk ikunu qabel jew wara d-deċiżjoni meħuda, jekk kinux ippreżentati minn qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors li minnu l-Qorti Ġenerali hija adita, sa fejn dawn l‑aħħar provi huma rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra, EU:C:2010:389, punti 87 sa 92), filwaqt li jitfakkar, madankollu, li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, Ġabra, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill‑Kummissjoni fir-rigward tal-annessi prodotti sabiex jikkontestaw id-determinazzjoni tal-ksur u identifikati fil-punt 86 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda u li dawn l-annessi għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

89      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat, f’dak li jirrigwarda l-annessi prodotti għall-finijiet tat-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li l‑ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata u bl-eċċezzjoni tal-annessi A.75 u A.77, li tressqu wkoll fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li diġà ġew iddikjarati ammissibbli (ara l‑punti 76 u 78 iktar ’il fuq), jiġifieri l-annessi A.80, A.81, A.82 u A.83, li ġie deċiż li l-Qorti Ġenerali kienet kompetenti sabiex tevalwa, fil‑kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, in-natura xierqa tal-ammont tal-multi u li din l-evalwazzjoni setgħet tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali li ma kinitx imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra, EU:C:2000:633, punti 53 sa 55, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra, EU:T:2003:193, punt 100). Minn dan isegwi li l‑ammissibbiltà tal-annessi prodotti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma għandhiex tkun ikkontestata minħabba l‑fatt li dawn il-provi ma kinux għadhom ġew prodotti waqt il-proċedura amministrattiva.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda u li l-annessi prodotti mir-rikorrenti huma kollha ammissibbli.

B –  Fuq l-ammissibbiltà tar-riferimenti għar-rikors parallel ta’ PT kontra d-deċiżjoni kkontestata

91      Ir-rikorrenti ssostni li, billi rreferiet, fil-punti 10, 39, 67 u 75 tar‑risposta, għar-rikors parallel ippreżentat minn PT kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinjora l-prinċipju fundamentali ta’ kontradittorju u tikser id-drittijiet ta’ difiża tagħha. Il-Kummissjoni ma tistax tinvoka argumenti mqajma minn terz fi proċedura separata, peress li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għat-testi inkwistjoni u ma setgħetx tiddefendi lilha nnifisha kontra l-argumenti li kienu fihom. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni mhux imparzjali u interessata tad-dikjarazzjonijiet ta’ PT, kif hija kienet diġà għamlet waqt il-proċedura amministrattiva. Finalment, il‑Kummissjoni hija parzjali sa fejn hija ssemmi biss l-argumenti ta’ PT li jsostnu l-argument akkużatorju tagħha, mingħajr ma ssemmi l-punti, li l-eżistenza tagħhom għandha tiġi presupposta, li fuqhom jaqblu l‑partijiet.

92      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn hija tirreferi, fis-sottomissjonijiet tagħha, għal dikjarazzjonijiet ta’ PT, ir-rikorrenti tista’ tikkontestahom, b’tali mod li ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża. Waqt is‑seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-kwotazzjonijiet tas-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ PT kienu jsemmu biss elementi diġà mressqa waqt il‑proċedura amministrattiva u li, fi kwalunkwe każ, hija kienet qed tirreferi għal dawn is-sottomissjonijiet biss bħala eżempju.

93      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r‑rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, il‑partijiet għandu jkollhom għarfien u għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu kontradittorjament kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ dritt li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal‑proċedura (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punt 56).

94      Għalkemm ir-rikorrenti setgħet ċertament tieħu konjizzjoni tal-punti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u għalkemm hija setgħet issostni l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-punti fir-replika u tesprimi ruħha, fis-seduta, fir-rigward tal-punti mressqa mill‑Kummissjoni fil-kontroreplika, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li ma kellhiex aċċess għat-test tan-noti ta’ PT iċċitati mill-Kummissjoni, ir‑rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-materjalità tal-kwotazzjonijiet li fuqhom kienet qed tibbaża ruħha din l-istituzzjoni u lanqas il-kuntest li fih kienu saru. Issa, ir-rikorrenti ssostni li ma għandux jiġi eskluż li l-Kummissjoni tikkwota b’mod selettiv u tinterpreta b’mod mhux imparzjali l-estratti tan-nota ta’ PT.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riferimenti għas‑sottomissjonijiet ta’ PT fil-kawża parallela magħmula mill‑Kummissjoni huma inammissibbli.

II –  Fuq il-mertu

96      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tmien motivi, li minnhom l-ewwel ħamsa jirrigwardaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-aħħar tlieta jirrigwardaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, minħabba l-applikazzjoni, żbaljata, tal-klawżola tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan, u tal‑prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-oneru tal-prova u in dubio pro reo. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-prinċipju ta’ evalwazzjoni tal-provi kollha relatati mal-kuntest, mal-imġiba tal‑partijiet u mal-għan tal-klawżola. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ oneru tal-prova u ta’ amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tad-difiża u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza li jirrigwardaw il‑prova tal-intervent tal-Gvern Portugiż fin-negozjati tat-tranżazzjoni u tal-klawżola b’mod partikolari. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kapaċità li l-prattika tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE inkwantu l‑klawżola ma hijiex restrizzjoni minħabba l-effett, fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-prinċipju in dubio pro reo. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball manifest fil-kalkolu tal-valur inizjali tal-bejgħ ta’ Telefónica sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa u fuq il-ksur tal‑prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ motivazzjoni. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq żball manifest fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Finalment, it-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest minħabba li ma ġewx aċċettati ċirkustanzi attenwanti oħra.

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.     Fuq l-ewwel tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE inkwantu l-klawżola ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

97      Permezz tal-ewwel tliet motivi tagħha, li għandhom jiġu evalwati flimkien, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l‑klawżola tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat il-klawżola bħala ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni indipendenti mit-tranżazzjoni Vivo u li kkunsidrat li l-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” ma kellu l-ebda għan utli u kien ġie introdott biss għal finijiet purament estetiċi, sabiex tinħeba restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, huwa impossibbli li l-klawżola tinftiehem indipendentement mit‑tranżazzjoni Vivo u mill-proċess ta’ negozjati tal-ftehim relatat magħha, ikkaratterizzat bl-intervent permanenti tal-Gvern Portugiż, li xtaq jiżgura, permezz tal-klawżola, b’mod partikolari, il-kontinwità ta’ PT bħala impriża leader indipendenti fis-suq Portugiż. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il-klawżola kienet element indispensabbli sabiex tirrendi t-tranżazzjoni vijabbli u l-protezzjoni legali “sa fejn huwa permess mil‑liġi” biddlet l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni inizjalment previst f’obbligu ta’ awtoevalwazzjoni dwar il-legalità u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni inkwistjoni taħt il-forma ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.

a)     Osservazzjonijiet preliminari

98      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ftehim skont l-Artikolu 101(1) TFUE huwa riżultat tal‑espressjoni, mill-impriżi parteċipanti, tal-intenzjoni komuni li jaġixxu b’mod speċifiku fis-suq (ara, fir-rigward tal‑Artikolu 81(1) KE, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 130; fir-rigward tal-Artikolu 65(1) KEFA, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra, EU:T:1999:48, punt 262). Dan il-kunċett huwa għalhekk marbut mal-eżistenza ta’ intenzjoni komuni bejn mill-inqas żewġ partijiet, tkun xi tkun il-forma, sakemm tkun l-espressjoni fidila tal-intenzjoni tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra, EU:T:2000:242, punt 69, u tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra, EU:T:2010:202, punt 88).

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat” li jfixklu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

100    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal‑effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2204, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara s‑sentenza CB vs Il-Kummissjoni punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    B’hekk, huwa preżunt li ċerta mġiba kollużiva, bħal dik li twassal għall‑iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, tista’ titqies bħala li tant jista’ jkollha effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il‑prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li din għandha effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali mġiba twassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil‑prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara s-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 51 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

103    Fil-każ fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 53 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju għad-determinazzjoni tan-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, huwiex korrett li l-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-klawżola u taċ-ċirkustanzi (il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih taqa’ din il-kawża u l-imġiba tal-partijiet), il-klawżola kinitx tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq intiż li jirrestrinġi l‑kompetizzjoni fis-suq intern, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE (premessi 2 u 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Fuq l-evalwazzjoni tal-klawżola bħala restrizzjoni anċillari possibbli għat-tranżazzjoni Vivo

107    Għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tallega li l-klawżola ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo filwaqt li, kieku kien possibbli li tiġi diskussa l-kwistjoni dwar jekk il-klawżola kinitx restrizzjoni anċillari stricto sensu, ikun inkontestabbli, fid-dawl tal‑kuntest li fih hija ġiet innegozjata, li din kienet suġġetta għall-għan finali tal-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ħafna iktar kumplessa, peress li kienet “kundizzjoni sine qua non” sabiex PT u, fuq kollox, il-Gvern Portugiż ma jwaqqfux it-tranżazzjoni. Barra minn hekk, Telefónica għamlet dak kollu possibbli sabiex tillimita l-kontenut antikompetittiv tal-klawżola, b’mod partikolari permezz taż-żieda tal-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi”.

108    Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ma hijiex jekk il-klawżola kinitx indipendenti mit-tranżazzjoni, iżda jekk setgħetx tiġi kklassifikata bħala anċillari għaliha.

109    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li ma kinitx tikkontesta l‑konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet tinsab fil-premessi 367 sa 433 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-klawżola ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo. Din id-dikjarazzjoni ġiet inkluża fil-minuti tas-seduta.

110    Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tar‑rikorrenti mill-perspettiva li jkun magħruf jekk il-klawżola setgħetx tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo.

c)     Fuq l-awtonomija tal-imġiba tar-rikorrenti

111    Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali staqsiet ukoll lir-rikorrenti dwar jekk l‑argument tagħha bbażat fuq allegata influwenza tal-Gvern Portugiż kellux jinftiehem fis-sens li, minħabba l-imsemmija influwenza, Telefónica kienet tilfet kull awtonomija fl-implementazzjoni tad‑deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, li seta’ jeskludi l-imġiba tagħha mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra, EU:T:1996:120, punti 65 u 69).

112    Bħala risposta għal din il-mistoqsija, ir-rikorrenti ddikjarat li hija baqgħet attur awtonomu fis-sens li hija setgħet ma tiffirmax il-ftehim. Dwar il-klawżola, b’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti indikat li, skont is‑sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-argument tagħha dwar l‑awtonomija ta’ Telefónica matul il-proċess ta’ negozjar għandu jinftiehem bil‑mod segwenti: minn naħa, Telefónica baqgħet awtonoma fis‑sens li hija setgħet tiżgura li l-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” jiżdied fil-klawżola, iżda, min-naħa l-oħra, hija setgħet teskludi l‑klawżola hekk emendata fit-totalità tagħha mingħajr ir-riskju li tikkomprometti t-tranżazzjoni kollha kemm hi.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn dawn l‑ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jinftehmu fis-sens li hija tixtieq issostni li hija kienet tilfet kull awtonomija fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, liema ħaġa teskludi l-imġiba tagħha mill-Artikolu 101(1) TFUE, tali argument, fi kwalunkwe każ, ma jistax jintlaqa’.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jkopru biss imġiba antikompetittiva li ġiet adottata mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk leġiżlazzjoni nazzjonali timponi li impriżi jaġixxu b’imġiba antikompetittiva, jew jekk din toħloq qafas legali li fih innifsu jipprekludi kull opportunità għal imġiba kompetittiva min-naħa tagħhom, l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE ma japplikawx. F’tali sitwazzjoni, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma hijiex ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, b’imġiba awtonoma tal-impriżi (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra, EU:T:2008:101, punt 85 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

115    Il-possibbiltà li tiġi eskluża mġiba antikompetittiva partikolari mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, minħabba l-fatt li din kienet ġiet imposta fuq l-impriżi kkonċernati mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew minħabba l-fatt li din tal-aħħar telimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, ġiet ammessa biss b’mod restrittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2008:101, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Fil-fatt, għalkemm l-imġiba ta’ impriża tista’ ma taqax taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE minħabba li ma hijiex awtonoma, madankollu ma jsegwix li kwalunkwe mġiba mitluba jew rikjesta mill-awtoritajiet nazzjonali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni. B’hekk jekk miżura statali tirrifletti l-elementi ta’ akkordju li jkun sar bejn l-operaturi ekonomiċi ta’ settur jew jekk tittieħed wara konsultazzjoni u bil-qbil tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, dawn l-operaturi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq in‑natura vinkolanti tal-leġiżlazzjoni sabiex l-Artikolu 101(1) TFUE ma japplikax (ara s-sentenza Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:1996:120, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva vinkolanti li timponi aġir antikompetittiv, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ awtonomija tal-operaturi involuti ħlief jekk, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti jkun jidher li l-aġir ġie impost fuqhom b’mod unilaterali mill-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-eżerċizzju ta’ pressjoni li ma tistax tiġi reżistita, bħat-theddida tal-adozzjoni ta’ miżuri statali li jistgħu jikkawżawlhom telf kbir (sentenzi Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:1996:120, punt 65; tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, Ġabra, EU:T:2003:337, punt 179, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni, T‑357/06, Ġabra, EU:T:2012:488, punt 44).

118    Barra minn hekk, sabiex ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, tali pressjonijiet għandhom jiġu eżerċitati b’mod li jneħħu kull awtonomija tal-operaturi kkonċernati fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:1996:120, punti 65 u 69). Fin-nuqqas ta’ tali telf ta’ awtonomija, il-fatt li aġir antikompetittiv ġie ppreferut jew inkorraġit minn awtoritajiet pubbliċi huwa, fih innifsu, mingħajr effett fir-rigward tal-applikabbiltà tal‑Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:1996:120, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax issostni li allegat aġir tal-Gvern Portugiż kien tellifha l-awtonomija kollha. Fil-fatt, mill-proċess, u b’mod partikolari minn posta elettronika interna ta’ Telefónica tas-6 ta’ Lulju 2010 (ara l-punti 152 u 338 iktar ’il quddiem), irriżulta li l-ftehim finali kien il-frott ta’ arranġament komuni bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l‑ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li dawn id‑dispożizzjonijiet ġew imposti b’mod unilaterali mill-Gvern Portugiż (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, EU:T:1996:120, punti 65 u 69).

120    B’hekk, għalkemm l-argumenti mressqa mir-rikorrenti li jikkonċernaw l-awtonomija ta’ Telefónica waqt il-konklużjoni tal-ftehim ma jistgħux iwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li din tilfet l-awtonomija kollha fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, liema ħaġa tista’ twassal sabiex l-aġir tagħha ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, xorta hemm lok li jiġu eżaminati l-prova l-oħra mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-kuntest tal-introduzzjoni tal-klawżola u tan-negozjar tal‑ftehim, skont il-prinċipju li jgħid li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi, jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih, filwaqt li tiġi kkunsidrata, jekk ikun il-każ, l-intenzjoni tal‑partijiet (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

d)     Fuq il-kuntest tal-introduzzjoni tal-klawżola fil-ftehim relatat mat‑tranżazzjoni Vivo u l-aġir tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-klawżola ġiet marbuta mat-tranżazzjoni Vivo u mitluba mill-Gvern Portugiż u l-fatt li Telefónica għamlet dak kollu possibbli sabiex tillimita l-kontenut antikompetittiv tal-klawżola għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-klawżola u tal-għanijiet prattiċi tal-protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” u juru li l‑imsemmija protezzjoni bidlet il-klawżola f’obbligu ta’ awtoevalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-allegata pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż

122    L-argument imressaq mir-rikorrenti sabiex turi li l-klawżola kienet “kundizzjoni sine qua non” għat-twettiq tat-tranżazzjoni huwa miġbur, essenzjalment, fl-allegazzjoni li l-klawżola kienet kundizzjoni neċessarja sabiex il-Gvern Portugiż ma jwaqqafx l-imsemmija tranżazzjoni.

–       Fuq il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova

123    Għandu jiġi nnotat li, f’dan il-każ, il-kawża ma tirrigwardax l‑eżistenza tal-klawżola, li hija stabbilita. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il-punti mressqa mir-rikorrenti jippermettux li jiġi stabbilit li l-klawżola kienet kundizzjoni neċessarja sabiex il-Gvern Portugiż ma jwaqqafx it-tranżazzjoni Vivo. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ir-rikonoxximent ta’ din l-allegata influwenza tal-Gvern Portugiż jippermetti li jiġi stabbilit li l-klawżola ma kellhiex obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, iżda obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 101 TFUE.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 1/2003 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l‑eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra, EU:C:1998:608, punt 58; tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra, EU:C:2004:2, punt 62; tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, Ġabra, EU:C:2012:738, punt 71; tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 688, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, T‑141/08, Ġabra, EU:T:2010:516, punt 48). Għal dan il-għan, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-allegat ksur seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra, EU:C:1984:130, punt 20; tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra, EU:C:1993:120, punt 127; tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il‑Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra, EU:T:1999:8, punt 47, u E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 48).

125    Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal‑istabbiliment ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq provi dokumentarji, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda wkoll jiġbdu l-attenzjoni għall‑fatt li l-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenzi tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punti 725 sa 728; tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 187, u E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 55). Jekk il‑Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq l-aġir tal-impriżi kkonċernati, il-qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill‑Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ ksur (ara s-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 54 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

126    Waqt l-evalwazzjoni tal-provi miġbura mill-Kummissjoni, jekk il-qorti jkollha xi dubju, dan għandu jibbenefika lill-impriża destinatarja tad‑deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti għaldaqstant ma tistax tikkonkludi li l‑Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk hija jkollha xi dubju fuq din il-kwistjoni, partikolarment fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq fil‑konfront ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 177; tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra, EU:T:2006:271, punt 60, u E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 51).

127    Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li llum jinsab stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li japplika għall-proċeduri relatati mal-ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra, EU:C:1999:358, punti 149 u 150; Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra, EU:C:1999:362, punti 175 u 176; E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:C:2012:738, punti 72 u 73, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 178).

128    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha ġġib il-prova ta’ dan u li hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir‑regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’mod li l‑imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 78, u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra, EU:C:2010:346, punt 29).

129    Għalkemm skont dawk il-prinċipji l-oneru tal-prova jaqa’ jew fuq il‑Kummissjoni jew inkella fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-punti ta’ fatt invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l-oħra biex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permissibbli li wieħed jikkonkludi li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew issodisfatti (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 79, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:C:2010:346, punt 30).

130    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li impriża ma tistax tittrasferixxi l-oneru tal-prova lill-Kummissjoni billi tirreferi għal fatti li ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi. Fi kliem ieħor, meta l‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala regola, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal‑imsemmija provi sabiex il‑Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Għall‑kuntrarju, ħlief fil-każijiet li tali prova ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fil-liġi, minn naħa, l‑eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni (ara s-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 56 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

131    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti mressqa mir‑rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

–       Id-deċiżjoni kkontestata

132    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx tikkontesta l-fatt li l-Gvern Portugiż kien segwa n-negozjati tat-tranżazzjoni Vivo, li kien għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi u li kien waqqaf it-tielet offerta billi eżerċita d-drittijiet speċjali marbuta mal-azzjonijiet privileġġjati li kellu f’PT. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-imsemmija premessa, li, kif kien indikat mill-partijiet u muri permezz ta’ diversi artikli tal-istampa miġbura fil-proċess, it‑tranżazzjoni Vivo kienet partikolarment sensittiva fil-Portugall, minn perspettiva politika.

133    Fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li l‑partijiet jidhru li għandhom interpretazzjoni differenti tal-pożizzjoni adottata mill-Gvern Portugiż matul in-negozjati. Skont Telefónica, il‑protezzjoni mogħtija lil PT (permezz tal-klawżola) ippermettiet lill‑Gvern Portugiż li ma jibqax jopponi t-tranżazzjoni Vivo. Għal PT, il-Gvern Portugiż kellu interess partikolari ferm sabiex PT iżżomm preżenza fil-Brażil. Fuq dan il-punt u skont id-dikjarazzjonijiet ta’ PT, l‑iffirmar tal-protokoll ta’ ftehim li jiżgura l-preżenza tagħha fil-Brażil kien essenzjali sabiex jassigura lill-Gvern Portugiż u b’hekk jiżblokka s‑sitwazzjoni.

134    Il-Kummissjoni kompliet, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, billi indikat li fil-proċess Telefónica ma inkludiet l-ebda dikjarazzjoni tal-Gvern Portugiż li fiha għamel riferiment għax-xewqa tiegħu jew għall-ħtieġa li tidħol il-klawżola fil-kuntest tat-tranżazzjoni Vivo, inkluż jekk jiġi kkunsidrat li l-Gvern Portugiż kien ta x’jifhem li kien jopponi offerta pubblika ta’ xiri (OPX) imnedija minn Telefónica fuq PT, sabiex jipproteġi d-dimensjoni Portugiża.

135    Sabiex tikkonkludi, il-Kummissjoni nnotat, fil-premessa 74 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk Telefónica kienet konvinta li l‑klawżola kienet ikkunsidrata bħala essenzjali, u saħansitra mixtieqa mill‑Gvern Portugiż, ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni min-naħa tiegħu li kienet tikkorrobora dan u li Telefónica qatt ma pprovat li l‑klawżola kienet tissodisfa rekwiżit tal-Gvern Portugiż fil-kuntest tan‑negozjati relatati mat-tranżazzjoni Vivo.

–       Fuq il-punti mressqa mir-rikorrenti

136    Ir-rikorrenti ssostni li l-Gvern Portugiż kellu żewġ għanijiet relatati, jiġifieri li jipproteġi lil PT fil-Brażil u jipproteġi lil PT fil-Portugall, u li l-mezzi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet kienu differenti. Minn naħa, sabiex tiżgura d-daqs u r-rwol ta’ PT fuq is-suq Brażiljan, is‑soluzzjoni kienet li jiżdied kemm jista’ jkun possibbli l-prezz tal-bejgħ ta’ Vivo u li l-investiment ta’ dan l-operatur jiġi ssostitwit bl-investiment ta’ operatur ieħor ta’ daqs simili fil-Brażil, liema ħaġa tispjega l-pressjoni eżerċitata sabiex jiżdied il-prezz tat-tranżazzjoni u l-fatt li l-ftehim ma kienx iffirmat qabel ma nkiseb ftehim minn qabel għal parteċipazzjoni sinjifikattiva f’Oi. Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ PT bħala impriża leader fis-suq Portugiż, indipendentement minn impriżi li ma humiex Portugiżi, is-soluzzjoni kienet il-klawżola. Il-Gvern ikkunsidra mingħajr ebda dubju li l-kollaborazzjoni ma’ Telefónica li kienet teżisti sa dakinhar permezz ta’ Vivo kellha tiġi ssostitwita permezz ta’ protezzjoni kuntrattwali ta’ nuqqas ta’ aggressjoni fis‑suq Iberiku. Kien b’dan il-mod li l-klawżola saret element essenzjali sabiex jiġi evitat il-veto tal-Gvern u jiġi żgurat is-suċċess tat‑tranżazzjoni.

137    Ir-riferimenti limitati u mhux fil-kuntest għall-aġir tal-Gvern Portugiż fid‑deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li tingħata interpretazzjoni korretta tal-portata tal-intervent ta’ dan il-gvern sabiex jipproteġi lil PT kemm fil-Brażil kif ukoll fil-Portugall, li kien jikkonsisti f’“komunikazzjoni diretta u indiretta” ma’ Telefónica matul in-negozjati tat-tranżazzjoni.

138    Għalkemm ir-rikorrenti tammetti li ma huwiex faċli li tiġi segwita t‑traċċa dokumentarja ta’ dawn il-kuntatti, hija ssostni li kien hemm numru ta’ indizji u provi konkordanti li, flimkien, juru l-influwenza tal‑Gvern Portugiż.

139    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka d-diversi messaġġi pubbliċi li l-Gvern Portugiż għamel permezz tal-istampa u l-armonija bejn PT, il-Gvern u l-qalba soda tal-azzjonisti ta’ PT, li l-istampa rreferiet għaliha; l-aġir tal-Gvern Portugiż matul il-proċess tan-negozjati li tawlu t-tielet offerta sa filgħodu tas-17 ta’ Lulju 2010, ikkonfermat permezz ta’ posta elettronika tal-kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Portugiż, u, finalment, il-pressjoni ta’ dan il-gvern matul ir-raba’ offerta, li kienet suġġetta għall-approvazzjoni tiegħu, kif tirrikonoxxi PT fil-punt 136 tal‑osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

140    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija talbet espressament lil PT, fis‑27 ta’ Lulju 2010, sabiex teskludi kull ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, iżda li PT irrifjutat dan, mingħajr l-iċken dubju minħabba l-pressjoni tal-Gvern. Sabiex tipprova dan il-punt, ir‑rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ x-xhieda billi tistieden lir-rappreżentanti ta’ Telefónica li ħadu sehem f’dawn in‑negozjati sabiex jixhdu quddiemha.

141    It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li l-oriġini stess tal-klawżola li tinsab fil-kontroproposta ta’ PT (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) hija prova evidenti tal-pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż, peress li din il‑klawżola dehret fis-sensiela ta’ messaġġi tal-imsemmi gvern relatati mal-protezzjoni tal-attiv strateġiku nazzjonali li kien jikkostitwixxi lil PT, fil-mument stess meta l-għajdut fir-rigward ta’ eventwali OPX minn Telefónica fuq PT bħala mezz sabiex tintlaħaq Vivo kienu bdew jinfirxu. Il-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien deher b’mod ċar bħala risposta għar-rekwiżit tal-Gvern Portugiż li jipproteġi lil PT minn eventwali OPX minn Telefónica.

142    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Gvern Portugiż hedded b’mod kostanti lil Telefónica li jwaqqaf it-tranżazzjoni billi jeżerċita l-veto tiegħu u tfakkar li dan il-gvern kien waqqaf it-tranżazzjoni waqt il‑laqgħa ġenerali ta’ PT tat-30 ta’ Ġunju 2010; li l-istess Gvern kien ikkritika lill-azzjonisti ta’ PT u lill-Bord tad-Diretturi tagħha li ma pproteġewx l-interessi nazzjonali meta aċċettaw it-tielet offerta waqt il‑laqgħa ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2010 u segwa mill-qrib in-negozjati ta’ wara, li kienet l-unika spjegazzjoni tal-fatt li l-offerti ta’ PT kienu jsemmu b’mod sistematiku l-interessi “tal-partijiet kollha”; li l-Gvern kien bagħat messaġġi personali lil Telefónica fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu, iċċitati f’artikli tal-istampa, bħal “Telefónica għandha tisma’ lilna” jew “[j]ien naħseb għall-interessi strateġiċi ta’ PT u tal‑pajjiż tiegħi”; li kien bagħat messaġġi lill-Bord tad-Diretturi ta’ PT permezz ta’ C. G. ta’ D., entità finanzjarja pubblika li tifforma parti mill-azzjonisti ta’ PT; u, finalment, li l-posta elettronika interna ta’ Telefónica tas-6 ta’ Lulju 2010 kienet turi b’mod partikolari l-pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż.

143    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li fis-seduta Telefónica spjegat, bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-provi prodotti sabiex juru l-allegata pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż għall‑finijiet tal-inklużjoni tal-klawżola fil-ftehim kienu l-artikli tal‑istampa prodotti bħala anness mar-rikors, il-korrispondenza mal‑uffiċċju tal-Prim Ministru Portugiż prodotta fl-anness A.58, il-posta elettronika interna ta’ Telefónica prodotta fl-anness A.50, ir-risposta ta’ PT għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Jannar 2011 u r-risposta ta’ PT għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

144    Imbagħad għandu jiġi kkonstatat li l-provi u indizji prodotti mir‑rikorrenti ma humiex ta’ natura li juru li l-Gvern Portugiż impona l‑multa. Jidher li fil-fatt kellha ssir distinzjoni bejn l-interess tal-Gvern Portugiż fit-tranżazzjoni Vivo kollha kemm hi kif ukoll li l-aġir tagħha sabiex tipproteġi l-pożizzjoni ta’ PT waqt din it-tranżazzjoni mill‑allegazzjoni li dan il-gvern kien impona l-klawżola. Issa, filwaqt li tinvoka allegata mġiba tal-Gvern Portugiż li affettwat it-tranżazzjoni Vivo, ir-rikorrenti ma tirreferi għall-ebda miżura u għal ebda mġiba li setgħet affettwat il-klawżola. Għalkemm il-punti invokati mir-rikorrenti juru li l-Gvern Portugiż segwa n-negozjati relatati mat-tranżazzjoni Vivo u xtaq jipproteġi l-pożizzjoni ta’ PT, ħaġa li, mill-bidu nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-punti ma humiex tali li juru li l-Gvern Portugiż impona l-klawżola. Minn naħa, l-ebda wieħed minn dawn il-punti ma juri xi azzjoni tal-Gvern Portugiż fir-rigward tal-klawżola. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, anki jekk l-interess tal-Gvern Portugiż kien li jipproteġi lil PT minn OPX min-naħa ta’ Telefónica, il-klawżola ma hijiex tali li tipprekludi tali OPX.

145    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma jinkludux indizji li jistgħu juru li l-Gvern Portugiż kien impona l‑klawżola.

146    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda messaġġi pubbliċi li l-Gvern Portugiż xerred fil-mezzi tal-istampa u l-armonija bejn PT, il-gvern u l‑qalba soda tal-azzjonisti ta’ PT, li l-istampa rreferiet għalihom, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkwota l-ebda artiklu tal-istampa li jsemmi l‑fatt li l-Gvern xtaq il-klawżola u li hija ammettiet, fis-seduta, li ebda wieħed mill-artikoli li hija kienet ipproduċiet ma kien fih dikjarazzjoni espliċita tal-Gvern Portugiż li tiddikjara li kien hu li talab jew xtaq il‑klawżola jew li ma kienx se jiffirma l-ftehim fin-nuqqas tagħha, jew tal-inqas riferiment espliċitu għall-klawżola. Dan in-nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet relatati mal-klawżola jew, b’mod iktar ġenerali, għal ftehim dwar nuqqas ta’ kompetizzjoni relatat mas-suq Iberiku huwa iktar ovvju peress li l-Gvern Portugiż iddikjara, barra minn hekk, li r-rekwiżit prinċipali tiegħu fir-rigward tal-ftehim kien il-protezzjoni tal-pożizzjoni ta’ PT fil-Brażil.

147    It-tieni nett, fir-rigward tal-korrispondenza prodotta bħala anness A.58 mar-rikors, jiġifieri serje ta’ SMS mibgħuta, b’mod partikolari, minn A. V., avukat estern ta’ Telefónica u interlokutur fil-kuntatti u n‑negozjati mal-Gvern Portugiż, fix-xahar ta’ Lulju 2010, li fihom hemm allegat ftehim tal-Prim Ministru Portugiż dwar il-ftehim relatat mat-tranżazzjoni Vivo, kif ukoll posta elettronika tal-kap tal-uffiċċju tal‑Prim Ministru Portugiż indirizzata lil A. V. fis-17 ta’ Lulju 2010, huwa biżżejjed li jiġi nnotat, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat iktar ’il quddiem jekk il-persuna msemmija fl-iskambju ta’ SMS kinitx verament il-Prim Ministru Portugiż, ħaġa li l-Kummissjoni tiddubita, li, għalkemm dan l-iskambju u din il-posta elettronika jistgħu juru l-interess tal‑Gvern Portugiż għat-tranżazzjoni Vivo, huma ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-klawżola, ħaġa li r-rikorrenti kkonfermat fis-seduta fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

148    It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li r-raba’ offerta kienet suġġetta għal qbil min-naħa tal-Gvern Portugiż, għandu jiġi kkonstatat li PT illimitat ruħha, fil-punt 136 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, sabiex tiddikjara li hija kkonsultat lill-azzjonisti tagħha, fosthom l-Istat, ħaġa li kienet tidher li hija proċedura normali. Fi kwalunkwe każ, u kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni, anki jekk l‑offerta kienet suġġetta għal qbil tal-Gvern Portugiż, li kien parti mill‑azzjonisti ta’ PT, dan la kien jipprova u lanqas jissuġġerixxi li l‑imsemmi gvern talab jew xtaq il-klawżola.

149    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li, minn naħa, Telefónica espressament talbet lil PT, fis-27 ta’ Lulju 2010, sabiex teskludi kull ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li PT kienet irrifjutat dan, anki jekk jiġi preżunt li min-naħa ta’ Telefónica verament kien hemm tentattiv sabiex titneħħa l-klawżola, ma jistax jiġi dedott mill-allegat rifjut ta’ PT milli jkun hemm din it-tneħħija – jekk jiġi preżunt li seħħ – li l-Gvern Portugiż kellu xi interess fil-klawżola, b’tali mod li t-talba għas-smigħ ta’ xhieda fuq dan il-punt (ara l-punt 140 iktar ’il fuq) hija ineffettiva f’dan il-kuntest. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ssostnix li x-xhieda li hija talbet li jinstemgħu se jkunu jistgħu jiddikjaraw li PT indikat li l-allegat rifjut li tneħħi l-klawżola kien dovut għal xi mġiba min-naħa tal-Gvern Portugiż.

150    Il-ħames nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tgħid li l-oriġini stess tal-klawżola li tinsab fil-kontroproposta ta’ PT (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) hija prova evidenti tal-pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż, peress li din il‑klawżola kienet dehret fis-sensiela ta’ messaġġi ta’ dan tal-aħħar relatati mal-protezzjoni tal-attiv strateġiku nazzjonali li kienet PT u kienet għalhekk tikkostitwixxi r-risposta għar-rekwiżit li din tiġi protetta minn eventwali OPX minn Telefónica, għandu jiġi kkonstatat li din hija suppożizzjoni li bl-ebda mod ma hija sostnuta mill-messaġġi tal-Gvern Portugiż, b’tali mod li għandha tiġi miċħuda.

151    Is-sitt nett, l-allegati indizji msemmija fil-punt 107 tar-rikors lanqas huma tali li juru li l-Gvern Portugiż impona l-klawżola. It-theddida ta’ dan il-gvern li jwaqqaf it-tranżazzjoni u l-eżerċizzju effettiv ta’ din it‑theddida permezz tal-użu tal-veto marbut mad-drittijiet speċjali tiegħu (ara l-punti 6 u 18 iktar ’il fuq) ċertament juru r-rieda tiegħu li jipproteġi lil PT u, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ din tal-aħħar fil‑Brażil, iżda ma jurux li huwa xtaq il-klawżola. L-istess japplika għall-kritiki li allegatament saru għall-azzjonisti ta’ PT, għall-proposti rrapportati fil-mezzi tal-istampa kif ukoll għall-messaġġi allegatament mibgħuta lil Bord tad-Diretturi ta’ PT permezz ta’ C. G. de D., minkejja l‑fatt li l-offerti ta’ PT kienu semmew b’mod sistematiku l-interessi “tal-partijiet kollha” ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-klawżola.

152    Finalment, fir-rigward tal-posta elettronika interna ta’ Telefónica tas‑6 ta’ Lulju 2010, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni (premessi 49, 68, 165 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata), li r-rikorrenti kkwotat b’mod ineżatt l-imsemmija posta elettronika fil-punt 44 tar‑rikors. Fil-fatt, l-għażliet ikkunsidrati minn Telefónica f’din il-posta elettronika interna sabiex tibdel l-offerta – fosthom dik li żżid il‑perijodu tal-applikazzjoni tal-klawżola – ma jissodisfawx biss l-għan “li tinkludi aspetti li, mingħajr ma jistgħu jikkawżawlna dannu, jgħinu lill-Gvern Portugiż sabiex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni radikali tiegħu”, iżda wkoll l-għan li “terġa’ ssir l-offerta, mingħajr ma jiżdied il-prezz, b’tali mod li tkun tista’ tiġi diskussa u approvata fil-livell tal-Bord tad‑Diretturi ta’ PT”. Il-posta elettronika ma tagħmilx distinzjoni, minn fost l-għażliet, bejn dawk li jissodisfaw għan wieħed jew ieħor. Barra minn hekk, fl-imsemmija posta elettronika, Telefónica indikat li “għandha tiġi immaġinata sitwazzjoni għall‑eventwali kundizzjonijiet ġodda, sabiex ikun jidher, kif ġie spjegat lilna, li konna bilqegħda mal‑mejda tan-negozjati u li ġew ‘imposti’ fuqna kundizzjonijiet ġodda (minkejja li konna aħna li pproponejnihom)”. Għalhekk minn din il‑posta elettronika ma jistax jiġi dedott li l-Gvern Portugiż impona fuq Telefónica li tinkludi l-klawżola fil-ftehim relatat mat-tranżazzjoni Vivo.

153    Is-seba’ nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ċaħdet in-natura ta’ “kundizzjoni sine qua non” tal-klawżola għall-implementazzjoni tat‑tranżazzjoni billi bbażat ruħha fuq allegata diverġenza bejn PT u Telefónica dwar l-evalwazzjoni tas-sinjifikat tal-klawżola fil-ftehim, minkejja li tali diverġenza ma teżistix. Il-Kummissjoni enfasizzat l‑allegati inkoerenzi bejn l-approċċi ta’ PT u ta’ Telefónica fir-rigward ta’ aspetti sekondarji tal-fatti sabiex tneħħi kull kredibbiltà tal‑allegazzjonijiet tagħhom fid-difiża tagħhom. Issa, ir-rikorrenti ma tirreferi għall-ebda proposta li tgħid li PT irrikonoxxiet il-fatt li l-Gvern Portugiż kien impona l-klawżola, u tillimita ruħha sabiex tinvoka l‑punti 48 sa 51 tar-risposta ta’ PT għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn PT iddikjarat, b’mod partikolari, li “ix-xiri tal-attiv prinċipali tagħha fil-Brażil u l-eventwalità ta’ OPX minn Telefónica […] kienu xenarji li kellhom jiġu trattati bi prudenza kbira”, li, “barra minn hekk, l-Istat kien azzjonist u kellu [azzjonijiet privileġġjati] fuq l-impriża” u li “il-Gvern Portugiż kien indika b’mod ċar li ma kienx lest iċedi l-iċken biċċa fid-difiża tiegħu […] u pubblikament ħoloq pressjoni fuq il-Bord tad-Diretturi tagħha”.

154    Finalment, it-tmien nett, għandu jiġi nnotat ukoll, kif għamlet il‑Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tatx spjegazzjoni sodisfaċenti tal-fatt li l-klawżola kienet imponiet obbligu bilaterali ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, jiġifieri għall-benefiċċju wkoll ta’ Telefónica, u tal-fatt li l-Gvern Portugiż kien xtaq jimponi obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni għall-benefiċċju ta’ Telefónica fuq PT. L-argument ta’ Telefónica f’dan ir-rigward ma jistax jiġi aċċettat mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni, li dwarha ma kinux jaqblu l-partijiet, dwar jekk l-inizjattiva tal-bilateralità tal-klawżola kinitx dovuta għal PT jew għal Telefónica (premessi 86 u 291 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, peress li r-rieda tagħha kienet li twaqqaf il-klawżola, hija żammet in‑natura bilaterali tagħha, għaliex dan kien jippermettilha, jekk ikun il‑każ, li tevita kawżi ġuridiċi u sabiex tiddeċiedi faċilment u malajr it-test tal-legalità mitlub. Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li tali test sar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit (ara l-punti 181 sa 192 iktar ’il quddiem).

156    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni impost fuq PT għall-benefiċċju tagħha ġie introdott minn PT għal raġunijiet purament estetiċi, sabiex tiffaċilita n-negozjati magħha, iżda bl-ebda mod ma bbenefikat minnu, peress li PT ma kinitx kompetitur potenzjali fi Spanja. Issa, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li kien hemm barrieri li ma jistgħux jingħelbu li kienu jipprekludu lil PT milli tidħol fis-suq Spanjol (ara l-punti 223 u 224 iktar ’il quddiem), b’tali mod li klawżola intiża sabiex tipprekludiha milli tagħmel dan bl-ebda mod ma bbenefikat lil Telefónica. Barra minn hekk, kif korrettament enfasizzat il-Kummissjoni, l-argument li jgħid li “PT kienet il‑benefiċjarja prinċipali tal-klawżola” fi kwalunkwe każ iwassal sabiex jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil‑Portugall.

157    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Gvern Portugiż ried jipproteġi lil PT fil-Portugall billi jevita OPX minn Telefónica fuq PT, din il-prova ma hijiex rilevanti fir-rigward tal‑klawżola, peress li din ma tipprojbixxix lil Telefónica milli tixtri lil PT. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-klawżola tipprojbixxi lill-partijiet milli jidħlu f’kompetizzjoni flimkien (ara l-punt 1 iktar ’il fuq) u l-fatt li tinxtara PT ma jfissirx kompetizzjoni magħha.

158    Skont ir-rikorrenti u d-dikjarazzjonijiet imressqa minnha, b’mod partikolari, fis-seduta, il-kliem tal-klawżola seta’ jippermetti lil PT u lill‑Gvern Portugiż li jinterpretaw il-klawżola b’mod protett fil-każ ta’ OPX, peress li l-klawżola kienet tipprekludi lil Telefónica milli tidħol fis‑settur li fih kienet tinsab PT, u l-kisba tal-kontroll ta’ PT kien ifisser li tidħol fis-setturi li fihom kienet preżenti PT. Ir-rikorrenti ssostni li din l-interpretazzjoni hija koerenti ma’ dik tal-Kummissjoni li tgħid li l-klawżola kienet tipprojbixxi lill-partijiet milli jakkwistaw ishma jew iżidu tali ishma f’impriżi oħra kif ukoll mal-volontà tal-Gvern Portugiż li jipproteġi n-natura Portugiża ta’ PT. F’dan l-aħħar rigward, ir-rikorrenti tinsisti b’mod partikolari dwar il-fatt li l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni tirriżulta b’mod dirett minn tħassib ta’ PT u tal-Gvern Portugiż dwar possibbiltà ta’ OPX minn Telefónica fuq PT.

159    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li “ir-redazzjoni tal-klawżola ma hijiex mudell legali, iżda r-riżultat ta’ negozjati diffiċli li kienu affettwati ħafna mill-għanijiet politiċi u tal-istampa”. Skont ir-rikorrenti, sabiex jiġi ssodisfatt l-interess tal-Gvern, kien biżżejjed li l-eżistenza ta’ rieda li PT tiġi protetta b’mod sħiħ tkun espressa b’mod ċar mill-perspettiva tal-istampa u li din ir-rieda tkun riflessa fil-ftehim.

160    L-argument tar-rikorrenti ma jistax iwassal għal din il-konvinzjoni. Minn naħa, anki jekk jitqies li l-Gvern Portugiż ried jipproteġi lil PT permezz tal-klawżola ta’ OPX min-naħa ta’ Telefónica, ma huwiex kredibbli li dan il-Gvern ivvalida l-klawżola mingħajr ma kellu interess fir‑redazzjoni preċiża tat-test, u għall-kuntrarju kien mistenni minnu li jivverifika li l-klawżola li huwa kien impona kienet verament tiżgura li l-għanijiet tagħha jintlaħqu.

161    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda parti mill-proċess ma tippermetti li tiġi invalidata l-konstatazzjoni li tgħid li mill-kliem tal-klawżola jirriżulta b’mod ċar li din ma kinitx tipprojbixxi lil Telefónica milli tniedi OPX fuq PT. Fil-fatt, il-klawżola kienet tipprojbixxi lil kull waħda mill-partijiet milli twettaq proġetti fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku matul il‑perijodu inkwistjoni u l-fatt li tinxtara PT ma jikkostitwixxix twettiq ta’ proġett li jista’ jkun f’kompetizzjoni ma’ PT, kuntrarjament għall-fatt li jinxtraw ishma f’impriżi oħra.

162    Sa fejn ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tista’ turi li l-Gvern Portugiż kien impona l-klawżola, u lanqas ipprovat li l-imġiba tal-gvern imsemmi tista’ tiġi interpretata fis-sens li dan ried jipprekludi t-tnedija ta’ OPX minn Telefónica fuq PT permezz ta’ din il-klawżola, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-pressjoni tal-Gvern Portugiż fir-rigward tal‑klawżola għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegat ksur tal-obbligi ta’ investigazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

163    Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tista’ turi li l-Gvern Portugiż impona l-klawżola, l-argumenti tagħha li bihom tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-obbligi ta’ investigazzjoni tagħha u, għalhekk, il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova jistgħu biss jiġu miċħuda. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, għandu fil-fatt jitqies li l-provi prodotti mill-Kummissjoni huma ta’ natura li jobbligaw lir-rikorrenti li tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li din l-istituzzjoni tkun issodisfat l-obbligi tagħha dwar l-oneru tal-prova. Issa, sa fejn ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex tressaq provi li għadhom kemm ġew eżaminati u li minnhom bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Gvern Portugiż wera xi interess għall-klawżola, għandu jiġi konkluż li hija baqgħet ma pproduċietx provi insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l‑klawżola kienet ġiet imposta minn dan il-gvern jew li fi kwalunkwe każ kienet “kundizzjoni sine qua non” sabiex ma twaqqafx il-ftehim relatat mat-tranżazzjoni Vivo (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:C:2010:346, punt 32).

164    Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ provi f’dan is-sens, ir-rikorrenti ma tistax fuq kollox teċċepixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba l-allegat nuqqas ta’ użu, mill-Kummissjoni, tal-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tinvestiga dwar il-pressjoni allegatament eżerċitata mill-Gvern Portugiż fuq Telefónica. Fil-fatt, għalkemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimponi fuq il-Kummissjoni li tkun involuta bil-mezzi proprji għall-istabbiliment tal-fatti u taċ‑ċirkustanzi rilevanti u għalkemm hija għandha teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s‑sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punti 75 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l-provi mressqa mill-partijiet u l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha sabiex tipprova punt li huwa sempliċement allegat, iżda li ma huwa sostnut minn ebda indizju fil-provi prodotti mill-partijiet (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2010:516, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-ħsieb li jista’ jkun hemm prova tal-intervent ta’ gvern sabiex jimponi klawżola illegali huwa wieħed “innoċenti” u “kuntrarju għal bon sens”, u r-rekwiżit ta’ tali prova jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji applikabbli għall-oneru tal-prova, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, kif korrettament tindika l‑Kummissjoni, kieku, kif issostni r-rikorrenti, il-klawżola kienet element essenzjali għas-suċċess tat-tranżazzjoni, allura huwa improbabbli li ma jeżisti l-ebda dokument li jagħmel riferiment għaliha, iktar u iktar meta jeżistu, għall‑kuntrarju, provi dwar l-imġiba tal-Gvern Portugiż fir‑rigward ta’ aspetti tat-tranżazzjoni li ma humiex relatati mal‑klawżola, b’mod partikolari dwar l-importanza tal-preżenza ta’ PT fil‑Brażil.

166    Finalment, f’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li, kif ġie kkonfermat fis-seduta, kien biss f’Ottubru 2010 li l-Kummissjoni kellha għarfien tal-eżistenza tal-klawżola, jiġifieri wara l-iffirmar u saħansitra wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim. Minn dan isegwi li l-kritika tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni matul in‑negozjati tiegħu hija mingħajr bażi.

 Dwar l-allegata mġiba ta’ Telefónica sabiex timminimizza l-kontenut antikompetittiv tal-klawżola

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod skorrett l-imġiba kostanti tagħha sabiex timminimizza l-kontenut tal-klawżola u twarrab kull riskju ta’ illegalità. Filwaqt li rrikonoxxiet, fil-premessa 338 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-użu tal-espressjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” ma kienx fih innifsu indizju ta’ intenzjoni frawdolenti, li Telefónica kienet ħadet miżuri sabiex tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tal-klawżola u li l-protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” kienet dovuta għall-inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni ma tislet l-ebda konsegwenza minn dawn il-punti.

168    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex eżatt li hija xtaqet “mill‑bidu” klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni, din ma ddikjaratx li Telefónica mill-bidu xtaqet klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, iżda llimitat ruħha, fil‑premessi 36 u 42 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkonfuta l‑argument li jgħidu li Telefónica kienet eskludiet kwalunkwe obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni mill-ewwel offerta.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ewwel żewġ abbozzi ta’ ftehim kien fihom obbligu min-naħa ta’ Telefónica li din kellha tastjeni milli timponi “kwalunkwe klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ nuqqas ta’ solleċitazzjoni fuq PT”. Fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija iktar ’il fuq, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li, fir-risposti tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2011, il-partijiet kienu ddikjaraw li l-imsemmi obbligu kien jikkonċerna kwalunkwe klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni relatat mas-suq Brażiljan u mhux mas-suq Iberiku. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni nnotat korrettament li t-tieni offerta kien fiha wkoll l‑obbligu msemmi iktar ’il fuq ta’ Telefónica li ma timponix klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq PT ħlief il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni relatata mas-suq Iberiku, liema ħaġa kienet timmilita favur l‑interpretazzjoni li tgħid li l-ewwel obbligu kien jikkonċerna s-suq Brażiljan u mhux is-suq Iberiku.

170    It-tieni nett, għalkemm ir-rikorrenti tiċħad id-dikjarazzjoni ta’ PT fil-punt 164 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, riprodotta fid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 86 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata), li tgħid li Telefónica kienet talbet l-inklużjoni tas-servizzi relatati mat‑televiżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, hija ma tipproduċi l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dawn is-servizzi kienu inklużi fl-imsemmi kamp bl-inizjattiva ta’ PT, minn dan ma tistax tiġi dedotta “imġiba kostanti ta’ Telefónica li timminimizza l-portata tal-klawżola”.

171    It-tielet nett, ir-rikorrenti tiċħad kull rwol li hija seta’ kellha sabiex tiġi stabbilita n-natura bilaterali tal-klawżola. Madankollu, anki jekk ir‑rikorrenti ma kellhiex tali rwol, u minkejja li l-Kummissjoni ma ssostnix li hija kellha dan ir-rwol, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l‑ewwel verżjoni tal-klawżola kif ukoll dik li finalment ġiet adottata kellha natura bilaterali. Ir-rikorrenti lanqas ma tasal sabiex turi li PT jew il‑Gvern Portugiż kien impona n-natura bilaterali tal-klawżola (ara l‑punt 154 iktar ’il fuq).

172    Finalment, fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni timminimizza indebitament il-portata tal-eċċezzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola li Telefónica waslet sabiex tintroduċi, li kienet tikkonsisti fl-esklużjoni tal-attivitajiet kurrenti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il‑Kummissjoni ma rrikonoxxietx li s-servizzi pprovduti fil-Portugall minn Zon, ikkunsidrati mir-rikorrenti bħala attivitajiet kurrenti, kienu koperti wkoll minn din l-eċċezzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma kkonfutatx id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-premessi 156 sa 164 tad‑deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-attivitajiet magħmula minn kumpanniji mhux ikkontrollati mill-partijiet ma kinux koperti bl-eċċezzjoni introdotta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola.

173    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni spjegat li, għalkemm l‑attività eżerċitata minn kumpannija li fiha waħda mill-partijiet kellha azzjonijiet iżda li ma kinitx tikkontrollhom kienet rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, l-imsemmija klawżola kellha tindika li hija setgħet tapplika għall-attivitajiet tal‑kumpanniji li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm tali attivitajiet kienu rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, huma kellhom ikunu hekk anki sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li l-bidu ta’ attività pprojbita bil-klawżola minn kumpannija mhux ikkontrollata, li fiha waħda mill-partijiet kellha sehem minoritarju, jikkostitwixxi ksur tal-klawżola. Il-Kummissjoni kompliet fuq dan il-punt billi ddikjarat li l-partijiet ma għandhomx jallegaw li daħlu għal dan l-obbligu f’isem u għan-nom ta’ kumpanniji li fihom huma kellhom sehem minoritarju iżda li ma kinux jikkontrollaw, peress li huma ma setgħux jiżguraw l‑osservazzjoni ta’ tali obbligu. Konsegwentement, sabiex attività tkun tista’ tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, hija għandha tkun eżegwita direttament minn waħda mill-partijiet jew indirettament minn waħda mill-kumpanniji kkontrollati minn dawn tal-aħħar.

174    Fin-nuqqas ta’ provi jew, tal-inqas, ta’ argumenti li jistgħu jikkontestaw din il-konklużjoni, li minnha jirriżulta b’mod neċessarju li l-attivitajiet ta’ Zon, li fiha r-rikorrenti kellha biss sehem minoritarju (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ma jistgħux jitqiesu bħala koperti mill-eċċezzjoni introdotta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, il‑pretensjonijiet tar-rikorrenti f’dan l-aħħar rigward għandhom jiġu miċħuda.

175    Mill-premessi kollha preċedenti, u sa fejn it-talba għas-smigħ ta’ xhieda mressqa mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda (ara l-punti 357 et seq. iktar ’il quddiem), jirriżulta li din ma pproduċietx provi li jistgħu jistabbilixxu li l-klawżola kienet kundizzjoni sabiex il-Gvern Portugiż ma jwaqqafx it-tranżazzjoni Vivo u li, b’dan il-fatt, Telefónica ma kellhiex għażla oħra ħlief li tipprova tillimita l-impatt tagħha, b’mod partikolari billi tibdilha fi klawżola ta’ awtoevalwazzjoni bl‑introduzzjoni tal-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi”.

e)     Fuq l-allegat kontenut materjali u l-allegati għanijiet prattiċi tal‑protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi”

176    Skont ir-rikorrenti, kieku ġie kkunsidrat il-fatt li hija kienet marbuta mill-qrib mat‑tranżazzjoni Vivo, kien jidher immedjatament li l-klawżola, mhux talli ma kinitx nieqsa minn użu prattiku, iżda qdiet ħafna mill‑funzjonijiet klassiċi u leġittimi li l-klawżoli ta’ protezzjoni legali huma mitluba jissodisfaw fil-prassi kuntrattwali, jiġifieri: it-tnaqqis fl‑ispejjeż ta’ tranżazzjoni, għodda strateġika sabiex jintlaħaq konsensus u garanzija taż-żamma tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, l‑interpretazzjoni tal-klawżola użata mill-Kummissjoni hija manifestament kuntrarja għall-kliem tagħha.

177    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Gvern Portugiż kien impona l-klawżola bħala kundizzjoni tat-tranżazzjoni Vivo, u b’hekk ġiegħel lil Telefónica tagħmel dak kollu li setgħet sabiex tillimita l-impatt fuqha. Issa, mill‑kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 136 sa 162 u 167 sa 175 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda provi li jistgħu jistabbilixxu l-fondatezza ta’ din il-premessa, b’tali mod li l-argument tagħha bbażat fuqha ma jistax jintlaqa’. Fi kwalunkwe każ, ir‑rikorrenti lanqas ma tressaq xi provi li jippermettu li jiġi stabbilit l‑allegat kontenut materjali u l-allegati għanijiet prattiċi tal‑protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi”.

 Fuq l-allegata funzjoni ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni

178    F’dak li jirrigwarda l-funzjoni ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni, ir‑rikorrenti ssostni li l-protezzjonijiet legali huma ġeneralment użati f’każ ta’ dubji jew ta’ diverġenzi fl-analiżi ġuridika tal-partijiet u meta dawn jixtiequ jevitaw li jitilfu l-flus, enerġija u ħin f’diskussjonijiet legali li jistgħu jibqgħu għaddejjin u jtawlu l-proċess ta’ negozjati. Skont ir-rikorrenti, dan huwa preċiżament dak li ġara f’dan il-każ: meta PT introduċiet il-klawżola fil-kontroproposta tagħha, hija ddikjarat li din setgħet tkun iġġustifikata bħala restrizzjoni anċillari. Telefónica ma kinitx konvinta dwar dan, iżda rrikonoxxiet li d-dubju kien possibbli.

179    Minkejja li kellha dubji dwar il-ġustifikazzjoni tal-klawżola, ir‑rikorrenti kienet, minħabba l-importanza tal-klawżola għall-Gvern Portugiż, kostretta tħalli l-proċess ta’ negozjar jimmatura billi taċċetta l-klawżola, filwaqt li tintroduċi l-limitazzjonijiet oġġettivi u rationae temporis li setgħet u filwaqt li kienet taf, b’mod definittiv, li hija ma setgħetx tiffirmaha ħlief jekk il-legalità u l-portata tagħha jiġu vverifikati ulterjorment. Skont ir-rikorrenti, il-ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kien ġie ssanat u ġie evitat li jkollu effetti fil-każ li, wara l-verifika individwali – u mhux, kif il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat, il-verifika ġenerali – tal-legalità tiegħu, jiġi konkluż li ma kienx legalment ammissibbli. Billi ssuġġettat ir-restrizzjoni għall-verifika tal‑legalità tagħha, Telefónica eskludiet ukoll kull tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tar-reputazzjoni soċjali jew politika tagħha fir-rigward ta’ PT li kieku kienet ħadet inizjattivi inkompatibbli mar-restrizzjoni.

180    Għandu jiġi nnotat li mill-pożizzjoni tar-rikorrenti jirriżulta li dawn l‑argumenti, essenzjalment, huma bbażati fuq l-idea li kien hemm dubji dwar il-kwistjoni jekk il-klawżola setgħetx tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo. Peress li l-verifika legali tal-kundizzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward kienet twila u tiswa l-flus, il-partijiet inkludew il-protezzjoni legali “sa fejn huwa permess mil‑liġi”, biex b’hekk ipposponew għal iktar tard l-analiżi tal-legalità tal-klawżola.

181    Issa, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il‑fondatezza tal-allegati dubji ta’ PT jew tar-rikorrenti fir-rigward tal‑eventwali legalità tal-klawżola, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq l-idea li l-partijiet b’xi mod kienu “qablu provviżorjament” fuq obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, bil-kundizzjoni tal-verifika ulterjuri tal-legalità tagħha, għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt li r‑rikorrenti għadha, minn naħa, ma spjegatx għalfejn ma kienx possibbli tikkjarifika din il-kwistjoni qabel il-firma tal-ftehim fit-28 ta’ Lulju 2010 jew, tal-inqas, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fil-mument tal‑konklużjoni finali tat-tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru tal-istess sena, u, min-naħa l-oħra, ma pprovatx li tali verifika saret wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim.

182    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-premessi 96 sa 100 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet sostnew li fil-klawżola kien previst eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u li dan l‑eżerċizzju kien seħħ waqt konverżazzjonijiet bit-telefon fis-26 u fid‑29 ta’ Ottubru 2010 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il‑Kummissjoni indikat li l-partijiet kienu taw raġunijiet differenti sabiex jiġġustifikaw il-fatt li dan l-eżerċizzju ma kienx seħħ qabel id‑dħul fis-seħħ tal-ftehim fil-mument tal-konklużjoni finali tat‑tranżazzjoni fis-27 ta’ Settembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), jiġifieri:

–        fid-dawl tal-fatt li l-ftehim kien iffirmat f’isem u għan-nom ta’ PT, mingħajr ma kien approvat qabel mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar, skont Telefónica, kien hemm riskju li l-Gvern Portugiż jopponi dan il-mod li bih saru l-affarijiet: il-Kummissjoni madankollu rrifjutat dan l-argument peress li ma huwa sostnut bl‑ebda prova mill-proċess u peress li l-Artikolu 4 tal-ftehim, moqri flimkien mal-anness 4.1, jistabbilixxi li PT tiggarantixxi lil Telefónica li “[i]l-firma u l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u l‑implementazzjoni tat-tranżazzjonijiet, suġġett ta’ dawn id-dokumenti, ġew legalment u validament approvati mill-Bord tad‑Diretturi tagħha u dak ta’ PT Movéis u ma hija meħtieġa l‑ebda formalità oħra, sabiex kemm PT u PT Móveis, jawtorizzaw l-iffirmar, il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u l‑implementazzjoni tat-tranżazzjoni inkluża fih”;

–        l-awtoevalwazzjoni u t-tqassim tar-riżultati bejn il-partijiet kienu jirrikjedu li jkun hemm diskussjonijiet dwar il-portata u l-effetti tal-klawżola, li setgħu jagħmlu ħsara għall-bilanċ milħuq fil‑kuntest tal-ftehim; madankollu l-Kummissjoni sostniet f’dan ir‑rigward li, li kieku kien veru li l-partijiet qablu, li jipposponu tali diskussjonijiet fuq l-obbligu li jipproċedu ulterjorment għal eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni tal-legalità tal‑klawżola għal iktar tard, tali obbligu kellu jiġi inkluż fit-termini tal-kuntratt;

–        kien hemm inċertezzi eżistenti fir-rigward tat-tranżazzjoni Oi u l‑implementazzjoni tal-“programm ta’ sħubija industrijali” u kien biss “xi ġimgħat” wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni li l‑istampa ħabbret li t-tiġdid tal-preżenza ta’ PT fil-Brażil kien imminenti; għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-passaġġ minn xenarju ta’ inċertezza għal sitwazzjoni ta’ ċertezza dwar it‑tranżazzjoni Oi f’Ottubru 2010 ma kinitx ġiet ipprovata minn Telefónica;

–        it-talbiet għal informazzjoni tal-Comisión Nacional de la Competencia (CNC, Kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni Spanjola) tad-9 u tat-30 ta’ Settembru 2010, li, fost l-oħrajn, kienu qed jitolbu informazzjoni sabiex jinvestigaw dwar eventwali ftehim antikompetittivi bejn il-partijiet fil-kuntest tat-tranżazzjoni Vivo, setgħu saħħew id-dubji dwar il-legalità tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni; issa, il-Kummissjoni nnotat li l-ewwel talba għal informazzjoni tas-CNC kienet datata 9 ta’ Settembru 2010, jiġifieri madwar seba’ ġimgħat qabel id-dati li fihom seħħ l‑allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni, jiġifieri fis‑26 u fid‑29 ta’ Ottubru 2010 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

183    Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Telefónica dwar id‑dewmien fl-allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni ma kienu sostnuti bl-ebda prova fil-proċess.

184    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat, fil-premessi 99 u 100 tad‑deċiżjoni kkontestata, l-argumenti ta’ PT ibbażati fuq il-fatt li l‑klawżola ma kinitx għadha prijorità ladarba l-ftehim kien ġie konkluż. L-ewwel nett, PT sostniet li hija kienet iffokat l-isforzi tagħha fuq il‑konklużjoni tat-tranżazzjonijiet Vivo u Oi. It-tieni nett, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet suġġetta għall-konferma tal-legalità u tal-portata tagħha. It-tielet nett, hija ma daħlitx fis-seħħ qabel id-data tal-konklużjoni definittiva tat-tranżazzjoni, jiġifieri fis-27 ta’ Settembru 2010. Ir-raba’ nett, PT sostniet li hija ma ġiet ikkuntattjata minn ebda awtorità tal-kompetizzjoni. Il-ħames nett, PT ikkunsidrat li r‑riżultat ta’ awtoevalwazzjoni kien jikkonkludi li l-implementazzjoni ta’ obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ftit kellu ċans li jseħħ, indipendentement mill-portata tiegħu. Din kienet l-informazzjoni ppubblikata fl-aħħar ta’ Awwissu 2010 fil-Jornal de Negócios u f’Cinco Días, dwar il-klawżola li torbot lill-partijiet, u fid-19 ta’ Ottubru 2010 f’Diario Economico, dwar is-suġġett tal-investigazzjoni li saret minn CNC dwar il-klawżola, li wasslet lill-partijiet sabiex jistabbilixxu kuntatt ma’ xulxin.

185    Skont il-Kummissjoni, dawn l-argumenti ma humiex biżżejjed sabiex jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn obbligu kuntrattwali vinkolanti, jiġifieri l-allegat obbligu li jitwettaq eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni, ma kienx ġie osservat. Barra minn hekk, anki jekk il-klawżola kienet akkumpanjata minn xi obbligu li ssir awtoevalwazzjoni, l-osservanza ta’ dan l-obbligu kellha tagħmel parti integrali mill-konklużjoni tat‑tranżazzjoni Vivo, li fuqha, jidher, li PT kienet qed tiffoka l‑attenzjoni kollha tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jidħol fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni, jiġifieri fis-27 ta’ Settembru 2010, ma jistax jiġġustifika d-dewmien ikkonstatat fit-twettiq tal-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni, li seħħ f’Ottubru. Għall-kuntrarju, kien mistenni li l‑evalwazzjoni tal-legalità tal-klawżola ssir qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Finalment, il-fatt li ftit kien probabbli li jiġi ġġustifikat l‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kellu jiffavorixxi iktar it-tneħħija malajr tal-klawżola milli ż-żamma tagħha.

186    Il-Kummissjoni finalment iddikjarat, fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi li jinsabu fil-proċess dwar l-imġiba effettiva tal‑partijiet fil-konfront tal-klawżola u, b’mod partikolari, tal-ftehim tal‑4 ta’ Frar 2011 li jneħħiha (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) juru biċ-ċar li l-klawżola ma kienet tipprevedi l-ebda obbligu ta’ awtoevalwazzjoni. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat il-provi korrispondenti, jiġifieri, l-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet dwar in-natura tal-klawżola qabel ir-risposti tagħhom għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-tieni nett, il-ftehim tal-4 ta’ Frar 2011 li neħħa l-klawżola, it-tielet nett, il-konverżazzjonijiet telefoniċi tax‑xahar ta’ Ottubru 2010, ir-raba’ nett, id-data tat-twettiq tal-allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni u, il-ħames nett, elementi oħra invokati mill-partijiet, bħall-pubbliċità tal-klawżola (premessi 299 sa 328 tad‑deċiżjoni kkontestata).

187    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda provi li jistgħu jikkontestaw dawn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal‑allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni sabiex tivverifika l-legalità tal-klawżola.

188    Minn naħa, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tiddikjara li l‑Kummissjoni fehmet ħażin l-eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni, li ma kienx jitlob eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ġenerali, iżda evalwazzjoni individwali segwita bil-pubblikazzjoni tar-riżultati, b’tali mod li l-fatt li din il-pubblikazzjoni saret biss erba’ ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ tal‑ftehim ma jistax jiġi deskritt bħala dewmien żejjed. Issa, anki jekk il-partijiet evalwaw il-klawżola b’mod individwali, dan ma jiġġustifikax dewmien ta’ erba’ ġimgħat bejn id-dħul fis-seħħ tagħha u l-allegata pubblikazzjoni tar-riżultati tal-allegata awtoevalwazzjoni tal‑legalità tagħha.

189    Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rikorrenti ssostni li hija tat provi tal‑kontenut tal-konverżazzjonijiet li seħħew fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010, hija tillimita ruħha sabiex tirreferi għad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ avukati esterni, ta’ rappreżentant ta’ Telefónica u ta’ rappreżentant ta’ PT. Issa, għalkemm huwa minnu li ma tistax titneħħa l-kredibbiltà kollha tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn rappreżentanti tal-partijiet, b’mod partikolari jekk tali dikjarazzjonijiet saru quddiem nutar, madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l‑Kummissjoni fil-premessi 313 sa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, li r‑riżultati u l-kontenut tal-konferenzi msemmija minn Telefónica ma jsibu l-ebda sostenn fil-kliem tal-ftehim tal-4 ta’ Frar 2011 li jħassar il‑klawżola, minkejja li dan jispjega fid-dettall iċ-ċirkustanzi li fihom il‑partijiet waslu għad-deċiżjoni li jneħħu l-klawżola (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

190    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni (premessi 120 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma jikkostitwixxux prova kontemporanja tal-kontenut tal‑konverżazzjonijiet ta’ Ottubru 2010, liema ħaġa tagħtihom valur probatorju ogħla (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra, EU:T:1999:54, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 181). Barra minn hekk, anki jekk xhieda stabbilita permezz ta’ xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huwa rrelata dwarhom, bħala regola, għandha tiġi kklassifikata bħala prova b’valur probatorju għoli (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, Ġabra, EU:T:2011:68, punt 75), għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li d‑dikjarazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ ġew stabbiliti minn persuni li seta’ kellhom interess dirett fil-kawża u li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala indipendenti mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:68, punti 69 u 70).

191    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-provi kollha preżenti, dawn id‑dikjarazzjonijiet bħala l-uniċi prova ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-klawżola kien fiha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni, filwaqt li jitfakkar li, fir-rigward tal-valur probatorju li għandhom jingħataw lill-provi differenti, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra, EU:T:2004:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra, EU:T:2004:220, punt 72 u l‑ġurisprudenza ċċitata, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 273) u li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u min-natura raġonevoli u affidabbli tal-kontenut tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 1053).

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq allegat eżerċizzju ta’ awtoevalwazzjoni li seħħ f’Ottubru 2010 għandhom jiġu miċħuda, bħall-argumenti kollha li jallegaw li l-klawżola kienet taqdi l-funzjoni ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni.

 Fuq l-allegata funzjoni ta’ għodda strateġika sabiex jintlaħaq konsensus

193    F’dak li jirrigwarda l-allegata funzjoni ta’ għodda strateġika sabiex jintlaħaq konsensus tal-kliem “sa fejn”, Telefónica ssostni li hija dejjem riedet tneħħi l-klawżola, iżda li hija indunat, waqt il-proċess tan‑negozjati, li minħabba l-aġenda politika tal-Gvern Portugiż, hija ma setgħetx tneħħi l-klawżola mingħajr ma tipperikola t-tranżazzjoni, b’tali mod li hija għalhekk għażlet li tinnewtralizzaha permezz tar-riżerva “sa fejn”. Peress li x-xewqa tagħha kienet li tirrendi l-klawżola mingħajr effett, hija kienet xorta żammet in-natura bilaterali tagħha, għaliex dan kien jippermettilha, jekk ikun il-każ, li tevita kwistjonijiet legali u li tiddeċiedi faċilment u malajr it-test tal-legalità mitlub.

194    Minn naħa, sa fejn dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Gvern Portugiż kien talab il-klawżola, premessa li ġiet miċħuda fil‑punti 136 sa 162 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’. Min-naħa l-oħra, fil-punti 154 u 171 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti relatati man-natura bilaterali tal-klawżola għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegata funzjoni ta’ sigurtà taż-żamma tat-tranżazzjoni

195    Skont ir-rikorrenti, il-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” issodisfa wkoll il-funzjoni ta’ sigurtà fiż-żamma tat-tranżazzjoni, billi żgura li din tibqa’ fis-seħħ f’każ ta’ kontestazzjoni jew ta’ deċiżjoni ex post. L‑importanza mogħtija lill-klawżola minn PT tat x’tifhem li din kienet tikkunsidraha essenzjali, b’tali mod li kien hemm ir-riskju li, f’każ ta’ nullità tal-klawżola, PT tipprova tikseb in-nullità tal-ftehim kollu kemm hu; dan ir-riskju tnaqqas, iżda ma tneħħiex, permezz tal-“klawżola standard ta’ diviżibbiltà” li, fid-dritt Portugiż, sempliċement jaqleb l‑oneru tal-prova fir-rigward tan-natura essenzjali tal-klawżola għall‑ftehim kollu kemm hu.

196    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li huwa bbażat fuq l‑allegazzjoni li, bil-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi”, ir-rikorrenti riedet tevita, f’każ ta’ nullità tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, li l-ftehim jispiċċa mhux validu fit-totalità tiegħu. Issa, dan jippresupponi li l-klawżola tiġi kkunsidrata bħala essenzjali għall-ftehim kollu u, sa fejn ir-rikorrenti ma tallegax li l-klawżola kienet restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo (ara l-punti 107 sa 110 iktar ’il fuq) u ma tistabbilixxix, b’mod partikolari permezz ta’ opinjoni legali prodotta fl‑anness, li l-perċezzjoni suġġettiva ta’ Telefónica jew l-allegat tħassib ta’ PT setgħu kienu rilevanti fir-rigward tal-importanza tal-klawżola għall-ftehim kollu kemm hu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova ta’ natura li tispjega għal liema raġuni klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq is-suq Iberiku setgħet tiġi kkunsidrata b’mod oġġettiv essenzjali għal tranżazzjoni li ttrattat it-teħid mill-ġdid ta’ ishma f’operatur Brażiljan.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-kliem tal-klawżola

197    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni b’mod parzjali l-kliem tal-klawżola, billi tiffoka fuq il-kliem “nonkompetizzjoni” u tinjora l-kliem “sa fejn”, u b’hekk tikser id‑drittijiet tad-difiża u l-oneru tal-prova li għandha. Il-kliem verament rilevanti tal-klawżola jinsab fid-dispożittiv tagħha, li juri li l-intenzjoni ma kinitx li tiġi ristretta l-kompetizzjoni, iżda li jkun hemm konformità mal-liġi. Il-pubbliċità u l-portata qasira tal-klawżola kienu inkonċepibbli fil-kuntest ta’ ftehim ta’ tqassim tas-swieq, kif allegat il‑Kummissjoni. Il-ftehim lanqas ma kien ippreveda mekkaniżmi ta’ stħarriġ tal-osservanza tar-restrizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma kienx ċar. Il-ftehim “mingħajr klawżoli” ta’ tqassim tas-swieq la huma pubbliċi, la huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-legalità, la huma nnegozjati mal-gvern, la huma konklużi għal perijodu limitat, u, fuq kollox, dawn il-ftehim jiġu applikati u implementati.

198    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kliem tal-klawżola ma jistax jintlaqa’, peress li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, il-klawżola ma tindikax b’mod ċar li l-volontà tal-partijiet ma kinitx li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni, iżda li jkunu konformi mal-liġi.

199    F’dan ir-rigward, huwa indikattiv li r-rikorrenti ssostni li jista’ jiġi preżunt li l-klawżola setgħet tispeċifika li “l-partijiet kienu liberi li jikkompetu fuq is-suq Iberiku kollu (PT fi Spanja u Telefónica fil‑Portugall), ħlief fil-każijiet li fihom l-eżistenza ta’ motiv leġittimu kien jippermetti r-restrizzjoni legali tal-kompetizzjoni”. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, li kieku l-klawżola kienet redatta b’dan il-mod, il‑Kummissjoni kienet tasal għal deċiżjoni oħra, li ma kellux ikun il‑każ, għax ir-redazzjonijiet reali u alternattivi kienu jkunu ekwivalenti minn perspettiva funzjonali. Issa, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar jekk it-tfassil alternattiv propost mir-rikorrenti huwiex realment ekwivalenti għal dak tal-klawżola, is-sempliċi fatt li jiġi propost b’hekk tfassil alternattiv allegatament ekwivalenti minn perspettiva funzjonali juri b’mod ċar li interpretazzjoni tal-klawżola ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-kliem tagħha, iżda għandha tikkunsidra wkoll il-kuntest tagħha li, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, ma jsostnix l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti.

200    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, il-klawżola ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, peress li l-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” bidluha fi klawżola ta’ awtoevalwazzjoni tal‑legalità ta’ obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. L-ewwel tliet motivi għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

2.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kapaċità tal-prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni

201    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-kapaċità tal-klawżola li tirrestrinġi l‑kompetizzjoni bejnha u PT u li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt. Il-Kummissjoni naqset milli teżamina dan il-punt, li tqajjem fir-risposta għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u ma għamlet l-ebda studju tas‑swieq affettwati, tal-kuntest ekonomiku u tal-possibbiltajiet reali u konkreti tal-partijiet li jidħlu fuq is-swieq ġirien rispettivi matul il‑perijodu qasir previst mill-klawżola. Skont ir-rikorrenti, kieku l‑Kummissjoni għamlet tali eżami, hija kienet tikkonstata li l-partijiet ma kinux kompetituri potenzjali. Issa, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali li tista’ tiġi ristretta, il-klawżola ma tistax tkun restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Finalment, il-provi prodotti mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ analiżi ddettaljata tas-swieq u sabiex tirrispondi għall-argumenti tal‑partijiet fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistgħux, skont ir-rikorrenti, jiġu milqugħa.

202    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ddikjarat, fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), li, anki jekk il-klawżola ma tistax tirrestrinġi l‑kompetizzjoni, dan ma jistax jipprekludi li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

203    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat, bħala risposta għal dan l-aħħar argument, li fil-fatt jista’ jiġi ddikjarat biss li, anki jekk il-klawżola ma setgħetx tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan ma għandux jipprekludi li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. Hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ftehim ikollu għan antikompetittiv, il-ftehim għandu jkun jista’ jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, jiġifieri, li jkun jista’, b’mod konkret jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, Ġabra, EU:C:2013:160, punt 38).

204    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tindikax li l‑Kummissjoni ċċitat, fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, is‑sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra, EU:C:2007:52, punti 44 u 45), u li hija ddikjarat li, jekk ftehim kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, huwa irrilevanti, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza tal-ksur, li l-konklużjoni tiegħu kienet jew ma kinitx saret fl-interess kummerċjali tal-kontraenti. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-fatt li l-klawżola setgħet tirriżulta li ma tistax tipproduċi effetti fl-interess kummerċjali ta’ Telefónica jew ta’ PT ma kienx rilevanti (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

205    Minn dan isegwi li mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kummissjoni ma ddikjaratx, b’mod ġenerali, li kien irrilevanti li ftehim ikun jista’ jipproduċi effetti sabiex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda li, f’dan il-każ, l-argument ta’ Telefónica riprodott, b’mod partikolari, fil-premessa 359(d) tad‑deċiżjoni kkontestata, dwar in-nuqqas ta’ inċentiv tal-partijiet li jidħlu fis-suq tal-parti l-oħra, kien irrilevanti, għaliex ma kinitx tagħmel differenza, fil-kuntest ta’ ftehim li l-għan tiegħu kien li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, jekk il-konklużjoni tal-ftehim kinitx fl‑interess kummerċjali tal-partijiet jew le.

206    Barra minn hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq l‑insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, mill-argument tar-rikorrenti jirriżulta li proprjament hija ma tikkontestax il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fatt li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat fl‑opinjoni tagħha, milli tagħmel studju dwar l-istruttura tas-swieq affettwati u tal-possibbiltajiet reali ta’ kompetizzjoni tal-partijiet fuq dawn is-swieq. Ir-rikorrenti fil-fatt tikkontesta l-argumenti mressqa fil‑premessi 265 sa 278 tad-deċiżjoni kkontestata.

207    Fi kwalunkwe każ, mill-imsemmija premessi jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija ma kkunsidratx neċessarju li tagħmel analiżi ddettaljata tal-istruttura tas-swieq affettwati u li hija rrispondiet għall-argumenti magħmula mill-partijiet fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom, kif imqassra minnha fil-premessi 268 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jinftiehem fis-sens li hija tikkritika allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, dan għalhekk ma jistax jintlaqa’.

208    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-“kapaċità” tal-klawżola li tirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn PT u Telefónica minħabba l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dan il-każ, hija ma kinitx obbligata tipproċedi b’analiżi ddettaljata tal-istruttura tas‑swieq ikkonċernati, għandhom jiġu rrilevati, hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjoni kkontestata, tliet punti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkonkludi li ebda analiżi ddettaljata tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fir-rigward ta’ kull suq speċifiku ma kienet tidher neċessarja sabiex jiġi evalwat jekk il-ftehim kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (premessa 278 tad‑deċiżjoni kkontestata).

209    Qabel kollox, il-Kummissjoni rrilevat li l-fatt li jiġi konkluż ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, jew li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li ssir awtoevalwazzjoni tal-legalità u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni anċillari, li kieku kellha tittieħed l‑interpretazzjoni tal-klawżola kif proposta mill-partijiet, ikun hemm rikonoxximent, minn dawn tal-aħħar, tal-fatt li huma kienu, tal-inqas, kompetituri potenzjali fir-rigward ta’ ċerti servizzi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali, ma jkunx hemmx lok li jiġi konkluż xi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jkun xi jkun, jew li jiġi kkunsidrat it-twettiq ta’ awtoevalwazzjoni li tikkonċerna obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata).

210    Imbagħad, il-Kummissjoni nnotat li l-klawżola kellha kamp ta’ applikazzjoni estiż, peress li kienet tapplika għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi kollha kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni (premessi 141, 265 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    Finalment, il-Kummissjoni indikat li l-imsemmija servizzi kienu ġew illiberalizzati skont il-kuntest regolamentarju tal-Unjoni, li kien jippermetti u jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni fost l-operaturi (premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata), u li dan il-kuntest liberalizzat, li fih il-kompetizzjoni kienet possibbli u inkoraġġita, kellu jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-evalwazzjoni tal-klawżola (premessa 267 tad‑deċiżjoni kkontestata).

212    Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza diġà ċċitata fil‑punt 104 iktar ’il fuq, li tgħid li huwa importanti, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi, jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, jippreżentawx grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE, li għandu jsir riferiment għall-kontenut tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, għall-objettivi li huwa jfittex li jilħaq, kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal‑prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Madankollu, għalkemm, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kuntest ta’ ftehim, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti definizzjoni preċiża tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni. Fil-fatt, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha rwol differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 101 TFUE jew l‑Artikolu 102 TFUE. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE, id-definizzjoni xierqa tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u minn qabel għad-deċiżjoni dwar aġir allegatament antikompetittiv (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, Ġabra, EU:T:1992:38, punt 159, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra, EU:T:2003:335, punt 27), peress li, qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, li jippresupponi li dan is-suq kien iddefinit minn qabel. Għall-kuntrarju, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, is-suq inkwistjoni għandu jiġi ddefinit sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandux l-għan jew l-effett li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra, EU:T:1995:34, punt 74, u Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2003:335, punt 27; ara, ukoll, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, EU:T:2007:267, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    B’hekk, fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, definizzjoni preliminari tas-suq rilevanti ma hijiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni jkollu minnu nnifsu għan antikompetittiv, jiġifieri meta l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi, mingħajr ma tiddefinixxi preliminarjament is-suq, li l-ftehim inkwistjoni kien iwassal għad‑distorsjoni tal-kompetizzjoni u li seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ tar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, espliċitament ipprojbiti taħt l‑Artikolu 101(1)(a) sa (e) TFUE (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra, EU:C:2009:192, punti 168 sa 175). Jekk l-għan stess ta’ ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni permezz ta’ “tqassim tas-swieq”, għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġu ddefiniti bi preċiżjoni s-swieq inkwistjoni, peress li l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali tkun neċessarjament ġiet ristretta (sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 132).

215    Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat li l‑klawżola ssanzjonata mid-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan ta’ tqassim tas-swieq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li analiżi ddettaljata tas‑swieq ikkonċernati kienet meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk il‑klawżola kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

216    Fil-fatt, impriżi li jikkonkludu ftehim li jkollu l-għan li jirrestrinġi l‑kompetizzjoni ma jistgħux, bħala regola, jevitaw l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE billi jsostnu li l-ftehim tagħhom ma kellux ikollu effett notevoli fuq il-kompetizzjoni (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 130). L-eżistenza tal-ftehim issanzjonat f’dan il‑każ konsistenti fi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, iddefinita mill-partijiet bħala applikabbli għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku” kien ikollha sens biss jekk ikun hemm kompetizzjoni li tista’ tiġi ristretta (sentenzi Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2004:218, punt 131, u tal‑21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑519/09, EU:T:2014:263, punt 231).

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, għalkemm għadu jista’ jiġi aċċettat li, li kieku ġie pprovat li l-intenzjoni reali tal‑partijiet kienet li jirrestrinġu illegalment il-kompetizzjoni, il‑klawżola kienet tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, f’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ, peress li l-klawżola ma kellhiex għan restrittiv, iżda kienet issodisfat rekwiżiti strateġiċi ta’ negozjar.

218    Fil-fatt, mhux biss ir-rikorrenti ma pprovatx li l-klawżola kienet tissodisfa tali rekwiżiti strateġiċi (ara l-punti 121 sa 175 iktar ’il fuq), minkejja li din kienet il-premessa stess tal-argument tagħha, iżda fuq kollox, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l‑argument tar-rikorrenti għandu ċerta inkoerenza. Fil-fatt, anki jekk il‑klawżola kien fiha biss obbligu li jiġi evalwat jekk obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienx legalment possibbli u jekk l-inklużjoni ta’ tali obbligu fil-ftehim kienx inħass bħala neċessarju minn wieħed mill-atturi involuti fit-tranżazzjoni Vivo, dan jikkostitwixxi indizju qawwi tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet.

219    Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka s-sentenza, tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (T‑360/09, Ġabra, EU:T:2012:332), sabiex issostni li, b’mod ġenerali, l‑eżistenza ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il‑partijiet.

220    Għalhekk, fil-punt 115 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tindika li, matul il-perijodu li fih is-suq kellu barrieri għad-dħul u strutturi li kienu jtellfu d-dħul ta’ kompetituri ġodda, is‑sempliċi eżistenza ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex tistabbilixxi li kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali fis-suq inkwistjoni.

221    Għall-kuntrarju, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari, li, fil-preżenza tas-suq liberalizzat bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex tipproċedi għal analiżi tal‑istruttura tas-suq ikkonċernat u tal-kwistjoni jekk id-dħul f’dan is-suq jikkorrispondix, għal kull waħda mill-partijiet, għal strateġija ekonomika vijabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punti 89 sa 93), iżda hija għandha d-dover li teżamina jekk jeżistux barrieri insurmontabbli għad-dħul f’dan is-suq, li jeskludu kull kompetizzjoni potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Toshiba vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, EU:T:2014:263, punt 230).

222    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss ikkonstatat li s-suq tas‑servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tat-televiżjoni fi Spanja u fil‑Portugall kien kompletament liberalizzat (ara l-punt 211 iktar ’il fuq), iżda hija indikat ukoll li, kif iddikjaraw il-partijiet stess, dawn tal-aħħar kienu preżenti fis-swieq ta’ provvista ta’ servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni kif ukoll f’dawk ta’ servizzi ta’ tqassim internazzjonali bl-ingrossa, fis-suq Iberiku kollu (premessi 173, 174 u 272 tad-deċiżjoni kkontestata); li huma ma pprovawx li l-perijodu tal‑applikazzjoni previst mill-klawżola rriżulta li ma kienx biżżejjed sabiex isir l-akkwist ta’ operatur ta’ telekomunikazzjoni eżistenti, bħala mezz sabiex isiru proprjetarji ta’ ċerti netwerks mingħajr ma jkunu ħolquhom huma (premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata); li s-sitwazzjoni reali tas-suq Spanjol u Portugiż ma setgħetx tkun invokata sabiex teskludi l‑possibbiltà ta’ investiment fis-settur, sa fejn, minkejja l-kriżi, l‑investimenti kienu rreġistraw tkabbir jew kienu, tal-inqas, baqgħu stabbli (premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata); u, finalment, li Telefónica stess kienet ammettiet li t-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri ta’ kumpannija bħal PT kienet prevedibbli, fl-okkażjoni ta’ negozjati relatati mat-tranżazzjoni Vivo, b’tali mod li l-akkwist ta’ kompetitur ta’ PT seta’ jkun possibbli wkoll (premessi 37 u 275 sa 277 tad‑deċiżjoni kkontestata).

223    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tista’ turi li, minkejja dawn l-elementi, kienet meħtieġa analiżi ddettaljata tas-swieq inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-klawżola kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew sabiex jiġi stabbilit li l-ebda barriera insormontabbli ma kienet tostakola lill-partijiet milli jidħlu fis‑swieq viċini rispettivi tagħhom.

224    Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, minbarra l-argument diġà diskuss fil‑punti 201 sa 221 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex, fis‑sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tikkontesta l-argument tal‑Kummissjoni miġbur fil-punt 222 iktar ’il fuq, mingħajr ma din il‑kontestazzjoni tidher tali li tpoġġi indiskussjoni l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dan il-każ, hija ma kinitx obbligata tipproċedi għal analiżi ddettaljata tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fis-swieq ikkonċernati mill-klawżola.

225    Bl-istess mod, l-argument addizzjonali tar-rikorrenti, li jikkonsisti fit-tressiq ta’ provi intiżi sabiex juru li dħul fis-swieq ikkonċernati ma kienx jikkorrispondi mal-prijoritajiet strateġiċi tal-partijiet jew ma kienx ekonomikament vantaġġjuż jew attraenti, ma jistax jintlaqa’.

226    Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat fid-dettall dan l‑argument u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar il-metodoloġija, ikkontestata mill-Kummissjoni, ta’ wieħed mir-rapporti ekonomiċi ppreżentati mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, jekk l‑intenzjoni li għandha impriża li tintegra suq tkun eventwalment rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit mill‑kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq (ara s-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi ddikjarat li, minkejja l-fatt li l-eżistenza stess tal-klawżola hija indizju qawwi ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet, li l-għan tagħha kien jikkonsisti fi ftehim ta’ tqassim tas-swieq, li hija kellha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u li hija kienet tinsab f’kuntest ekonomiku liberalizzat, il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi dettaljata tal‑istruttura tas-swieq ikkonċernati u tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet f’dawn is-swieq sabiex tikkonkludi li l-klawżola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE inkwantu l-klawżola ma hijiex restrizzjoni minħabba l-effett u fuq il‑ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-prinċipju in dubio pro reo

228    Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-klawżola ma tikkostitwixxix restrizzjoni minħabba l-għan, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-imġiba allegatament restrittiva seħħet, li din l-imġiba kellha effetti reali jew potenzjali fis-suq u li dawn l-effetti kienu sinjifikattivi. Peress li l‑Kummissjoni ma pprovatx li l-klawżola kienet restrittiva minħabba l‑effetti tagħha, l-Artikolu 101 TFUE ġie applikat b’mod żbaljat u l‑prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ oneru tal-prova kienu ġew miksura.

229    Sa fejn dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-imġiba inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, dan għandu jiġi miċħud. Mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-ftehim bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, minkejja li jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-imġiba inkwistjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra, EU:T:2011:70, punt 75, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

230    Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti meta jkun jidher li għandu l-għan li jillimita, li jfixkel jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall‑iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra, EU:C:2011:816, punt 75).

231    Għaldaqstant, il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti tal-klawżola, għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq il-konklużjonijiet dwar l-ammont tal-multa

232    Permezz tas-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi tagħha, imqajma sussidjarjament, ir‑rikorrenti teċċepixxi żbalji differenti mwettqa fil-kalkolu tal-multa.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

a)     Fuq il-prinċipji relatati mal-kalkolu tal-multi

233    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji Gwida, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C-322/07 P, C‑327/07 P u C-338/07 P, Ġabra, EU:C:2009:500, punt 112 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

234    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ‑ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra, EU:C:2009:166, punt 72, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 54).

235    Kif ġie espost fil-punt 52 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fil‑Linji Gwida.

236    Għalkemm dawn il-linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal‑prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l‑amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tat-trattament ugwali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra, EU:T:2008:416, punt 70).

237    Meta tadotta tali regoli ta’ kondotta u meta tħabbar, permezz tal‑pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dakinhar ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal‑prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 236 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 236 iktar ’il fuq, EU:T:2008:416, punt 71).

238    Barra minn hekk, dawn il-linji gwida jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl‑astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, b’analoġija, is‑sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 236 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 211 u 213).

239    Il-punti 4 u 5 tal-linji gwida huma fformulati kif ġej:

“4. Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101 TFUE] jew [102 TFUE] tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha t-Trattat. Din il-funzjoni ma tinkludix biss il-kompitu li tinvestiga u li tissanzjona ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Għal dan il-għan, il‑Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva. Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101 TFUE] jew [102 TFUE], tista’ tkun neċessarja l‑impożizzjoni ta’ multa fuq dawk li jkunu kisru d‑dispożizzjonijiet legali. Il-multi għandhom jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, mhux biss bil-għan li jiġu ssanzjonati l‑impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll bil-għan li impriżi oħra jiġu dissważi milli jwettqu aġir li jmur kontra l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] jew li jissoktaw b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).

5. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, huwa xieraq li l-Kummissjoni tirreferi, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-multi, għall-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati mill‑ksur. It-tul tal-ksur ukoll għandu jkollu rwol importanti fid‑determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. It-tul tal-ksur għandu neċessarjament impatt fuq il-konsegwenzi potenzjali tal-ksur fis-suq. B’hekk, il‑multa għandha tirrifletti n-numru ta’ snin li matulhom impriża tkun ipparteċipat fi ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

240    Il-linji gwida jagħtu definizzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu li jinkludi żewġ stadji (punt 9 tal-linji gwida). Huma jipprovdu, bħala l-ewwel stadju ta’ kalkolu, li l-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata u tinkludi, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“12. L-ammont bażiku għandu jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ skont il-metodu li ġej.

[…]

13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

21. Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

22. Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal‑partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

23. Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l‑limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l‑iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl‑iskala.

24. Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ (ara l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

25. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit‑Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

241    Il-linji gwida jipprovdu, bħala t-tieni stadju tal-kalkolu, li l‑Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku, ’il fuq jew ’l isfel, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti (punti 11 u 27 tal-Linji gwida).

242    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 29 tal-linji gwida jipprovdi li ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħalma huma:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il‑ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan mhux applikabbli għal ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur matul perijodu iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà riflessa fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal‑Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġit mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

243    Fl-aħħar nett, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq (EU:C:2011:816, punt 129), u KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq (EU:C:2011:810, punt 102), hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità impost fuqha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq il‑marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl‑applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-linji gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ iddettaljat kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt.

244    L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet ġiet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 17 tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), u li issa hija rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 31 tar‑Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il‑ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal‑legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il‑multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2011:810, punt 103).

b)     Id-deċiżjoni kkontestata

245    Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatti deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur kien imwettaq intenzjonalment u kien ikkostitwit minn ftehim, mingħajr dubju illegali, ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Spanjol u Portugiż bejn il-partijiet. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ ksur evidenti, il-partijiet ma jistgħux jinvokaw li huma ma aġixxewx b’mod intenzjonat (premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

246    Għal dak li jirrigwarda l-valur ta’ bejgħ li jservi ta’ referenza sabiex ikun iffissat l-ammont bażiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għas-servizzi kollha ta’ komunikazzjoni elettroniċi kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni pprovduti fi Spanja jew fil-Portugall, bl-eċċezzjoni tas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjoni internazzjonali, li għalihom il-partijiet kienu f’kompetizzjoni fil-peniżola Iberika fid-data tal-firma tal-ftehim, u li minħabba dan il-fatt kienu esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-klawżola kienet teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni kull investiment u kull attività li kienet diġà għaddejja matul id-data tal-ftehim li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri ta’ attivitajiet u ta’ investimenti tal-parti l-oħra fis-suq Iberiku, il-Kummissjoni kkunsidrat biss, għal kull waħda mill-partijiet, il-valur tal-bejgħ tagħhom stess fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Għalhekk, hija ma kkunsidratx, b’mod partikolari, il-valur tal-bejgħ ta’ kull parti fil-pajjiż tal‑oriġini tal-parti l-oħra, peress li dawn l-ammonti kienu jikkorrispondu, bħala regola, ma’ attivitajiet pre-eżistenti, mhux koperti mill-klawżola. Dan jimplika li, f’dak li jikkonċerna lil Telefónica, il‑valur tal-bejgħ kien stabbilit mill-Kummissjoni billi kkunsidrat il‑valur tal-bejgħ ta’ din l-aħħar kumpannija fi Spanja, filwaqt, li f’dak li jikkonċerna lil PT, l-imsemmi valur kien stabbilit billi kkunsidrat il‑valur tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija fil-Portugall (premessi 482 u 483 tad-deċiżjoni kkontestata).

247    Il-Kummissjoni mbagħad indikat li, ġeneralment, hija kienet tikkunsidra l-bejgħ imwettaq mill-impriżi matul l-aħħar sena sħiħa tal‑parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Peress li kienet taf, f’dan il-każ, li l-ksur kien dam inqas minn sena u li dan sar bejn l-2010 u l‑2011, il‑Kummissjoni użat il-bejgħ tal-impriżi matul is-sena 2011, li kien inqas mill-bejgħ irreġistrat mill-partijiet fl-2010 (premessa 484 tad‑deċiżjoni kkontestata).

248    Dwar il-gravità tal-ksur, li tistabbilixxi l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat sabiex ikun iffissat l-ammont tal-multa, il‑Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, il-ksur kien ikkostitwit minn ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ tqassim tas-swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ televiżjoni Spanjol u Portugiż bejn il-partijiet u li Telefónica u PT kienu l-operaturi storiċi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom (premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata).

249    Il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat il-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta mill-partijiet, mill-mument tal-introduzzjoni tagħha, għall-ewwel darba, fl-offerta tal-1 ta’ Ġunju 2010. Fil-fatt, u kif jidher fil-premessi 128 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni offerta li kienet tinkludi l-ewwel abbozz ta’ klawżola kienet ġiet ippubblikata mill-partijiet fuq is-siti tal-internet rispettivi tagħhom u mibgħuta lill‑awtoritajiet tal-Borża ta’ Spanja u tal-Portugall, li kienu ppubblikawha, min-naħa tagħhom, fuq is-siti tal-internet tagħhom. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Ġunju 2010, PT qassmet fuljett li jispjega t‑tranżazzjoni u l-klawżola lill-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il‑ftehim li kien jinkludi l-verżjoni finali tal-klawżola kien jifforma parti integrali mill-fajl ippreżentat minn Telefónica u PT għand l-Anatel u CADE. Finalment, f’artikolu ppubblikat minn Jornal de Negócios fit‑23 ta’ Awwissu 2010, Telefónica kkonfermat li l-ftehim kien jinkludi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni (premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata)

250    Għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li dan dam mis-27 ta’ Settembru 2010, data tal-att notarili u, għalhekk, tal-konklużjoni finali tat-tranżazzjoni, sal-4 ta’ Frar 2011, data tal‑ftehim tal-partijiet li ġab fi tmiem il-klawżola (premessa 492 tad‑deċiżjoni kkontestata).

251    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tad-daqs tal-impriżi u tal-perijodu qasir tal‑ftehim restrittiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, kien proporzjonat u biżżejjed f’termini ta’ dissważjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni perċentwali żgħir tal-valur tal‑bejgħ sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multi. Il‑Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun ta’ 2 % għaż-żewġ impriżi kkonċernati (premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑perċentwali tal-valur tal-bejgħ użat għal kull impriża kien immultiplikat mill-koeffiċjent użat skont it-tul, jiġifieri 0.33, li jikkorrispondi għal erba’ xhur ta’ sena sħiħa.

252    Il-Kummissjoni użat l-ammonti kkalkolati b’dan il-mod bħala ammonti bażiċi finali, b’tali mod li hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma żiditx ammont fiss ta’ dissważjoni (ammont stabbilit) f’dan il-każ, kif inhu previst fil-punt 25 tal-linji gwida (ara l-punt 240 iktar ’il fuq), kif hija kkonfermat, barra minn hekk, waqt is-seduta.

253    Għal dak li jikkonċerna l-aġġustament tal-ammont bażiku, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti f’dan il-każ (premessa 496 tad-deċiżjoni kkontestata).

254    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet kienu ddeċidew li jneħħu l-klawżola fl-4 ta’ Frar 2011, biex b’hekk temmew il-prattika antikompetittiva inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-klawżola twaqqfet sittax-il jum biss wara li l-Kummissjoni pproċediet bil-ftuħ tal-proċedura u 30 jum wara li l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni lill-partijiet u li l-klawżola ma kinitx sigrieta, kien hemm lok li jitqies li t-tneħħija msemmija kienet tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li kellha tiġi applikata għaż-żewġ partijiet (premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata).

255    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l‑ammont bażiku tal-multa li kellu jiġi impost fuq il-partijiet kellu jitnaqqas b’20 % (premessa 501 tad-deċiżjoni kkontestata) u ċaħdet l‑argumenti kollha tal-partijiet intiżi biex jinvokaw ċirkustanzi attenwanti oħra (premessi 502 sa 507 tad-deċiżjoni kkontestata).

256    L-ammonti finali tal-multi konsegwentement jammontaw għal EUR 66 894 400 għal Telefónica u għal EUR 12 290 400 għal PT.

2.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest fil-kalkolu tal-valur inizjali tal-bejgħ ta’ Telefónica sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal‑multa u l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ motivazzjoni.

257    Ir-rikorrenti ssostni li l-volum ta’ bejgħ ta’ Telefónica kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa għandu jitnaqqas u jkun l-iktar ammont baxx applikat għal PT u li l-Kummissjoni inkludiet fil‑volum tal-bejgħ ta’ Telefónica, b’mod skorrett, servizzi mhux suġġetti għall-kompetizzjoni jew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, jiġifieri l-bejgħ imwettaq fi Spanja, iżda barra mill‑peniżola Iberika, il-bejgħ mis-servizzi pprovduti taħt monopolju, il-bejgħ minn servizzi oħra bl-ingrossa li PT ma setax ikollha aċċess għalihom, u, finalment, il-bejgħ ta’ Telefónica mis‑servizzi pprovduti permezz ta’ Zon kif ukoll il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet li għalihom il-partijiet kienu kompetituri effettivi.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata inkwantu li l-volum tal-bejgħ ikkunsidrat għal Telefónica għandu jkun l-istess bħal ta’ PT

258    Ir-rikorrenti topponi t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-premessa 483 tad‑deċiżjoni kkontestata, tal-volumi ta’ bejgħ ta’ kull parti fl-Istat Membru tal-oriġini tagħha sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, għall-kuntrarju ġie indikat li l‑volum tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal Telefónica kellu jkun l‑ammont l-iktar baxx applikat lil PT, sabiex Telefónica ma tkunx ippenalizzata inġustament fir-rigward tal-istess ksur reċiproku sempliċement għaliex is-suq Spanjol kien ħafna ikbar minn dak Portugiż.

259    Barra minn hekk, l-istess bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq (EU:T:2012:332), f’dan il-każ jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali tnaqqis, jiġifieri, minn naħa, ir-rwol distint li għandhom iż-żewġ impriżi fir-rigward tal-inklużjoni tal-klawżola fil-kuntratt, li turi li PT biss kienet verament interessata, filwaqt li Telefónica kienet kostretta mill‑Gvern Portugiż li taċċetta l-klawżola u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ impatt li applikazzjoni effettiva tal-klawżola seta’ kellha fuq il‑kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ telekomunikazzjonijiet Spanjoli.

260    Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu stabbiliti multi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, hekk kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni (sentenzi tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra, EU:T:2006:103, punti 77 u 79, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra, EU:T:2008:415, punt 41). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jmorrux lil hinn mil‑limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan maħsub (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punt 226, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, EU:T:2007:267, punt 223).

261    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-parti mid-dħul mill‑bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 121). B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-prodotti li kienu s‑suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra, EU:T:1999:52, punt 643, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint‑Gobain Gyproc Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑50/03, EU:T:2008:252, punt 84). Il-Kummissjoni tista’ għalhekk korrettament tagħżel li tibbaża ruħha fuq dan id-dħul mill-bejgħ bħala punt tat-tluq għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif għamlet fil-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra, EU:T:2011:289, punt 61).

262    Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li għandu jintuża d-dħul mill-bejgħ tal‑impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑113/07, Ġabra, EU:T:2011:343, punt 283).

263    F’dan il-każ, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li jintuża, kif tallega r-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ ta’ PT sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Telefónica jikser kemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il‑prinċipju li jgħid li l-multa għandha tkun stabbilita f’livell li jassigura li jkollha natura dissważiva biżżejjed.

264    Fir-rigward tar-riferiment għall-kawża li wasslet għas-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq (EU:T:2012:332), għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l‑prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi, u ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement, b’tali mod li s-sempliċi riferiment minn Telefónica għad-deċiżjoni li wasslet għas-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq (EU:T:2012:332), hija fiha nnifisha ineffettiva, sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa bl-istess mod din il‑kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, EU:C:2009:166, punt 82).

265    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li ċ‑ċirkustanzi li ġġustifikaw l-applikazzjoni tal-istess valur tal-bejgħ għaż-żewġ impriżi kkonċernati fil-kawża li wasslet għas-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq (EU:T:2012:332), ma humiex preżenti f’dan il-każ. B’hekk, fl‑imsemmija kawża, iż-żewġ partijiet li pparteċipaw fi ftehim ta’ tqassim tas-swieq kellhom ishma tas-suq ekwivalenti. Madankollu, peress li parti kbira mis-suq tal-gass Franċiż ma kinitx miftuħa għall‑kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-linji gwida kien iwassal għal differenza kbira bejn il-bejgħ ta’ impriża minnhom u l-impriża l-oħra. Madankollu, il-ftehim tat-tqassim tas-swieq ippermetta lil GDF tipproteġi s-suq Franċiż kollu. Barra minn hekk, kien muri li ma kienx iġġustifikat li GDF tibbenefika mill-fatt li s-suq Franċiż kien qed jilliberalizza ruħu iktar bil-mod. Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex preżenti f’dan il-każ, peress li s-swieq inkwistjoni kienu kompletament liberalizzati.

266    Fl-aħħar nett, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li kellu jiġi kkunsidrat il-valur tal-bejgħ ta’ PT għall-kalkolu tal-multa ta’ Telefónica f’dan il-każ għandhom jiġu miċħuda wkoll.

267    L-ewwel nett, fir-rigward tar-rwol allegatament distint taż-żewġ impriżi fir-rigward tal-inklużjoni tal-klawżola fil-kuntratt, li suppost juri li PT biss kienet verament interessata, filwaqt li Telefónica kienet kostretta taċċetta l-klawżola, dan ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal‑ammont bażiku tal-multa, iżda biss, jekk ikun il-każ, bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, il-punti 330 et seq. iktar ’il quddiem).

268    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ impatt li applikazzjoni effettiva tal-klawżola seta’ kellha fuq il-kompetizzjoni effettiva fis‑swieq ta’ telekomunikazzjonijiet Spanjoli, għandu jsir riferiment għall-eżami tar-raba’ motiv (ara l-punti 201 sa 227 iktar ’il fuq), li fil‑kuntest tiegħu ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovatx li ż-żewġ impriżi ma kellhomx jiġu kklassifikati bħala kompetituri potenzjali matul il-perijodu kkonċernat mill-klawżola. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li applikazzjoni effettiva tal-klawżola ma setax ikollha impatt.

269    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li wieħed mill-eżempji ta’ ftehim mogħtija mill-Artikolu 101(1)(c) TFUE, iddikjarat espressament inkompatibbli mas-suq intern, huwa preċiżament dak li jikkonsisti fi “tqassim tas-swieq”. Il-prattika li kienet is-suġġett tal-klawżola hija espressament ipprojbita mill‑Artikolu 101(1) TFUE, għaliex tinvolvi restrizzjonijiet intrinsiċi tal-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013 Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, T‑587/08, Ġabra, EU:T:2013:129, punt 768).

270    L-Artikolu 101 TFUE huwa intiż, bħar-regoli tal-kompetizzjoni l-oħra stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l‑interessi diretti tal‑kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’dan il‑mod, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal‑eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta bejnu u l-prezzijiet fuq il-konsum (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et C‑8/08, Ġabra, EU:C:2009:343, punti 38 u 39 u Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, EU:T:2013:129, punt 769).

271    Mis-sistema ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif implementata bir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003 u interpretata mill‑ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji bħalma huma l-kartelli, jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom stess, il-multi l-iktar ibsin. L‑effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ multi (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, EU:C:2009:702, punt 44; u Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, EU:T:2013:129, punt 770).

272    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 171), il‑linji gwida lanqas ma jsemmu n-neċessità, sabiex tiġi evalwata l-gravità, li tittieħed inkunsiderazzjoni “il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l‑oħra”, u lanqas “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, T‑208/08 u T‑209/08, Ġabra, EU:T:2011:287, punt 128, u Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, EU:T:2013:129, punt 772). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkunsidra l‑effett possibbli tal-ksur sabiex tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-gravità skont il-punti 19 sa 24 tal-Linji gwida. Issa, mill-argument tar-rikorrenti ma jirriżultax li din tikkontesta l-legalità tal-imsemmija linji gwida.

273    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-volum tal-bejgħ ikkunsidrat għal Telefónica kellu jkun l-istess bħal dak għal PT, għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li għandu jiġi eskluż il-valur ta’ ċertu bejgħ mill-kalkolu tal-multa

274    Ir-rikorrenti ssostni li għandu jiġi eskluż il-valur ta’ ċertu bejgħ mill‑kalkolu tal-ammont tal-multa, li jikkorrispondi ma’ servizzi mhux suġġetti għall-kompetizzjoni jew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, jiġifieri l-bejgħ imwettaq fi Spanja, iżda barra mill‑peniżola Iberika, il-bejgħ mis-servizzi pprovduti taħt monopolju, il-bejgħ minn servizzi oħra bl-ingrossa li PT ma setax ikollha aċċess għalihom u, finalment, il-bejgħ ta’ Telefónica mis‑servizzi pprovduti permezz ta’ Zon kif ukoll il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet li għalih il-partijiet kienu kompetituri effettivi. Id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti f’dan ir-rigward waqt il‑proċedura amministrattiva ma ġewx aċċettati, u li għalhekk wasslu għal ksur gravi tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

 Fuq il-motivazzjoni

275    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal‑att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill‑qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

276    F’dak li jikkonċerna l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”. F’dan ir-rigward, il-linji gwida, kif ukoll l-Avviż dwar l-immunità mill‑multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17) fihom regoli indikattivi dwar l-elementi ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra sabiex tkejjel il‑gravità u t-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:193, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

277    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma ssodisfatti meta l‑Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija kkunsidrat skont il-linji gwida u, jekk ikun il-każ, skont l-Avviż tagħha dwar l-immunità mill‑multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji u li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2003:193, punt 218).

278    F’dan il-każ, fit-taqsimiet 5 u 6.3.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari fil-premessi 153, 184, 185 u 278 tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet kellhom jitqiesu, tal-inqas, bħala kompetituri potenzjali fis-swieq kollha tas-servizzi tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ servizzi tat-televiżjoni fi Spanja u fil-Portugall, li l-argumenti tagħhom sabiex tinkiseb l‑esklużjoni ta’ ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ma setgħux jintlaqgħu u li, fid-dawl taċ-ċaħda tal-argumenti tal-partijiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom u fid‑dawl tal‑kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-klawżola, l-ebda analiżi ddettaljata dwar jekk il-partijiet kinux kompetituri potenzjali ma kienet tidher neċessarja f’dan il-każ fir-rigward ta’ kull suq speċifiku sabiex ikun evalwat jekk il-ftehim kellux jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan. Imbagħad, il-Kummissjoni nnotat, fil‑premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Il-valur tal‑bejgħ”, li hija kkunsidrat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għal kull tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni, ħlief għas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali u li, għalhekk, is-servizzi kollha pprovduti fi Spanja u fil-Portugall u li jiffurmaw parti mis-swieq identifikati fit-taqsima 5.3, ħlief is-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, kienu direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur.

279    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tat spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar il-mod li bih hija stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa u għar-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat kull servizz li għalih ir-rikorrenti kienet talbet l-esklużjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, l‑argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni u, b’hekk, tad-drittijiet tad-difiża tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet imwettqa barra mill‑peniżola Iberika

280    Ir-rikorrenti ssostni li mill-kalkolu tal-multa għandu jiġi eskluż il-bejgħ imwettaq fi Spanja barra mill-peniżola Iberika, jiġifieri fil-Gżejjer Kanarji, f’Ceuta, f’Mellila u fil-Gżejjer Baleariċi.

281    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

282    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kliem tal‑klawżola ma jirreferix litteralment għall-“peniżola Iberika”, iżda għas-“suq Iberiku”. Issa, jidher li r-riferiment għas-“suq Iberiku” għandu jinftiehem mhux biss f’sens strettament ġeografiku, bħala sempliċi riferiment għall-peniżola Iberika, iżda bħala riferiment għas‑swieq ta’ Spanja u tal-Portugall, li jinkludu s-swieq tat-territorji tagħhom li ma jinstabux fil-peniżola Iberika. Ma hemmx indikazzjonijiet, u r-rikorrenti lanqas ma tressaq argumenti sabiex turi li t-territorji ta’ dawn l-Istati li jinsabu barra mill-peniżola Iberika kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola.

283    F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tikkritika l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola użata mill-Kummissjoni u li jitfakkar li l-partijiet kienu unanimament indikaw li t-territorju ġeografiku kkonċernat kien il‑peniżola Iberika, iżda li hija ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qasam ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola, esposti fil-premessi 175 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tagħha jistgħu biss jiġu miċħuda.

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi ma’ attivitajiet preeżistenti

284    Skont ir-rikorrenti, mill-kalkolu tal-multa għandu jiġi eskluż il-bejgħ permezz ta’ servizzi li għalihom il-partijiet kienu kompetituri effettivi.

285    B’hekk, minn naħa, mill-kalkolu tal-multa għandu jiġi eskluż il-bejgħ tas-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, li għalihom il‑partijiet kienu kompetituri effettivi fid-data tal-iffirmar tal-ftehim u li kienu, minħabba dan il-fatt, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

286    Għandu jiġi nnotat li, fis-seduta, fid-dawl tal-premessi 482 u 483 tad‑deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-valur tal-bejgħ tas‑servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjoni internazzjonali, li għalihom il-partijiet kienu kompetituri effettivi fid-data tal-iffirmar tal-ftehim, ma ġiex ikkunsidrat fil-kalkolu tal-multa, ir-rikorrenti ma komplietx tinsisti fuq it-talba inizjali tagħha li dawn is-servizzi jiġu esklużi mill-kalkolu tal-multa, fatt li tniżżel fil-minuti tas-seduta.

287    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li mill-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tagħha għandu jiġi eskluż il-bejgħ tas-servizzi pprovduti permezz ta’ Zon. Skont ir-rikorrenti, peress li hija kellha ishma f’din il-kumpannija kompetitriċi ta’ PT, attiva fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), is-servizzi pprovduti minn Zon kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, li kienet teskludi “kwalunkwe investiment jew attività […] li qed isiru bħalissa” (ara l-punt 1 iktar ’il fuq).

288    Issa, ir-rikorrenti kellha biss sehem minoritarju f’Zon (5.46 %) u għalhekk ma kinitx tikkontrolla lil din tal-aħħar. Barra minn hekk, kif kien diġà nnotat fil-punti 172 sa 174 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma kkonfutatx id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 156 sa 164 tad‑deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-attivitajiet ipprovduti minn kumpanniji mhux ikkontrollati mill-partijiet ma kinux koperti mill-eċċezzjoni introdotta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola. Minn dan isegwi li l‑argument li jgħid li l-valur tal-bejgħ tas-servizzi pprovduti permezz ta’ Zon kellu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-multa ma jistax jintlaqa’.

289    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li t-talba għall-esklużjoni tal‑valur tal-bejgħ magħmul minn Zon mill-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-finijiet tal‑kalkolu tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti hija ineffettiva, peress li l-bejgħ ta’ Zon sar fil-Portugall u li l-uniku bejgħ ikkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ Telefónica huwa l-bejgħ imwettaq fi Spanja (ara l-punti 53 u 246 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-esklużjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ Zon mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ma għandhiex impatt fuq il-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa tar-rikorrenti.

–       Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet li ma jistgħux ikunu suġġetti għall-kompetizzjoni

290    Ir-rikorrenti ssostni li mill-kalkolu tal-multa għandu jiġi eskluż ukoll il‑volum tal-bejgħ magħmul fis-swieq jew ma’ servizzi mhux suġġetti għall-kompetizzjoni potenzjali, anki fuq livell teoretiku, li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, jiġifieri l-bejgħ mis-servizzi pprovduti taħt monopolju u l-bejgħ minn servizzi oħra bl-ingrossa li PT ma setax ikollha aċċess għalihom.

291    Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-perijodu 2010-2011, hija pprovdiet diversi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet taħt sistema ta’ monopolju. Għal dawn is-servizzi, l-offerta tagħha ma setgħetx tkun koperta minn kumpanniji oħra, kemm għal raġunijiet ta’ esklużività, kif ukoll minħabba n-natura stess tas-servizz. Dawn huma, b’mod partikolari, l-ewwel nett, is-servizz universali, it-tieni nett, is-“sistema de radiocomunicaciones digitales de emergencia del Estado” (SIRDEE, sistema ta’ komunikazzjonijiet diġitali bir-radju ta’ emerġenza tal-Istat Spanjol), it-tielet nett, servizzi ta’ tmiem ta’ telefonija fuq in-netwerk fiss tagħha u fuq netwerk ċellulari tagħha u, ir-raba’ nett, servizzi bl‑ingrossa ta’ kiri ta’ linji prinċipali ta’ ċerti rotot taħt l-ilma. Barra minn hekk, PT ma setgħetx tikkompeti ma’ Telefónica fl-oqsma tas-servizzi ta’ aċċess u ta’ telefonati fuq in-netwerk telefoniku pubbliku f’post fiss, servizzi ta’ aċċess u ta’ telefonati fuq in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija ċellulari u tas-servizzi bl-ingrossa ta’ informazzjoni. Fid-dawl tal-motivi użati mill-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq (EU:T:2012:332), l-ammont tal-bejgħ tar-rikorrenti għal dawn is‑servizzi għandu jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ tagħha kkunsidrat għall-kalkolu tal-multa.

292    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, irreferiet għall-punt 12 tal-linji gwida, li jiddikjara li l‑ammont bażiku tal-multa kellu jiġi stabbilit b’riferiment għall-valur tal‑bejgħ skont il-metodoloġija esposta fil-punti li ġejjin. Fl‑imsemmija premessa, il-Kummissjoni barra minn hekk spjegat li l‑ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-impriżi kellu jkun stabbilit b’riferiment għall‑valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill‑impriżi, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Fil‑premessa 482 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 278 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kompliet billi indikat li hija kienet tikkunsidra li l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli għal kull tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għas-servizzi ta’ televiżjoni, minbarra s-servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi bl‑ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali u li, għalhekk, is-servizzi kollha pprovduti fi Spanja jew fil-Portugall u li kienu jiffurmaw parti integrali mis-swieq imsemmija fit‑taqsima 5.3, ħlief is‑servizzi mondjali ta’ telekomunikazzjoni u s‑servizzi bl-ingrossa ta’ tqassim ta’ telekomunikazzjonijiet internazzjonali, kienu direttament jew indirettament ikkonċernati mill‑ksur.

293    Fis-seduta, il-Kummissjoni, b’mod partikolari bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), spjegat li fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna tal-klawżola, hija ma kellhiex għalfejn tanalizza l-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet għal kull wieħed mis-servizzi invokati mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit il-valur tal‑bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-kuntest ta’ ksur minħabba l-għan bħal f’dan il-każ, fejn tali eżerċizzju ma kienx mitlub għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur, l-imsemmi eżerċizzju lanqas ma jista’ jkun impost sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal‑multa. Sussidjarjament, il-Kummissjoni żiedet li s-servizzi msemmija mir-rikorrenti ma kinux swieq “awtentiċi”, iżda servizzi pprovduti f’suq li fih il-partijiet kienu kompetituri potenzjali u li kien għalhekk kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola.

294    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

295    Fil-fatt, il-klawżola kienet applikabbli, skont il-kliem tagħha, għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra fis-suq Iberiku”. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni użat, sabiex tikkalkola l-multa, il-valur tal-bejgħ tal‑attivitajiet li saru, fl-opinjoni tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑klawżola u eskludiet il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet kurrenti, esklużi, skont il-kliem tal-klawżola, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-bejgħ li jikkorrispondi għal attivitajiet li ma jistgħux ikunu f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-klawżola, esklużi wkoll mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola bis-saħħa tal-kliem tagħha, għandhom ukoll jiġu esklużi għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

296    Minn dan isegwi li, indipendentement mill-kwistjoni jekk is-servizzi li r-rikorrenti titlob l-esklużjoni tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa kienu swieq apparti li għalihom il-Kummissjoni kellha tevalwa l‑kompetizzjoni potenzjali għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur (ara l-punt 215 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha teżamina jekk ir-rikorrenti kellhiex bażi sabiex issostni li l-valur tal-bejgħ tas-servizzi inkwistjoni kellu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

297    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ partikolari u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari billi jittieħed inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu li fih twettaq dan il-ksur (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni C‑76/06 P, Ġabra EU:C:2007:326, punt 25; tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 53) u tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, Ġabra, EU:C:2015:258, punt 49).

298    Huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad‑daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id‑dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 121; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 54, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 50).

299    Għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 iħalli lill‑Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu huwa jillimita l‑eżerċizzju tagħha billi joħloq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti mill‑Kummissjoni. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal‑multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll mir-regoli ta’ kondotta li l‑Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-linji gwida (sentenzi Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 55, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 51).

300    Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, kif inhu l-każ f’din il-kawża, l-ammont bażiku tal-multa skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida, hija għandha tikkonforma ruħha mal-imsemmija metodoloġija.

301    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 13 tal-linji gwida, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta […] mal‑ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE”. Dawn l-istess linji gwida jippreċiżaw, fil-punt 6 tagħhom, li “[i]l-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul [tiegħu] huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

302    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 261 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti mid-dħul mill‑bejgħ minn merkanzija li kienet is‑suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat, peress li d-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill‑iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, EU:C:1983:158, punt 121; British Steel vs Il-Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, EU:T:1999:52, punt 643, u Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il‑Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, EU:T:2008:252, punt 84).

303    Il-punt 13 tal-linji gwida għalhekk għandu l-għan li jieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l‑importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punt 57, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punt 53).

304    Konsegwentement, il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il‑punt 13 jinkludi fih il-bejgħ imwettaq fis-suq ikkonċernat permezz tal‑ksur fil-KEE, mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit jekk dan il-bejgħ huwiex affettwat realment minn dan il-ksur, bil-parti tad-dħul mill‑bejgħ li ġejja mill-bejgħ ta’ prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur tkun l-aħjar sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, punt 303 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punti 75 sa 78; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2363, punti 57 sa 59; tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, Ġabra, EU:C:2015:184, punti 148 u 149, u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, EU:C:2015:258, punti 53 sa 58 u 64).

305    Madankollu, filwaqt li huwa minnu li l-għan li għandu jiġi segwit minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ppreġudikat jekk il-kunċett tal-valur tal‑bejgħ hemm imsemmi jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill‑bejgħ li fir-rigward tiegħu jiġi stabbilit li ġie effettivament affettwat mill-akkordju inkwistjoni, dan il-kunċett xorta ma jistax jestendi biex jinkludi fih il-bejgħ tal-impriża inkwistjoni li ma jaqax, b’mod dirett jew indirett, fil-parametri ta’ dan l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, punt 303 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punt 76 u Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, punt 304 iktar ’il fuq, EU:C:2015:184, punt 148).

306    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li ma għandux, ċertament, ikun mitlub mill-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan kif inhu l-każ f’din il-kawża, li hija twettaq eżami ex officio tal‑kompetizzjoni potenzjali għas-swieq u s-servizzi kollha kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur, taħt piena li tidderoga mill‑prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitati fil-punti 213, 214 u 216 iktar ’il fuq u li tintroduċi, permezz tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, l‑obbligu li tkun eżaminata l-kompetizzjoni potenzjali meta eżerċizzju tali ma huwiex mitlub fil-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l‑punt 215 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet, f’każ irregolat mil-linji gwida tal-1998 imsemmi fil-punt 272 iktar ’il fuq, li, fil-każ ta’ ksur li jikkonsisti fi tqassim tas‑swieq, interpretazzjoni li għandha bħala konsegwenza li timponi lill‑Kummissjoni, bis-saħħa tal-metodu tal-kalkolu tal-multi, obbligu li hija ma hijiex marbuta bih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE, meta dan il-ksur inkwistjoni għandu għan antikompetittiv, ma tistax tiġi aċċettata (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, EU:C:2009:505, punt 64).

307    Is-soluzzjoni mogħtija f’dan il-każ ma tikkonsistix fl-impożizzjoni fuq il‑Kummissjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, obbligu li din ma hijiex marbuta bih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ ksur li għandu għan antikompetittiv, iżda li tislet il-konsegwenzi mill-fatt li l-valur tal‑bejgħ għandu jkun relatat direttament jew indirettament mal-ksur skont il-punt 13 tal-linji gwida u ma jistax jinkludi bejgħ li ma jirriżultax, direttament jew indirettament, mill-parametru tal-ksur issanzjonat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 305 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, mill-mument fejn il-Kummissjoni tagħżel li tibbaża ruħha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, fuq il-valur tal-bejgħ b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, hija għandha tiddetermina dan il-valur b’mod preċiż.

308    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fid-dawl tal‑kliem tal-klawżola, li jagħmel espressament riferiment għal “kwalunkwe proġett fin-negozju tat‑telekomunikazzjoni (inklużi servizzi fissi u mobbli, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, iżda bl‑esklużjoni ta’ kwalunkwe investiment jew attività li qed isiru bħalissa jew li twettqu mid-data msemmija) li jista’ jitqies f’kompetizzjoni mal‑parti l-oħra fis-suq Iberiku”, u tal-fatt li r-rikorrenti ressqet, fir‑risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, provi fattwali bil-għan li jindikaw il-valur tal-bejgħ ta’ ċerti servizzi hekk imsemmija kellu jiġi eskluż għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni bejn il-partijiet, il-Kummissjoni kellha tipproċedi għall-eżami ta’ dawn il-provi sabiex tistabbilixxi l-valur tal‑bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur.

309    B’hekk, f’dan il-każ, sa fejn il-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur huwa l-bejgħ ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola, jiġifieri l-bejgħ ta’ kull proġett li jaqa’ fis-settur tat‑telekomunikazzjoni, ħlief l-attivitajiet attwali, li jistgħu jkunu f’kompetizzjoni mal-parti l-oħra tas-suq Iberiku, il-Kummissjoni kellha, sabiex tistabbilixxi l-valur ta’ dan il-bejgħ, tistabbilixxi s-servizzi li għalihom il-partijiet ma kinux f’kompetizzjoni potenzjali fis-suq Iberiku, billi teżamina l-provi ppreżentati minn dawn tal-aħħar fir‑risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex juru n‑nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejniethom fir-rigward ta’ ċerti servizzi matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-klawżola. Kien biss abbażi ta’ tali analiżi fattwali u ġuridika li kien possibbli li jiġi stabbilit il-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur li l-valur tiegħu kellu jservi bħala ammont tat-tluq għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

310    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti fejn issostni li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT fir-rigward ta’ ċerti servizzi, il-valur tal-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur u li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kellu jiġi annullat, biss sa fejn dan jiffissa l-ammont tal-multa abbażi tal-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni.

311    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal‑atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, bl‑eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2062, punt 42). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-illegalità kkonstatata f’dan il-każ tikkonċerna l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti u, għalhekk, il-bażi stess tal-kalkolu tagħha.

312    F’dan il-kuntest, huwa utli li jerġa’ jitfakkar li l-Kummissjoni ma pproċedietx, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, għal analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet għas-servizzi msemmija mir-rikorrenti. Barra minn hekk, bħala risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża għall-ksib min-naħa tal-Kummissjoni ta’ elementi ta’ risposta għall-argumenti tar-rikorrenti rigward il-preżunt nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT li tikkonċerna ċerti servizzi fi Spanja (ara l-punti 61 u 293 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrepeti l-pożizzjoni tagħha li hija ma kellhiex għalfejn tanalizza l-kompetizzjoni potenzjali bejn il‑partijiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa u barra minn hekk hija llimitat ruħha li tirrispondi għall-argumenti kollha tar-rikorrenti billi tikkonferma li PT kienet kompetitur potenzjali ta’ Telefónica fir‑rigward tas-servizzi inkwistjoni, peress li setgħet tipparteċipa f’sejħiet għal offerti jew tixtri operatur eżistenti.

313    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi l-ammont finali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

314    Huwa minnu li l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill‑qorti, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tibdel l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pproċedietx għall-analiżi tal-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fir-rigward ta’ ċerti servizzi sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Id‑determinazzjoni tal-valur ta’ dan il-bejgħ mill-Qorti Ġenerali timplika għalhekk li din timla lakuna fl-investigazzjoni tal-każ.

315    Issa, l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi għal tali investigazzjoni, li tmur lil hinn mis-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tal-Kummissjoni, peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija l-unika u l-ewwel evalwazzjoni tal-provi li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ f’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur skont il-punt 13 tal-linji gwida u li l-analiżi tagħha taqa’ f’idejn il-Kummissjoni.

316    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li ma hemmx lok li tiġi eżerċitata l‑kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-konsegwenzi kollha tal‑illegalità kkonstatata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u li tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li jkunu eżaminati l‑motivi l-oħra relatati mal-ammont tal-multa.

3.     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba żball manifest fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

317    Ir-rikorrenti ssostni li, waqt il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il‑Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod adattat il-punti li ġejjin, li kienu jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-multa simbolika jew, tal-inqas, ta’ multa mnaqqsa meta mqabbla ma’ dik imposta f’dan il-każ: prinċipalment, il-klawżola ġiet stabbilita bl-imġiba tal-Gvern Portugiż; il-klawżola ma ġietx implementata; il-partijiet indikaw bil‑miktub, immedjatament wara l-intervent tal-Kummissjoni, li huma kienu jqisu li r-restrizzjoni ma setgħetx tkun effettiva u li hija qatt ma kienet hekk; sussidjarjament, ir-restrizzjoni li tirreferi għaliha l‑klawżola qatt ma kienet ġiet implementata u ma kellha l-ebda konsegwenza, u Telefónica assigurat ruħha li l-imsemmija restrizzjoni ma setgħetx tkun implementata jekk dik kienet illegali; in-nuqqas ta’ preċedenti li fihom ftehim daqshekk eċċezzjonali daqs dan inkwistjoni kellu jkun issanzjonat; u, finalment, in-natura pubblika tal-klawżola.

318    Għandu jitfakkar li l-ammont tal-multa huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, skont it-tul tiegħu. Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont kriterji bħalma huma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi. Elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in‑numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u l-ħsara subita mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l‑importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidività (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 89 sa 91 u Toshiba vs Il‑Kummissjoni, punt 262 iktar ’il fuq, EU:T:2011:343, punt 281).

319    Għandu jitfakkar ukoll li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat, minħabba l-gravità tal-ksur, perċentwali baxx tal-valur tal-bejgħ tal‑impriżi kkonċernati, jiġifieri 2 % (ara l-punt 251 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma applikatx “ammont stabbilit”, kif inhu previst fil-punt 25 tal-linji gwida (ara l‑punt 240 iktar ’il fuq), bil-għan li tiddiswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni (ara l-punt 252 iktar ’il fuq). Finalment, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l‑iffissar tal-perċentwali sabiex jintuża skont il-gravità tal-ksur, b’mod partikolari, il-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta kif ukoll it‑tul qasir previst għall-applikazzjoni tagħha (ara l-punti 249 u 251 iktar ’il fuq).

320    Fid-dawl tal-fatt li l-klawżola kienet tikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-swieq, ksur normalment meqjus fost l-iktar gravi, u fid-dawl tal-fatt li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat huwa stabbilit f’livell li jista’ jitla’ sa 30 % għal dan it-tip ta’ ksur (ara l-punti 21 u 23 tal-Linji gwida, punt 240 iktar ’il fuq), jidher li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod qawwi elementi li jnaqqsu l-gravità tal-ksur f’dan il-każ.

321    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex isostnu li l‑Kummissjoni ma kkunsidratx kif suppost elementi oħra li kellhom ibaxxu l-perċentwali użat minħabba l-gravità tal-ksur ma jistgħux jiġu milqugħa.

322    L-ewwel nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegat aġir tal‑Gvern Portugiż sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, għandu jiġi nnotat li l-linji gwida jipprovdu espressament li l-fatt li “l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġit mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni” jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 333 et seq., iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, tali inkoraġġiment, jekk jiġi stabbilit, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll meta tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur.

323    It-tieni nett, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-klawżola, għandu jiġi rrilevat li ma ġiex iddikjarat jekk din kinitx ġiet implementata jew le. Il‑Kummissjoni llimitat ruħha li tinnota, fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm ma jistax jiġi dedott, b’mod dirett, min-nuqqas ta’ attivitajiet kompetittivi ġodda l-fatt li l-klawżola kienet ġiet implementata, l-osservazzjoni li tgħid li l-partijiet ma pprovawx li kienu żviluppaw attivitajiet ġodda fi Spanja jew fil-Portugall, li jippermettu li jiġi konkluż li l-klawżola ma kinitx ġiet applikata, għandu jiġi użat, bħala sinjal (mhux konklużiv) tal-applikazzjoni possibbli tal-klawżola. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni kellha tapplika perċentwali iktar baxx abbażi tal-gravità tal-ksur minħabba l-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni tal-klawżola. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li Telefónica assigurat ruħha li l-klawżola ma setgħetx tkun implementata jekk din kienet tirriżulta illegali ma jistax jintlaqa’, peress li ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel tliet motivi (ara, b’mod partikolari, il-punti 121 u 176 sa 199 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li l-protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” kienet biddlet il-klawżola f’obbligu ta’ awtoevalwazzjoni ta’ possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

324    It-tielet nett, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 254 iktar ’il fuq), hija kkunsidrat, bħala ċirkustanzi attenwanti, skont il-punt 29 tal-linji gwida (ara l-punt 242 iktar ’il fuq), il-fatt li l-partijiet kienu neħħew il-klawżola ftit żmien wara l-intervent tagħha, b’mod li ma hemmx lok li dan jiġi kkunsidrat ukoll abbażi l‑gravità tal-ksur.

325    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-klawżola ma kinitx inżammet sigrieta ma ttiħidx inkunsiderazzjoni biżżejjed. Għandu jiġi nnotat li fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l‑pubbliċità tal-klawżola kienet wieħed mill-elementi li seta’ jiġġustifika l-fatt li ma għandux jintuża perċentwali baxx tal-valur tal-bejgħ minħabba l-gravità tal-ksur (ara l-punti 249 u 319 iktar ’il fuq). Għalkemm il-fatt li jinżammu sigrieti huwa element li jiġi kkunsidrat minħabba l-gravità tal-ftehim ta’ tip ta’ akkordji (ara l-punt 23 tal-linji gwida, punt 240 iktar ’il fuq), jidher li, f’dan il-każ, billi ntuża biss 2 % tal-valur tal-bejgħ minħabba l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat kif suppost il‑pubbliċità tal-klawżola.

326    Finalment, il-ħames nett, fir-rigward tan-natura allegatament eċċezzjonali tal-ftehim inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jitfakkar li r‑rikorrenti pprovat tiġġustifika l-eżistenza tal-klawżola, b’mod partikolari, bil-fatt li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk din tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo kienet diffiċli, b’mod li ġiet posposta għal iktar tard bil-protezzjoni “sa fejn huwa permess mil-liġi” (ara l-punt 178 iktar ’il fuq). Issa, kif tenfasizza b’mod korrett il-Kummissjoni, jeżistu preċedenti fil-qasam ta’ restrizzjonijiet anċillari, b’mod li l-partijiet kienu jistgħu xorta jevalwaw il-kwistjoni dwar jekk il-klawżola setgħetx tikkostitwixxi tali restrizzjoni anċillari. Għaldaqstant, impriża diliġenti bħar-rikorrenti, li, barra minn hekk, tibbenefika minn ħafna pariri legali ta’ kwalità, ma tistax tinvoka xi dubju mhux raġonevoli fir-rigward tal-legalità tal‑klawżola.

327    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tista’ biss issostni li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi regola ġdida ta’ evalwazzjoni ta’ restrizzjonijiet li l-implementazzjoni tagħhom hija suġġetta għal protezzjoni legali, li tipprovdi li tali restrizzjonijiet jikkostitwixxu ksur minħabba l-għan, jekk, minn evalwazzjoni ex post, il-Kummissjoni tikkunsidra li kien hemm dubju raġonevoli dwar in-natura restrittiva tagħhom u li l‑partijiet jipproċedu immedjatament għal awtoevalwazzjoni u li jħassru jew jimmodifikaw il-ftehim li jipprovdi r-restrizzjoni bħala konsegwenza. Fil-fatt, jidher li l-Kummissjoni kkunsidrat korrettament biss li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt li ma kinitx teżisti marġni kbira ta’ dubju fir-rigward tal-legalità tal-klawżola fil-mument tal-firma tal‑ftehim kif ukoll il-fatt li l-partijiet ma pproċedewx għall-eżami tal‑legalità tal-klawżola qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim li seħħ xahrejn wara l-iffirmar tiegħu kienu jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet li l‑protezzjoni legali bidlet il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fi klawżola ta’ awtoevalwazzjoni. Jekk tali ċirkustanzi ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ klawżola li kien fiha protezzjoni legali, huwa biżżejjed li l-partijiet jinkludu l-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi” sabiex ftehim antikompetittiv ma jibqax jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u li l-Kummissjoni tkun obbligata li teżamina l-effetti tiegħu. Issa, mhux biss tali sitwazzjoni ttaqqal b’mod eċċessiv l-oneru tal-prova ta’ aġir kuntrarju għall‑Artikolu 101 TFUE li jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li għalhekk ikun inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li kienu attribwiti lilha mit-Trattati, iżda hija tiftaħ ukoll it-triq għal kull xorta ta’ abbuż min-naħa tal-partijiet għal ftehim antikompetittiv.

328    Fi kwalunkwe każ, inkwantu hija kienet tikkonsisti fi ftehim ta’ tqassim tas-swieq, il-klawżola ma tistax tiġi eżonerata minn sanzjoni, u dan anki jekk jiġi preżunt li hija kellha natura differenti minħabba l-użu tal-kliem “sa fejn huwa permess mil-liġi”. Effettivament, il-fatt li aġir li jippreżenta l‑istess karatteristiċi għadu ma ġiex eżaminat f’deċiżjonijiet preċedenti ma jeżentax lill-impriża mir-responsabbiltà tagħha (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Astra Zeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, Ġabra, EU:T:2010:266, punt 901).

329    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest minħabba n-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra.

330    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest, sa fejn hija ma kkunsidratx kif suppost, bħala ċirkustanzi attenwanti, l‑influwenza tal-Gvern Portugiż fil-bidu u l-introduzzjoni tal-klawżola u r-rwol proattiv u tal-bona fide ta’ Telefónica.

331    Għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata, mil-linji gwida li l‑prinċipji tagħhom huma applikati fiha, u fl-aħħar nett mill‑ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-gravità tal-ksur hija, fl-ewwel lok, evalwata skont elementi relatati mal-ksur innifsu, bħan-natura tiegħu, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il‑portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tiegħu, fit‑tieni lok, din l-evalwazzjoni hija rregolata skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li huma karatteristiċi ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, EU:T:2011:621, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).

332    Kif ġie indikat fil-punti 254 u 255 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni applikat, f’dan il-każ, tnaqqis ta’ 20 % minħabba ċirkustanzi attenwanti, peress li l-partijiet temmew il-klawżola, li fuq kollox ma kinitx sigrieta, ftit żmien biss wara l-intervent tagħha u ċaħdet l-argumenti tal-partijiet li jinvokaw ċirkustanzi attenwanti oħra.

333    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod xieraq il-fatt li l-klawżola kienet ġiet imposta mill-Gvern Portugiż, filwaqt li hija ammettiet, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑aġir ta’ dan il-gvern seta’ jikkonvinċiha li r-restrizzjoni kienet neċessarja għall-vijabbiltà tat-tranżazzjoni.

334    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, għalkemm il-linji gwida jipprovdu espressament, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li aġir antikompetittiv kien ġie awtorizzat jew inkoraġġit mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni (ara l‑punt 242 iktar ’il fuq), f’dan il-każ, mill-punti 122 sa 175 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Gvern Portugiż kien inkorraġġixxa l-inklużjoni tal-klawżola fil-ftehim, b’mod li tali inkoraġġiment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Sa fejn ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tista’ tkun xhieda ta’ xi interess tal-Gvern Portugiż għall-klawżola, hija lanqas ma tista ssostni li l‑aġir ta’ dan il-gvern kien inċentivaha sabiex temmen li l-klawżola kienet indispensabbli għall-implementazzjoni tat-tranżazzjoni. F’dan ir‑rigward, għandu barra minn hekk jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li tindika r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ammettietx, fil‑premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir tal-Gvern Portugiż seta’ jikkonvinċi lil Telefónica li l-klawżola kienet neċessarja għall‑vijabbiltà tat-tranżazzjoni, iżda llimitat ruħha li tinnota li, anki jekk Telefónica kienet ikkunsidrat li dan kien il-każ, dan ma kienx biżżejjed sabiex il-klawżola tiġi kkwalifikata bħala restrizzjoni anċillari għat‑tranżazzjoni li tikkonċerna lil Vivo.

335    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija aġixxiet b’bona fide u li ma riditx intenzjonalment timplementa ftehim ta’ tqassim tas-swieq; fil-każ kuntrarju, il-kliem “sa fejn” kien ikun inutli u l-pubbliċità mogħtija lill-ftehim kienet tkun assurda. Bl-istess mod, l-allegat dewmien fl-implementazzjoni tal‑awtoevalwazzjoni tal-legalità tal-klawżola seta’ l-iktar jitqies bħala negliġenza, iżda mhux bħala rieda intenzjonata li tiġi ristretta l-kompetizzjoni.

336    Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

337    Qabel kollox, mill-eżami tal-ewwel tliet motivi jirriżulta li r-rikorrenti la stabbilixxiet li hija kienet kostretta li taċċetta l-klawżola (ara l‑punti 122 sa 175 iktar ’il fuq), u lanqas li hija kellha attitudni proattiva sabiex tillimita l-impatt tagħha (ara l-punti 167 sa 174 iktar ’il fuq).

338    Imbagħad, jekk titqies l-allegata “bona fide” tar-rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti ma jittiħidx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-fatt li l‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li jinsab fil-klawżola kellu natura bilaterali, b’mod li hija kellha tkun ta’ vantaġġ ukoll għal Telefónica kif ukoll minħabba l-fatt li l-ftehim kien sar bejn iż-żewġ partijiet. F’dan ir-rigward, għandha barra minn hekk titfakkar, bħalma għamlet il-Kummissjoni, il-posta elettronika interna tas-6 ta’ Lulju 2010, li kienet tindika li “[g]ħandha tiġi immaġinata sekwenza/teatrin għall‑eventwali kundizzjonijiet ġodda, sabiex jidher li, kif ġie spjegat lilna, inkunu bilqiegħda fuq il-mejda tan‑negozjar u li kundizzjonijiet ġodda jkunu ġew ‘imposti’ fuqna (filwaqt li nkunu aħna li pproponejnihom)”. Fid-dawl ta’ dan l-element, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija kellha rwol purament difensiv fin‑negozjar tal-ftehim.

339    Finalment, ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien fl-allegata evalwazzjoni tal-legalità tal-klawżola u fit-tneħħija tagħha jista’ jiġi kkunsidrat iktar bħala negliġenza, iżda mhux bħala rieda intenzjonata li tiġi ristretta l‑kompetizzjoni. Issa, fid-dawl tal-importanza tat-tranżazzjoni Vivo, li r-rikorrenti stess tenfasizza, ma huwiex sempliċement kredibbli li n-nuqqas ta’ implementazzjoni fi żmien xieraq ta’ obbligu li suppost huwa kuntrattwalment vinkolanti li allegatament jinsab fil-ftehim relatat ma’ din it-tranżazzjoni – jiġifieri li tiġi evalwata l-legalità tal‑obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li jinsab fil-klawżola – huwa dovut għal negliġenza min-naħa ta’ impriżi bħal Telefónica u PT, li għandhom jistgħu jaċċedu u jużaw pariri legali kumplessi.

340    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq it-talba għas-smigħ ta’ xhieda

341    Permezz tat-talba addizzjonali tagħha, sostnuta fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, insostenn tal-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti relatati man‑negozjar tat-tielet u tar-raba’ offerti kif ukoll ta’ dawk relatati mal‑awtoevalwazzjoni tal-klawżola magħmula mill-partijiet u mal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ din l-awtoevalwazzjoni permezz ta’ diversi kuntatti telefoniċi fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010, biex tiġbor ix‑xhieda tal-persuni li pparteċipaw fl-imsemmija avvenimenti.

342    Fit-talba tagħha għas-smigħ ta’ xhieda introdotta permezz ta’ ittra separata tal-31 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti tinsisti barra minn hekk fuq l-importanza tas-smigħ ta’ wieħed mix-xhieda mitluba, jiġifieri A. V., l‑avukat estern tagħha, interlokutur fil-kuntatti u fin-negozjati mal‑Gvern Portugiż.

343    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll fir-risposta tagħha għat-talba għas-smigħ ta’ xhieda, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tas-smigħ tax-xhieda proposti mir-rikorrenti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

344    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tiddeċiedi fir-rigward ta’ bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni għad‑dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha (ara d‑digriet tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑498/09 P, EU:C:2010:338, punt 138 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

345    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest ta’ kawża dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, anki jekk talba għas-smigħ ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li tisma’ x-xhieda ċċitati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il-Kummissjoni, C-239/11 P, C-489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 323 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

346    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet taqbel mad-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB). Fil‑fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħtix dritt assolut lill-akkużat li jikseb id-dehra ta’ xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali u, bħala regola, hija l‑qorti li għandha tiddeċiedi l-bżonn jew l-opportunità li ssejjaħ xhud. L-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma jimponix is-smigħ tax-xhieda kollha iżda huwa intiż sabiex jingħataw opportunitajiet ugwali għall‑partijiet billi jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, toffri lill-akkużat opportunità adegwata u sodisfaċenti biex jikkontesta s-suspetti miġjuba kontrih (ara s-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, EU:C:2013:866, punti 324 u 325 u l-ġurisprudenza ċċitata).

347    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda ta’ impriża rikorrenti meta d‑dikjarazzjonijiet li din kellha l-intenzjoni li tikseb permezz ta’ tali smigħ ta’ xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali kienu diġà saru quddiem il-Kummissjoni, u li kienu ġew ikkunsidrati bħala li ma humiex sostnuti minn provi dokumentati u saħansitra kontradetti minn ċerti provi oħra tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra, EU:T:2011:364, punti 152 u 154).

348    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li t-talba intiża biex il-Qorti Ġenerali tikkompleta l-elementi tal-informazzjoni li hija għandha hija ineffettiva meta, anki jekk il-Qorti Ġenerali tilqa’ tali talba, is-sens tad-deċiżjoni tagħha ma jkunx inbidel (ara, f’dan is-sens, id-digriet Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar ’il fuq, EU:C:2010:338, punt 141).

349    Għalkemm il-Qorti Ġenerali tista’ tesprimi ruħha b’mod utli dwar il-bażi tat‑talbiet, tal-motivi u tal-argumenti żviluppati matul il-fażi kemm miktuba kif ukoll orali tal-proċedura u fid-dawl tad-dokumenti prodotti, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għas-smigħ ta’ xhud, imressqa mir‑rikorrenti, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali għandha tiġġustifika b’motivazzjoni speċifika l-evalwazzjoni tagħha għan-nuqqas ta’ bżonn li tfittex provi addizzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2005, Marlines vs Il-Kummissjoni, C‑112/04 P, EU:C:2005:554, punt 39, u s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, Ġabra, EU:T:2009:317, punt 218).

350    Madankollu, għalkemm huwa minnu li parti ma tistax titlob lil qorti tal-Unjoni sabiex din tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti ma tistax tislet konsegwenzi min-nuqqas, fil-fajl, ta’ ċerti provi sakemm ma tkunx eżawriet il-mezzi previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qorti sabiex tikseb il-produzzjoni tagħha mill-parti inkwistjoni (ara d-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2013, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑597/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:542, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

351    F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi bis‑smigħ tal-persuni li ħadu sehem fil-proċess ta’ negozjar tal‑estensjoni tat-tielet offerta fis-16 u fis-17 ta’ Lulju 2010, fil-proċess ta’ negozjar tar-raba’ offerta fis-26, 27 u 28 ta’ Lulju 2010 kif ukoll fil‑kuntatti bejn Telefónica u PT li seħħew fis-26 u fid-29 ta’ Ottubru 2010.

352    F’dak li jikkonċerna, minn naħa, dawn l-aħħar kuntatti, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet tal-persuni inkwistjoni huma diġà inklużi fil-proċess.

353    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 347 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba għas-smigħ tax-xhieda ta’ impriża rikorrenti meta d‑dikjarazzjonijiet li din kellha l-intenzjoni tikseb permezz ta’ tali xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali kienu diġà saru quddiem il‑Kummissjoni, li hija kienet diġà kkunsidrat li ma kinux sostnuti minn provi dokumentati u anki kontradetti minn ċerti provi tal‑proċess.

354    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni indikat, kif diġà ġie nnotat fil-punti 189 sa 191 iktar ’il fuq, li hija kienet ikkunsidrat id‑dikjarazzjonijiet inkwistjoni u li hija kienet evalwathom skont il‑prinċipji applikabbli fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-prova. Il‑Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat il-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu saru minn persuni li jista’ jkollhom interess dirett fil-kawża (premessa 122 tad‑deċiżjoni kkontestata) u wettqet evalwazzjoni bbilanċjata ta’ dawn il-provi meta mqabbla ma’ provi oħra disponibbli (premessi 121, 124 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni fl‑ebda mument ma ħolqot dubju dwar il-fatt li l-persuni li għamlu l‑imsemmija dikjarazzjonijiet kienu effettivament esprimew ruħhom bil‑mod mitlub minnhom f’dawn id-dikjarazzjonijiet.

355    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba sabiex jiġi ordnat is-smigħ tal-persuni awturi tal-imsemmija dikjarazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tiġi miċħuda, peress li l-provi li kienu jinsabu fil-proċess kienu biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il‑konferenzi awdjo ta’ Ottubru 2010 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, punt 347 iktar ’il fuq, EU:T:2011:364, punti 152 u 154; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra, EU:C:2004:592, punt 77).

356    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mid-dikjarazzjoni tar‑rikorrenti waqt is-seduta li tgħid li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ immedjatezza, is-smigħ tax-xhieda mill-Qorti Ġenerali mingħajr dubju jippreżenta valur miżjud meta mqabbel mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula bil-miktub. Fil-fatt, sa fejn il-kontenut tad‑dikjarazzjonijiet ma jiġix ikkontestat u fejn jirrigwarda biss li din il‑prova tinftiehem meta mqabbla mal-provi kollha, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fis-seduta ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l‑konstatazzjoni li tgħid li s-smigħ tal-awturi tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali huwa żejjed.

357    F’dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, ix-xhieda proposti fir-rigward tan-negozjati tat-tielet u tar-raba’ offerti fis-16, 17, 26, 27 u 28 ta’ Lulju 2010, it-talbiet għas-smigħ ta’ xhieda għandhom ukoll jiġu miċħuda.

358    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-negozjati tat-tielet offerta fis-16 u 17 ta’ Lulju 2010, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li fit-talba tagħha għas-smigħ ta’ xhieda tal-31 ta’ Marzu 2015 u kkonfermata fis-seduta, ir-rikorrenti indikat li A. V., l-avukat estern tagħha, interlokutur fil-kuntatti u fin-negozjati mal-Gvern Portugiż, kien l-uniku wieħed mix-xhieda proposti li kellu kuntatti mal-imsemmi gvern u, għalhekk “l-uniku xhud dirett tar-rabta każwali bejn l-aġir tal-Gvern Portugiż u l-eżistenza tal-klawżola” u l-uniku “li għandu għarfien dirett tal‑aġir tal-Gvern Portugiż u tal-influwenza tiegħu fuq ir-riżultat tat-tranżazzjoni inkwistjoni”. Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tiġi eżaminata, fir-rigward tan-negozjati tas-16 u 17 ta’ Lulju 2010, il-ħtieġa tas-smigħ ta’ persuni oħra proposti mir-rikorrenti, peress li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess, dawn ma għandhom l-ebda konoxxenza diretta tal-allegata mġiba tal-Gvern Portugiż.

359    It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ssostni li l-kontenut tad‑dikjarazzjonijiet ta’ A. V., l-avukat estern tagħha, interlokutur tal‑kuntatti u tan-negozjati mal-Gvern Portugiż, li ma jidhru fl-ebda dokument tal-proċess, huwa essenzjali għad-difiża tagħha, peress li dan ix-xhud huwa f’pożizzjoni li jagħti prova tar-rabta kawżali li kienet teżisti bejn l-aġir tal-Gvern Portugiż u l-klawżola. Fis‑seduta, ir‑rikorrenti ppreċiżat li s-smigħ tal-imsemmi xhud għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiċċara l-kundizzjonijiet involuti fl-anness A.58 (ara l-punt 147 iktar ’il fuq), fatt li ġie redatt fil-minuti tas-seduta.

360    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat li l-anness A.58 (ara l-punt 147 iktar ’il fuq) u, b’mod iktar ġenerali, il-provi kollha prodotti mir-rikorrenti sabiex turi allegat interess tal-Gvern Portugiż għall-klawżola (ara l-punti 136 sa 162 iktar ’il fuq) ma fihom l-ebda indizju li jippermetti li jiġi skopert tali interess. Fil-fatt, minkejja li l‑interess tal-Gvern Portugiż għan-negozjati tal-ftehim ġie pprovat, ir‑rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tista’ turi li l-imsemmi gvern kien impona jew għall-inqas, xtaq il-klawżola u baqgħet ma spjegatx kif ix-xhieda tal-avukat estern tagħha, interlokutur fil-kuntatti u fin‑negozjati mal-Gvern Portugiż dwar korrispondenzi li jinsabu fl‑anness A.58, kienet ser turi “ir-rabta kawżali bejn l-aġir tal-Gvern Portugiż u l-klawżola”, filwaqt li tidher, min-naħa l-oħra, li hija stess tammetti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-“provi” prodotti sa dak il-mument kienu “l-iktar livell għoli ta’ provi tal-[…] prattika [tal‑Gvern Portugiż] li għalih Telefónica setgħet taċċedi, għaliex – minħabba n-natura tagħha stess – il-pressjoni eżerċitata minn gvern fi kwistjonijiet delikati hija ġeneralment diskreta u informali”.

361    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li r-rikorrenti ammettiet fis-seduta, sabiex tispjega għalfejn hija ma kinitx la pproduċiet il-korrispondenzi li jidhru fl-anness A.58 u lanqas ipproponiet ix-xhieda tal-avukat estern tagħha, interlokutur fil-kuntatti u fin-negozjati mal-Gvern Portugiż fir‑rigward ta’ dawn il-korrispondenzi matul il-proċedura amministrattiva, li, minħabba l-volum kbir tad-dokumenti li kellhom jiġu riveduti fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija ma kinitx sabet l‑imsemmija korrispondenzi – li jistgħu juru r-rwol prinċipali li kellu l‑imsemmi avukat f’din il-kawża u l-importanza kruċjali tax-xhieda tiegħu sabiex tkun ipprovata l-allegata influwenza tal-Gvern Portugiż fir-rigward tal-klawżola – ħlief, iktar tard, waqt tfittxija elettronika. Fid‑dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, kif korrettament ikkummentat il‑Kummissjoni, għandu jiġi nnotat li, jekk l-avukat inkwistjoni kellu verament ir-rwol prinċipali li qed tagħtih ir-rikorrenti u jekk huwa seta’ jwassal xhieda diretta dwar l-aġir tal-Gvern Portugiż fir-rigward tal‑klawżola, huwa ftit probabbli li dan intesa sakemm tfittxija elettronika weriet korrispondenzi li jixhdu l-allegata importanza tiegħu fil-kuntest ta’ din il-kawża.

362    Issa, xhieda li sempliċement se jirrepeti l-provi li r-rikorrenti diġà pproduċiet fil-kuntest tar-rikors tagħha u li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata u li minnhom jiġu misluta l-istess konklużjonijiet bħal dawk li r-rikorrenti tislet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara l‑punti 136 sa 143 iktar ’il fuq) ma għandhiex tikkostitwixxi prova fattwali li tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-Gvern Portugiż segwa mill-qrib in-negozjar tal-ftehim, iżda dak ma jfissirx li huwa ried jimponi l-klawżola. Xhieda li turi fatti li jistabbilixxu b’mod ġenerali l-interess tal-Gvern Portugiż għall-ftehim mingħajr ma turi fatti li jipprovaw l-allegat interess tal-imsemmi gvern għall-klawżola għalhekk ma hijiex rilevanti sabiex tiġi vverifikata l‑fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

363    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tordna l-miżuri istruttorji mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, EU:C:2013:866, punt 323, u tas‑27 ta’ Ottubru 1994, Fiatagri u New Holland Ford vs Il‑Kummissjoni, T‑34/92, Ġabra, EU:T:1994:258, punt 27).

364    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba li jissejħu bħala xhieda R. S. L. G.‑O., Segretarju Ġenerali u membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Telefónica, A. V. B., Direttur Ġenerali tal-finanzi u tal-iżvilupp tal‑impriża ta’ Telefónica, lil J. S. B., Direttur tas-sħubija industrijali u sussidjarji, L. M. A., Viċi‑Segretarja Ġenerali u membru tal-Bord tad‑Diretturi ta’ Telefónica u, finalment, mill-ġdid lil A. V., avukat estern ta’ Telefónica, interlokutur fil-kuntatti u fin-negozjati mal-Gvern Portugiż, dwar l-insistenza ta’ Telefónica sabiex titneħħa l-klawżola u r‑rifjut ta’ PT li tagħmel dan fis-27 ta’ Lulju 2010, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba hija ineffettiva.

365    Fil-fatt, anki jekk jitqies li x-xhieda li r-rikorrenti titlob li jinstemgħu jiddikjaraw li Telefónica talbet lil PT, fis-27 ta’ Lulju 2010, biex tneħħi l‑klawżola u li PT irrifjutat li tagħmel dan, fid-dawl tal-provi kollha preżenti u, b’mod partikolari, tal-bilateralità tal-klawżola (ara l-punti 154 u 171 iktar ’il fuq) u tal-attitudni ta’ Telefónica waqt in-negozjati (ara l‑punti 152 sa 338 iktar ’il fuq), din il-prova ma tippermettix li jiġi rrikonoxxut la li l-klawżola kellha obbligu ta’ awtoevalwazzjoni u lanqas li kien meħtieġ li jiġu kkunsidrati, waqt l-iffissar tal-ammont tal‑multa, l-allegati sforzi ta’ Telefónica sabiex tillimita l-impatt tal‑klawżola bħala ċirkustanzi attenwanti (ara l-punti 335 sa 338 iktar ’il fuq).

366    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u inkwantu t-talba sabiex il-Qorti Ġenerali tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha hija ineffettiva peress li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tilqa’ tali talba, is-sens tad‑deċiżjoni tagħha ma jinbidilx (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 348 iktar ’il fuq), it-talba għas-smigħ tax-xhieda tan-negozjati tas-26 u 27 ta’ Lulju 2010 għandha tiġi miċħuda, bħat-talba għas-smigħ ta’ xhieda kollha kemm hi.

367    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ inkwantu, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont tal‑multa, il-Kummissjoni kellha teżamina l‑argumenti tar‑rikorrenti li juru nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Telefónica u PT fejn jikkonċernaw ċerti servizzi. Għaldaqstant, l‑Artikolu 2 tad‑deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, f’dak li jirrigwarda biss l-iffissar tal-ammont tal-multa abbażi tal-valur tal-bejgħ użat mill‑Kummissjoni, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

368    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l‑oħra.

369    Peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment biss, tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha kif ukoll kwart ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il‑Kummissjoni għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart tal‑ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l‑Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom), huwa annullat inkwantu jistabbilixxi l‑ammont tal-multa imposta fuq Telefónica, SA għal EUR 66 894 000, inkwantu dan l-ammont huwa ffissat abbażi tal-valur ta’ bejgħ użat mill-Kummissjoni Ewropea.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Telefónica għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u kwart ta’ dawk ta’ Telefónica.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2016.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Preżentazzjoni ta’ Telefónica u ta’ PT

II –  In-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim

III –  Fatti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim

IV –  Proċedura quddiem il-Kummissjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi mar-rikors

B –  Fuq l-ammissibbiltà tar-riferimenti għar-rikors parallel ta’ PT kontra d-deċiżjoni kkontestata

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE inkwantu l-klawżola ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-evalwazzjoni tal-klawżola bħala eventwali restrizzjoni anċillari għat-tranżazzjoni Vivo

c)  Fuq l-awtonomija tal-imġiba tar-rikorrenti

d)  Fuq il-kuntest tal-introduzzjoni tal-klawżola fil-ftehim relatat mat‑tranżazzjoni Vivo u l-aġir tal-partijiet

Fuq l-allegata pressjoni eżerċitata mill-Gvern Portugiż

–  Fuq il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova

–  Id-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq il-punti mressqa mir-rikorrenti

–  Fuq l-allegat ksur tal-obbligi ta’ investigazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Dwar l-allegata mġiba ta’ Telefónica sabiex timminimizza l-kontenut antikompetittiv tal-klawżola

e)  Fuq l-allegat kontenut materjali u l-allegati għanijiet prattiċi tal‑protezzjoni “safejn huwa permess mil-liġi”

Fuq l-allegata funzjoni ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni

Fuq l-allegata funzjoni ta’ għodda strateġika sabiex jintlaħaq konsensus

Fuq l-allegata funzjoni ta’ sigurtà taż-żamma tat-tranżazzjoni

Fuq l-interpretazzjoni tal-kliem tal-klawżola

2.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u tal-evalwazzjoni żbaljata tal-kapaċitŕ tal-prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni

3.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE inkwantu l-klawżola ma hijiex restrizzjoni minħabba l-effett u fuq il‑ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-prinċipju in dubio pro reo

B –  Fuq il-konklużjonijiet dwar l-ammont tal-multa

1.  Osservazzjonijiet preliminari

a)  Fuq il-prinċipji relatati mal-kalkolu tal-multi

b)  Id-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest fil-kalkolu tal-valur inizjali tal-bejgħ ta’ Telefónica sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal‑multa u l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ motivazzjoni.

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata inkwantu li l-volum tal-bejgħ ikkunsidrat għal Telefónica kellu jkun l-istess bħal ta’ PT

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li għandu jiġi eskluż il-valur ta’ ċertu bejgħ mill-kalkolu tal-multa

Fuq il-motivazzjoni

Fuq il-mertu

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet imwettqa barra mill‑peninżola Iberika

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi ma’ attivitajiet preeżistenti

–  Fuq il-bejgħ li jikkorrispondi mal-attivitajiet li ma jistgħux ikunu suġġetti għall-kompetizzjoni

3.  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba żball manifest fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravitŕ u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonnalitŕ

4.  Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u żball manifest minħabba n-nuqqas ta’ ammissibbiltŕ ta’ ċirkustanzi oħra attenwanti

C –  Fuq it-talba għas-smigħ ta’ xhieda

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.