Language of document : ECLI:EU:C:2013:50

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2012 (1)

Kawża C‑418/11

TEXDATA Software GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija)]

“Dritt tal-kumpanniji — Libertà ta’ stabbiliment — Artikoli 49 u 54 TFUE –Direttiva 2009/101/KE, ir-Raba’ Direttiva 78/660/KEE, il-Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE — Żvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju u tal-fergħat tagħhom — Sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar — Proporzjonalità tas-sanzjoni — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ ne bis in idem”





1.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ skadenza tat-terminu previst għall-iżvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà tal-kumpanniji, l-impożizzjoni immedjata ta’ multa fir-rigward kemm tal-kumpanniji kif ukoll tal-korpi tagħha, mingħajr talba minn qabel lill-kumpanniji u mingħajr ma tagħtihom minn qabel il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, u li tipprevedi, fil-każ ta’ dewmien kontinwu, l-impożizzjoni immedjata ta’ sanzjonijiet addizzjonali? Din hija essenzjalment id-domanda mressqa mill-Oberlandesgericht ta’ Innsbruck (l-Awstrija) permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        Il-qorti tar-rinviju titlob b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjoni li ġiet introdotta reċentement fl-Awstrija, minn naħa, mal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 49 u 54 tat-TFUE u mad-dispożizzjonijiet relatati mas-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà previsti fid-direttivi tal-Unjoni dwar il-kumpanniji u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mal-prinċipji tad-drittijiet tad-difiża u ta’ ne bis in idem, li jirriżultaw minn diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-Karta), kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem: il-“KEDB”).

3.        Minkejja l-ammont relattivament żgħir marbut mat-talba fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba f’din il-kawża sabiex tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ċertament ma humiex insinjifikanti.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 6 tal-Ewwel Direttiva dwar il-kumpanniji, jiġifieri d-Direttiva 68/151/KEE (2), li sar, wara r-revoka ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/101/KE (3) jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa tal-anqas fil-każ ta’:

a)      nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-accounting kif meħtieġ fl-Artikolu 2(f); (…)”.

5.        L-Artikolu 60 tar-Raba’ Direttiva dwar il-kumpanniji, jiġifieri d-Direttiva 78/660/KEE (4) jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

6.        Il-Ħdax il-Direttiva dwar il-kumpanniji, jiġifieri d-Direttiva 89/666/KEE (5) fl-Artikolu 1(1) tagħha tipprovdi li:

“Id-dokumenti u l-partikolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ fergħa miftuħa fi Stat Membru minn kumpannija li hija rregolata bil-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor u li għalihom tapplika d-Direttiva 68/151/KEE għandhom jiġu żvelati skont il-liġijiet tal-Istat Membru tal-fergħa, skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva”.

7.        Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar tal-materiji ddikjarati fl-[Artikolu] 1 […]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Skont l-Artikolu 277(1) tal-Unternehmensgesetzbuch (Kodiċi Kummerċjali Awstrijak, iktar ’il quddiem il-“UGB”), ir-rappreżentanti legali tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju għandhom jippreżentaw quddiem il-qorti kompetenti għaż-żamma tar-reġistru tal-impriżi tas-sede tal-kumpanniji, il-kontijiet annwali u rapport dwar il-ġestjoni, kif ukoll kwalunkwe dokumenti oħra tal-kumpanniji, wara li jkunu ġew diskussi waqt il-laqgħa ġenerali, u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-karta tal-bilanċ.

9.        L-Artikolu 280(a) tal-UGB, intitolat “Żvelar tal-fergħat tal-kumpannija b’kapital barrani”, jipprovdi li fil-każ ta’ fergħat ta’ kumpannija b’kapital barrani, ir-rappreżentanti tal-fergħat għandhom jippubblikaw, bil-Ġermaniż, skont l-Artikolu 277 tal-UGB, id-dokumenti tal-kontabbiltà mfassla, ivverifikati u ppubblikati skont id-dritt applikabbli għas-sede prinċipali tal-kumpannija (6).

10.      L-Artikolu 283 tal-UGB huwa intitolat “Multi” u jistabbilixxi l-konsegwenzi għall-ksur tal-obbligi ta’ żvelar msemmija iktar ’il fuq. Din id-dispożizzjoni kienet is-suġġett ta’ riforma fl-2011 (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal-2011”) (7).

11.      Skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, kif emendata, il-membri tal-kunsill tal-amministrazzjoni jew il-likwidaturi għandhom josservaw l-Artikolu 277 tal-UGB u, fil-każ ta’ fergħa ta’ kumpannija b’kapital barrani, il-persuni awtorizzati jirrappreżentawha għandhom josservaw l-Artikolu 280(a) tal-UGB, taħt piena li jiġu kkundannati mill-qorti għal multa ta’ bejn EUR 700 u EUR 3600. Din il-multa għandha tiġi imposta wara l-iskadenza tat-termini preskritti għall-iżvelar u l-impożizzjoni għandha tkun ripetuta kull xahrejn sakemm il-korpi ċċitati jkunu josservaw l-obbligi tagħhom.

12.      L-Artikolu 283(2) u (3) tal-UGB jistabbilixxi l-proċedura ta’ impożizzjoni tal-multa, li tikkonsisti f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fil-każ li l-korpi tal-kumpannija jkunu naqsu mill-obbligi tagħhom ta’ żvelar sal-aħħar ġurnata tat-terminu preskritt, għandha tkun imposta, permezz ta’ miżura, multa ta’ EUR 700, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe twettiq ta’ proċedura preliminari. Tali nuqqas ta’ osservazzjoni tal-proċedura preliminari għall-impożizzjoni ta’ din l-ewwel sanzjoni, jikkostitwixxi novità għar-riforma tal-2011, li għandha l-għan li tibdel il-prassi stabbilita mill-qrati Awstrijaċi, meta kienet fis-seħħ is-sistema preċedenti, li jintbagħtu talbiet lill-impriżi li jkunu qed iwettqu ksur qabel ma tkun imposta s-sanzjoni (8).

13.      Dejjem skont it-termini tal-Artikolu 283(2) tal-UGB, huwa possibbli li tkun eskluża impożizzjoni ta’ multa biss meta l-korp obbligat ma jkunx manifestament jista’ jwettaq fil-ħin tali obbligi ta’ żvelar minħabba ċirkustanzi imprevedibbli jew irreżistibbli. F’dan il-każ, tista’ tkun sospiża l-adozzjoni ta’ tali miżura għal perijodu massimu ta’ erba’ ġimgħat. Il-korp ikkonċernat għandu 14-il ġurnata żmien biex jippreżenta appell kontra l-miżura li timponi multa, u għandu jindika l-motivi adottati biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu. Jekk ma jsirx appell, il-miżura tkun definittiva. Jekk l-appell isir tard jew ikun mingħajr ebda bażi, għandu jinċaħad permezz ta’ miżura. Madankollu, jistgħu jiġu annullati t-termini.

14.      L-Artikolu 283(3) tal-UGB jipprevedi t-tieni fażi eventwali fil-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ multa. Skont dan il-paragrafu, l-introduzzjoni f’termini ta’ appell motivat kontra l-miżura li timponi l-multa msemmija fl-Artikolu 283(2), trendi lil din il-miżura mhux applikabbli u tintroduċi proċess ordinarju. Dan il-proċess jista’ jkun konkluż bl-arkivjar tal-kawża jew bl-impożizzjoni ta’ multa ta’ bejn EUR 700 u EUR 3600. L-organu tal-kumpannija kkonċernat jiddisponi mill-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra l-impożizzjoni ta’ multa.

15.      Fil-każ li l-iżvelar tkun għadha ma seħħitx fix-xahrejn wara l-iskadenza tal-aħħar ġurnata tat-terminu għall-iżvelar indikat fl-Artikolu 277 tal-UGB u msemmi fil-paragrafu 8 preċedenti, l-Artikolu 283(4) tal-UGB jipprevedi li tkun imposta multa ulterjuri ta’ EUR 700 permezz ta’ miżura, li fil-każ li jkompli jkun hemm ksur tal-obbligu ta’ żvelar, tirrepeti ruħha għal kull perijodu ulterjuri ta’ xahrejn. L-Artikolu 283(5) tal-UGB, jipprevedi li fil-każ li impriżi jikkwalifikaw bħala ta’ daqs medju jew kbir skont il-kriterji indikati fl-istess UGB, il-multa prevista fl-Artikolu 283(3), kif ukoll dawk imposti minn żmien għal żmien fil-każ ta’ ksur ulterjuri, jiżdiedu bi tliet jew sitt darbiet rispettivament.

16.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 283(7) tal-UGB, l-obbligi tar-rappreżentanti ġuridiċi bis-saħħa tal-Artikoli 277 u 280(a) japplikaw anki għall-kumpannija. Jekk il-kumpannija ma tosservax dawn l-obbligi permezz tal-korpi tagħha, hija għandha tkun ikkundannata simultanjament għall-ħlas tal-multa.

II – Il-fatti, il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.      Texdata Software GmbH (iktar ’il quddiem: “Texdata”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede f’Karlsruhe, il-Ġermanja u li tiżviluppa u tikkummerċjalizza software. Hija twettaq l-attivitajiet tagħha fl-Awstrija permezz tal-fergħa, irreġistrata fl-4 ta’ Marzu 2008, fir-reġistru tal-kumpanniji Awstrijak bħala kumpannija barranija.

18.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2011, il-Landesgericht Innsbruck (Tribunal ta’ Innsbruck) impona, fil-konfront ta’ Texdata, żewġ multi ta’ EUR 700 l-waħda skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendat fl-2011, peress li l-kontijiet annwali tal-31 ta’ Diċembru 2008 u tal-31 ta’ Diċembru 2009 ma kinux ippreżentati sad-data speċifikata, li l-qorti tar-rinviju indikat li hija t-28 ta’ Frar 2011.

19.      Fit-23 ta’ Mejju 2011, Texdata ppreżentat quddiem il-Landesgericht, fit-termini preskritti, żewġ appelli li fihom sostniet li l-impożizzjoni ta’ multi mingħajr talba jew intimazzjoni kienu inammissibbli, u li fi kwalunkwe każ, setgħu jkunu ppreżentati biss il-kontijiet annwali li diġà kienu ppubblikati quddiem l-Amtsgericht Karlsruhe (it-Tribunal distrettwali ta’ Karlsruhe), u li kieku rrikorriet għall-mezzi elettroniċi tal-ġustizzja, seta’ jkollha aċċess għalihom.

20.      Fl-istess data kienu ddepożitati wkoll iż-żewġ kontijiet annwali ċċitati quddiem il-Landesgericht.

21.      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet bid-data tal-25 ta’ Mejju 2011, il-Landesgericht caħdet l-inapplikabbiltà taż-żewġ miżuri ta’ impożizzjoni ta’ multa, minħabba t-tempestività tal-appelli, u fil-proċedura ordinarja imponiet mill-ġdid fuq il-kumpannija, skont il-paragrafi 3 u 7 tal-Artikolu 283 tal-UGB, żewġ multi ta’ EUR 700 kull waħda, peress li ma ppreżentatx il-kontijiet annwali sat-termini preskritti.

22.      Il-qorti tar-rinviju, li għandha quddiemha r-rikors tal-appell imressaq minn Texdata kontra ż-żewġ miżuri, ressqet id-domanda dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif emendata fl-2011, mad-dritt tal-Unjoni u, sadanittant issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja :

“ Id-dritt tal-Unjoni, fl-istat preżenti tiegħu, u b’mod partikolari:

1.      id-dritt ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikoli 49 u 54 TFUE;

2.      il-prinċipju ġenerali tad-dritt [Artikolu 6(3) TUE] għal protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva (prinċipju ta’ effettività);

3.      il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [Artikolu 6(1) TUE] u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [Artikolu 6(1) TUE];

4.      il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jew

5.      ir-regoli marbuta mas-sanzjonijiet fil-proċedura ta’ żvelar stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 68/151/KEE, fl-Artikolu 60a tad-Direttiva 78/660/KEE u fl-Artikolu 38(6) tad-Direttiva 83/349/KEE (9),

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ tal-iskadenza tat-terminu legali ta’ disa’ xhur previst għat-tfassil u l-iżvelar tal-kontijiet annwali lill-qorti kompetenti fil-qasam tar-reġistru tal-kumpanniji,

–      mingħajr ma tagħtihom minn qabel il-possibbiltà li jesprimu ruħhom fuq l-eżistenza tal-obbligu ta’ żvelar u li jinvokaw l-ostakoli possibbli għal tali żvelar, u b’mod partikolari, mingħajr verifika minn qabel dwar jekk dawn il-kontijiet annwali kinux effettivament diġà ppreżentati quddiem il-qorti responsabbli mir-reġistru tal-post fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali; kif ukoll

–      mingħajr ma ssir talba individwali minn qabel lill-kumpannija jew lill-korpi awtorizzati li jirrappreżentawha sabiex josservaw l-obbligu ta’ żvelar

tobbliga lil din tal-aħħar, minn naħa, tapplika immedjatament multa minima ta’ EUR 700 fuq il-kumpannija u fuq kull korp awtorizzat li jirrappreżentaha minħabba li, salv prova kuntrarja, in-nuqqas ta’ żvelar huwa imputabbli lilhom, u min-naħa l-oħra, tapplika immedjatament fuq il-kumpannija u fuq kull korp awtorizzat li jirrappreżentaha multa ġdida minima ta’ EUR 700 għal kull nuqqas sussegwenti ta’ perijodu ta’ xahrejn, abbażi tal-istess preżunzjoni ta’ responsabbiltà”.

III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2011. Ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom Texdata, il-Gvernijiet tal-Awstrija u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

24.      Fis-seduta, li nżammet fis-27 ta’ Novembru 2012, intervjenew Texdata, il-Gvern tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

25.      L-ewwel nett, għandhom jiġu evalwati l-argumenti intiżi li jinvokaw l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari.

26.      Il-Gvern Awstrijak jirrileva sensiela ta’ żbalji fl-espożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkluża fid-digriet tar-rinviju u għaldaqstant isostni li l-qorti ma ppreżentatx din il-leġiżlazzjoni b’mod li jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli u mhux purament ipotetika.

27.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura preliminari kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE ma hijiex diretta għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamenti nazzjonali u li għaldaqstant, l-ineżattezzi eventwali inklużi fid-deskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi kif użata fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali ma jistgħux ikollhom il-konsegwenza li jċaħħdu lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza li ssolvi d-domanda preliminari proposta mill-imsemmija qorti (10). F’dan il-każ, insostni li abbażi tal-informazzjoni inkluża fid-digriet tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi mill-elementi tal-fatt u tad-dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi mressqa quddiemha.

28.      Il-Gvern tar-Renju Unit, mingħajr ma talab formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, isostni li mhux ċar għal liema raġuni l-proċedura ġdida prevista fl-Artikolu 283 tal-UGB wara r-riforma tal-2011, kienet applikata b’mod retroattiv għall-obbligu ta’ żvelar tal-kontijiet fir-rigward tas-snin finanzjarji 2008 u 2009.

29.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li b’riferiment għalih tressqet id-domanda preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (11). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ratione temporis tikkostitwixxi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (12).

30.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq jirriżulta li d-domanda preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

B –    Fuq id-domanda preliminari

1.      Il-libertà ta’ stabbiliment u d-direttivi dwar il-kumpanniji

a)      Osservazzjonijiet ġenerali

31.      Permezz tal-ewwel u l-ħames parti tad-domanda preliminari tagħha, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikoli 49 u 54 tat-TFUE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 tal-ewwel Direttiva 68/151/KEE, 60a tar-raba’ Direttiva 78/660/KEE u 38(6) tas-seba’ Direttiva 83/349/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ sistema ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi ta’ żvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju bħal dik prevista mill-UGB fil-verżjoni emendata tal-2011 u deskritta fil-paragrafi preċedenti minn 10 sa 16.

32.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-għan tal-iżvelar tal-kontijiet annwali jistax jingħaqad b’mod daqstant ieħor effikaċi ma’ proċedura inqas “drastika” minn dik introdotta permezz tar-riforma tal-2011, pereżempju bħal dik li kienet fis-seħħ qabel it-tali riforma (13). Fil-fatt, is-sistema l-ġdida timponi fuq il-kumpanniji barranin spejjeż u obbligi mhux neċessarji, u dawn ikunu marbuta jqabbdu avukat sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment, meta minflok, biex ikun iċċarat jekk tali kumpanniji ippubblikawx diġà d-dokumenti ta’ kontabbiltà rilevanti, jiġifieri, jekk il-karti tal-bilanċi kinux ġew ippubblikati quddiem il-qorti tal-post fejn il-kumpanniji għandhom is-sede prinċipali, ikun possibbli li jiġu ppreżentati rapporti quddiem it-tali qorti barranija jew quddiem is-sede prinċipali tal-kumpannija stess.

33.      L-ewwel nett għandna ninnotaw li l-obbligu ta’ żvelar tal-kontijiet annwali kif ukoll is-sistema ta’ sanzjonijiet relatata prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-suġġett tal-kawża prinċipali, japplika għal Texdata peress li din, kumpannija Ġermaniża b’kapital azzjonarju, teżerċita l-attivitajiet tagħha fl-Awstrija permezz ta’ fergħa rreġistrata f’dan il-pajjiż bħala fergħa barranija ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. F’dan ir-rigward, insostni, fil-prinċipju bħal dak osservat mill-Gvern tar-Renju Unit, li għall-analiżi relatata ma’ din il-kawża, hija rilevanti mhux daqstant is-seba’ Direttiva 83/349/KEE dwar il-kontijiet konsolidati msemmija mill-qorti tar-rinviju, li hija applikabbli għall-gruppi ta’ impriżi magħmula minn kumpannija ewlenija u minn sussidjarji li jiddisponu minn personalità ġuridika distinta (14), iżda pjuttost il-ħdax-il Direttiva 89/666/KEE dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. Barra minn hekk, kif diġà nnutajt fil-paragrafu 4, l-ewwel Direttiva 68/151/KEE, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha, kienet diġà rrevokata u ssostitwita bid-Direttiva 2009/101/KE.

34.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-fatt li qorti tar-rinviju fformulat formalment id-domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (15).

35.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatti tal-kawża prinċipali u tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipproċedi bl-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 sa 54 TFUE, kif ukoll tad-Direttiva 2009/101/KE, tar-raba’ Direttiva 78/660/KEE u tal-Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE.

b)      Fuq id-Direttivi 2009/101/KE, 78/660/KE u 89/666/KEE

36.      Id-direttivi ċċitati hawn fuq kollha jaqgħu fost il-miżuri addizzjonali adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiffaċilita l-eżerċitar tal-libertà ta’ stabbiliment. Dawn jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 50(2)(g) TFUE (16), kif ukoll tal-programm ġenerali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, adottat mill-Kunsill fit-18 ta’ Diċembru 1961 (17), li jipprevedu l-koordinament tal-garanziji li huma rikjesti fl-Istati Membri mill-kumpannija sabiex ikunu protetti l-interessi kemm tal-azzjonisti kif ukoll ta’ terzi. Dawn il-garanziji jinkludu l-obbligu tal-iżvelar ta’ informazzjoni rilevanti li tikkonċerna lill-kumpanniji stess. Huwa għaldaqstant f’dan ir-rigward li d-direttivi ċċitati jipprevedu dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jikkoordinaw il-liġijiet nazzjonali dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni rilevanti għall-kumpanniji (18).

37.      Minn diversi “premessi” ta’ dawn id-direttivi jirriżulta li l-għan prinċipali tal-koordinament tal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-iżvelar huwa partikolarment dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-interessi ta’ partijiet terzi. Il-previżjoni tal-obbligi ta’ żvelar, fir-rigward tal-kumpanniji, fil-fatt għandha l-għan li tagħti s-setgħa lil terzi li jikkonkludu kuntratt jew li għandhom l-intenzjoni li jikkonkludu kuntratt mal-kumpannija, li jirrikonoxxu l-atti essenzjali relatati ma’ dan, kif ukoll ċerti indikazzjonijiet rilevanti li jikkonċernawha u, b’mod partikolari, l-identità tal-persuni li għandhom is-setgħa li jobbligawha (19).

38.      Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament l-iżvelar tal-kontijiet annwali tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnutat li din għandha rwol fundamentali għall-protezzjoni ta’ terzi (20) u li din għandha l-għan prinċipali li tinforma lil dawk li ma għandhomx għarfien jew li ma għandhomx għarfien biżżejjed tas-sitwazzjoni tal-kontabbiltà u finanzjarja tal-kumpannija (21). L-għan speċifiku huwa li jippermettilhom jivvalutaw jekk ikun il-każ, jekk jistabbilixxux jew iżommux kwalunkwe rapport ġuridiku mal-kumpannija stess (22).

39.      Għalkemm l-applikazzjoni ta’ liġi konnessa direttament mal-eżistenza ta’ sistema koerżiva li għandha l-għan li tiggarantixxi l-osservazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex limitat li jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex il-kumpanniji jkunu suġġetti għall-obbligi tal-iżvelar, b’mod partikolari fir-rigward tad-dokumenti tal-kontabbiltà, iżda impona fuqhom li jippreskrivu “sanzjonijiet adegwati” għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ tali obbligi (23).

40.      Sadanittant nistgħu ngħidu li l-previżjoni, min-naħa ta’ liġi nazzjonali bħal dik tal-kawża inkwistjoni, ta’ obbligi ta’ żvelar, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji u l-fergħat tal-kumpanniji b’kapital barrani, ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà u tad-dokumenti l-oħrajn indikati fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 277 u tal-Artikolu 280(a) tal-UGB, kif ukoll il-previżjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żvelar ta’ tali dokumenti, hija konformi mad-direttivi msemmija hawn fuq.

41.      Madankollu, tqum il-problema, ippreżentata mill-qorti tar-rinviju, tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità ta’ din is-sistema ta’ sanzjonijiet.

42.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, sabiex tiċċara l-portata tal-eżiġenza relatata mal-adegwatezza tas-sanzjonijiet stabbiliti għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar, tista’ tkun ikkunsidrata b’mod utli l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) tat-TUE li minnu tirriżulta eżiġenza identika. Skont din il-ġurisprudenza, sabiex tkun ikkonservata l-għażla tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat b’kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali, ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, jagħmlu s-sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva (24).

43.      Għandna ninnotaw ukoll li, għalkemm id-direttivi jipprevedu l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet adegwati min-naħa tal-Istati Membri, dawn ma jinkludux regoli preċiżi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ tali sanzjonijiet nazzjonali u b’mod partikolari ma jistabbilixxu ebda kriterju espliċitu għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità tagħhom.

44.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (25).

45.      Għaldaqstant, fil-kawża inkwistjoni, is-sanzjonijiet konsentiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-suġġett tal-kawża prinċipali, ma għandhomx jeċċedu l-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni bil-kundizzjoni li, meta tkun possibbli għażla bejn diversi miżuri adattati, għandha tintgħażel dik l-inqas restrittiva, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (26).

46.      Jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biss sabiex tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulhom jevalwaw tali kompatibbiltà (27). Għaldaqstant, huwa kompitu tal-imsemmija qorti, l-unika kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, sabiex tiddeċiedi jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali suġġett tal-kawża prinċipali, tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ effettività, proporzjonalità u dissważività, u b’mod partikolari, jekk din tittrattax b’mod sfavorevoli l-kumpanniji uffiċjalment barranin meta mqabbla ma’ dawk Awstrijaċi f’każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ żvelar (28). Madankollu, fl-evalwazzjoni ta’ tali kompatibbiltà jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha pprovduti lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett jeħtieġ li jkun ikkunsidrat l-għan fundamentali tal-protezzjoni ta’ terzi li jinteraġixxu mal-kumpannija, għan li biex ikun parti mid-dritt tal-Unjoni, għandu jkun parti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-iżvelar. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett ma nistax ma ninnutax li dak li jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ abbozz ta’ liġi governattiva li introduċiet ir-riforma tal-2011, fis-seħħ fis-sistema preċedenti, fl-Awstrija inqas min-nofs l-impriżi suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar jissodisfaw fil-ħin it-tali obbligu (29). Jidhirli li din l-osservazzjoni biss turi li s-sistema preċedenti (30), li tagħmel riferiment għaliha l-qorti tar-rinviju sabiex tibbaża wħud mid-dubji tagħha fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sistema l-ġdida tas-sanzjonijiet, ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi l-osservazzjoni min-naħa tal-kumpanniji tal-obbligi ta’ żvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà li huma għandhom u għaldaqstant mhix konformi mar-rekwiżiti ta’ effettività u dissważività, kif ukoll mal-għan fundamentali msemmi hawn fuq tal-protezzjoni ta’ partijiet terzi inerenti għad-direttivi. Mill-bqija, jirriżulta li, kemm mill-ispjegazzjonijiet iċċitati relatati mal-abbozz ta’ liġi governattiva, kif ukoll inkwantu għal dak espliċitament affermat mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, li r-riforma, u b’mod partikolari d-dispożizzjoni li introduċiet l-impożizzjoni awtomatika ta’ multa minima ta’ EUR 700, kienet adottata proprju bl-għan li tiggarantixxi eżekuzzjoni iktar effiċjenti u rapida tal-obbligu ta’ żvelar min-naħa tal-impriżi suġġetti għal tali obbligi, għan li, kif ikkjarifika l-Gvern Awstrijak, dejjem waqt is-seduta, kien miżjud minħabba ż-żieda konsiderevoli tar-rata ta’ osservazzjoni fil-ħin tal-obbligi ta’ żvelar mill-kumpanniji wara l-introduzzjoni tar-riforma tal-2011.

48.      It-tieni nett, għandna ninnotaw dak li jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li multa ta’ ammont minimu ta’ EUR 700 għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji b’kapital azzjonarju, bejn wieħed u ieħor tikkorrispondi għall-medja tal-ammonti tal-multi previsti fl-Istati Membri għal dan it-tip ta’ ksur, u li f’xi Stati Membri dawn il-multi minimi jistgħu jitilgħu sa EUR 1500. Il-previżjoni ta’ sanzjoni minima ta’ dan l-ammont ma jidhirlix li taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan fundamentali tal-leġiżlazzjoni f’din il-kawża indikata fil-paragrafi 37 u 38 preċedenti.

49.      Barra minn hekk, mingħajr ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li jiżvolġu suċċessivament fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-previżjoni tar-repetizzjoni tal-impożizzjoni tal-multa kull xahrejn fil-każ li jkompli n-nuqqas ta’ osservazzjoni, lanqas ma hija sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet segwiti. Fil-fatt, din il-miżura għandha l-għan li tinċentiva lill-kumpanniji li għalihom l-impożizzjoni ta’ multa ma tikkostitwixxix deterrent suffiċjenti sabiex ikun osservat totalment l-obbligu ta’ żvelar li huma għandhom.

50.      It-tielet nett, għandna ninnotaw li l-leġiżlazzjoni fil-kawża inkwistjoni tipprevedi terminu għall-iżvelar ta’ disa’ xhur mid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ. Dan il-perjodu jidher li jikkostitwixxi perijodu ta’ żmien twil biżżejjed, minbarra sitwazzjonijiet eċċezzjonali, biex jippermetti lill-kumpannija biex tosserva l-obbligu ta’ predispożizzjoni u żvelar tal-kontijiet annwali tagħha. Mill-bqija, jekk ikun possibbli żvelar tal-kontijiet tas-sena finanzjarja preċedenti f’perijodu ta’ żmien itwal, l-għan proprju tal-obbligi ta’ żvelar, jiġifieri l-protezzjoni ta’ partijiet terzi, ikun ipperikolat inkwantu dawn ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-kumpannija li jirriskjaw li ma tkunx reċenti biżżejjed sabiex tiggarantilhom l-eżattezza ta’ tali informazzjoni u l-korrispondenza mas-sitwazzjoni reali tal-kumpannija.

51.      Ir-raba’ nett, għandna nosservaw li, fi kwalunkwe każ, il-kumpannija u l-korpi tagħha għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-miżura li timponi l-multa minħabba l-motivi li ġġustifikaw il-ksur tal-obbligu ta’ żvelar li għandhom.

52.      Il-ħames nett, b’riferiment għall-eżiġenzi stabbiliti fil-ġurisprudenza msemmija fil-paragrafu 42 preċedenti, għandna nosservaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, kemm skont l-aspett tal-kontenut, kif ukoll skont l-aspett tal-proċedura, tapplika eżattament l-istess sistema ta’ sanzjonijiet għall-kumpanniji Awstrijaċi u għall-fergħat barranin tal-kumpannija.

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-proċedura prinċipali, ma tirriżultax li teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament segwiti mil-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-obbligi tal-iżvelar fir-rigward tal-kumpanniji.

c)      Fuq l-Artikoli 49 u 54 tat-TFUE

54.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip tikkonformax mal-Artikoli 49 u 54 tat-TFUE, għandna neżaminaw jekk din tikkostitwixxix miżura li tinkludi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment fl-Awstrija ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, permezz tal-ħolqien ta’ fergħa (31).

55.      F’dan ir-rigward qabelxejn, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sanzjonijiet bħal dawk imposti mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża inkwistjoni għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar huma adegwati u konformi mad-dritt tal-Unjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet tiddependi esklużivament fuq l-eventwali ksur, min-naħa tal-kumpannija, tal-imsemmija obbligi ġuridiċi tal-iżvelar previsti fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif kien ġustament osservat mill-Kummissjoni, approċċ wieħed biss tal-kumpannija u tal-fergħat tagħha li ma jikkonformax mal-liġi, jista’ jwassal għall-konsegwenzi ġuridiċi previsti mil-leġiżlazzjoni tal-kawża inkwistjoni.

56.      Barra minn hekk, diġà nnutajt li l-leġiżlazzjoni rigward l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar hija applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għall-kumpanniji Awstrijaċi kif ukoll għall-kumpanniji tal-Istati Membri l-oħra li huma stabbiliti fl-Awstrija permezz ta’ fergħat. Mill-bqija, dawn tal-aħħar huma obbligati mill-Artikolu 280a, u skont id-dispożizzjonijiet tal-ħdax-il Direttiva 89/666/KEE, biex sempliċement jippubblikaw “id-dokumenti tal-kontabbiltà kostitwiti, vverifikati u ppubblikati skont id-dritt applikabbli għas-sede prinċipali tal-kumpannija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (32).

57.      Huwa proprju b’riferiment għal dawn il-kunsiderazzjonijiet li nistgħu nirrispondu d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-paragrafu 32 preċedenti, rigward il-fatt li s-sistema ġdida tas-sanzjonijiet timponi spejjeż żejda fuq il-kumpanniji barranin minħabba spejjeż ġuridiċi li dawn huma kostretti li jġarrbu sabiex jipproteġu l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż bl-ebda mod ma huma neċessarji, iżda jiddependu esklużivament fuq il-ksur ta’ obbligu tal-liġi min-naħa tal-kumpannija kkonċernata. Barra minn hekk, dawn ma japplikawx biss għall-kumpanniji barranin, iżda anki għall-kumpanniji Awstrijaċi.

58.      Inkwantu għall-possibbiltà eventwali msemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-analiżi tkun ippreżentata quddiem il-qorti tal-post tas-sede prinċipali, ninnota li skont it-termini tal-ħdax-il Direttiva 89/666/KEE mhux biżżejjed, sabiex fergħa tosserva l-obbligi ta’ żvelar tagħha, li l-kumpannija prinċipali tkun osservat it-tali obbligi fl-Istat Membru fejn din tkun stabbilita. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali ma tistax tkun obbligata li tagħmel dan it-tip ta’ riċerka, li potenzjalment tiswa ħafna flus, quddiem il-qrati ta’ Stati Membri oħra sakemm ikun hemm obbligu ġuridiku ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-kumpannija fl-Istat Membru fejn topera l-fergħa sabiex ikunu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi li jidħlu f’kuntatt magħha. F’dan is-sens, il-fatt li tali dokumenti ta’ kontabbiltà jkunu disponibbli fuq l-internet, bil-lingwa tal-Istat Membru fejn il-kumpannija prinċipali għandha s-sede, li tista’ tkun differenti minn dik tal-Istat li topera fih il-fergħa, mhux idoneju li jkun iġġustifikat il-ksur tal-obbligu ta’ żvelar fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-fergħa.

59.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, intenni li leġiżlazzjoni li, fiċ-ċirkustanza bħal dik tal-kawża prinċipali, timponi, skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli, sanzjonijiet adegwati għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar tal-kontijiet annwali u ta’ dokumenti rilevanti oħra tal-kumpannija ma hijiex tali li tpoġġi lill-kumpanniji ta’ Stati Membri oħra f’sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt sfavorevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ kumpanniji tal-Istat Membru tal-istabbiliment (33) u ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment b’tali mod li tipprojbixxi, ixxekkel, u lanqas tagħmel inqas attrajenti l-eżerċitar ta’ din il-libertà.

2.      Fuq il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

a)      Osservazzjonijiet preliminari

60.      Permezz tat-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-qosor qed tistaqsi jekk il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jirriżultaw mill-Karta u mill-KEDB, għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-obbligi ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju bħal dawk previsti mill-UGB fil-verżjoni emendata fl-2011 u deskritta fil-paragrafi minn 10 sa 16.

61.      It-tliet prinċipji msemmija mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxu l-prinċipji kollha rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dawn jirriżultaw minn diversi dispożizzjonijiet tal-Karta (minbarra dawk tal-KEDB) u akkwistaw il-grad ta’ drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

62.      B’mod iktar partikolari, il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (34). Dan jirriżulta mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u kien riaffermat mill-Artikolu 47 tal-Karta.

63.      Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura li tista’ tispiċċa bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kien iddefinit diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (35). Dan kien previst fl-Artikolu 6, paragrafu 3 tal-KEDB u kien ikkodifikat fil-Karta fl-Artikolu 41(2a), u l-Artikolu 49(2).

64.      Ir-regola li tipprojbixxi l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet jew proċeduri kriminali (il-prinċipju ta’ ne bis in idem) kienet rikonoxxuta wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali ta’ dritt (36). Dan huwa espliċitament previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB kif ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta.

65.      Ir-riferiment min-naħa tal-qorti tar-rinviju għal tali prinċipji u għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, iqajjem żewġ domandi ta’ natura preliminari li ġew diskussi ħafna waqt is-seduta. L-ewwel nett, id-domanda mressqa mill-Ġvern Awstrijak kemm fl-osservazzjoni bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, dwar l-applikabbiltà jew in-nuqqas tagħha tad-dispoizzjonijiet tal-Karta għall-fatt bħal dak tas-suġġett tal-kawża prinċipali. It-tieni nett, id-domanda kkunsidrata speċifikament mill-qorti tar-rinviju, dwar in-natura kriminali jew le tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, kwalifikazzjoni eventwali ta’ tali sistema bħala kriminali jkollha impatt fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq.

b)      Fuq l-applikabbiltà tal-Karta

66.      Skont it-termini tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, dan japplika “għall-Istati Membri esklussivament fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”.

67.      Il-Gvern tal-Awstrija josserva li għalkemm id-direttivi msemmija hawn fuq jobbligaw lill-Istati Membri biex jippreskrivu sanzjonijiet adegwati għall-ksur tal-obbligi ta’ żvelar, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax fid-dettall la l-proċedura ta’ sanzjoni u lanqas il-proċedura ta’ rikors. Peress li d-dritt proċedurali jerġa’ jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, fil-prinċipju, il-Karta mhix applikabbli fil-kuntest tal-fatt bħas-suġġett tal-kawża prinċipali.

68.      F’dan ir-rigward, ma nistax nonqos milli nirrileva li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” min-naħa tal-Istati Membri, u konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, hija kwistjoni li reċentement kienet is-suġġett ta’ diskussjoni wiesgħa, kemm fid-duttrina, kif ukoll fuq kollox, fost l-avukati ġenerali (37).

69.      Madankollu, mingħajr ma nieqaf fuq l-interpretazzjonijiet possibbli ftit jew wisq ristrettivi tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u konsegwentement fuq kampijiet ta’ applikazzjoni differenti possibbli attribwibbli għall-istess Karta, nosserva li f’din il-kawża, mhux biss l-obbligi tal-iżvelar li għalihom hija prevista s-sistema ta’ sanzjonijiet suġġett tad-domanda preliminari jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni, iżda s-sanzjonijiet stess huma preskritti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel, ir-raba’ u l-ħdax-il Direttiva 89/666/KEE, li jipprevedu l-obbligu tal-Istati Membri li jippreskrivu sanzjonijiet adegwati sabiex tkun iggarantita l-osservazzjoni tal-imsemmija obbligi ta’ żvelar (38). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għaldaqstant tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-proċedura ta’ applikazzjoni, inklużi l-proċeduri ta’ appell, ta’ sanzjonijiet previsti espliċitament mid-dritt tal-Unjoni.

70.      F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li wera l-Gvern Awstrijak, li d-dritt tal-Unjoni ħalla lill-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru l-fakultà li jiddetermina r-regoli proċedurali għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi ma jnaqqas xejn mill-fatt li permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikata fil-proċedura prinċipali, l-Istat Membru inkwistjoni implementa d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, meta bħal fil-kawża inkwistjoni, l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jittrasponu fid-dritt nazzjonali sistema ta’ sanzjonijiet prevista espliċitament fid-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma ispirati direttament mid-dritt tal-Unjoni, l-awtonomija proċedurali rikonoxxuta għall-Istati Membri, bl-ebda mod ma timplika li dawn mhumiex qed jimplementaw dan id-dritt (39).

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, intenni għaldaqstant li d-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom ikunu applikati fil-kawża inkwistjoni.

c)      Fuq in-natura kriminali tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali

72.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-biċċa l-kbira tal-ġurisprudenza u d-duttrina Awstrijaċi jtennu li s-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mill-Artikolu 283 tal-UGB hija fl-istess ħin koerżiva, ripressiva u attwali, u għaldaqstant elementi ta’ natura kriminali (40). Din it-teżi madankollu hija kkontestata mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit.

73.      Il-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tan-natura kriminali jew le tas-sistema ta’ sanzjonijiet jitfaċċaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti Europea tad-Drittijiet tal-Bniedem”) relattiva mal-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “akkuża kriminali”, ta’ “piena”, u ta’ “proċedura kriminali” tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u tal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 relatat (41). Din il-ġurisprudenza issa hija espliċitament użata mill-Qorti tal-Ġustizzja (42).

74.      Skont dan l-approċċ, huma rilevanti tliet kriterji magħrufa bħala “il-kriterji Engel” b’riferiment għas-sentenza li kienu msemmija fiha għall-ewwel darba (43). L-ewwel kriterju jikkonsisti fil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt nazzjonali, li madanakollu huwa espliċitament ikkunsidrat bħala sempliċement “punt tat-tluq” (44). It-tieni kriterju huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur; it-tielet wieħed huwa dwar in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni prevista (45). It-tieni u t-tielet kriterju, li għandhom rilevanza kbira meta mqabbla mal-ewwel kriterju, huma alternattivi u mhux neċessarjament kumulattivi, jiġifieri li madanakollu ma jeskludux approċċ kumulattiv jekk l-analiżi separata ta’ kull kriterju ma tippermettix li jkun hemm konklużjoni ċara (46).

75.      Fil-kawża inkwistjoni, fir-rigward tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-kwalifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt Awstrijak, dan ma jidhirx li huwa espliċitament ta’ natura kriminali. Madankollu, kif diġà għedna, din iċ-ċirkustanza ma tidhirx waħda deċiżiva (47).

76.      Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri n-natura stess tal-ksur, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina serje ta’ elementi fosthom lil min hija indirizzata regola li tissanzjona ksur partikolari, l-interess ġuridiku protett u l-għan tas-sanzjoni. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandna nosservaw li s-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 283 tal-UGB għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar mhumiex indirizzati għal kulħadd, iżda huma intiżi biex jiggarantixxu l-osservazjoni ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u r-rappreżentanti tagħhom (48). Dawn l-obbligi u s-sanzjonijiet relatati għall-ksur tagħhom, kif għedna fil-punti 37 u 38 preċedenti, għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-kumpannija. L-interess ġuridiku protett, jiġifieri d-dritt ta’ terzi li jkunu jafu l-istat ta’ saħħa tal-kumpannija, jista’ jkun protett kemm mid-dritt amministrattiv, kif ukoll mid-dritt kriminali (49). Inkwantu għall-għan li għandhom is-sanzjonijiet, jidhirli li ma nistgħux ninnegaw li l-għan ta’ dawn mhux daqstant ta’ remunerazzjoni, fis-sens li ma humiex intiżi li jirriattivaw l-istatus qabel il-ksur (50). Jidhirli li l-għan tagħhom huwa wieħed essenzjalment preventiv inkwantu huma previsti għall-finijiet li jiggarantixxu l-osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar u biex jiġi evitat li jerġa’ jirrepeti ruħu dan il-ksur tat-tali obbligi (51). F’dan ir-rigward, huwa daqstant ieħor pertinenti li ninnotaw kif l-Oberster Gerichtshof tal-Awstrija, b’ġurisprudenza stabbilita, qed tinnega li s-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni, anki wara r-riforma tal-2011, għandha natura ripressiva (52). Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sanzjonijiet suġġett tal-kawża Bonda ċċitata, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-“kriterji Engel”, is-sanzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkostitwixxux tnaqqis ta’ għajnuniet mogħtija wara li saret talba mill-partijiet interessati (53), iżda għandhom impatt dirett fuq il-patrimonju tas-suġġett issanzjonat.

77.      It-tielet “kriterju Engel” jikkonċerna l-livell ta’ gravità tas-sanzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex ikun iddeterminat il-grad ta’ gravità, għandha tkun ikkunsidrata s-sanzjoni massima prevista mid-dispoizzjonijiet ġuridiċi applikabbli (54). Inkwantu għall-entità tas-sanzjoni awtomatika imposta permezz tal-ewwel miżura prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 283 tal-UGB, li tikkostitwixxi s-suġġett speċifiku tad-domanda tal-qorti, din għandha rata fissa ta’ EUR 700. Għaldaqstant ma nistax ma ninnotax kif il-grad ta’ gravità ta’ din is-sanzjoni huwa pjuttost baxx (55). Madankollu, dan mhux neċessarjament veru għas-sanzjonijiet ulterjuri imposti skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 283 tal-UGB (56). Fi kwalunkwe każ, ma jidhirlix li s-sanzjonijiet inkwistjoni jistgħu jinfluwenzaw impatti partikolari (57).

78.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejna ntenni li, anki jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala li terġa’ taqa’ fl-ambitu kriminali skont is-sens tal-KEDB, ċertament mhijiex parti “mill-qafas tad-dritt kriminali” b’tali mod li, kif ippreċiżat mill-istess Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-“garanziji offruti mill-profil kriminali [tal-Artikolu 6 tal-KEDB] ma għandhomx neċessarjament ikunu applikati fir-rigorożità kollha tagħhom” (58).

d)      Fuq il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

i)      Osservazzjonijiet ġenerali

79.      Il-qorti tar-rinviju qabel xejn qed tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-UGB, kif emendati bir-riforma tal-2011, dwar il-proċedura ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi ta’ żvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà tal-kumpannija b’kapital azzjonarju, irendux eċċessivament diffiċli għat-tali kumpannija, l-eżerċitar ta’ drittijiet li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment u jekk għaldaqstant humiex kuntrarji għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-qorti f’dan il-punt tidentifika sensiela ta’ pretesti ta’ “defiċit strutturali” — li se jkunu analizzati fid-dettall iktar ’il quddiem fil-punti 87 u s-segwenti — li jistgħu jrendu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-prinċipju tal-effettività. Fir-rigward tat-tali pretesti ta’ “defiċit strutturali”, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex inkompatibbli mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan japplikax ukoll għal-leġiżlazzjoni l-ġdida introdotta bir-riforma tal-2011.

80.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandna nosservaw li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tirriżulta mill-prinċipju ġenerali rilevanti kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 62 tikkonsisti f’li tiggarantixxi lill-individwi l-possibbiltà li jivvalutaw id-drittijiet tagħhom mogħtija lilhom mill-Unjoni (59).

81.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, minn naħa, li huwa kompitu tal-qrati nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-drittijiet (60) u min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’din il-kwistjoni, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jinnomina l-qrati kompetenti u jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni, u dan billi, madanakollu l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (61). F’dan ir-rigward, għandna nosservaw li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-TUE jinkludi l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-setturi rregolati mid-dritt tal-Unjoni.

82.      Taħt dan il-profil, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li l-proċeduri ta’ appell intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi taħt il-liġi tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (62).

83.      Il-qorti tar-rinviju ma tipproduċi ebda element relatat bħala evidenza tan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-prinċipju tal-ekwivalenza. Id-dubji tagħha jirrigwardaw esklużivament il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju tal-effettività.

84.      F’dak li jirrigwarda speċifikament l-applikazzjoni tat-tali prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li f’kull każ li tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (63).

85.      Inkwantu speċifikament għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 63 jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali drittijiet huma fundamentali u jeżiġu, minn naħa waħda, li jkunu kkomunikati lill-persuna kkonċernata l-elementi użati kontriha sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju, u min-naħa l-oħra, li hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jkun iggarantit fi kwalunkwe proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju (64).

86.      Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-punti preċedenti li għaldaqstant għandna nanalizzaw id-“defiċit strutturali” preżunt tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni identifikat mill-qorti tar-rinviju.

ii)    Fuq id-“defiċit strutturali” preżunt identifikat mill-qorti tar-rinviju

87.      L-ewwel pretest ta’ “defiċit strutturali” identifikat mill-qorti tar-rinviju jikkonċerna rekwiżiti preżunti irraġonevoli fil-forma u fil-kompetenza, li huma kumplessi u mhumiex rimedjabbli, li jistgħu jrendu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni inkompatibbli mal-prinċipju tal-effettività. Il-qorti tar-rinviju b’mod partikolari tirreferi għall-previżjoni tal-Artikolu 283(2) tal-UGB, taċ-ċaħda ta’ rikorsi tard u mingħajr motivazzjoni, fir-rigward tad-divjet li jipproponi motivi ġodda fl-appell.

88.      Inkwantu għaċ-ċaħda tar-rikorsi tard, nosserva li skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment ta’ termini raġonevoli ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza, fil-prinċipju jissodisfa l-eżiġenza tal-effettività, mill-mument li din tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali. Tali termini mhumiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Inkwantu t-tali kundizzjonijiet, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jipprevedu termini ta’ żmien itwal jew iqsar. Rigward, b’mod partikolari, it-termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (65).

89.      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi terminu ta’ dekadenza ta’ 14-il ġurnata għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ EUR 700 għal nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi, li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà tal-kumpannija. Għandna ninnotaw li l-kumpannija u r-rappreżentanti tagħha għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom disa’ xhur mid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ biex jippubblikaw it-tali dokumenti. Fl-opinjoni tiegħi, f’dan il-kuntest ma jirriżulta ebda element li jista’ jiġi kkunsidrat li l-istabbiliment tat-tali termini ta’ dekadenza, anki għal ftit żmien, ma huwiex raġonevoli u jrendi prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni (66). F’dan ir-rigward, fost l-oħrajn għandna niftakru li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi espliċitament il-possibbiltà ta’ remissjoni tat-termini (67).

90.      Raġunament simili huwa validu għall-previżjoni taċ-ċaħda immedjata ta’ rikorsi totalment immotivati li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, kienu pjuttost rikorrenti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel ir-riforma tal-2011. Fil-fatt, il-previżjoni ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, anki fil-qosor, tal-introduzzjoni ta’ rikors li jippermetti lill-qorti biex tifhem il-motivi li jsostnu t-talba fih, ma tistax tkun meqjusa bħala rekwiżit kuntrarju għall-prinċipju tal-effettività. Barra minn hekk, id-divjet ta’ motivi ġodda fl-appell li, skont il-qorti tar-rinviju, jimpedixxi lill-kumpannija ssanzjonata li r-rikors tagħha kien miċħud minħabba li kien tard u mingħar bażi, li jevalwa wkoll anki wara l-motivi proprji, huwa divjet komuni għas-sistemi ġuridiċi ta’ diversi Stati Membri u fl-opinjoni tiegħi, ma jikkomprometti lanqas l-effettività tar-rikors. Barra minn hekk, it-tali divjet mhux applikabbli f’każ ta’ żball skużabbli, kunċett wiesa’ li jista’ jkun interpretat mill-qrati fid-dawl tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (68).

91.      It-tieni u t-tielet pretesti tad-“defiċit strutturali” identifikati mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, rispettivament, in-nuqqas ta’ previżjoni ta’ seduta u n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet qabel ma tkun imposta sanzjoni, li jista’ jikkawża ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju.

92.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandna nosservaw li, kif fakkret il-qorti tar-rinviju stess, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għalkemm seduta orali u pubblika tikkostitwixxi prinċipju fundamentali mħaddan fl-Artikolu 6 tal-KEDB, li tassumi importanza partikolari fi proċeduri ta’ natura kriminali, l-obbligu biex titlaqqa’ din is-seduta mhux ikkunsidrat bħala wieħed assolut (69). Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet, sakemm dawn tal-aħħar ma jissodisfawx b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom il-miżuri fil-kawża inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, ksur manifest u b’mod sproporzjonat tad-drittijiet kif garantiti (70).

93.      Rigward il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jirriżulta mill-Artikolu 283 tal-UGB li ċ-ċaħda tar-rikors immotivat li huwa intiż biex il-miżura li timponi s-sanzjoni inizjali ta’ EUR 700 trendi immedjatament inapplikabbli t-tali miżura u tiftaħ proċess ordinarju li fih jista’ jkun hemm seduta u li fih, il-kumpannija ssanzjonata tista’ tiżviluppa b’mod sħiħ il-perspettiva tagħha fl-osservazzjoni tal-prinċipju tal-kontradittorju.

94.      F’dan il-kuntest, anki jekk, b’applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 74 u s-segwenti preċedenti, għandna nammettu n-natura kriminali tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni, il-fatt li din ma tidħolx fil-“qafas” tad-dritt kriminali jimplika li l-garanziji li jirriżultaw min-natura kriminali ma għandhomx ikunu applikati fir-rigorożità kollha tagħhom. Għaldaqstant, f’dan l-isfond intenni li tista’ tkun kompatibbli mal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża dispożizzjoni li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ippreżentati fil-kawża inkwistjoni, tipprevedi l-applikazzjoni fl-ewwel istanza ta’ sanzjoni ta’ entità ekonomika minuri li ma għandhiex impatti li jistgħu jinfluwenzaw, anki fil-kuntest ta’ sistema ta’ sanzjonijiet kwalifikata bħala li għandha natura kriminali, ma’ proċedura li, fin-nuqqas ta’ seduta u ta’ kontradittorju, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Tali sistema tista’ madanakollu tkun kompatibbli mal-prinċipji msemmija bil-kundizzjoni biss li l-miżura ta’ sanzjoni tkun suġġetta għal kontroll ta’ korp li għandu poteri ġudizzjarji sħaħ u li l-proċedura tagħha tissodisfa r-rekwiżiti msemmija. Fi kliem ieħor, għandu jirriżulta b’mod ċar li l-proċeduri ta’ appell disponibbli jippermettu li jkun irrimedjat kwalunkwe nuqqas tal-proċedura tal-prim istanza (71).

95.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, indikati fil-punti 37 u 38 preċedenti, il-previżjoni tal-impożizzjoni awtomatika ta’ multa ta’ EUR 700 għal nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-kumpannija, taħt il-proċedura ta’ appell, bħal dik indikata qabel, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-għan segwit, ksur manifest u sproporzjonat tad-drittijiet tad-difiża u, fl-opinjoni tiegħi, mhix kuntrarja għall-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

96.      Ir-raba’ pretest ta’ “defiċit strutturali” huwa ppreżentat mill-qorti tar-rinviju bħala suxxettibbli li jikkonsisti fi tqassim sfavorevoli tal-oneru tal-prova għall-kumpannija, li taħtu tkun applikata preżunzjoni ġuridika ta’ ħtija. F’dan ir-rigward, għandna nosservaw li l-preżunzjoni eventwali ta’ ħtija inerenti għall-impożizzjoni tal-multa permezz ta’ miżura adottata awtomatikament mingħajr ma tkun instemgħet il-kumpannija kkonċernata, fi kwalunkwe każ tikkonsisti fi preżunzjoni sempliċi konfutabbli fil-proċess ordinarju introdott bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ sanzjoni. F’dan il-proċess, il-kumpannija għandha l-possibbiltà li, filwaqt li tippreżenta provi adegwati, turi l-motivi previsti mil-liġi bħala ġustifikazzjonijiet possibbli għan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligu ta’ żvelar. F’tali ċirkustanzi, id-drittijiet tad-difiża u l-effettività tar-rikors ikunu ggarantiti b’mod suffiċjenti (72).

97.      Il-ħames ipoteżi ta’ “defiċit strutturali” tikkonċerna l-previżjoni ta’ termini vinkolanti mhux raġonevoli, u b’mod partikolari, il-previżjoni tal-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ multi ulterjuri mingħajr l-istennija li d-digrieti preċedenti jakkwistaw il-forza ta’ res judicata. Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji kemm fuq il-perijodu ta’ disa’ xhur li d-dekorrenza tagħhom tibda tgħodd mingħajr ma l-kumpannija tkun innotifikata, kif ukoll fuq il-perijodu ta’ xahrejn għall-akkumulazzjoni tal-multi f’każ ta’ tkomplija tal-omissjoni.

98.      L-ewwel nett, rigward it-terminu ta’ disa’ xhur, diġà nnutajt fil-paragrafu 50 li d-direttivi inkwistjoni jipprevedu l-iżvelar annwali tad-dokumenti tal-kontabbiltà sabiex ikunu protetti partijiet terzi, suġġetti għall-protezzjoni tat-tali dispożizzjoni, li jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni tal-kontabbiltà tal-kumpanniji. Issa l-kumpanniji u l-korpi kompetenti tagħhom għandhom ikunu jafu li, bejn it-terminu preskritt mil-liġi li jibda jiddekorri mid-data tal-iżvelar tal-karta tal-bilanċ, dawn għandhom jippubblikaw it-tali dokumenti. Għaldaqstant, huwa kompitu tagħhom li jinfurmaw ruħhom dwar il-perijodu tat-tali terminu fid-diversi Stati Membri li fih għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ fergħa, mingħajr ma jkun neċessarju li jinnotifikawhom dwaru. Min-naħa l-oħra, minn stħarriġ ta’ tqabbil tal-Kummissjoni jirriżulta li t-terminu ta’ disa’ xhur previst mis-sistema Awstrijaka huwa wieħed mill-itwal fost dawk konċessi fl-Istati Membri differenti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda element ma jippermetti li jkun affermat li tali terminu jista’ jkun ikkunsidrat bħala irraġonevoli.

99.      It-tieni nett, inkwantu għall-previżjoni ta’ perijodu ta’ xahrejn għall-impożizzjoni ta’ multi ulterjuri f’każ ta’ omissjoni kontinwa, mingħajr l-istennija li d-digrieti preċedenti jakkwistaw il-forza ta’ res judicata, għandna nosservaw li din għandha l-għan li tħeġġeġ lill-impriżi josservaw l-obbligu tal-iżvelar f’każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ripetut. Ebda element ma jippermetti li nsostnu li t-tali terminu ta’ xahrejn jimpedixxi lill-kumpanniji milli jippreżentaw rikors kontra l-miżuri ta’ sanzjoni li jrendu prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna l-eżerċitar ta’ drittijiet konferiti mid-dritt tal-Unjoni.

100. Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tiegħi, jidher li mill-kunsiderazzjonijiet li semmejna, sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik li qed tittratta l-kawża inkwistjoni mhix kuntrarja la għall-prinċipju tal-effettività u lanqas għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

e)      Fuq il-prinċipju ta’ ne bis in idem

101. Il-qorti tar-rinviju fl-aħħar nett tesprimi dubju doppju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-prinċipju, kif ikkodifikat mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jiġi mħarrek jew jiġi suġġett għal pieni kriminali abbażi ta’ ksur li fir-rigward tiegħu diġà ġie lliberat jew ikkundannat fl-Unjoni permezz ta’ sentenza definittiva.

102. Il-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, qed tistaqsi jekk l-Artikolu 283(7) tal-UGB fil-formulazzjoni ġdida tiegħu ma jikkostitwixxix ksur tat-tali prinċipju, inkwantu dan jipprevedi li l-istess fatti għandhom ikunu sostanzjalment indikati kemm għall-kumpannija kif ukoll għall-korpi tagħha u li se tkun imposta fuqhom multa għat-tali fatti. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ne bis in idem tar-repetizzjoni tas-sanzjoni kull xahrejn f’każ ta’ ksur kontinwu.

103. L-ewwel nett, ma nistax ma nosservax kif minn dak li jirriżulta mid-digriet tar-rinviju fil-kawża inkwistjoni, il-kumpannija biss kienet issanzjonata għal nuqqas ta’ obbligazzjoni tad-dokumenti tal-kontabbiltà u mhux il-korpi tal-kumpannija tagħha. Barra minn hekk, peress li, kif jirriżulta mill-punt 20 iktar ’il fuq, Texdata ppreżentat il-kontijiet annwali tagħha, ma kienet immultata ebda multa ulterjuri. F’dan il-kuntest, peress li skont it-termini tal-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 29 preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra l-kuntest fattwali li b’riferiment għalih hija mressqa d-domanda preliminari kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju, u peress li huwa ċar li la l-impożizzjoni kuntestwali tal-multa fuq il-korpi tal-kumpannija u fuq il-kumpannija u lanqas l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ulterjuri perjodiċi mhuma s-suġġett tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara din il-parti tad-domanda preliminari bħala inammissibbli (73).

104. Madankollu, anki fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tammetti l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tad-domanda preliminari, kif ukoll tammetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi n-natura kriminali tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-prinċipju, intenni li l-ebda wieħed mid-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju ma għandu bażi. Fil-fatt, indipendentement mill-kunċett bejn wieħed u ieħor wiesa’, li jista’ jkun attribwit għall-prinċipju ta’ ne bis in idem (74), fl-opinjoni tiegħi, f’dan il-każ lanqas jeżistu rekwiżiti għall-applikazzjoni tiegħu.

105. Inkwantu għall-ewwel dubju mressaq mill-qorti tar-rinviju, għandna ninnotaw li l-Artikolu 283(1) tal-UGB jipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-membri tal-korpi tal-kumpannija u, fil-każ ta’ fergħat, fuq il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawha, filwaqt li l-punt 7 jipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-kumpannija. Għaldaqstant, huwa inevitabbli li ngħidu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ piena doppja fuq l-istess persuna għall-istess fatti, iżda tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq diversi persuni. Il-kumpannija b’kapital azzjonarju, li tiddisponi minn personalità ġuridika, fil-fatt ma tikkoinċidix mal-persuni li huma l-membri tal-korpi tal-kumpannija pertinenti għall-istess kumpannija (75). Fl-opinjoni tiegħi, filwaqt li ma tirrikorrix għall-kundizzjoni tal-identità ta’ min iwettaq il-ksur, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli f’dan l-aspett mal-prinċipju ta’ ne bis in idem (76).

106. Inkwantu għat-tieni dubju tal-qorti tar-rinviju, għandna ninnotaw li l-Artikolu 283(4) tal-UGB jipprevedi li fil-każ li jkompli jkun hemm ksur tal-obbligu tal-iżvelar, tkun imposta multa ulterjuri ta’ EUR 700 permezz ta’ miżura li tiġi rripetuta għal kull perijodu ulterjuri ta’ xahrejn. Intenni li previżjoni ta’ dan it-tip ma tiksirx il-prinċipju ta’ ne bis in idem peress li ma hemmx il-kundizzjoni tal-identità tal-fatti b’tali mod li s-sanzjonijiet imposti huma differenti. Fil-fatt, l-ewwel sanzjoni tkun imposta għal nuqqas ta’ żvelar ta’ kontijiet tal-kumpannija f’perijodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ, mentri f’każijiet suċċessivi jkun issanazjonat in-nuqqas ta’ żvelar tal-istess dokumenti f’perijodi ta’ żmien ulterjuri suċċessivi ta’ xahrejn preskritti mil-liġi (77). Għaldaqstant, is-sanzjonijiet suċċessivi, minn naħa, jissanzjona ksur distint li jseħħ f’perijodi differenti u, min-naħa oħra, għandhom għan dissważiv differenti (78).

107. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li semmejna, li sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik ittrattata fil-kawża inkwistjoni mhix kuntrarja għall-prinċipju ta’ ne bis in idem.

V –    Konklużjoni

108. Għar-raġunijiet esposti hawn fuq għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari mressqa minn Oberlandesgericht ta’ Innsbruck:

“Il-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 49 u 54 tat-TFUE, il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ ne bis in idem, tal-Artikolu 47, tal-Artikolu 48(2) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101/KE, tar-raba’ Direttiva 78/660/KEE u tal-ħdax-il Direttiva 89/666/KEE, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-każ li jiskadi t-terminu ta’ disa’ xhur previst għall-iżvelar tad-dokumenti tal-kontabbiltà quddiem il-qorti kompetenti, mingħajr il-possibbiltà preventiva li jkunu fformulati osservazzjonijiet u mingħajr ma ssir talba preventiva speċifika lill-kumpannija jew il-korpi li huma awtorizzati li jirrappreżentawha biex josservaw l-obbligu ta’ żvelar, tordna b’mod immedjat l-impożizzjoni mill-imsemmi qorti ta’ multa ekwivalenti għal EUR 700 fil-konfront tal-kumpannija u kwalunkwe korp awtorizzat li jirrappreżentaha, u fil-każ ta’ dewmien ulterjuri fl-osservazzjoni, għal kull perijodu ta’ xahrejn, tipprevedi l-impożizzjoni immedjata, kull darba, ta’ multi ulterjuri minimi ekwivalenti għal EUR 700 fil-konfront tal-istess suġġetti.”


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 –      L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 3).


3 –      Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).


4 –      Ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 17 Vol. 01 p. 21). Tali artikolu kien miżjud bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/46/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 224, p. 1).


5 –      Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (ĠU L 395, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 17 Vol 01 P. 100).


6 – Mid-Disa’ premessa tal-Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE jirriżulta li, fid-dawl tal-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tat-tfassil, il-verifika u l-iżvelar tad-dokumenti tal-kontijiet tal-kumpanniji, huwa biżżejjed li jiġu żvelati, fir-reġistru tal-fergħa, id-dokumenti tal-kontijiet kif ivverifikati u żvelati mill-kumpannija barranija li stabbilixxiet il-fergħa. F’dan ir-rigward, ara l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.


7 – Dan l-Artikolu kien emendat mill-Budgetbegleitgesetz tal-2011 (liġi li takkumpanja l-karta tal-bilanċ), BGBl. I 111/2010.


8 – Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li fil-passat, fil-qrati Awstrijaċi, li quddiemhom kienu jkunu ppreżentati r-reġistri, kienet ikkonsolidata l-prassi li tintbagħat lill-kumpannija li tkun qed twettaq ksur, mhux qabel xahar mill-iskadenza tat-terminu preskritt għall-iżvelar ta’ disa’ xhur, l-ewwel tfakkira informali, li fiha jingħata terminu ulterjuri ta’ erba’ ġimgħat. Wara li jgħaddi dan it-terminu mingħajr ma jkun hemm riżultati, tintbagħat it-tieni tfakkira sabiex ikunu ppreżentati d-dokumenti tal-kontabbiltà mhux iktar tard minn data speċifikata taħt piena ta’ multa. Il-qrati jistgħu jimponu multa fil-każ biss li ma jkun hemm ebda żvilupp wara t-tieni tfakkira.


9 –      Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58).


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1986, Asjes e a. (minn 209/84 sa 213/84, Ġabra p. 1425, punt 12) u tal-1°ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C‑213/04, Ġabra p. I-10309, punt 33).


11 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju  2008, ASM Brescia, (C-347/06 Ġabra. p. I-5641, punt 28) u tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et (minn C‑278/07 sa C‑280/07, Ġabra p. I‑457, punt 16).


12 –      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, Ġabra p. I-10055, punt 24).


13 – Ara, speċifikament, iktar ’il fuq, il-punt 12 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


14 – Ara l-Artikolu 1 tas-Seba’ Direttiva 83/349/KEE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


15 –      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou (C-81/09, Ġabra p. I‑10161, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Fir-rigward tal-idonejità tar-riferiment żbaljat għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għad-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Nilaş (C-248/11, punti 31 u 32).


16 – L-Artikolu 44(2)(g) KE u preċedentement, l-Artikolu 54(2)(g), tat-Trattat KE.


17 – ĠU tal-15 ta’ Jannar 1962, Nru 2, p 36. Ara, b’mod partikolari, it-titolu VI.


18 – Ara, b’mod partikolari, il-Kap 2 tad-Direttiva 2009/101/KE, it-Taqsima 10 tar-Raba’ Direttiva 78/660/KEE, kif ukoll il-Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE.


19 – Ara, b’mod partikolari, it-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 2009/101/KE, l-ewwel u s-Seba’ premessi tar-Raba’ Direttiva 78/660/KEE kif ukoll is-sitt u s-Seba’ premessi tal-Ħdax-il Direttiva 89/66/KEE. Fir-rigward tal-ewwel direttiva 68/151/KEE, irrevokata u ssostitwita bid-Direttiva 2009/101/KE, ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, Innoventif (C-453/04, Ġabra p. I‑4929, punt 3).


20 –      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punt 62).


21 –      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu (C‑97/96 Ġabra p. I‑6843, punt 22).


22 – Ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas, ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 1997 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-191/95, Ġabra 1998, p. I‑5449), kif ukoll il-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-istess Avukat Ġenerali ppreżentati fit-3 ta’ Lulju 1997 fil-Kawża Daihatsu, iċċitata fil-punt preċedenti.


23 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2009/101/KE, u l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva 89/666/KE. F’dan ir-rigward, ma nistax ma nosservax kif iċ-ċirkostanza li l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2009/101/KE — bħall-bqija tal-ewwel Direttiva 68/151/KEE preċedenti ssostitwita minnha — li timponi fuq l-Istati Membri li jadottaw sanzjonijiet adegwati minn tal-inqas għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà, turi kif il-leġiżlatur tal-Unjoni jattribwixxi importanza partikolari għall-osservazzjoni tal-obbligu ta’ żvelar ta’ tali dokumenti fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni oħra tal-kumpannija. F’dan is-sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), punt 27.


24 –      Ara s-sentenza Berlusconi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 64 u 65).


25 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C‑262/99, Ġabra p. I‑5547, punt 67); tad-29 ta’ Lulju 2010, Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski (C‑188/09, Ġabra. p. I‑7639, punt 29) u tad-9 ta’ Frar 2012, Márton Urbán (C-210/10, punt 23).


26 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p I‑2007, punt 86), u Márton Urbán (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 24).


27 – Ara s-sentenza Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 –      Sentenza tas-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, Ġabra p.  I‑10155, punt 63).


29 – Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-abbozz ta’ liġi governattiva, p.70 (tali dokument jista’ jkun ikkonsultat fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Awstrijak f’dan l-indirizz: www.parlament.gv.at/PAKT/VHG/XXIV/I/I_00981/fnameorig_201069.html). Waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijak afferma li qabel ir-riforma tal-2011, 37 % biss tal-impriżi kbar kienu jissodisfaw l-obbligi tal-iżvelar fiż-żmien preskritt. Mill-ispjegazzjonijiet iċċitati huwa ċar li, fid-dawl ta’ din id-data, il-gvern Awstrijak attwalment ikkunsidra li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ titqies li tonqos manifestament milli tissodisfa l-obbligu tagħha, skont id-dritt tal-UE, li tadotta miżuri adattati sabiex jiggarantixxu l-osservazzjoni tal-obbligi ta’ żvelar tal-kumpanniji.


30 – Ara d-deskrizzjoni tat-tali sistema iktar ’il fuq fil-paragrafu 12 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


31 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Idryma Typou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


32 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


33 – Ara, għal tip ta’ analiżi simili, is-sentenzi Innoventif (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 39), u tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C‑70/95, Ġabra p. I‑3395, punt 33).


34 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk) u tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I‑2213, punt 61).


35 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, Ġabra p. I-
8301 , punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


36 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, minn C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59), kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 50).


37 – Fl-aħħar nett, ara f’ordni kronoloġiku dixxendenti l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2012 fil-kawża Åkerberg Fransson, (C‑617/10, punti 25-65 u riferimenti oħra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4); tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, C‑489/10, punti 13-20); tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-5 ta’ April 2011 fil-kawża Scattolon (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, C‑108/10, Ġabra p. I-7491, punti 116-119), kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. et (C‑411/11 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punti 71‑81). Għal riferimenti għad-duttrina, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot imsemmija f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna.


38 –      Ara iktar ’il fuq, punti 4, 5 u 7.


39 – Għaldaqstant, dan il-każ huwa sostanzjalment differenti, u ċertament iktar problematiku minn dak tal-kawża Åkerberg Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37). Fil-fatt, id-direttiva rilevanti għal dan il-każ ma tipprevedix, bħal fil-kawża inkwistjoni, obbligu espliċitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet adegwati għall-ksur tal-obbligi previsti minnha, iżda, kif innutat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, hija limitata biex tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex isegwu b’mod effikaċi l-impożizzjoni ta’ multa (ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37). Għaldaqstant, filwaqt li fil-każ Åkerberg Fransson id-dritt nazzjonali kien sempliċement jintuża mill-għanijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, (ara b’mod partikolari l-punt 60 tal-konklużjonijiet iċċitati tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón,), f’dan il-każ, attività leġiżlattiva nazzjonali hija għall-kuntrarju ispirata direttament mid-dritt tal-Unjoni.


40 – Għaldaqstant, din is-sistema għandha, skont il-qorti tar-rinviju, tapplika kemm il-garanziji tad-dritt ċivili kif ukoll dawk tad-dritt kriminali previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.


41–      Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda, (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).


42 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Bonda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 36 et seq. Il-bżonn li tkun ikkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta mill-prinċipju ta’ omoġenejità li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tat-TUE u l-Artikolu 52(3) tal-ewwel sentenza tal-Karta. Ara l-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 u l-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk).


43 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Awla Manja) tat-8 ta’ Ġunju 1976 (Rikorsi Nri 5100/71, 5101/71, 5102/71, 5354/72, 5370/72, Serje A Nru 22, punti 80-82).


44 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Engel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 82); Öztürk vs Il-Ġermanja tal-21 ta’ Frar 1984 (Rikors Nru 8544/79, Serje A, Nru 73, punt 52) u Menarini vs L-Italia, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Rikors Nru 43509/08, punt 39).


45 – Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zolotukhin vs Ir-Russja (Awla Manja), tal-10 ta’ Frar 2009, (rikors Nru 14939/03, punti 52 u 53). Għal analiżi ddettaljata tal-elementi li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra fl-analiżi tat-tieni u t-tielet kriterji, ara l-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


46 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (Rikors Nru 73053/07, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk). Ara wkoll is-sentenzi Menarini (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 38), u Zolotukhin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 52).


47 – Madankollu, għandna nosservaw li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (OGH) tal-Awstrija, li Texdata għamlet riferiment għalih waqt is-seduta, li din il-qorti suprema Awstrijaka b’mod kostanti tenniet li l-multi imposti skont l-Artikolu 283 tal-UGB ma humiex ta’ natura kriminali skont is-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Tali ġurisprudenza kienet ikkonfermata diversi drabi anki wara r-riforma tal-2011 (ara OGH, sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2012, Kawża 6Ob152/12i, punt 4, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Kawża 6Ob17/12m, punt 2). Għaldaqstant, b’mod ċar jirriżulta li t-teżi sostnuta minn Texdata waqt is-seduta, li tgħid li mill-ġurisprudenza tal-OGH tiddeduċi li s-sistema ta’ sanzjonijiet skont l-Artikolu 283 tal-UGB għandha natura kriminali, hija mingħajr bażi.


48 –      Fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li dispożizzjoni hija indirizzata għal kulħadd u mhux għal grupp biss li għandu status iddeterminat tikkorrobora man-natura kriminali tas-sanzjoni. Ara s-sentenza Öztürk (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-bqija, ikkunsidrat ukoll dan l-element, kif jidher mill-punt 40 tas-sentenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).


49 – Il-valuri u l-interessi tal-leġiżlazzjoni rilevanti għall-proċedura prinċipali jidhirli li b’mod ġenerali tappartjeni iktar lill-kuntest tad-dritt ċivili jew amministrattiv milli d-dritt kriminali. Madanakollu, għandna nosservaw li mhux eskluż li b’relazzjoni mal-ksur tal-obbligazzjoni relatati mad-dokumenti tal-kontabbiltà tal-kumpanniji, se jkunu previsti sanzjonijiet kriminali. Biżżejjed naħsbu fir-reat ta’ komunikazzjoni falza tal-kumpanniji previst fl-Artikoli 2621 u 2622 tad-Kodiċi Ċivili Taljan, is-suġġett tad-domanda preliminari tas-sentenza Berlusconi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).


50 –      Fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, in-natura kriminali hija miċħuda meta s-sanzjoni tfittex biss li tikkumpensa dannu patrimonjali. Ara s-sentenza Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 38).


51 – Minn din il-perspettiva, is-sanzjonijiet previsti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma differenti mit-taxxi (surcharge) suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kienet attribbwixxiet natura kriminali, peress li dawn ma jimmirawx għal risarċiment finanzjarju, għalkemm dawn kienu maħsuba bħala multa intiża biex tipprevjeni repetizzjoni. Ara s-sentenza Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 38).


52 – Il-qorti suprema tal-Awstrija ttenni fil-fatt li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni sservi mhux biex tirregola mġiba projbita, iżda pjuttost għall-korrezzjoni ta’ mġiba preskritta ġuridikament (ara b’mod partikolari l-punt 2 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, kif ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Kawża 6Ob23511v, speċjalment il-punt 4, fejn l-OGH tispjega l-motivi għaliex is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni ma għandhiex natura ripressiva.


53 – Abbażi ta’ dan ir-raġunament, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-għan ripressiv tas-sanzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża. Ara l-punti 39 sa 42 tas-sentenza Bonda, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).


54 – Ara, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zolotoukhin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 56).


55 – Għaldaqstant insaħħaħ id-dubji fuq il-fatt li multa ta’ din l-entità tista’ tkun ikkwalifikata bħala “konsiderevoli” fid-daw tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet li n-natura minuri tar-reat ma hijiex deċiżiva biex iċċaħħad att illegali min-natura kriminali proprja (sentenzi Öztürk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  44, punt 54 u Jussila, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 35), tali Qorti f’xi każijiet ikkunsidrat li ċ-ċirkostanza li multa ta’ ammont konsiderevoli tikkostitwixxi element li, filwaqt li jindika s-severità tagħha, tikkontribwixxi sabiex tiddetermina n-natura kriminali tagħha. Ara s-sentenzi, Bendenoun vs Franza, tal-24 ta’ Frar 1994 (Rikors Nru 12547/86, Serie A Nru 284, punt 47) u Menarini, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 42). F’dan ir-rigward, jidher anki mill-punti 9 u 10, kif ukoll l-opinjoni differenti tal-imħallfin Costa, Cabral Barreto, Mularoni u Caflisch fis-sentenza Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna  46).


56 – Fil-fatt, skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 283 tal-UGB, il-multi imposti fil-proċedura ordinarja kif ukoll dawk ulterjuri f’każ ta’ ksur kontinwu żdiedu bi tliet jew sitt darbiet iktar għall-impriżi ta’ daqs medju jew kbir, rispettivament. Dan ifisser li fil-każ ta’ impożizzjoni ripetuta ta’ multa multiplikata, fuq persuni li jokkupaw karigi fil-korpi ta’ kumpanniji ta’ daqs medju jew kbir, l-ammont totali tal-multa jista’ jilħaq ammont konsiderevoli għal dawn il-persuni.


57 – Fuq ir-rilevanza tal-influwenzi li jista’ jkollhom impatt, ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 43.


58 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 43; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2011 fil-kawża KME (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, C-272/09 P, Ġabra p. I‑12789).


59 – Ara l-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħi ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 fil-kawża DEB (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, C-279/09, Ġabra p I-13849).


60–       Sentenza Unibet, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61 – Ara s-sentenzi Unibet (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-8 ta’ Lulju 2010; Bulicke (C‑246/09, Ġabra p. I-7003, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Alassini et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 47).


62 – Ara s-sentenzi Unibet (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 43 u l-ġurisprudenza iċċitata hawnhekk), kif ukoll Bulicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


63 – Sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C-63/08, Ġabra p.. I-10467, punt 47), kif ukoll Bulicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


64 – Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet diversi drabi dawn il-prinċipji. B’mod partikolari, dan huwa evidenti fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk); ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21), kif ukoll reċentement il-paragrafu 60 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2012, relatati mal-kawża ZZ (C-300/11 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


65 –      Sentenza Bulicke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


66 – Jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-gvern Awstrijak li, fil-prinċipju, il-miżura ta’ sanzjoni fil-prattika hija akkumpanjata minn formularju ta’ appell li jissimplifika l-preżentazzjoni tal-appell u li jinkludi anki taqsima speċifika għall-indikazzjoni tal-motivi tar-rikors.


67 – Jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak li, fid-dritt Awstrijak, din iċ-ċaħda tat-termini hija possibbli abbażi tal-kombinazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati fl-Artikolu 283 tal-UGB, fil-każ biss li avveniment previst u irreżistibbli jkun impedixxa l-preżentazzjoni ta’ rikors tat-termini.


68 – Il-qorti tar-rinviju tipproduċi evidenza wkoll li l-miżura li timponi multa ma tindikax il-konsegwenzi ġuridiċi taċ-ċaħda tar-rikors tard jew mingħajr motivazzjoni, u lanqas il-preklużjoni ta’ motivi ġodda mhux invokati. F’dan ir-rigward, nosserva li, filwaqt li ma jirriżultax divjet ex lege jekk insemmu dawn l-elementi, xejn ma jimpedixxi lill-qrati nazzjonali li jsemmuhom fil-miżura li timponi l-multa. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li tali ċirkustanza lanqas ma tikkomprometti l-effettività tal-appell.


69 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punti 40, 41 u 43, u tat-12 ta’ Mejju 2010, Kammerer vs l-Awstrija (Rikors Nru 32435/06, punti 23 u 24).


70 – Ara s-sentenzi Alassini et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 63), u tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency Ltd (C-619/10, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


71 – Taħt dan it-tip ta’ garanzija, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tammetti l-possibbiltà li jkun hemm deroga mill-garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Belilos vs Svizzera, tad-29 ta’ April 1988 (Serje A Nru 132, punt 68); Jussila (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 43 fl-aħħar), u Menarini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 58). Ara wkoll il-punt 67 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Sharpston relatati mal-kawża KME (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58).


72 – Inkwantu għall-ġustifikazzjoni ppreżentata minn Texdata u riprodotta mill-qorti tar-rinviju, li skontha hija ma kinetx taf dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 283 tal-UGB, nosserva, min-naħa, li mhux irraġonevoli li nippretendu li kumpanniji barranin ikollhom għarfien tad-dritt tal-Istat Membru li fih għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, u min-naħa l-oħra li, fi kwalunkwe każ, l-obbligi ta’ żvelar tad-dokumenti tal-kumpannija fir-rigward tal-kumpanniji u b’mod partikolari tal-fergħat, kif ukoll il-previżjoni tas-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ żvelar jeżistu fl-Istati Membri u jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li ilu li stabbilixxiehom diġà iktar minn għoxrin sena.


73 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 40).


74 – Għall-analiżi tal-iżvilupp ta’ dan il-prinċipju fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Toshiba (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, C-17/10), punti 115 et seq, kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Åklagaren Fransson (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 88 et seq). B’mod partikolari, il-każijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni fil-livell nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak tal-kawża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-konċessjoni estensiva tat-tali prinċipji li tmur lil hinn mir-rekwiżit tal-identità tas-suġġett ġuridiku u tibbaża ruħha esklużivament fuq ir-rekwiżit tal-identità tal-fatti materjali, maħsuba bħala eżistenza ta’ għadd ta’ ċirkustanzi konkreti marbuta inseparabbilment bejniethom, li neċessarjament timplika l-identità ta’ min jagħmel il-ksur. F’dan ir-rigward ara speċifikament il-punt 91 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Åklagaren Fransson iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punti 122 u 124 tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba iċċitata f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna. Tali interpretazzjoni hija dik adottata wkoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Zolotukhin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45) u b’mod partikolari l-punt 82.


75 – Ir-responsabbiltà tal-membri tal-korpi tal-amministrazzjoni, ġestjoni u kontroll tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju mill-bqija tirriżulta mill-Artikoli 50(b) u (c) tar-Raba’ Direttiva 78/660/KEE.


76 – Din il-pożizzjoni hija konformi ma’ dik adottata mill-Qorti Suprema tal-Awstrija (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 3). Ċertament, kif osservat mill-Kummissjoni, huwa possibbli li f’każijiet partikolari, bħal pereżempju dak ta’ kumpannija magħmula minn persuna waħda, l-istess persuna tkun issanzjonata darbtejn bħala membru ta’ korp tal-kumpannija u bħala soċju uniku. F’każijiet partikolari ta’ dan it-tip, huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta l-Artikolu  283 tal-UGB b’mod li jikkonforma mal-prinċipju ta’ ne bis in idem.


77 – Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li fil-ġurisprudenza Awstrijaka mhux meqjus bħala ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem meta l-perijodi ta’ ksur distinti huma delimitati b’mod ċar fiż-żmien u li, għaldaqstant, is-sanzjonijiet differenti jirreferu għal perijodi differenti. Dan jidher b’mod partikolari mis-sentenzi tal-OGH tal-21 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawżi 6Ob235/11v, 6Ob17/12m u 6Ob152/12i, kif ukoll mill-punt 8 tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47).


78 – Min-naħa l-oħra, naqbel mal-Gvern tal-Awstrija meta osserva li l-projbizzjoni ta’ repetizzjoni tas-sanzjoni minħabba persistenza ta’ nuqqas ta’ żvelar f’perijodu speċifikat b’mod ċar, jista’ jippermetti lil impriża li ma osservatx l-obbligu ta’ żvelar li tħallas il-multa mingħajr ma, ladarba l-multa tkun tħallset, tosserva l-obbligu.