Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Frar 2011 - LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-128/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: LG Display Co. Ltd (Seoul, il-Korea) u LG Display Taiwan (Taiwan, ir-Repubblika taċ-Ċina) (rappreżentanti: A. Winckler u F.-C. Laprévote, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment il-multa imposta jew tnaqqasha b'mod kunsiderevoli;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, u

tadotta kull miżura meqjusa bħala xierqa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 8761 finali, tat-8 ta' Diċembru 2010 , fil-Każ COMP/39.309 - LCD - liquid crystal displays, li permezz tagħha l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti, l-istess bħal impriżi oħra, kisru l-Artikoli 101 TFUE u 53 tal-Ftehim ŻEE meta pparteċipaw fi ftehim uniku u kontinwat u fi prattika miftehma fis-settur tal-liquid crystal displays fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal settijiet tat-televiżjoni, notebooks u skrins, sa fejn id-deċiżjoni timponi l-multa fuq ir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

1.    Bl-ewwel motiv tagħhom, huma jsostnu li l-Kummissjoni inkludiet b'mod żbaljat u b'mod inġustifikat il-bejgħ ta' LG Display lill-kumpanniji parent tagħha fil-valur tal-bejgħ għall-kalkolu tal-multi, u li din kisret prinċipji tad-dritt proċedurali bħad-drittijiet tad-difiża. F'dan ir-rigward, huma josservaw li:

-    l-ewwel nett, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li l-ksur kien jirrigwarda bejgħ lill-kumpanniji parent ta' LG Display ma kinitx tagħmel parti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u d-diverġenzi bejn din tal-aħħar u d-deċiżjoni kkontestata jiksru d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti;

-    it-tieni nett, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi billi inkludiet il-bejgħ ta' LG Display lill-kumpanniji parent tagħha bil-għan li twettaq dan il-kalkolu;

-    it-tielet nett, il-karatterizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-bejgħ inkwistjoni bħala "bejgħ dirett fiż-ŻEE" u "bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta' prodotti pproċessati" tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Ir-rikorrenti jsostnu li kull multa imposta fuq LG Display għandha tkun ibbażata biss fuq il-bejgħ "fis-suq ħieles" destinat lill-entitajiet mhux affiljati, minħabba l-fatt li huwa biss dan il-bejgħ li seta' jiġi milqut mill-ksur.

2.    Bit-tieni motiv tagħhom, huma jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħti lil LG Display immunità mill-multi għall-2005 u li, għaldaqstant, din kisret l-Avviż dwar il-Klemenza tal-2002. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li:

-    l-ewwel nett, l-aċċess ta' LG Display għall-proċess tal-każ ġie serjament ostakolat minħabba nuqqasijiet proċedurali;

-    it-tieni nett, LG Display issodisfat ir-rekwiżiti għal immunità parzjali abbażi tal-Avviż dwar il-Klemenza tal-2002, applikabbli f'dan il-każ;

-    it-tielet nett, ir-rifjut mill-Kummissjoni tat-talba ta' LG Display ma huwiex immotivat u huwa bbażat fuq diversi żbalji ta' liġi u ta' fatt.

B'hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-multa imposta fuq LG Display għandha tikkorrispondi għal immunità parzjali għall-2005.

3.    Bit-tielet motiv tagħhom, huma jsostnu li, minkejja l-fatt li LG Display ipprovdiet għajnuna eċċezzjonali lill-Kummissjoni, li tmur lil hinn mill-obbligi tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-Klemenza tal-2002, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti tnaqqis supplimentari tal-multa ta' mill-inqas 10 % fid-dawl ta' tali kooperazzjoni u li, għaldaqstant, hija kisret l-imsemmi Avviż dwar il-Klemenza.

4.    Bir-raba' motiv tagħhom, huma jsostnu li l-esklużjoni mill-Kummissjoni tal-fornituri Ġappuniżi ta' liquid crystal displays mid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li tnejn minnhom ammettew li pparteċipaw fl-istess ksur uniku u kontinwat, tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, tesponi lil LG Display għal riskju kbir ta' non bis in idem u tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________