Language of document : ECLI:EU:T:2016:485

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli – Eżenzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi – Test uniku ta’ taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni mit-taxxa muniċipali unika – Deċiżjoni li parzjalment tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat u parzjalment tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Interess dirett – Ammissibbiltà – Impossibbiltà assoluta ta’ rkupru – Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999– Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑219/13,

Pietro Ferracci, residenti f’San Cesareo (l-Italja), inizjalment irrappreżentat minn A. Nucara u E. Gambaro, sussegwentement minn Gambaro, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte u D. Grespan, sussegwentement minn Conte, Grespan u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri u G. De Bellis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)). Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI għal bini [taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli] li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja (ĠU 2013, L 166, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Pietro Ferracci, huwa l-proprjetarju ta’ lukanda għat-turisti “Bed & Breakfast”, komposta minn żewġt ikmamar u li tinsab fil-muniċipalità ta’ San Cesareo, viċin Ruma (l-Italja).

2        Huwa wieħed mid-diversi lanjanti li, matul is-sena 2006, avviċinaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-allegazzjoni li l-emenda magħmula mir-Repubblika Taljana dwar, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema nazzjonali dwar l-Imposta comunale sugli immobili (taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli, iktar ’il quddiem l-“ICI”) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87 KE.

3        Essenzjalment, l-imsemmija emenda kienet intiża sabiex tistabbilixxi li l-eżenzjoni mill-ICI, li sa mill-1992 jibbenefikaw minnha l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetà immobbli kkonċernata tagħhom, esklużivament attivitajiet fil-qasam tal-assistenza soċjali, tal-benesseri, tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tal-kultura, tar-rikreazzjoni, tal-isport, tar-reliġjoni u l-qima, kellha tinftiehem bħala li tapplika wkoll għall-imsemmija attivitajiet “indipendentement min-natura possibbilment kummerċjali tagħhom”.

4        Fil-5 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni għamlet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani dwar l-eżenzjoni mill-ICI. Huma wieġbu għal din it-talba fis-6 ta’ Ġunju 2006, filwaqt li spjegaw li l-kamp ta’ applikazzjoni relattiv għall-iskema tal-ICI huwa ddefinit mill-ġdid sabiex tiġi limitata l-eżenzjoni għall-istituzzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi “li ma humiex ta’ natura esklużivament kummerċjali”.

5        Fit-8 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat lil-lanjanti li, fid-dawl tal-informazzjoni li rċeviet min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, u wara emendi ġodda magħmula lil-leġiżlazzjoni Taljana, ma kienx hemm lok li titkompla l-investigazzjoni.

6        Fl-24 ta’ Ottubru 2006, fit-8 u fis-16 ta’ Jannar 2007 kif ukoll fit-12 ta’ Settembru 2007, il-lanjanti avviċinaw mill-ġdid lill-Kummissjoni filwaqt li essenzjalment sostnew li l-eżenzjoni mill-ICI għall-istituzzjonijiet mhux kummerċjali ma kinitx konformi mal-Artikolu 87 KE, anki wara l-emendi li saru mill-awtoritajiet Taljani. Barra minn hekk, huma ġibbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq it-Testo unico delle imposte sui redditi (test uniku tat-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem it-“TUTD”), li l-Artikolu 149(4) tiegħu kien essenzjalment jistipula li, b’differenza mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li huma rrikonoxxuti bħala persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt ċivili u l-assoċjazzjonijiet sportivi mhux professjonali ma kinux suġġetti għall-kriterji li huwa kien jipprevedi għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-telf tal-kwalità ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali. Skont il-lanjanti, din id-dispożizzjoni kellha l-konsegwenza li tagħti vantaġġ fiskali lil dawn iż-żewġ tipi ta’ istituzzjonijiet, peress li hija tagħtihom il-possibbiltà li jżommu l-kwalifika tagħhom ta’ istituzzjonijiet mhux kummerċjali anki jekk huma ma kinux dan konformement għall-kriterji applikati għall-istituzzjonijiet l-oħra.

7        Fil-5 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani u lil-lanjanti sabiex jippreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar l-allegati dispożizzjonijiet preferenzjali kollha li semmew il-lanjaturi. L-awtoritajiet Taljani pprovdew l-informazzjoni mitluba permezz ta’ ittri tat-3 ta’ Diċembru 2007 u tat‑30 ta’ April 2008.

8        Fl-20 ta’ Ottubru 2008, il-lanjanti bagħtu ittra ta’ intimazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 232 KE, sabiex jitolbuha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tadotta deċiżjoni dwar l-ilmenti tagħhom.

9        Fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani, li wieġbu b’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2008.

10      Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għarrfet lil-lanjanti li, fuq il-bażi ta’ analiżi preliminari, hija kienet tqis li l-miżuri kkontestati ma kinux jidhru li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li għaldaqstant ma kienx meħtieġ li titkompla l-investigazzjoni.

11      Fis-26 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani adottaw ċirkolari bl-għan li tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-ICI għall-istituzzjonijiet mhux kummerċjali. B’mod partikolari, din iċ-ċirkolari kienet tiddefinixxi liema istituzzjonijiet setgħu jitqiesu bħala istituzzjonijiet mhux kummerċjali u kienet tippreċiża l-karatteristiċi li kellhom jippreżentaw l-attivitajiet eżerċitati minn dawn l-istituzzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni.

12      Fit-2 ta’ Marzu 2009 u fil-11 ta’ Jannar 2010, il-lanjanti avviċinaw lill-Kummissjoni sabiex jesprimu n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni Taljana relattiva għall-ICI u sabiex jikkritikaw iċ-ċirkolari msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rrispondiethom, fil‑15 ta’ Frar 2010, filwaqt li essenzjalment fakkrithom il-motivi li hija kienet diġà esponiet fl-ittra tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2008.

13      Fis-26 ta’ April 2010, ir-rikorrent ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif kienet tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2010. Dan ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza T‑192/10.

14      Fit-12 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, dwar, minn naħa, l-eżenzjoni mill-ICI għall-istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 149(4) tat-TUTD. Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fiha l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Diċembru 2010.

15      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali ordnat, fuq it-talba tar-rikorrent, li l-Kawża T‑192/10 titħassar mir-reġistru.

16      Bejn il-21 ta’ Jannar 2011 u l-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ 80 parti ikkonċernata dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura.

17      Fil-15 ta’ Frar 2012, l-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jadottaw leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli u ħabbru li l-eżenzjoni mill-ICI kienet ser tiġi ssosstitwita, mill-1 ta’ Jannar 2012, mill-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida relattiva għall-Imposta municipale unica (taxxa muniċipali unika, iktar ’il quddiem l-“IMU”). B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni l-ġdida kellha partikolarment bħala għan il-limitazzjoni tal-eżenzjoni mill-IMU għall-attivitajiet speċifiċi eżerċitati minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali “b’mod mhux kummerċjali”. L-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tipprevedi wkoll regoli li jippermettu ħlas proporzjonali tal‑IMU fil-każ fejn l-isess proprjetà immobbli tintuża għal attivitajiet kemm kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali. Fl-aħħar nett, kien previst li jiġi ddefinit, permezz ta’ regolament ta’ implementazzjoni sussegwenti, il-każijiet fejn kellu jitqies li l-attivitajiet speċifiċi li għalihom kienet tapplika l-eżenzjoni mill‑IMU kienu eżerċitati b’mod mhux kummerċjali. Din il-leġiżlazzjoni kienet adottata fid-19 ta’ Novembru 2012.

18      Fis-16 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani talba għal informazzjoni wara l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda relattivi għall-eżenzjoni mill-IMU. L-imsemmija awtoritajiet irrispondew għal din it-talba fis-6 ta’ Lulju 2012. Fis-27 ta’ Ġunju u fil‑25 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni rċeviet ukoll informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-lanjanti.

19      Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI għal bini [taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli] li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja (ĠU 2013, L 166, p. 24; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-uniku destinatarju tagħha kienet ir-Repubblika Taljana.

20      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-eżenzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetà immobbli kkonċernata tagħhom, attivitajiet speċifiċi fl-iskema tal-ICI kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u implementata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, huwa assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali eventwali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma ordnatx li jsir dan fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li la l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u lanqas l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2013, ir-rikorrent beda din l-azzjoni.

22      Fl-istess jum, l-iScuola Elementare Maria Montessori Srl ippreżentat ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, irreġistrat taħt ir-referenza T‑220/13.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

24      Fis-16 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni mqajma mill-Kummissjoni. Huwa talab b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew, sussidjarjament, tinkludi din l-eċċezzjoni mal-mertu.

25      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

26      Fit-18 ta’ Marzu 2014, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex jirrispondu għad-domanda dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni u li jaffettwa direttament lir-rikorrent fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il‑partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

27      Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tinkludi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni mal-fond.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2009, ir-Repubblika Taljana talbet sabiex tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni. Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

29      Fit-3 ta’ Novembru 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet b’mod partikolari lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tippreċiża xi aspetti relattivi għall-mertu tal-kawża u sabiex tipproduċi ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata. Il‑Kummissjoni rrispondiet għall-istedina tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit.

30      Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar il-possibbiltà li l-Kawżi T‑219/13 u T‑220/13 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fit‑13 ta’ Novembru 2015, kemm ir-rikorrent kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom filwaqt li indikaw li ma kellhomx oġġezzjonijiet rigward li l-kawżi jingħaqdu.

31      Fis-16 ta’ Novembru 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T‑219/13 u T‑220/13 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

32      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2015.

34      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Hekk kif jirriżulta mill-qari tar-rikors, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jinftiehem li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha l-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li kien impossibbli għall-awtoritajiet Taljani li jirkupraw l-għajnuna meqjusa li hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni (l-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li la l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u lanqas l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (it-tieni u t-tielet parti tad-deċiżjoni kkontestata rispettivament).

 Fuq l-ammissibbiltà

37      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors preżenti huwa inammissibbli minħabba li, fl-ewwel lok, ir-rikorrent ma huwiex ikkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni u li jikkonċerna direttament lir-rikorrent, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssosstni li deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru u li tikkonċerna skema ta’ għajnuna ma tikkostitwixxix att regolatorju. It-tieni nett, hija tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-parti tagħha relattiva għall-Artikolu 149(4) tat-TUTD u l-parti tagħha relattiva għall-eżenzjoni prevista mill-IMU. It-tielet nett, hija tallega li r-rikorrent ma huwiex ikkonċernat individwalment mill-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata.

38      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. Minn naħa, huwa jsostni li jinsab ikkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li f’dan il-każ huwa mhux obbligat jipprova li huwa kkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din id-deċiżjoni għandha tiġi kklassifikata bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni li jaffettwah direttament, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

39      Għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabel kollox, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikors huwiex ammissibbli skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq kawża kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, individwu jista’ jitlob l-annullament mingħajr ma jkollu għalfejn jipproduċi provi li huwa affettwat individwalment mill-att inkwistjoni, iżda bil-kundizzjoni li dan l-att, l-ewwel nett, jikkonċernah direttament, imbagħad, għandu natura regolamentorja u, fl-aħħar nett, ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni.

 Fuq il-kundizzjoni relattiva għall-interess dirett

40      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent huwiex ikkonċernat direttament mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess dirett ta’ individwu jeħtieġ, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu u, it-tieni nett, li ma titħalla ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li għandhom jimplementawh, peress li din l-implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45).

41      Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata kemm fil-kuntest tal-atti bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li tipprovdi li l-provi prodotti mir-rikorrent ma jippermettux li jipprova l-kwalità tiegħu ta’ operatur fuq is-suq.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement għall-ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex plawżibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Issa, ir-rikorrent ipprovda lill-Qorti Ġenerali dokument maħruġ mill-awtoritajiet Taljani li jirrikonoxxi l-istrutturi tal-bini li tiegħu huwa proprjetarju jistgħu jeżerċitaw l-attività ta’ akkomodazzjoni u joffru s-servizz ta’ kolazzjon. Il-Qorti Ġenerali tqis, għaldaqstant, li dan id-dokument jipprova l-kwalità ta’ operatur fuq is-suq ta’ lukandi għat-turisti tar-rikorrent, peress li l-kredibbiltà tiegħu hija stabbilita b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni tikkontesta globalment ir-realtà ta’ tali dikjarazzjon u l-validità attwali tagħha, hija ma tressaq ebda indizju li jissuġġerixxi li informazzjoni preċiża li tinsab fid-dokument trażmess mir-rikorrent hija falża jew li tali informazzjoni tista’ ma tkunx valida attwalment.

44      Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, għandu jitfakkar li kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna huwa direttament ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza lil Stat Membru jħallas din l-għajuna meta ma jkun hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 30; tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 41, u tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, EU:T:1996:153, punt 49).

45      Fil-każ preżenti, għandu jiġi rrilevat li s-servizzi ta’ akkomodazzjoni offerti minn uħud mill-istituzzjonijiet li huma s-suġġett tal-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata, u li jibbenefikaw, skont ir-rikorrent, mill-allegata għajnuna, jista’ jkollhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ dawk ta’ strutturi oħra ta’ akkomodazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-siltiet tas-sit tal-internet ipprovduti mir-rikorrent bħala annessi mal-atti bil-miktub tiegħu, dawn l-istituzzjonijiet, jiġifieri b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u reliġjużi, jidhru bħala kategorija ta’ akkomodazzjoni fuq il-mappa turistika l-istess bħall-kmamar tal-lukandi, l-appartamenti mgħammra u l-campings, inkwantu joffru servizzi ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi u tagħmir meħtieġ għall-akkomodazzjoni li jixbah lil dak tal-lukandi l-oħrajn. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, bħala proprjetarju ta’ akkomodazzjoni “Bed & Breakfast”, ir-rikorrent jista’ jkollu relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-imsemmija istituzzjonijiet u, għal din ir-raġuni, ikun affettwat mill-miżuri kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

46      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li konformement għas-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616, punti 47 sa 50), il-fatt li ċerti miżuri ta’ għajnuna jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ kompetitur fuq is-suq ma għandux konnessjoni mas-sitwazzjoni legali tiegħu iżda mas-sitwazzjoni fattwali tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, b’differenza mill-każ preżenti, ir-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi ma kinux preżenti fuq is-suq irregolat mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-fatt li l-imsemmja dispożizzjonijiet kienu jqiegħdu lir-rikorrenti f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża ma kienx jippermetti fih innifsu li jitqies li huma kienu affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom u li huma kienu, għaldaqstant, direttament ikkonċernati minnhom.

47      Minn dan isegwi li l-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

48      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni li tiddetermina l-interess dirett, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura tad-deċiżjoni kkontestata, li tippermetti lir-Repubblika Taljana, minn naħa, li ma tirkuprax l-għajnuna meqjusa li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li tapplika skema ta’ eżenzjonijiet fiskali li ma jinkludux, skont il-Kummissjoni, element ta’ għajnuna, din id-deċiżjoni tuża l-effetti legali tagħha b’mod awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji, u b’hekk tippermetti lir-Repubblika Taljana li ma tirkuprax l-imsemmija għajnuna illegali u li tapplika l-iskema tagħha ta’ eżenzjonijiet fiskali.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li din id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament lir-rikorrent.

 Fuq il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala att regolatorju

50      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tiġi kklassifikata bħala att regolatorju, għandu jitfakkar li, konformement għall-ġurisprudenza, l-atti regolatorji, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma atti ta’ portata ġenerali, bl-esklużjoni ta’ atti leġiżlattivi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60, u d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 56).

51      Id-distinzjoni bejn att leġiżlattiv u att regolatorju hija bbażata, skont it-Trattat FUE, fuq il-kriterju tal-proċedura, sew jekk leġiżlattiva, sew jekk le, li waslet għall-adozzjoni tiegħu (digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 65). Fil-każ ineżami, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva, hija ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 297 TFUE. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex portata ġenerali.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, għandha portata ġenerali (sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 15; tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570, punt 33; tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 31, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 53).

53      B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li teżamina, fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali applikata għal numru indeterminat ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat u, jekk ikun il-każ, jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex kompatibbli mas-suq intern u tistax tiġi rkuprata. Fid-dawl tan-natura tal-kompetenza li għandha l-Kummissjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-għajnuna mill-Istat, tali deċiżjoni tirrifletti, minkejja li għandha destinatarju wieħed biss, il-portata tal-instrumenti nazzjonali li huma s-suġġett tal-eżami mwettaq minn din l-istituzzjoni, kemm jekk biex jagħtu l-awtorizzazzjoni neċessarja sabiex miżura ta’ għajnuna tiġi applikata u kemm jekk biex jirregolaw il-konsegwenzi li jirriżultaw min-natura tagħha eventwalment illegali jew inkompatibbli mas-suq intern. Issa, l-instrumenti inkwistjoni għandhom preċiżament portata ġenerali, peress li l-operaturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huma ddefiniti b’mod ġenerali u astratt.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata għandha portata ġenerali għal dak li jikkonċerna t-tliet partijiet tagħha li l-legalità tagħhom hija kkontestata fil-kuntest tar-rikors preżenti, jiġifieri minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li hija qieset li kienet illegali u inkompatibbli għal dak li jikkonċerna l-eżenzjoni relattiva għall-ICI u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija qieset li la l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u lanqas l-eżenzjoni prevista mill-IMU ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

55      Konsegwentement, l-att ikkontestat, li huwa att ta’ portata ġenerali mingħajr ma huwa att leġiżlattiv, jikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni

56      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-kunċett ta’ “att regolatorju [...] li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett jikser il-liġi sabiex ikollu aċċess għall-qrati. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeżiġi miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs I‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

57      Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistgħux jikkontestaw att regolatorju tal-Unjoni direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28).

58      Barra minn hekk, għalkemm l-implementazzjoni ta’ tali att hija l-obbligu tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29).

59      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30).

60      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment esklużiv għas-suġġett tar-rikors u, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ atti, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31).

61      Fil-każ ineżami, għal dak li jikkonċerna, qabel kollox, l-ewwel parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, ikun assolutament impossibbli li jsir ir-rimbors tal-għajnuna illegali mogħtija fil-kuntest tal-iskema tal-ICI u għaldaqstant iddeċidiet li ma timponix fuq ir-Repubblika Taljana l-obbligu li tirkupra, mingħand kull wieħed mill-benefiċjarji, is-somom allokati bis-saħħa tal-imsemmija skema, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom jadottaw ebda miżura, partikolarment fir-rigward tar-rikorrent, sabiex jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata.

62      Imbagħad, għal dak li jikkonċerna t-tieni parti kkontestata, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, skont il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 149(4) tat-TUTD ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha ebda obbligu ma huwa impost fuq l-Istat Membru, ma twassal għall-adozzjoni ta’ ebda miżura ta’ implementazzjoni, billi l-awtoritajiet nazzjonali sempliċement japplikaw, f’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 149(4) tat-TUTD jikkonċernaw biss it-telf tal-kwalifika tal-istituzzjonijiet mhux kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda miżura ta’ implementazzjoni ma tista’ tiġi adottata mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward tar-rikorrent, bħala istituzzjoni kummerċjali.

63      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna t-tielet parti kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-eżenzjoni li hija koperta mill-iskema tal-IMU tqieset, bl-istess mod, mill-Kummissjoni li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma timponi fuq l-Istat Membru ebda obbligu, ebda miżura mhu ser tkun adottata fuq livell nazzjonali b’eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrent.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda waħda mill-partijiet ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrent, b’tali mod li r-rikorrent mhux ser ikollu l-possibbiltà li jaġixxi quddiem qorti nazzjonali Taljana, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, billi jinvoka, fil-kuntest tar-rikors tiegħu, l-invalidità tal-imsemmija partijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

65      B’kuntrast mal-konstatazzjoni preċedenti, il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li tinvoka b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2014, Dansk Automat Brancheforening vs Il‑Kummissjoni (T‑601/11, EU:T:2014:839) u Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni (T‑615/11, EU:T:2014:838) u l-ġurisprudenza ċċitata, li l-konsegwenzi speċifiċi u konkreti tad-deċiżjoni kkontestata huwa, fir-realtà, immaterjalizzati permezz tal-atti li jiffissaw l-ammont tat-taxxi dovuti mill-persuni taxxabbli, li jikkostitwixxu, fihom innifishom, miżuri ta’ implementazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi. Hija żżid tgħid, barra minn hekk, li r-rikorrent jista’ jikkontesta, quddiem il-qorti nazzjonali, in-natura allegatament diskriminatorja tal-imsemmija atti ta’ tassazzjoni, billi jeżiġi l-istess vantaġġi bħall-benefiċjarji tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan, billi jinvoka l-illegalità, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal-vantaġġi li huma jibbenefikaw minnhom bħala kompetituri.

66      Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’.

67      Fil-fatt, minn naħa, l-atti ta’ tassazzjoni li jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet Taljani bis-saħħa tal-iskema tal-IMU ma jkunux il-konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jirriżultaw mill-unika leġiżlazzjoni fiskali Taljana, inkwantu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, din sempliċement tiddikjara li l-eżenzjoni prevista mill-IMU lanqas ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

68      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-atti ta’ tassazzjoni li ser ikunu indirizzati għalih bħala persuna li ma tibbenefikax mill-eżenzjonijiet kontenzjużi, huwa impossibbli għar-rikorrent li jitlob li l-eżenzjoni li tagħha huwa jikkontesta l-legalità tiġi applikata, b’estensjoni, għas-sitwazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, EU:C:2001:456, punti 80 u 92 sa 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-istess raġunijiet, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-rikorrent għandu dejjem il-possibbiltà li jitlob lill-awtoritajiet fiskali Taljani sabiex jibbenifika mill-istess vantaġġi fiskali bħal dawk mogħtija lill-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-miżuri kontenzjużi u, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut, huwa jista’ jikkontestaha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkontestat li, fil-kuntest imsemmi mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-amministrazzjoni Taljana ma tistax, bħala tali, tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ implementazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, iżda tirriżulta minn miżura interna meħuda b’mod awtonomu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara t-talba individwali magħmula mir-rikorrent.

69      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawża preżenti, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2014, Dansk Automat Brancheforening vs Il‑Kummissjoni (T‑601/11, EU:T:2014:839) u Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni (T‑615/11, EU:T:2014:838), id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kien jipprovdi b’mod espress, fl-Artikolu 1 tagħha, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-miżura nnotifikata, u din kienet ir-raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li tali deċiżjoni kienet tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod partikolari, fil-punti 59 u 51 ta’ dawn iż-żewġ sentenzi rispettivi, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li kienet teżisti liġi Daniża u attijiet b’applikazzjoni ta’ din il-liġi li kellhom jiġu adottati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tar-rikorrenti, iżda dan ma jistax ikun il-każ fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-uniku att ta’ implementazzjoni li tirreferi d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża preżenti jikkonċerna l-eżenzjoni relattiva għall-iskema l-ġdida tal-IMU u li, hekk kif ġie indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-imsemmi att ippreċediet dik tal-imsemmija deċiżjoni nnifisha.

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrent u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq il-mertu

71      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). It-tieni u t-tielet motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Ir-raba’ huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999

72      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni li ma ordnatx lir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex tirkupra l-eżenzjonijiet fiskali li l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi bbenefikaw minnhom konformement għall‑ICI u li hija qieset li kienu illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

73      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u dik ta’ żball ta’ evalwazzjoni rispettivament.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi

74      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 inkwantu ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet li kienu jippermettulha tikkonkludi li kien assolutament impossibbli li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali f’każ bħal dak tal-każ ineżami. Fil-fatt, huwa jqis li kien biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali u l-konstatazzjoni effettiva mir-Repubblika Taljana li kien impossibbli li din it-talba tiġi ssodisfatta, li kien ikun possibbli li l-irkupru jiġi miċħud. Bl-istess mod, huwa jqis li, qabel ma kkonstatat l-impossibbiltà assoluta li jsir l-irkupru, il-Kummissjoni kien messha uriet li l-imsemmi rkupru kien impossibbli mingħand il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna illegali u li rkupru għall-inqas parzjali lanqas ma kien possibbli.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

76      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi, fil-premessa 13 tiegħu, dan li ġej:

“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”

77      L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi li:

“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [...]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

78      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tħassir ta’ għajnuna mill-Istat permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑63/14, EU:C:2015:458, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huwa l-istabbiliment mill-ġdid ta’ kompetizzjoni effettiva, b’tali mod li, bħala prinċipju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jimponu lill-Istati Membri kkonċernati l-obbligu li effettivament jiksbu, mingħajr dewmien, il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, meta jkun assolutament impossibbli, in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali jista’ jkun iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑419/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:89, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 191 sa 198, li fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, huwa assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali possibbilment mogħtija fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-ICI. Essenzjalment, hija spjegat li la d-databases katastali u lanqas id-databases fiskali ma kienu jippermettu li jiġi identifikat it-tip ta’ attività (ekonomika jew mhux ekonomika) eżerċitata fil-bini immobbli proprjetà tal-istituzzjonijiet mhux kummerċjali, u lanqas li jiġi kkalkolat oġġettivament l-ammont tat-taxxa li trid tiġi rkuprata.

80      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali tirreferi, inġenerali, għal każijiet li fihom l-Istat Membru inkwistjoni jinvoka tali impossibbiltà wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru u fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħha (sentenzi tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L-Italja,C‑348/93199595; tat-22 ta’ Marsu 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, EU:C:2001179; tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/00, EU:C:2003:373; tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑99/02, EU:C:2004:207; tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑485/03 sa C‑490/03, EU:C:2006:777, u tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619).

81      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru li, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet imprevisti li ma kinux prevedibbli jew jinduna b’konsegwenzi li ma kinux ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-problemi biex jiġu kkunsidrati minnha, filwaqt li jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’tali każ, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom, skont ir-regola li timponi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) TUE, jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari, ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/09, EU:C:2010:812, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Billi essenzjalment ibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza preċedenti, ir-rikorrent isostni li huwa biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali u l-konstatazzjoni effettiva mill-Istat Membru kkonċernat li huwa impossibbli li din it-talba tiġi ssodisfatta, li kien ikun possibbli li l-irkupru jiġi miċħud.

83      Madankollu, l-argument tar-rikorrent ma jistax jiġi milqugħ.

84      Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, minkejja li sa issa, huwa minnu li l-kwistjoni tal-impossibbiltà assoluta tqajmet mill-Istati Membri b’mod partikolari matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, prinċipalment bħala difiża fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, la l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxew li impossibbiltà assoluta ma tistax tiġi kkonstatata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li twassal għal deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

85      Barra minn hekk, l-uniku obbligu li, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq, huwa impost fuq l-Istat Membru inkwistjoni u fuq il-Kummissjoni, fl-ipoteżi ta’ eventwali impossibbiltà assoluta ta’ rkupru, huwa dak li jistabbilixxu kooperazzjoni leali li abbażi tagħha l-Istat Membru għandu jissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni r-raġunijiet li jimmotivaw tali impossibbiltà u l-Kummissjoni għandha twettaq eżami fid-dettal tal-imsemmija raġunijiet. B’riżultat ta’ dan u bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-kooperazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni tista’ tkun fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni jekk l-impossibbiltà assoluta tista’ tiġi diġà kkonstatata fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, jekk matul dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkonstata li ma jeżistux metodi alternattivi għall-irkupru tal-għajnuna illegali jew li rkupru parzjali lanqas ma huwa possibbli, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrikonoxxi impossibbiltà assoluta anki qabel ma din timponi l-irkupru tal-imsemmija għajnuna.

86      Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, li r-rikorrent ma jikkontestax li impossibbiltà assoluta tista’ tiġi invokata bħala raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna illegali. Fi kwalunkwe każ, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta esponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma tistax timponi fuq l-awtoritajiet Taljani l-irkupru tal-għajnuna illegali minħabba impossibbiltà assoluta. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma tistax timponi obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun, sa mit-tnissil tagħhom, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 86).

87      It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-premessi 192 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni ssodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq.

88      Fil-fatt, qabel kollox, ir-Repubblika Taljana avviċinat lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u affermat li huwa assolutament impossibbli għaliha li teżegwixxi obbligu ta’ rkupru. Minħabba f’dan, hija ssottomettiet għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni problemi marbuta mal-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża. Sussegwentement, peress li l-awtoritajiet Taljani qajmu din il-kwistjoni fl-istadju tal-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni setgħet tqis neċessarju li tindirizza din il-kwistjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana spjegat li, minħabba l-istruttura tal-katast u l-assenza ta’ informazzjoni fiskali rilevanti, kien impossibbli li jiġi estrapolat, b’effett retroattiv, mid-databases katastali u fiskali, it-tip ta’ data neċessarja sabiex jinbeda l-proċess ta’ rkupru tal-għajnuna allegata. Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, fil-fatt, kien impossibbli li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u li din l-għajuna ma setgħetx tiġi kkalkolata b’mod oġġettiv minħabba n-nuqqas ta’ data disponibbli, hekk kif hija spjegat fid-deċiżjoni kkontestata.

89      It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kien messha, fi kwalunkwe każ, tikkonstata li ma kinux jeżistu mezzi oħra alternattivi għall-implementazzjoni tal-obbligu ta’ rkupru fil-każ ineżami, għall-inqas b’mod parzjali, tali analiżi għandha sseħħ fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv preżenti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni.

90      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana sabiex tirkupra l-għajnuna meqjusa li hija illegali fid-deċiżjoni kkontestata.

91      L-ewwel parti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni

92      Ir-rikorrent jallega li ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma kienet tippermetti li l-Kummissjoni tikkonkludi li kien assolutament impossibbili li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali. Huwa jikkontesta, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjoni li ma kienx possibbli li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna u li din l-għajnuna ma setgħet bl-ebda mod tiġi kkalkolata għall-finijiet tal-irkupru tagħha mill-awtoritajiet Taljani. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti bbażati fuq allegata impossibbiltà ta’ rkupru minħabba numru kbir ta’ impriżi benefiċjarji jew l-indisponibbiltà ta’ informazzjoni neċessarja sabiex jiġu kkwantifikati s-somom li jridu jiġu rkuprati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, kienu jeżistu metodi alternattivi xierqa li permezz tagħhom l-awtoritajiet Taljani setgħu jipproċedu għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna illegali u għall-irkupru tagħha, għall-inqas b’mod parzjali.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

94      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċiment jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi involuti fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-irkupru ta’ ammonti ta’ għajnuna mingħand numru kbir ta’ impriżi flimkien ma’ numru ta’ fatturi individwali ta’ kalkolu, iddeċidiet li tali diffikultajiet ta’ implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ma jikkostitwixxux impossibbiltà assoluta (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni relattiva għall-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma hijiex issodisfatta ħlief jekk iċ-ċirkustanzi jikkontribwixxu sabiex joħolqu impossibbiltà assoluta oġġettiva (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:343, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-każ ineżami, huwa importanti li jiġi rrilevat, preliminarjament, li hekk kif jirriżulta mill-premessi 102 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset biss bħala inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, l-eżenzjoni mill-ICI li minnha kienu jibbenefikaw l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi meta dawn jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, hija essenzjalment qieset li, f’dawn il-każijiet, l-imsemmija istituzzjonijiet kellhom jiġu kklassifikati bħala impriżi, b’tali mod li kellhom jiġu suġġetti għad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, meta l-imsemmija istituzzjonijiet kienu jeżerċitaw biss attivitajiet mhux kummerċjali, l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat ma kinitx tapplika u l-eżenzjoni mill-ICI ma kinitx, għaldaqstant, meqjusa illegali.

98      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-irkupru tal-għajnuna illegali mill-awtoritajiet Taljani kien impossibbli, f’termini assoluti u oġġettivi, minħabba li d-determinazzjoni tan-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji fil-proprjetajiet immobbli suġġetti għal-leġiżlazzjoni relattiva għall‑ICI ma setgħux jiġu identifikati. Fil-fatt, hija approvat, fil-premessi 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispjegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana li jipprovdu li d-databases katastali, minn naħa u fiskali, min-naħa l-oħra, la kienu jippermettu li jiġi identifikat it-tip ta’ attivitajiet eżerċitati fl-immobbli proprjetajiet tal-imsemmija istituzzjonijiet u lanqas li jiġi kkalkolat oġġettivament l-ammont ta’ taxxa li kellu jiġi rkuprat.

99      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jsostni li hija vvizzjata bi żball, kemm għal dak li jikkonċerna d-databases katastali kif ukoll għal dak li jikkonċerna d-databases fiskali.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li minbarra r-riferiment ġenerali magħmul mir-rikorrent fl-atti bil-miktub tiegħu għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 94 sa 96 iktar ’il fuq, huwa ma jressaq ebda argument konkret intiż sabiex jimmina l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

101    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda, minn naħa, id-databases katastali, għandu jiġi meqjus li, kif essenzjalment spjegat il-Kummissjoni fil-premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sistemi katastali jidentifikaw il-proprjetajiet immobbli abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, b’mod partikolari, tal-elementi fiżiċi tagħhom u tal-istruttura tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li ma kienx possibbli li jiġi identifikat it-tip ta’ attivitajiet, ekonomiċi jew le, eżerċitati mill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali fl-immobbli tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija istituzzjonijiet kinux ibbenefikaw illegalment mill-eżenzjoni mill-ICI u fil-każ li iva, sabiex jiġi kkwantifikat l-ammont tar-rimbors lill-awtoritajiet Taljani.

102    Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, id-databases fiskali, il-Kummissjoni affermat, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija lanqas ma kienet tagħti biżżejjed informazzjoni għall-finijiet tal-irkupru.

103    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana pprovduti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li d-databases fiskali ma kinux jippermettu li tiġi identifikata n-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali fl-immobbli tagħhom.

104    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li skont il-“Modello ‘Unico – Enti non commerciali ed equiparati’” (Formola ‘Unika – Istituzzjonijiet mhux kummerċjali u ekwivalenti’) kif ukoll l-istruzzjonijiet relattivi għad-dikjarazzjoni dwar id-dħul tal-istituzzjonijiet mhux kummerċjali, l-immobbli li kienu jiġġeneraw dħul mill-proprjetà għal dawn l-istituzzjonijiet kellhom jiġu indikati fil-parti “RB” tal-formola. Din il-parti, komposta minn ħdax-il kolonna, kienet teżiġi li jiġi indikat, b’mod partikolari, l-ammont tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli dovuta għas-sena finanzjarja inkwistjoni u għal kull unità ta’ proprjetà immobbli. Madankollu, skont l-istruzzjonijiet relattivi għad-dikjarazzjoni, il-kolonna relattiva għat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli ma kellhiex timtela fil-każ ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-imsemmija taxxa. Għaldaqstant, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-informazzjoni li kellha tingħata fil-parti “RB” ma kinitx tippermetti li jkun magħruf f’liema immobbli kienet ġiet eżerċitata l-attività li kienet iġġenerat id-dħul tal-attività kummerċjali possibbilment indikata fil-partijiet l-oħra tad-dikjarazzjoni.

105    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-formola unika kienet tinkludi wkoll il-parti “RS”, relattiva għall-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u ta’ elementi negattivi mħallta. Skont l-istruzzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni, din it-tabella kellha timtela bid-data meħtieġa għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li jistgħu jitnaqqsu mill-ispejjeż u ta’ elementi negattivi oħrajn li jirrigwardaw il-beni u s-servizzi allokati għall-eżerċizzju mħallat ta’ attivitajiet kummerċjali u attivitaijet oħra. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti “RS” tinkludi data aggregata li tikkonċerna l-beni u s-servizzi użati b’mod kemm kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif il-Kummissjoni indikat, meta diversi binjiet kienu ddikkjarati fil-parti “RB”, ma kienx possibbli li jiġi identifikat l-immobbli li fih l-attività li kienet iġġenerat id-dħul iddikjarat kienet ġiet eżerċitata. Bl-istess mod, meta immobbli wieħed kien indikat fil-parti “RB”, ma kienx possibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi strutturali tas-sistema katastali, li jiġi ddeterminat f’liema parti tal-immobbli kienu ġew eżerċitati l-attivitajiet ekonomiċi li kienu ġġeneraw id-dħul iddikkjarat.

106    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma rnexxilux jimmina l-analiżi tal-Kummissjoni li tipprovdi, minn naħa, li d-databases katastali ma kinux jippermettu oġġettivament li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji kkonċernati kif ukoll il-kalkolu tal-ammont eventwali tal-eżenzjonijiet li kellu jiġi rkuprat u, min-naħa l-oħra, li d-databases fiskali lanqas ma kienu jippermettu li jiġi traċċat b’mod retroattiv it-tip ta’ attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji mill-eżenzjoni mill-ICI fil-proprjetajiet immobbli tagħhom u lanqas li jiġi kkalkolat l-ammont tal-eżenzjonijiet mogħtija b’mod illegali.

107    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li, fi kwalunkwe każ, kienu jeżistu metodi alternattivi li jippermettu li tiġi identifikata n-natura kummerċjali jew le tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji tal-ICI fil-proprjetajiet immobbli tagħhom, u jipproponi, għal dan il-għan, erba’ metodi. Essenzjalment huwa jqis li l-imsemmija metodi setgħu juru li rkupru għall-inqas parzjali kien possibbli.

108    L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li, peress li, min naħa, il-leġiżlazzjoni l-ġdida relattiva għall-IMU (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) timponi fuq l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jiddikjaraw il-proprjetajiet immobbli suġġetti għal din it-taxxa u dawk li kienu ġew eżenti u, min-naħa l-oħra, li l-parti l-kbira tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni jżommu b’mod stabbli l-mod kif jintużaw, l-awtoritajiet Taljani setgħu jużaw id-dikjarazzjonijiet ippreżentati skont il-leġiżlazzjoni tal-IMU sabiex jiddeterminaw l-użu tal-proprjetajiet immobbli għall-finijiet kummerċjali jew le fil-passat.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li bħalma tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrent ma jipprovdi ebda prova li tippermetti li jiġi preżunt li l-proprjetajiet immobbli tal-istituzzjonijiet mhux kummerċjali normalment iżommu l-mod kif jintużaw u dan b’mod stabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjonijiet magħmula taħt l-iskema tal-IMU ma jikkostitwixxux metodu validu sabiex tinstab l-informazzjoni mixtieqa. Barra minn hekk, jekk dan l-argument tar-rikorrent kellu jiġi interpretat fis-sens li qed jistieden lill-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna sakemm l-istituzzjoni benefiċjarja ma tkunx f’pożizzjoni li turi li hija kienet teżerċita attivitajiet mhux ekonomiċi fil-passat, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ ikkostitwit minn għajnuna mill-Istat billi sempliċement tibbaża ruħha fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li twassal għal konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ provi oħra tali li jistabbilixxu b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punt 58).

110    It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li obbligu ta’ awtoċertifikazzjoni jikkostitwixxi mod validu kif tiġi żvelata l-informazzjoni mixtieqa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif għamlet il-Kummissjoni, li dan il-metodu ma jistax jitqies li huwa effikaċi, minħabba l-ineżistenza ta’ informazzjoni fuq is-sitwazzjoni preċedenti tal-proprjetajiet immobbli. Kieku tali informazzjoni kienet teżisti, il-kredibbiltà tal-awtoċertifikazzjoni tkun tista’ tiġi vverifikata.

111    It-tielet nett, skont ir-rikorrent, l-awtoritajiet Taljani setgħu jwettqu kontrolli fuq il-post permezz ta’ korpi ta’ spezzjoni, hekk kif diġà sar minn ċerti muniċipalitajiet Taljani. Issa hawnhekk għandu jitqies ukoll li tali metodu, minkejja li jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet eżerċitati attwalment mill-istituzzjonijiet benefiċjarji tal-IMU, ma huwiex madankollu validu sabiex tiġi identifikata n-natura tal-użu tal-proprjetajiet immobbli tagħhom fil-passat.

112    Ir-raba’ nett, filwaqt li r-rikorrent jallega li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li huwa kien ipprovdielha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għall-inqas għall-finijiet ta’ rkupru parzjali, għandu jiġi kkonstatat li tali informazzjoni ma tirriżultax mill-proċess, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi eżaminat jekk din l-informazzjoni hijiex adegwata għall-imsemmija finijiet.

113    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma rnexxilux jipprova li n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji tal-ICI setgħu jiġi mfittxija billi jintużaw metodi alternattivi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-awtoritajiet Taljani ma kellhom ebda mezz li kien jippermettilhom jirkupraw l-għajnuna meqjusa bħala illegali, anki jekk parzjalment.

114    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda, l-istess bħall-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE rigward l-assenza ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-Artikolu 149(4) tat-TUTD

115    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu hija qieset li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat. Essenzjalment, huwa jsostni li din id-dispożizzjoni tippermetti, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li fl-ebda każ ma jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali, indipendentement min-natura kummerċjali jew le tal-attivitajiet tagħhom. F’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jibbenefikaw b’mod permanenti mill-eżenzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni fiskali, fosthom dawk tal‑ICI u tal-IMU.

116    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

117    Perliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, qabel kollox, hekk kif il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 31 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 149 tat-TUTD jinsab taħt il-Kapitolu III tat-Titolu II tat-TUTD. It-Titolu II jinkludi dispożizzjonijiet relattivi għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji u l-Kapitolu III jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tat-taxxa applikabbli għal istituzzjonijiet mhux kummerċjali, bħar-regoli għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa u tar-rata ta’ tassazzjoni.

118    Imbagħad, l-Artikolu 149 tat-TUTD jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għat-telf tal-“kwalifika ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali”. B’mod partikolari, huwa jistabbilixxi li istituzzjoni mhux kummerċjali titlef din il-kwalifika jekk hija teżerċita, prinċipalment, attivitajiet kummerċjali matul sena fiskali sħiħa. L-Artikolu 149(2) tat-TUTD jiddefinixxi “kwalifika kummerċjali” ta’ istituzzjoni f’termini ta’, pereżempju, prevalenza ta’ dħul minn attivitajiet kummerċjali fir-rigward ta’ dħul istituzzjonali jew dik ta’ assi fissi marbutin mal-attività kummerċjali meta mqabbla mal-attivitajiet l-oħra. Il-forma legali adottata mill-istituzzjonijiet ikkonċernati bl-ebda mod ma taffettwa t-telf ta’ “kwalifika ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 149(4) tat-TUTD jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-Artikolu 149(1) u (2), ma japplikawx għal istituzzjonijiet ekkleżjastiċi rrikonoxxuti bħala persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt ċivili u għal assoċjazzjonijiet sportivi mhux professjonali.

119    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 149(4) tat-TUTD billi sostniet li din id-dispożizzjoni setgħet, prima facie, tkun selettiva. Hija indikat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD kien jidher li jirriżerva b’mod partikolari lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi l-possibbiltà li jżommu l-kwalità tagħhom ta’ istituzzjonijiet mhux kummerċjali, anki jekk huma ma kinux għadhom istituzzjonijiet mhux kummerċjali konformement għall-kriterji applikabbli għall-istituzzjonijiet l-oħra.

120    Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-Kummissjoni kien messha tapprova l-kunsiderazzjonijiet inizjali tiegħu rigward l-Artikolu 149(4) tat‑TUTD, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u mhux tqis, hekk kif jirriżulta mill-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-miżura ma kienet tagħti ebda vantaġġ selettiv lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi.

121    Madankollu, l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrent ma jista’ jimmina l-evalwazzjoni finali tal-Kummissjoni.

122    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li l-kriterji previsti fl-Artikolu 149(4) tat-TUTD, applikabbli għall-istituzzjonijiet rigward it-telf tal-kwalità ta’ “istituzzjoni mhux kummerċjali”, ma humiex applikabbli għall-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi ma jfissirx, hekk kif spjegat il-Kummissjoni, li huma ma jistgħux jitilfu dan l-istatus taħt kriterji oħra previsti fil-leġiżlazzjoni Taljana. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li ċ-circolare del 12 maggio 1998, nº124/E (Ċirkolari Nru 124/E, tat‑12 ta’ Mejju 1998) tippreċiża li l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jistgħu biss jibbenefikaw mit-trattament fiskali rriżervat lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali jekk l-għan prinċipali tal-attività tagħhom ma jkunx ta’ natura kummerċjali.

123    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, la legge del 20 maggio 1985, n. 222 (il-Liġi Nru 222, tal-20 ta’ Mejju 1985), li timplementa l-ftehimiet internazzjonali bejn ir-Repubblika Taljana u s-Santa Sede, tipprevedi li l-Ministru għall-Affarijiet Inerni għandu l-kompetenza sabiex jagħti l-personalità ġuridika fil-liġi ċivili lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u sabiex jirrevokaha konformement għal kriterji preċiżi stabbiliti fl-imsemmija liġi. Issa, it-telf tal-personalità ġuridika tal-istituzzjoni jwassal, min-naħa tiegħu, għat-telf tal-kwalità ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali u, konsegwentement, tat-trattament fiskali vantaġġuż.

124    Ir-rikorrent jikkontesta tali kunsiderazzjonijiet u essenzjalment jallega li d-dispożizzjonijiet previsti fil-Liġi Nru 222, tal-20 ta’ Mejju 1985, ma jippermettux lill-Ministru Taljan għall-Affarijiet Interni li jiggarantixxi kontroll kontinwu tat-telf tal-kwalità ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 222, tal-20 ta’ Mejju 1985, jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li għandhom is-sede tagħhom fl-Italja u li għandhom għan reliġjuż jew ta’ qima jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt ċivili. Imbagħad, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-għan reliġjuż jew ta’ qima għandu jkun kostituttiv u essenzjali għall-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi jindika li l-attivitajiet kummerċjali jew għal skop ta’ lukru ma jistgħu bl-ebda mod jitqiesu li huma attivitajiet li għandhom għan reliġjuż jew ta’ qima. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tad-decreto del Presidente della Repubblica del 13 febbraio 1987, n. 33 (digriet tal-President tar-Repubblika Nru 33/1987, tat‑13 ta’ Frar 1987), jipprovdi li, f’każ ta’ bidla fl-użu tal-beni u tal-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ istituzzjoni ekkleżjastika rrikonoxxuta ċivilment, bidla li twassal għat-telf ta’ waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxxenza tagħha, din tal-aħħar hija rrevokata fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Interni u b’digriet tal-President tar-Repubblika, wara li tkun instemgħet l-awtorità ekkleżjastika u wara opinjoni tal-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat Taljan). Għandu jingħad ukoll li, wara l-adozzjoni tal-legge del 12 gennaio 1991, n. 13 (Liġi Nru 13, tat-12 ta’ Jannar 1991), id-digriet tal-President tar-Repubblika previst fl-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 222, tal-20 ta’ Mejju 1985, ma għadux iktar neċessarju għar-revoka tal-istatut ċivili tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, li issa jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministru għall-Affarijiet Interni.

126    Fid-dawl ta’ dak li ntqal u bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-Ministru għall-Affarijiet Interni tar-Repubblika Taljana għandu effettivament kompetenza sabiex jikkontrolla t-telf tal-personalità ġuridika tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u, konsegwentement, tal-kwalità tagħhom ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali. Barra minn hekk, sa fejn, konformement għall-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 222, tal-20 ta’ Mejju 1985, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jistgħu jżommu biss il-personalità ġuridika jekk ma jeżerċitawx attivitajiet kummerċjali jew għal skop ta’ lukru, l-argument tar-rikorrent li jipprovdi li t-telf tar-rikonoxximent ċivili ma jwassal għal ebda konsegwenza fuq l-istatus fiskali tagħhom għandu jiġi miċħud.

127    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, skont id-decreto del Presidente della Repubblica del 10 febbraio 2000, n. 361 (digriet tal-President tar-Repubblika Nru 361, tal-10 ta’ Frar 2000), il-Ministru għall-Affarijiet Interni għandu jivverifika li l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jissodisfaw il-kriterji li jippermettulhom iżommu l-personalità ġuridika fil-liġi ċivili, b’tali mod li, hekk kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi huma suġġetti għal dispożizzjonijiet u għal miżuri ta’ kontroll li jiggarantixxu t-telf tal-benefiċċju tat-trattament fiskali rriżervat lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali fil-każ ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali jew għal skop ta’ lukru.

128    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, ebda status permanenti ta’istituzzjoni mhux kummerċjali ma jista’ jiġi kkonstatat għall-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-miżura prevista fl-Artikolu 149(4) tat‑TUTD ma kienet tagħti ebda vantaġġ selettiv lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u li, minħabba f’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

129    Għal dak li jirrigwarda argumenti fformulati mir-rikorrent fl-atti bil-miktub tiegħu u relattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE fil-kawża preżenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ ftehim internazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali artikolu u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrent ma jista’ jkollhom ebda effett fuq il-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn l-argumenti jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

130    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE li jikkonċerna l-assenza ta’ klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-eżenzjoni mill-IMU

131    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu qieset li l-eżenzjoni mill-IMU ma kinitx tikkonsisti f’għajnuna mill-Istat fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

132    L-ewwel nett, huwa jsostni li, bil-kontra ta’ dak li stabbilixxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-leġiżlazzjoni relattiva għall-IMU tillimita l-benefiċċju tal-eżenzjoni fuq il-proprjetajiet immobbli għall-istituzzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi “b’mod mhux kummerċjali” ma jfissirx li l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Huwa jenfasizza li, konformement għal ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull istituzzjoni li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tal-imsemmija istituzzjoni u tal-metodi tagħha ta’ finanzjament. Imbagħad, ir-rikorrent isostni li l-kriterji stabbiliti sabiex jiġu ddeterminati l-attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-IMU huma vagi u jmorru kontra r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, huwa jikkritika l-fatt li l-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni huma meqjusa bħala eżerċitati b’mod mhux kummerċjali jekk huma jiġu eżerċitati bla ħlas jew għall-ħlas ta’ korrispettiv simboliku. Barra minn hekk, ir-rikorrent jirrileva li dawn il-kritiki huma applikabbli għall-kriterji li japplikaw għall-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ saħħa. Fl-aħħar nett, huwa jallega li l-eżenzjoni mill-IMU tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li hija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompatibblità previsti fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

134    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi l-istituzzjoni kollha li jeżerċitaw attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Il-fatt li l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma jipprekludix li l-istituzzjoni li twettaq dawn l-operazzjonijiet fuq is-suq titqies bħala impriża, peress li din l-offerta tinsab f’kompetizzjoni ma’ dik ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27).

137    Fil-każ ineżami, hekk lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-eżenzjoni mill-IMU adottata skont id-decreto-legge del 24 gennaio 2012, n. 1 (Digriet-Liġi Nru 1, tal‑24 ta’ Jannar 2012), kif deskritta fil-premessi 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, hija differenti mill-iskema prevista mill-ICI b’mod partikolari inkwantu hija tapplika għall-attivitajiet eżerċitati minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali, inklużi l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, “b’mod mhux kummerċjali”.

138    Imbagħad, il-leġiżlazzjoni relattiva għall-IMU introduċiet regoli speċifiċi li jippermettu ħlas proporzjonali tal-IMU fil-każ fejn l-istess proprjetà immobbli tintuża kemm għal attivitajiet kummerċjali kif ukoll għal attivitajiet mhux kummerċjali. B’mod partikolari, huwa previst li, jekk l-unità immobbli tintuża b’mod imħallat, l-eżenzjoni tapplika biss għall-parti tal-unità li fiha tiġi eżerċitata l-attività ta’ natura mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li jkun possibbli li jiġi ddeterminat liema parti tal-unità immobbli hija esklużivament intiża għal din l-attività. Fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat liema partijiet tal-unitajiet immobbli huma indipendenti, l-eżenzjoni tapplika fi proporzjon mal-użu mhux kummerċjali tal-beni immobbli, li għandu jiġi indikat f’dikjarazzjoni ad hoc.

139    Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni relattiva għall-IMU tirreferi għad-definizzjoni ta’ serje ta’ elementi għar-regolament ta’ implementazzjoni, jiġifieri d-decreto ministeriale del 19 novembre 2012, n. 200 (Digriet Ministerjali Nru 200, tad‑19 ta’ Novembru 2012), li jirrigwarda t-termini u l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq, l-elementi rilevanti għad-determinazzjoni tal-użu proporzjonali tal-beni immobbli, u l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex attività titqies li hija eżerċitata b’mod mhux kummerċjali. F’dan ir-rigward u sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mill-IMU, ir-regolament ta’ implementazzjoni jipprevedi dan li ġej:

–        l-ewwel nett, b’mod ġenerali, l-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet ikkonċernati ma għandhomx ikollhom skop lukrativ; barra minn hekk, huma ma għandhomx ikunu, min-natura tagħhom stess, f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ operaturi tas-suq oħrajn li għandhom skop lukrativ u għandhom jirriflettu l-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ sussidjarjetà;

–        it-tieni nett, bħala kundizzjonijiet suġġettivi għall-istituzzjonijiet mhux ekonomiċi, b’mod partikolari l-att ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti tal-istituzzjoni għandhom jinkludu projbizzjoni ġenerali li jiġu ddistribwiti kwalunkwe profitti, ammonti żejda, fondi u riżervi; kull profitt possibbli għandu jerġa’ jiġi investit mill-ġdid fl-iżvilupp ta’ attivitajiet li jikkontribwixxu għall-għan istituzzjonali ta’ solidarjetà soċjali; fil-każ ta’ xoljiment tal-istituzzjoni mhux kummerċjali, dik għandha tittrażmetti l-assi tagħha lil istituzzjoni mhux kummerċjali oħra li teżerċita attività simili;

–        it-tielet nett, bħala kundizzjonijiet oġġettivi għall-istituzzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tal-akkomodazzjoni, il-benefiċjarju għandu jipprovdi servizzi mingħajr ħlas jew għall-ħlas ta’ ammont simboliku u, fi kwalunkwe każ, dan għandu jkun inqas minn nofs il-prezz medju previst għal attivitajiet simili eżerċitati fl-istess żona ġeografika, filwaqt li titqies ukoll l-assenza ta’ relazzjoni mal-ispejjeż reali tas-servizz.

140    Fl-ewwel lok, mill-aspetti ġenerali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida relattiva għall-IMU u mill-kriterji konkreti elenkati fil-punt preċedenti, jirriżulta li l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika biss għal istituzzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu li huma “impriżi” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, bil-kontra a’ dak li jsostni r-rikorrent u hekk kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-regolament ta’ implementazzjoni jeskludi, b’mod espress, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-IMU l-attivitajiet li, min-natura tagħhom stess, huma f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ operaturi tas-suq oħrajn li għandom skop ta’ lukru.

141    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent rigward in-natura vaga tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, peress li, fost aspetti oħrajn, il-leġiżlazzjoni Taljana tippreċiża li, fil-każ tal-użu mħallat ta’ immobbli, għandha tiġi kkalkolata l-proporzjoni li fiha l-immobbli jintuża għal finijiet kummerċjali u għandha tiġi applikata l-IMU biss għall-attivitajiet ekonomiċi. Barra minn hekk, fil-każijiet li fihom istituzzjoni twettaq attivitajiet kemm ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi, l-eżenzjoni parzjali li minnha tibbenefika l-parti tal-immobbli li tintuża għal attivitajiet mhux ekonomiċi ma tagħtiha ebda vantaġġ meta hija twettaq attività ekonomika bħala impriża.

142    Fit-tielet lok, minkejja li r-rikorrent jidher isostni li s-servizzi ta’ akkomodazzjoni huma, min-natura tagħhom, offruti fuq is-suq f’kuntest kompetittiv ma’ operaturi oħrajn, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa fformulat biss bħala osservazzjoni astratta,u mingħajr ma huwa sostnut b’mod konkret.

143    Imbagħad, hekk kif jirriżulta mill-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-regolament ta’ implementazzjoni jillimita l-eżenzjoni tal-attivitajiet eżerċitati minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għall-każijiet biss fejn l-aċċess huwa riżervat għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji u fejn il-perijodi ta’ ftuħ ma humiex kontinwi. Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, l-“akkomodazzjoni soċjali”, il-leġiżlazzjoni tippreċiża li l-attivitajiet għandhom ikunu mmirati lejn persuni bi bżonnijiet speċjali temporanji jew permanenti, jew lejn persuni żvantaġġati minħabba raġunijiet fiżiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali jew relatati mal-familja.

144    Barra minn hekk, ir-regolament ta’ implementazzjoni jippreċiża li, fi kwalunkwe każ, l-eżenzjoni ma tapplikax għall-attivitajiet eżerċitati f’lukandi jew fi strutturi li joperaw bħala lukandi msemmija fl-Artikolu 9 tad-decreto legislativo del 23 maggio 2011, n. 79 (Digriet leġiżlattiv Nru 79, tat-23 ta’ Mejju 2011). Skont dan l-artikolu, huma meqjusa bħala lukandi u strutturi li joperaw bħala lukandi l-istrutturi ta’ akkomodazzjoni, lukandi, motels, villaġġi-lukandi, residenzi li jintużaw bħala lukandi mit-turisti, lukandi ta’ akkomodazzjoni integrata, djar antiki li jintużaw bħala lukandi, bed and breakfasts li joperaw bħala kumpaniji, ir-residenzi tas-saħħa (beauty farms) u kull faċilità turistika oħra ta’ akkomodazzjoni li jkollha elementi li jistgħu jiġu konnessi ma’ waħda jew iktar mill-kategoriji msemmija hawn fuq. Konsegwentement, l-eżenzjoni ma tapplikax fir-rigward ta’ attivitajiet li jitwettqu, b’mod partikolari, fil-lukandi, f’motels u f’bed and breakfasts.

145    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali hija mitluba, permezz tar-rikors preżenti, tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda, min-naħa tagħha, l-kundizzjonijiet u kriterji ġenerali għall-applikazzoni tal-eżenzjoni mill-IMU. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw każ b’każ l-implementazzjoni ta’ din l-iskema u, b’mod iktar partikolari, l-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn benefiċċjarju konkret tal-IMU u l-kumplament tal-operaturi fis-settur tal-akkomodazzjoni, peress li r-rikorrent jista’ juża r-rimedji nazzjonali fil-każ li l-iskema, kif awtorizzata mill-Kummissjoni, ma tkunx applikata b’mod korrett.

146    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet essenzjalment tqis li s-servizzi ta’ akkomodazzjoni, hekk kif irregolati fid-dispożizzjonijiet preċedenti, ma kinux offruti fuq is-suq f’kuntest kompetittiv ma’ operaturi oħrajn.

147    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jikkritika n-natura simbolika tal-korrispettiv li, fil-fehma tiegħu, ma teskludix is-servizz bi ħlas. Dan il-kriterju għandu l-effett kuntrarju li l-għajnuna tingħata lil operaturi li, grazzi għal din l-għajnuna, jistgħu jitolbu prezzijiet inferjuri.

148    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-regolament ta’ implementazzjoin tal-IMU jipprovdi, minn naħa, li sabiex korrispettiv jitqies bħala simboliku, huwa ma jridx ikun marbut mal-ispejjeż tas-servizz, u min-naħa l-oħra, li l-limitu ta’ nofs il-prezz medju ffissat għal attivitajiet simili li jitwettqu fl-istess żona ġeografika b’mod kompetittiv jista’ jiġi applikat biss sabiex jiġi eskluż id-dritt ta’ eżenzjoni u ma jfissirx, a contrario, li l-fornituri tas-servizzi li japplikaw prezz li jkun inferjuri minn dan il-limitu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-korrispettiv simboliku huwa biss kundizzjoni li żdiedet ma’ dik deskritta fil-punti preċedenti, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

149    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrent ma rnexxilux jipprova li l-leġiżlazzjoni relattiva għall-IMU tippermetti l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għal attivitajiet li għandhom natura ekonomika u li l-Kummissjoni kisret, minħabba dan il-fatt, l-Artikolu 107 TFUE, meta qieset li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti mil-leġiżlazzjoni tal-IMU, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

150    Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

151    Ir-rikorrent iqis li l-qari tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li mmotivaw it-tliet partijiet li minnhom hija komposta din id-deċiżjoni.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

153    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tat-22 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 56; tat‑30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, EU:T:1998:77, punti 62 u 63, u tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, EU:T:2005:339, punt 156).

154    Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, fir-rigward kemm tal-formulazzjoni tagħha kif ukoll tal-kuntest li fiha ġiet adottat, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi, fil-premessi 22 sa 198 tagħha, motivazzjoni li tissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 296 TFUE.

155    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 191 u 198 tad-deċiżjoni kkontestata l-motivi għaliex huwa assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali possibbilment mogħtija fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-eżenzjoni mill-ICI. Dawn il-motivi jirrigwardaw l-istruttura tal-katast kif ukoll id-databases fiskali, li ma jippermettux li tinkiseb, b’effett retroattiv, l-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu tal-ammonti li jridu jiġu rkuprati.

156    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 151 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD ma kien jagħti ebda vantaġġ selettiv kemm lill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet sportivi mhux professjonali. L-istess japplika għall-eżenzjoni mill-IMU li fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 160 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija qieset li, meta huma jeżerċitaw l-attivitajiet relatati filwaqt li josservaw bis-sħiħ il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana, l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali kkonċernati ma jaġixxux bħala impriżi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-Artikolu 107 TFUE ma japplikax fir-rigward tagħhom.

157    Tali motivazzjoni ppermettiet, minn naħa, lir-rikorrent jifhem u jikkontesta r-raġunament li għamlet il-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, bħalma juri l-kontenut tar-rikors tiegħu u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tal-legalità, bħalma jirriżulta mill-eżami tal-motivi eżaminati iktar ’il fuq.

158    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 296 TFUE.

159    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

160    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

161    Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika Taljana, min-naħa tagħha, għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-intervent tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Pietro Ferracci huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-intervent tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.