Language of document : ECLI:EU:C:2013:588

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2013 (*)

“Dritt tal-kumpanniji — Libertà ta’ stabbiliment — Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE — Żvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà — Fergħa ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru ieħor — Sanzjoni pekunjarja fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar fit-terminu previst — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża — Natura adatta, effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni”

Fil-Kawża C‑418/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Texdata Software GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Texdata Software GmbH, minn N. Arnold u T. Raubal, avukati,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u F. Koppensteiner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (3) TUE, tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, tal-Artikoli 47 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikolu 6 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), tal-Artikolu 60a tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat u dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata mid-Direttiva 2009/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 164, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 38(6) tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58, iktar ’il quddiem is-“Seba’ Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Texdata Software GmbH (iktar ’il quddiem “Texdata”) intiż li jikkontesta l-multi li ġew imposti mil-Landesgericht Innsbruck (qorti tal-ewwel istanza ta’ Innsbruck) bħala sanzjoni għan-nuqqas tagħha li tippreżenta kontijiet annwali quddiem din il-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 6 tal-KEDB, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjetà demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk jeħtieġu, jew sa fejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f’ċirkustanzi speċjali meta l-pubbliċità tista’ tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja.

2.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-Ewwel Direttiva u d-Direttiva 2009/101/KE

4        L-Ewwel Direttiva ġiet revokata mid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, p. 11), b’effett mill-21 ta’ Ottubru 2009.

5        L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2009/101 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-iżvelar obbligatorju tal-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jkun jikkonċerna mill-inqas id-dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ kull sena finanzjarja li fir-rigward tagħha l-iżvelar huwa obbligatorju skont, b’mod partikolari, ir-Raba’ u s-Seba’ Direttivi.

6        L-Artikolu 7(a) tal-imsemmija direttiva, li huwa mfassal bi kliem identiku għal dak tal-Artikolu 6(a) tal-Ewwel Direttiva, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet xierqa mill-inqas fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà kif ipprovdut fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2009/101.

 Ir-Raba’ Direttiva

7        Skont l-Artikolu 47 tar-Raba’ Direttiva, il-kontijiet annwali regolarment approvati u r-rapport ta’ ġestjoni kif ukoll ir-rapport stabbilit mill-persuna inkarigata mill-kontroll tal-kontabbiltà għandhom ikunu suġġett għal żvelar li jsir skont il-modi previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva.

8        L-Artikolu 60a tar-Raba’ Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għal nuqqasijiet ta' disposizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jassiguraw li dawn ikunu infurzati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Il-Ħdax-il Direttiva 89/666/KEE

9        Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 100, iktar ’il quddiem il-“Ħdax-il Direttiva”), tikkonċerna l-fergħat tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju. Skont l-ewwel, ir-raba’ u d-disa’ premessi:

“[...] Billi sabiex jitħaffef l-eżerċizzju tal-libertà ta’ l-istabbiliment rigward il-kumpanniji koperti bl-Artikolu 58 tat-Trattat, l-Artikolu 54(3)(ġ) u l-programm ġenerali dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ l-istabbiliment jeħtieġu l-kordinament tas-salvagwardji meħtieġa mill-kumpanniji u mid-ditti fl-Istati Membri għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri u ta’ oħrajn;

[...]

[...]Billi fir-rigward ta’ friegħi, in-nuqqas ta’ kordinament, b’mod partikolari dwar iżvelar, jagħti lok għal uħud mid-disparitajiet, fil-protezzjoni ta’ l-azzjonisti u partijiet terzi, bejn il-kumpanniji li joperaw fi Stati Membri oħra bil-ftuħ ta’ friegħi u dawk li joperaw hemmhekk billi joħolqu sussidjarji;

[...]

[...] Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar tad-dokumenti tal-kontijiet li jlollhom x’jaqsmu ma’ fergħa ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati iktar wara l-kordinament tal-liġijiet nazzjonali rigward it-tfassil, il-verifika u l-iżvelar tad-dokumenti tal-kontijiet tal-kumpanniji; billi huwa għalhekk biżżejjed li jiġu żvelati, fir-reġistru tal-fergħa, id-dokumenti tal-kontijiet kif ivverifikati u żvelati mill-kumpannija”.

10      L-Artikolu 1(1) u (2) tal-Ħdax-il Direttiva jipprovdi kif ġej:

“1.      Id-dokumenti u l-partikolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ fergħa miftuħa fi Stat Membru minn kumpannija li hija rregolata bil-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor u li għalihom tapplika d-Direttiva 68/151/KEE għandhom jiġu żvelati skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru tal-fergħa, skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.

2.      Meta l-ħtiġiet ta’ l-iżvelar rigward il-fergħa jiddifferixxu minn dawk rigward il-kumpannija, il-ħtiġiet ta’ l-iżvelar rigward il-fergħa, il-ħtiġiet ta’ l-iżvelar tal-fergħa għandhom jieħdu preċedenza rigward it-transazzjonijiet imwettqa mal-fergħa.”

11      Skont l-Artikolu 2(1)(g) flimkien mal-Artikolu 3 tal-Ħdax-il Direttiva, l-obbligu ta’ żvelar imsemmi fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna biss id-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-kumpannija kif imfassla, ikkontrollati u ppubblikati skont id-dritt tal-Istat Membru li tagħmel parti minnu l-kumpannija, flimkien, b’mod partikolari, mar-Raba’ u mas-Seba’ Direttiva.

12      L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar tal-materiji ddikjarati fl-Artikoli 1,2, 3 [...]”.

 Id-dritt Awstrijak

13      Skont l-Artikolu 277(1) tal-Kodiċi Kummerċjali (Unternehmensgesetzbuch, dRBl 219/1897), fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UGB”), ir-rappreżentanti legali tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju għandhom jippreżentaw quddiem il-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-impriżi tas-sede tal-kumpanniji, il-kontijiet annwali u rapport dwar il-ġestjoni, kif ukoll, skont il-każ, ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-kumpannija, wara l-eżami tagħhom waqt assemblea ġenerali u, mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-karta tal-bilanċ, flimkien ma’ rapport ta’ awditur li jiċċertifikahom jew rapport li jiċħadhom jew jiċċertifikahom bi kwalifika.

14      L-Artikolu 280a tal-UGB, intitolat “Żvelar tal-kumpanniji b’kapital barrani”, jipprovdi li r-rappreżentanti tal-fergħat tal-kumpanniji b’kapital barrani għandhom jippubblikaw, bil-Ġermaniż, id-dokumenti mfassla, ivverifikati u ppubblikati skont id-dritt applikabbli fis-sede prinċipali tal-kumpannija, skont l-Artikoli 277, 281 u 282 tal-UGB.

15      L-Artikolu 283 tal-UGB, intitolat “Multi”, kif emendat bil-liġi li takkumpanja lill-baġit tal-2011 (Budgetbegleitgesetz, BGBl I 111/2010, iktar ’il quddiem il-“BBG”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt kummerċjali, il-membri tal-kunsill tal-amministrazzjoni jew il-likwidaturi għandhom josservaw, fiż-żmien stabbilit, l-Artikoli  [...] 277 sa 280, il-membri tal-kunsill tal-osservanza għandhom josservaw l-Artikolu 270 u, f’każ ta’ fergħa nazzjonali ta’ kumpannija b’kapital barrani, il-persuni li huma kompetenti sabiex jirrappreżentawha għandhom josservaw l-Artikolu 280a, taħt piena li jiġu kkundannati mill-qorti għall-multa bejn EUR 700 u EUR 3 600. Il-multa għandha tingħata fl-iskadenza tat-terminu impost għall-iżvelar. Hija għandha tiġi imposta kull xahrejn sa fejn il-korpi ċċitati iktar ’il fuq ma jkunux issodisfaw l-obbligi tagħhom.

2.      Jekk l-iżvelar previst fil-paragrafu 1 ma jkunx sar qabel l-aħħar jum tat-terminu impost, u sa fejn l-iżvelar ma jkunx wasal quddiem il-qorti qabel il-jum qabel l-adozzjoni tad-digriet li jimponi l-multa, għandha tiġi imposta, mingħajr proċedura preliminari, multa ta’ EUR 700 permezz ta’ digriet. L-applikazzjoni ta’ tali miżura ma hijiex neċessarja meta avveniment imprevist u irresistibbli jkun manifestament ipprekluda l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 milli jwettaq l-iżvelar fi żmien xieraq. F’dan il-każ, u sa fejn l-iżvelar ma jkunx għadu seħħ, id-digriet jiġi sospiż matul erba’ ġimgħat wara tmiem l-avveniment li pprekluda l-iżvelar. Id-digrieti li jimponu multa għandhom jiġu nnotifikati bħala rikorsi. Il-korp ikkonċernat għandu terminu ta’ erbatax-il jum sabiex jikkontesta d-digriet li, fil-każ kuntrarju, isir definittiv. Ir-rikors għandu jistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ineżekuzzjoni tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1. Tista’ tingħata restitutio in integrum fil-każ ta’ skadenza tat-terminu tar-rikors [...]. Jekk ir-rikors huwa tardiv jew nieqes minn kull motivazzjoni, huwa għandu jiġi miċħud permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Il-preżentata, f’terminu xieraq, ta’ rikors immotivat irendi d-digriet li jistabbilixxi multa bħala inapplikabbli. L-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja għandha tiġi ddeterminata skont proċedura ordinarja, permezz ta’ deċiżjoni. Jekk ma jkunx neċessarju li tingħalaq il-proċedura, sanzjoni pekunjarja ta’ bejn EUR 700 u EUR 3 600 tista’ tiġi imposta mingħajr notifika preliminari. Il-korp ikkonċernat għandu jkollu l-opportunità li jappella kontra l-impożizzjoni tas-sanzjoni pekunjarja skont il-proċedura ordinarja. [...].

4.      Jekk l-iżvelar ma jkunx għadu sar fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tal-aħħar jum tat-terminu previst, hemm lok li tiġi applikata multa ġdida ta’ EUR 700. Jekk in-nuqqas ta’ żvelar jissokta, l-ordni għandha tiġi ripetuta kull perijodu sussegwenti ta’ xahrejn, jekk issir oġġezzjoni fir-rigward ta’ tali ordni, id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni pekunjarja għandha tiġi ppubblikata.

[...]

6.      Il-multi għandhom ukoll jiġu likwidati meta l-persuni ssanzjonati jkunu ssodisfaw l-obbligu tagħhom jew inkella meta t-twettiq ta’ tali obbligu jkun sar impossibbli.

7.      L-obbligi imposti fuq ir-rappreżentanti legali skont l-Artikoli [...] 277 sa 280 a għandhom japplikaw ukoll għall-kumpannija. Jekk kumpannija tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha permezz tal-korpi tagħha, il-kumpannija stess għandha tkun ordnata simultanjament tħallas is-sanzjoni pekunjarja b’analoġija mal-paragrafi 1 sa 6.”

16      Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-emenda tal-Artikolu 283 tal-UGB, dan l-artikolu, kif emendat mill-BBG, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011 u seta’ biss jiġi applikat għall-ksur li seħħ wara din id-data. Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet tal-proġett governattiv tal-BBG jirriżulta li, fil-każ fejn obbligu ta’ żvelar ma jkunx ġie ssodisfatt mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta’ Frar 2011 inkluż, setgħet tinbeda proċedura ta’ multa mhux qabel mill-1 ta’ Marzu 2011 u biss permezz ta’ digriet.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Texdata, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja, tikkummerċjalizza u toħloq software. Hija terżerċita l-attivitajiet tagħha fl-Awstrija permezz ta’ fergħa li ilha rreġistrata mill-4 ta’ Marzu 2008 fir-reġistru Awstrijak tal-kumpanniji bħala fergħa ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

18      Permezz ta’ żewġ digrieti tal-5 ta’ Mejju 2011, il-Landesgericht Innsbruck imponiet, skont l-Artikolu 283(2) tal-UGB, kif emendat mill-BBG, żewġ multi fl-ammont ta’ EUR 700 kull waħda kontra l-imsemmija kumpannija, abbażi tal-fatt li Texdata naqset milli tippreżenta l-kontijiet annwali fir-rigward ta’ żewġ snin finanzjarji, li għalqu fil-31 ta’ Diċembru 2008 u fil-31 ta’ Diċembru 2009 rispettivament. fit-terminu previst, jiġifieri, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji, jew qabel it-28 ta’ Frar 2011, jew inkella fil-jum qabel ma ġew deċiżi dawn id-digrieti.

19      Fit-23 ta’ Mejju 2011, Texdata ppreżentat, fit-terminu previst, quddiem l-istess qorti, żewġ rikorsi kontra l-imsemmija digrieti. Insostenn tar-rikorsi tagħha, hija sostniet, minn naħa li, fin-nuqqas ta’ intimazzjoni preliminari, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni għall-ksur tal-obbligu ta’ żvelar msemmi fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendat mill-BBG, kienet illegali u li, min-naħa l-oħra, il-kontijiet annwali kienu ġew ippreżentati fit-termini previsti quddiem l-Amtsgericht Karlsruhe (il-Ġermanja), li kellha ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sede legali tal-kumpannija, u li kienu ilhom aċċessibbli permezz tat-trażmissjoni elettronika tad-data ta’ din l-aħħar qorti.

20      Fl-istess jum, Texdata ddepożitat il-kontijiet annwali inkwistjoni quddiem il-Landesgericht Innsbruck li rreġistrathom fir-reġistru tal-kumpanniji fil-25 u fis-26 ta’ Mejju 2011.

21      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-25 ta’ Mejju 2011, l-imsemmija qorti ddeċidiet li trendi inapplikabbli d-digrieti adottati fil-5 ta’ Mejju 2011 peress li r-rikorsi kienu ġew ippreżentati fit-terminu previst. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-kontijiet annwali inkwistjoni kienu ġew iddepożitati wara l-iskadenza tat-terminu previst, din l-istess qorti imponiet mill-ġdid, fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja, żewġ multi tal-istess ammont, abbażi tal-Artikolu 283(3) u (7) tal-UGB, kif emendat mill-BBG.

22      Peress li ġie ppreżentat appell quddiemha minn Texdata kontra l-imsemmija deċiżjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet Awstrijaka, li tirriżulta mill-emendi introdotti fl-2011 u li tipprovdi multa imposta b’mod immedjat lil kumpannija li tonqos milli tiddepożita l-kontijiet annwali tagħha quddiem il-qorti kompetenti, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

23      L-imsemmija qorti tirrileva li, qabel il-bidla tal-2011, kienet ġiet stabbilita fost il-qrati Awstrijaċi marbuta li jżommu reġistru kummerċjali l-prassi li, mid-dekorriment tat-terminu ta’ disa’ xhur previst fl-Artikoli 277 u 283 tal-UGB, kienet tiġi indirizzata intimazzjoni informali lill-kumpannija inadempjenti li tawtorizza terminu addizzjonali ta’ erba’ ġimgħat. Fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, f’każ li tali nuqqas kien għadu preżenti, kienet tiġi indirizzata intimazzjoni għat-tieni darba, taħt piena ta’ multa, sabiex jiġu ppreżentati l-kontijiet annwali kollha fi żmien determinat jew sabiex jintwera li tali obbligu ma kienx japplika. Huwa biss f’każ li t-tieni intimazzjoni ma kinitx tipproduċi riżultat u ma kien ikun hemm ebda ostakolu għall-eżekuzzjoni tal-iżvelar li l-qrati kienu jimponu sanzjonijiet perijodiċi.

24      Il-qorti tar-rinviju tinvoka l-elementi segwenti li hija tikkunsidra bħala “difetti strutturali” inerenti fil-proċedura nazzjonali: l-ewwel nett, ir-rekwiżiti formali eċċessivi sa fejn oġġezzjonijiet li huma sottomessi tardivament jew li ma jipprovdu ebda raġunijiet jiġu sempliċement miċħuda u motivi ġodda fl-istadju tal-appell ma jkunux ammissibbli, għajr meta l-ommissjoni tkun skużabbli; it-tieni nett, in-nuqqas ta’ garanzija li ser tinżamm seduta, it-tielet nett, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-impossibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet qabel ma tiġi applikata l-multa, ir-raba’ nett, ir-rikors ikollu preżunzjoni legali ta’ responsabbiltà li għandha bħala konsegwenza li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq il-kumpannija, il-ħames nett, it-termini ta’ dekadenza irraġonevoli u n-nuqqas ta’ intimazzjoni preliminari li jkollu bħala konsegwenza n-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, kif ukoll, is-sitt nett, il-fatt li multi ġodda jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ nuqqas kontinwu mingħajr ma d-deċiżjonijiet ta’ multi inizjali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

[a)]      id-dritt ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikoli 49 u 54 TFUE;

[b)]      il-prinċipju ġenerali tad-dritt (Artikolu 6(3) TUE) għal protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva (prinċipju ta’ effettività);

[c)]      il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [Artikolu 6(1) TUE] u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [Artikolu 6(1) TUE];

[d)]      il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jew

[e)]      ir-regoli marbuta mas-sanzjonijiet fil-proċedura ta’ pubblikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6 [tal-Ewwel Direttiva], fl-Artikolu 60a [tar-Raba’ Direttiva] u fl-Artikolu 38(6) [tas-Seba’ Direttiva],

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ tal-iskadenza tat-terminu legali ta’ disa’ xhur previst għat-tfassil u l-iżvelar tal-kontijiet annwali lill-qorti kompetenti fil-qasam tar-reġistru tal-kumpanniji, tobbliga lil din tal-aħħar, minn naħa, tapplika immedjatament multa minima ta’ EUR 700 fuq il-kumpannija u fuq kull korp awtorizzat li jirrappreżentaha minħabba li, salv prova kuntrarja, in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni huwa imputabbli lilhom, u min-naħa l-oħra, tapplika immedjatament fuq il-kumpannija u fuq kull korp awtorizzat li jirrappreżentaha multa ġdida minima ta’ EUR 700 għal kull nuqqas sussegwenti ta’ perijodu ta’ xahrejn, abbażi tal-istess preżunzjoni ta’ responsabbiltà,

–        mingħajr ma tagħtihom minn qabel il-possibbiltà li jesprimu ruħhom fuq l-eżistenza tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni u li jinvokaw l-ostakoli possibbli għal tali pubblikazzjoni, u b’mod partikolari, mingħajr verifika minn qabel dwar jekk dawn il-kontijiet annwali kinux effettivament diġà ppreżentati quddiem il-qorti responsabbli mir-reġistru tal-post fejn jinsab l-istbabbiliment prinċipali;

–        mingħajr ma ssir talba individwali minn qabel lill-kumpannija jew lill-korpi awtorizzati li jirrappreżentawha sabiex josservaw l-obbligu ta’ pubblikazzjoni?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

26      L-ewwel nett, il-Gvern Awstrijak jinvoka l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali hija esposta mill-qorti tar-rinviju b’mod ineżatt, b’mod li jidher ftit probabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti risposta utli u mhux purament ipotetika lid-domandi magħmula.

27      Barra minn hekk, skont il-Gvern Awstrijak, mill-imsemmija talba, b’mod partikolari, mill-aspetti tad-domanda relatati mal-prinċipju ta’ effettività jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta d-dritt nazzjonali. Madankollu, huma esklużivament il-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tissodisfax konkretament ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ekwivalenza u ta’ effettività.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata, skont ġurisprudenza stabbilita, fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija f’dan l-artikolu. F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom tal-qorti nazzjonali hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punt 25; tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C‑515/08, Ġabra p. I‑9133, punt 18, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C‑81/09, Ġabra p. I‑10161, punt 35).

29      Minn dan isegwi li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u regolamentari li jagħmlu parti minnu d-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 48). Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa’ l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka kif tirriżulta mid-domanda preliminari u li tikkostitwixxi l-premessa tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fir-rigward tal-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kliem tagħha stess jirriżulta li d-domanda preliminari titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

31      It-tieni nett, il-Gvern tar-Renju Unit, mingħajr ma jqajjem espliċitament l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, josserva li ċerti partijiet tad-domanda preliminari ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, għax jirreferi għal direttivi li ma humiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni, jew peress li jikkonċernaw sitwazzjonijiet li ma humiex prodotti fil-kawża prinċipali.

32      B’mod partikolari, l-imsemmi gvern isostni, minn naħa, li l-Ewwel u s-Seba’ Direttivi ma humiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali filwaqt li l-Ħdax-il Direttiva, li ma hijiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju, hija applikabbli.

33      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka li jipprovdu l-possibbiltà kemm li jiġu applikati multi kontra l-kumpanniji u l-organi ta’ rappreżentazzjoni tagħha, kif ukoll li jiġu imposti multi ġodda fi tmiem kull perijodu ta’ xahrejn fil-każ ta’ nuqqas kontinwu, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn huma inapplikabbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

34      Il-Gvern tar-Renju Unit għandu dubji dwar il-possibbiltà li tiġi applikata, b’mod retroattiv, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2011 għan-nuqqas tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-kompiti għas-snin finanzjarji li għalqu fl-31 ta’ Diċembru 2008 u fil-31 ta’ Diċembru 2009 rispettivament.

35      Fir-rigward tar-rilevanza tad-dispożizzjonijiet invokati, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk hija rreferitx għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C 152/03, Ġabra p. I 1711, punt 29; tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C 307/09 sa C 309/09, Ġabra p. I 453, punt 22, kif ukoll tat-22 ta’ Marzu 2012, Nilaş et, C 248/11, punt 31). F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C 115/08, Ġabra p. I 10265, punt 81, u Idryma Typou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

36      Għaldaqstant, l-ewwel argument tal-Gvern tar-Renju Unit ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

37      Fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ipotetiċi, għandu jiġi rrilevat li l-elementi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali deskritti fil-punt 33 tas-sentenza preżenti ġew invokati mill-qorti tar-rinviju b’mod partikolari sabiex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mal-prinċipju ne bis in idem.

38      Dan il-prinċipju jipprovi li ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza penali definittiva skont il-liġi.

39      Kif jirriżulta mill-fatti deskritti fil-qosor fil-punti 18 sa 21 tas-sentenza preżenti u kkonfermati minn Texdata u l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, il-kumpannija ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ żewġ multi li jikkonċernaw żewġ perijodi differenti, jiġifieri, is-snin 2008 u 2009. Peress li Texdata ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ żvelar ftit wara l-adozzjoni tad-digrieti kkontestati, ma hemmx multiplikazzjoni tal-multi għal dawn l-istess perijodi.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-punt (d) tad-domanda magħmula dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem huwa inammissibbli.

41      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-allegata applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ratione temporis tikkostitwixxi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għalhekk ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C 467/08, Ġabra p. I 10055, punt 24).

42      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija ammissibbli, bl-eċċezzjoni tal-punt (d), li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem.

Fuq id-domanda preliminari

 Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli

43      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttivi li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tar-rinviju japplikawx f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha fergħa li tinsab fl-Awstrija ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fil-Ġermanja naqsitx mill-obbligu tagħha li tippubblika l-kontijiet annwali tagħha fi tmiem is-snin finanzjarji tal-2008 u l-2009.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali sitwazzjoni hija speċifikament irregolata mill-ħdax-il direttiva, u b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tagħha li jipprovdi, essenzjalment, li l-atti ta’ fergħa bħal dik fil-kawża prinċipali għandhom jiġu żvelati skont id-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab il-fergħa, u bl-Artikolu 12 tiegħu, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet xierqa f’każ ta’ nuqqas tal-iżvelar previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

45      Fid-dawl tan-natura speċifika tal-imsemmija dispożizzjonijiet meta mqabbla mal-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jitqies li din il-kawża hija rregolata mill-istess dispożizzjonijiet, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101 kif ukoll mir-raba’ u mis-seba’ direttiva li jipprovdu, b’mod ċar, ukoll obbligi ta’ żvelar iżda li ma jikkonċernawx ukoll speċifikament sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li tfittex, essenzjalment, li tingħata risposta dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjara effettiva u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll l-Artikolu 12 tal-ħdax-il direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, fil-każ tal-iskadenza tal-perijodu ta’ disa’ xhur previst għall-iżvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà, għandhiex tiġi imposta multa minima ta’ EUR 700 immedjatament fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju li fergħa tagħha tkun tinsab fl-Istat Membru kkonċernat, u mingħajr ma tiġi indirizzata lil tali kumpannija ittra ta’ intimazzjoni minn qabel u mingħajr ma’ tingħata l-possibbiltà li tesprimi ruħha fuq in-nuqqas allegat.

47      Peress li s-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiża li tissanzjona l-ksur tal-obbligu tal-fergħat tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju barranin milli jiżvelaw il-kontijiet annwali tagħhom, obbligu li huwa armonizzat permezz tal-ħdax-il direttiva, għandha l-ewwel nett, tingħata risposta għad-domanda (e), dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva. It-tieni nett, huwa neċessarju li tiġi eżaminata d-domanda (a), jiġifieri jekk l-imsemmija sistema tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment kif prevista fl-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE. It-tielet nett, għandha tingħata risposta għall-punti (b) u (c) tad-domanda dwar l-applikabbiltà u l-ksur possibbli tal-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjara effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-Ħdax-il Direttiva

48      L-iżvelar tal-fergħat maħluqa fi Stat Membru minn kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru ieħor huwa impost mill-Artikolu 1 tal-Ħdax-il Direttiva. Dan l-obbligu huwa traspost fid-dritt Awstrijak bis-saħħa tal-Artikoli 277(1) u 280a tal-UGB.

49      Skont l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw sanzjonijiet xierqa li jkunu applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà. Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tinkludix regoli iktar preċiżi fir-rigward tal-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali u ma tistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet.

50      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li, filwaqt li għandhom diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun ippenalizzat b’sanzjonijiet ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 65).

51      Il-Qorti ddeċidiet b’mod partikolari li l-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept, C‑81/12, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, il-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p. I‑2007, punt 86, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, punt 24).

53      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li kemm mill-Artikolu 50(2)(g) TFUE, li jservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ direttivi dwar id-dritt tal-kumpanniji, kif ukoll mir-raba’ premessa tal-ħdax-il direttiva, jirriżulta li l-iżvelar tal-kumpanniji għandu bħala għan li jipproteġi l-interessi kemm tal-imsieħba kif ukoll tat-terzi.

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li huwa prinċipju fundamentali l-fatt li l-kontijiet annwali għandhom jagħtu immaġni leali tal-patrimonju, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tar-riżultati tal-kumpannija kkonċernata (ara sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Tomberger, C-234/94, Ġabra p. I-3133, punt 17, rettifikata bid-digriet tal-10 ta’ Lulju 1997; tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, Ġabra p. I‑1, punt 72, kif ukoll Berlusconi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). L-iżvelar tagħhom huwa prinċipalment intiż li jinforma lil terzi li ma għandomx jew li ma jistgħux ikollhom konoxxenza biżżejjed tas-sitwazzjoni tal-kontabbiltà u tal-finanzi tal-imsemmija kumpannija (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland, C‑97/96, Ġabra p. I‑6843, punt 22).

55      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, skont is-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendata mill-BBG, il-ksur tal-obbligu ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ kompatibbiltà huwiex sanzjonat f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonali u dissważiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tagħha (sentenza Asociaţia Accept, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fil-każ ineżami, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fir-rigward tal-parti li hija rilevanti fil-kawża prinċipali, tipprovdi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà mhux iktar tard minn disa’ xhur wara d-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ, il-qorti awtorizzata żżomm ir-reġistru tal-kumpannija hija obbligata timponi multa minima ta’ EUR 700 lill-kumpannija kkonċernata permezz ta’ digriet u mingħajr intimazzjoni jew possibbiltà li tinstema’ minn qabel. Il-kumpannija kkonċernata għandha terminu ta’ erbatax-il jum sabiex tippreżenta rikors motivat kontra d-digriet, li jrendi lil dan tal-aħħar inapplikabbli u jagħti lok għall-proċedura ordinarja. Jekk ir-rikors ma huwiex fondat, tista’ tiġi imposta multa bejn EUR 700 u EUR 3 600 permezz ta’ deċiżjoni.

57      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ammont minimu tal-multa, jiġifieri EUR 700, impost awtomatikament fil-każ ta’ nuqqas ta’ żvelar fit-terminu previst, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, tali ammont jikkorrispondi għal medja tal-ammonti previsti mill-Istati Membri għall-ksur tal-obbligu ta’ żvelar. Kif issostni ġustament din l-istituzzjoni, is-severità ta’ din is-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mal-interessi u mar-riskji finanzjarji li jistgħu jiġu esposti għalihom l-imsieħba kummerċjali u l-persuni kkonċernati jekk is-sitwazzjoni finanzjarja reali ta’ kumpannija ma tkunx ġiet żvelata. F’dawn il-kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-ammont impost huwiex eċċessiv fir-rigward tal-għan leġittimament segwit.

58      Fir-rigward tal-impossibbiltà għall-qrati nazzjonali awtorizzati bl-applikazzjoni tal-imsemmija multa li ma japplikawx l-ammont minimu tagħha billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni, huwa biżżejjed li l-kumpannija kkonċernata tintroduċi rikors motivat kontra l-multa li hija imposta sabiex jingħata bidu għall-proċedura ordinarja, li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti kompetenti, taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni.

59      It-tieni nett, fir-rigward tat-terminu ta’ disa’ xhur b’effett mid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ li matul tiegħu għandu jseħħ l-iżvelar, dan jidher li huwa suffiċjentement twil sabiex jippermetti lill-kumpanniji jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ żvelar mingħajr ma tiġi kkonfutata n-natura proporzjonali tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, terminu iktar twil ikollu r-riskju li jippreġudika l-protezzjoni ta’ terzi, sa fejn dawn tal-aħħar ma għandhomx aċċess għall-informazzjoni l-iktar reċenti li tippermettihom jirrikonoxxu s-sitwazzjoni reali tal-kumpannija kkonċernata.

60      It-tielet nett, jista’ jkun rilevanti, għall-finijiet li jiġi evalwat huwiex possibbli li jsir rikors għal miżuri inqas kontraenti, li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak matul is-seduta, is-sistema preċedentement fis-seħħ hija inqas effikaċji fid-dawl tal-fatt li inqas minn nofs il-kumpanniji li għandhom l-obbligu ta’ żvelar ikunu osservaw dan l-obbligu fit-terminu meħtieġ. Għalhekk, skont dan il-Gvern, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet marbuta temenda s-sistema ta’ sanzjonijiet fis-seħħ qabel is-sena 2011 sabiex tiggarantixxi b’mod iktar effikaċji l-osservanza tal-obbligu ta’ żvelar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex suffiċjentement dissważiva sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ żvelar b’mod effikaċji.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva ma jipprekludix sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq il-liberta’ ta’ stabbiliment

62      Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik prevista fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendata mill-BBG, b’mod partikolari peress li tipprovdi sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żvelar ukoll kontra kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru għajr ir-Repubblika tal-Awstrija u li fergħa tagħha hija stabbilita f’dan l-aħħar Stat Membru, minkejja li l-kontijiet annwali diġà huma żvelati u jistgħu jiġu kkonsultati fir-reġistru tas-sede prinċipali tal-imsemmija kumpanniji.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Skont l-Artikolu 54 TFUE, il-kumpanniji li jkunu kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Unjoni, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stati Membri. Għal dawn il-kumpanniji, tali libertà tinkludi d-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, X Holding, C‑337/08, Ġabra p. I‑1215, punt 17, u tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑64/11, punt 23).

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri li jipprekludu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, b’mod partikolari, sentenzi Idryma Typou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, Ġabra p. I‑12273, punt 36, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

65      L-obbligu ta’ żvelar tal-fergħat maħluqa fl-Awstrija minn kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru ieħor huwa previst fl-Artikolu 280a tal-UGB li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 1 tal-Ħdax-il Direttiva u li l-konformità tiegħu ma’ din tal-aħħar ma hijiex ikkonfutata.

66      Min-naħa l-oħra, hemm inkwistjoni fil-kawża prinċipali s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas tal-obbligu ta’ żvelar skont l-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendata mill-BBG. Kif jirriżulta mill-punt 15 tas-sentenza preżenti, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Artikolu 283 jipprevedu li multa ta’ EUR 700 tiġi imposta permezz ta’ digriet u mingħajr proċedura preliminari, jekk fl-iskadenza tat-terminu għall-iżvelar, id-dokumenti ta’ kontabbiltà ma jkunux preżenti fil-qorti kompetenti biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji u ebda avveniment imprevedibbli jew irresistibbli ma huwa invokat. Il-multa għandha tiġi ripetuta kull xahrejn sakemm l-obligu ta’ żvelar jiġi osservat. Il-kumpannija jew l-organu kkonċernat għandu terminu ta’ 14-il jum sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra kull digriet ta’ applikazzjoni tal-multa. Dan ir-rikors jissospendi l-eżekuzzjoni tal-multa imposta u jintroduċi proċedura ordinarja.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li s-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija u għal dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra u li ħolqu l-fergħat tagħhom fl-Awstrija. Għalhekk, din is-sistema ma tistax tqiegħed lill-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija li għandhom fergħa li tinsab f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi sfavorevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija.

68      Min-naħa l-oħra, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ebda sanzjoni ma hija imposta jekk il-kumpannija kkonċernata tissodisfa l-obbligu legali tagħha ta’ żvelar kif jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li japplika fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, is-sanzjonijiet possibbli ma jistgħux jipprekludi, jostakolaw jew jiskoraġġixxu kumpannija li taqa’ taħt id-dritt ta’ Stat Membru ieħor milli tistabbilixxi ruħha, permezz ta’ fergħa, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

69      Minn dan isegwi li s-sistema ta’ sanzjonijiet, kif prevista fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendata mill-BBG, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Konsegwentement, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE ma jipprekludux tali sistema.

 Fuq il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

70      Permezz tal-punti (b) u (c) tad-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ġenerali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ sanzjonijiet, applikabbli fil-każ ta’ nuqqas tal-obbligu ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà, kif previst fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendat mill-BBG.

71      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

72      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom (ara, b’mod partikolari, sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li, interpretati fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kif ukoll tal-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 51 tal-Karta, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta (ara, f’dan is-sens, sentenza Åkerberg Fransson, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21).

74      Fil-każ inkwistjoni, il-kawża prinċipali tikkonċerna s-sanzjoni imposta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ żvelar, kif previst mill-Ħdax-il Direttiva. Kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, skont l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva, id-diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw is-sanzjonijiet xierqa, jiġifieri sanzjonijiet effikaċji, proporzjonati u dissważivi, sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ żvelar. Fid-dritt Awstrijak, dawn is-sanzjonijiet huma previsti fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendat mill-BBG.

75      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

76      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

77      Fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha li huma ggrantiti mid-dritt tal-Unjoni tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu.

78      Sabiex jiggarantixxi l-osservanza fi ħdan l-Unjoni ta’ dan id-dritt fundamentali, it-tieni subpagragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

79      Fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn għandhom jiġu osservati f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 30; tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 68).

80      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni dwar jekk it-terminu ta’ erbatax-il jum sabiex tiġi kkontestata s-sanzjoni imposta minħabba nuqqas ta’ żvelar fit-terminu previst hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitfakkar li t-terminu stabbilit għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex jiġi ppreparat u ppreżentat rikors effettiv (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 66).

81      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-obbligu ta’ pubbliċità japplika, fil-prinċipju, għall-fergħat kollha bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa legali u ġeneralment magħruf mill-partijiet ikkonċernati, li d-dritt Awstrijak jipprovdi terminu ta’ disa’ xhur b’effett mid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ sabiex isir dan l-iżvelar u li huwa possibbli li tali terminu jiġi sospiż meta avveniment imprevist u inevitabbli jkun ipprekluda milli jsir l-iżvelar fi żmien xieraq, terminu ta’ erbatax-il jum ma jidhirx, fil-prinċipju, li huwa prattikament insuffiċjenti sabiex jiġi ppreparat u ppreżentat rikors effettiv.

82      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-dubji dwar rikors għal preżunzjoni legali tar-responsabbiltà li għandha bħala konsegwenza li tassoċja l-oneru tal-prova mal-kumpannija, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 58 tas-sentenza preżenti, huwa biżżejjed li l-kumpannija kkonċernata tintroduċi rikors motivat kontra l-multa li hija imposta sabiex jingħata bidu għall-proċedura ordinarja, li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti kompetenti, taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni.

83      Fir-rigward, it-tielet nett, tan-nuqqas ta’ intimazzjoni u tal-possibbiltà ta’ smigħ, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi ta’ dawn ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom fir-rigward tal-elementi li huma allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi huma l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I‑2213, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni, jidher li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni inizjali ta’ EUR 700 mingħajr intimazzjoni minn qabel jew possibbiltà ta’ smigħ qabel l-impożizzjoni tal-multa ma tidhirx li taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, peress li l-preżentazzjoni tar-rikors motivat kontra d-deċiżjoni li timponi l-multa trendi tali deċiżjoni inapplikabbli u tagħti bidu għall proċedura ordinarja li fil-kuntest tagħha hemm dritt għal smigħ.

86      Bl-istess mod, tali proċedura tidher, minn naħa, li tissodisfa effettivament għan ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni, peress li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, is-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fl-Artikolu 283 tal-UGB, kif emendata mill-BBG, hija intiża li tiżgura l-osservanza l-iktar immedjata u effikaċji tal-obbligu ta’ żvelar fl-interess ġenerali ta’ protezzjoni aħjar ta’ terzi u ta’ msieħba. Min-naħa l-oħra, ma hemmx prova li tali proċedura tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għan segwit.

87      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-elementi l-oħra tal-proċedura, b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni tar-rikors promotur, il-projbizzjoni li jiġu ppreżentati motivi ġodda fl-istadju tal-appell kif ukoll in-nuqqas ta’ garanzija taż-żamma ta’ seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

88      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosserva l-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li, b’riżerva għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, fil-każ ta’ skadenza tat-terminu ta’ disa’ xhur previst għall-iżvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà, tiġi imposta immedjatament multa minima ta’ EUR 700 fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju li fergħa tagħha hija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, u dan mingħajr ma tiġi indirizzata minn qabel ittra ta’ intimazzjoni u mingħajr ma tingħata l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar in-nuqqas imputat.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

B’riżerva għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, il-prinċipji tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-Artikolu 12 tal-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, fil-każ ta’ skadenza tat-terminu ta’ disa’ xhur previst għall-iżvelar tad-dokumenti ta’ kontabbiltà, tiġi imposta immedjatament multa minima ta’ EUR 700 fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju li fergħa tagħha hija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, u dan mingħajr ma tiġi indirizzata minn qabel ittra ta’ intimazzjoni u mingħajr ma tingħata l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar in-nuqqas imputat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.