Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Marzu 2011 - Gossio vs Il-Kunsill

(Kawża T-130/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Marcel Gossio (Abidjan, il-Côte d'Ivoire) (rappreżentant: G. Collard, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li, rigward ir-rikorrent, G. Gossio, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta' Jannar 2011, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-14 ta' Jannar 2011, ippubblikati fil-15 ta' Jannar 2011 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma humiex fondati fil-fatt,

konsegwentement,

tannulla r-Regolament tal-Kunsill UE Nru 25/2011, tal-14 ta' Jannar 2011 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK tal-14 ta' Jannar 2011;

sussidjarjament, tordna li l-isem ta' M. Gossio jitneħħa mil-listi annessi mal-imsemmi regolament u mal-imsemmija deċiżjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-motivi tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi huma sterjotipati mingħajr ma ssemma l-ebda element fattwali preċiż li jippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-imsemmija inklużjoni fil-lista.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, inkwantu r-rikorrent, peress li jagħmel parti mill-amministrazzjoni, ma għandux, fid-dawl tal-funzjonijiet tiegħu, kompetenza sabiex ipoġġi lilu nnifsu taħt l-awtorità ta' president speċifiku, imma għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-kontinwità tal-amministrazzjoni li jagħmel parti minnha.

____________