Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2011 - Al-Faqih et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-134/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Al-Bashir Mohammed Al-Faqih (Birmingham, ir-Renju Unit), Ghunia Abdrabbah (Birmingham, ir-Renju Unit), Taher Nasuf (Manchester, ir-Renju Unit), u Sanabel Relief Agency Ltd (Birmingham, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Grieves, Barrister, u N. Garcia-Lora, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/20101 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1138/2010 2 sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u

tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati, flimkien mal-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti u kwalunkwe ħlas bil-quddiem bħala għajnuna legali li sar mill-kaxxier tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni deliberatament injorat il-ġurisprudenza vinkolanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u naqset milli tevalwa indipendentement il-bażi tad-denominazzjonijiet tar-rikorrenti jew milli teħtieġ raġunijiet għal dawn id-denominazzjonijiet.

It-tieni motiv jallega li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/2010 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1138/2010 ma rrispettawx id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju u kisru d-drittijiet tad-difiża, u għalhekk ma humiex konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

It-tielet motiv jallega li l-konklużjonijiet li rriżultaw mill-eżami tal-Kummissjoni dwar wieħed mir-rikorrenti, Sanabael Relief Agench Ltd, huma żbaljati u infondati.

Ir-raba' motiv jallega li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/2010 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1138/2010 joħolqu interferenza spoporzjonata tad-dritt li għandhom l-erba' rikorrenti għall-proprjetà u għall-ħajja privata skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni hija irraġonevoli, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit huwa tal-fehma li l-ewwel tliet rikorrenti ma jissodisfawx iktar il-kriterji rilevanti.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1139/2010, tas-7 ta' Diċembru 2010, li jemenda għall-141 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 322, p. 6)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1138/2010, tas-7 ta' Diċembru 2010, li jemenda għall-140 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 322, p. 4)