Language of document : ECLI:EU:F:2011:191

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

7 ta’ Diċembru 2011

Kawża F‑44/05 RENV

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Talba għal kumpens minħabba dewmien eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal — Rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni bħala kap tad-diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u tad-deċiżjoni li tinnomina lil A. fil-pożizzjoni msemmija, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali allegatament subit.

Deċiżjoni:      It-talba għal kumpens minħabba dewmien eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja, imressqa mir-rikorrent fil-punti 78 sa 85 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-21 ta’ Frar 2011 u li jinsabu fil-punt A.4 tad-dispożittiv tat-talbiet tal-osservazzjonijiet imsemmija, hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż tal-kawża huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Oriġini — Rabta ta’ impjieg — Bażi legali

(Artikolu 270 TFUE)

2.      Proċedura — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-varji qrati tal-Unjoni — Talba għal kumpens minħabba dewmien eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Rinviju lill-Qorti Ġenerali

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 73)

1.      Kawża bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li timpjegah jew li kienet timpjegah, intiża għall-kumpens ta’ dannu, issir fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE biss jekk dan id-dannu jkun joriġina f’relazzjoni ta’ impjieg li torbot jew kienet torbot lill-persuna interessata ma’ istituzzjoni.

(ara l-punt 8)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusigano vs Il-Kummissjoni, F-50/09, punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T 401/11 P

2.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku manifestament ma għandux ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi fuq talba għal kumpens imressqa minn ex uffiċjal minħabba dewmien eċċessiv tal-proċedura, sa fejn din tikkonċerna l-proċedura ġudizzjarja, u dan mingħajr preġudizzju għat-talbiet għal kumpens l-oħra mressqa. Fil-fatt, id-dannu allegat ma joriġinax mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lir-rikorrent mal-istituzzjoni tiegħu, iżda mid-dewmien li allegatament għandu jiġi attribwit lill-Qrati tal-Unjoni, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tar-rikorrent għal rimedju effettiv.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 73 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors li jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi rrinvijat lil dawn tal-aħħar, peress li rikors huwa biss ġabra ta’ numru ta’ talbiet, fejn kull talba fil-mertu hija awtonoma u tista’ tiġi ttrattata bħala li tikkostitwixxi rikors fis-sens tal-imsemmi Artikolu 73. Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tisma’ fl-ewwel istanza rikorsi għal kumpens imressqa minn individwi, meta dawn ir-rikorsi ma jkunux joriġinaw minn relazzjoni ta’ impjieg li torbot jew li kienet torbot lill-persuna interessata ma’ istituzzjoni.

(ara l-punti 9 u 10)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata