Language of document : ECLI:EU:T:2004:301

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Ottubru 2004 (*)

“Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Ftehim dwar iffissar tal-prezzijiet u metodi ta' fatturazzjoni tas-servizzi ta' kambju ta' muniti – Ġermanja – Proċedura fin-nuqqas”

Fil-kawża T-56/02,

Bayerische Hypo- und Vereinsbank AG, stabbilita fi Munich (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Knapp, T. Müller-Ibold u B. Bergmann, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Europej, irrappreżentata minn S. Rating, bħala aġent, assistit minn  F. Hermanns, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 3693 finali, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura bil-miftuħ skond l-Artikolu 81 KE – [Każ COMP/E-1/37.919 (ex. 37.391) – Spejjeż bankarji għall-konverżjoni ta’ valuti taż-żona ta’ l-Euro – Il-Ġermanja (ĠU 2003, L 15, p. 1),

 

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EUROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn  P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub, 

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest regolmentari

1        L-Artikolu 109 L, (4) Tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 123(4) KE) jgħid li, mad-data tal-bidu tat-tielet stadju ta’ l-Unjoni ekonomika u monetarja (UEM), il-Kunsill jadotta r-rati ta’ konverżjoni tal-muniti ta’ l-Istati Membri li jaddottaw l-Euro bħala munita unika skond it-Trattat KE (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”) b’mod irrevokabbli li biha b’rata fissa u irrevokabbli l-Euro għandu jissostitwixxi dawn il-muniti.

2        L-Artikolu 52 tal-Protokol fuq l-istatuti tas-Sistema Europea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Europew (BĊE), anness mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem l-“istatuti tas-SEBĊ”), jgħid li:

“L-iskambju ta’ karti nnumerati f’munita Komunitarja

Wara l-iffissar b’mod irrevokabli tar-rati ta’ skambju, il-Kunsill tal-Gvernaturi jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-bankonoti nnumerati f’munita li għandha rata ta’ skambju irrevokabbilment fiss jiġu skambjati b’mod konformi mal-banek ċentrali nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Meta ltaqgħet f’Madrid fil-15 u fis-16 ta’ Diċembru 1995, il-Kunsill Europew ikkonferma li t-tielet fażi ta’ l-UEM kellha tibda fl-1 ta’ Jannar 1999, skond l-Artikolu 109 J (4) TAT-Trattat KE (li sar l-Artikolu 121(4), KE).

4        L-elementi prinċipali tal-kuntest ġuridiku li jirrigwardaw l-introduzzjoni u l-użu ta’ l-Euro huma ddefiniti mir-:

–        Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU L 162, p. 1), u

–        Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU L 139, p. 1).

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1103/97 jiddefinixxi r-regoli applikabbli għall-kambju bejn l-Euro u l-unitajiet monetarji ta’ l-Istati Membri parteċipanti. It-3 paragrafu jipprevedi li “[i]r-rati tal-kambju għandhom jintużaw fuq kull naħa bejn l-unità ta' l-Euro u l-unitajiet tal-munita nazzjonali. Rati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw.”

6        Jirriżulta mill-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 974/98 li l-munita ta’ l-Istati Membri parteċipanti, li tissostitwixxi l-munita ta’ kull Stat Membru li jipparteċipa għar-rata ta’ kamju, hija l-Euro.

7        L-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 974/98 jiffissaw l-1 ta’ Jannar 2002 bħala d-data tad-dħul fiċ-ċirkulazzjoni u l-ħruġ ta’ bankonoti u biċċiet innumerati f’Euro.

8        L-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Nru 974/98 jinkludu dispożizzjonijiet tranżitorji li huma applikabbli waqt il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1999 u l-1 ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”).

9        Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-15 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni sejħet lir-rappreżentanti tas-settur bankarju, ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u tal-konsumaturi sabiex jiltaqgħu madwar mejda u jiddiskutu l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni lejn l-Euro (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari jirriżulta mid-dokument sinteżi li ġie fis-seħħ minn dawn il-laqgħat (“Il-Kummissjoni, direzzjoni ġenerali ”Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji”, laqgħa li tikkonċerna l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni għall-Euro: sinteżi u konklużjoni”, dokument II/301/97 tal-11 ta’ Ġunju 1997) li r-rappreżentanti tal-banek “sejħu sabiex l-operazzjonijiet ta’ kambju bejn bankonoti nazzjonali tad-diversi Stati Membri parteċipanti jistgħu jiġu fatturati waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni: ir-riskju tal-kambju ma jkunx għadu eżistenti – liema spejjeż jitnaqqsu b’madwar 20% - iżda l-ispejjeż oħra ta’ ħlas jibqgħu l-istess”, liema sejħa ġiet opponuta mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi. Waqt din il-laqgħa, id-Deutsche Bank indikat li waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, hija kellha l-intenzjoni li tiffattura l-kambji kkonċernati lil persuni li mhumiex il-proprjetarji ta’ kont filwaqt li toffri dan is-servizz lill-klijenti tagħha gratwitament.

10      Fil-bidu tad-diskussjonijiet tal-15 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni għaddiet ir-responsabbiltà lil grupp ta’ esperti sabiex teżamina jekk – u kif – il-banek jistgħu jeżiġu r-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ bdil ta’ munita ta’ l-Istati Membri parteċipanti.

11      Il-konklużjonijiet pertinenti tal-grupp ta’ esperti fir-rigward tal-perijodu ta’ tranżizzjoni huma dawn li ġejjin (rapport tal-grupp ta’ esperti fuq l-ispejjeż bankarji ta’ bdil għall-Euro, 20 ta’ Novembru 1997; dokument iċċitat fil-punt 137 tad-deċiżjoni kkontestata, nota 56):

–        għall-kambju ta’ bankonoti tal-munita ta’ l-Istati Membri parteċipanti, l-Artikolu 52 ta’ l-istatuti tas-SEBC jobbliga lill-banek ċentrali fiz-zona ta’ l-Euro li jsarrfu l-bankonoti fil-munita ta’ Stati Membri oħra parteċipanti jaqgħu taħt kambju li bir-rata ta’ konverżjoni irrevokabbli, filwaqt li l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-banek kummerċjali jiffatturaw dan it-tip ta’ servizz;

–        minħabba t-trasparenza, l-obbligu li jiġu użati rati ta’ konverżjoni irrevokabbli għal kull operazzjoni ta’ kambju jimplika li kull kummissjoni għandha tiġi identifikata separatament mir-rata ta’ konverżjoni irrevokabbli u mhux moħbija f’parti mill-kambju.

12      F’nota li tinsab fl-Anness A tar-rapport ta’ l-20 ta’ Novembru 1997, il-grupp ta’ esperti jindika li:

“19. L-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva Komunitarja jew nazzjonali ma tipprojbixxi lill-banek kummerċjali, uffiċju tal-kambju jew stabbilimenti oħra intiżi li jirkupraw l-ispejjeż tal-kambju ta’ bankonoti. Mil-lat ekonomiku, dan il-kambju jikkostitwixxi mingħajr dubju ‘servizz’, li fil-kuntest tiegħu żewġ elementi ġuridikament differenti jiġu skambjati, kontra dak li jseħħ meta jsir bdil ta’ munita b’ċekk jew kambjala.

[…]

Trasparenza

23. Kull konklużjoni li tgħid li l-ispejjeż jistgħu jiġu miġbura minn fuq ċerti operazzjonijiet (per eżempju, fil-każ tal-kambju ta’ biċċiet u ta’ bankonoti nazzjonali ma’ biċċiet u bankonoti nazzjonali oħra) taqa’ taħt il-ħtieġa tat-trasparenza tar-remunerazzjoni tal-kambju. F’dan il-mument, il-banek u l-uffiċji tal-kambju ta’ ċertu numru ta’ Stati Membri jiġbru kummissjoni fuq il-kambju f’forma ta’ ‘marġini’ globali bejn ir-rata tal-bejjiegħ u tax-xerrej ta’ l-istess valuta. Mill-introduzzjoni ta’ l-Euro, l-applikazzjoni ta’ dawn il-marġini ma tistax tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni korretta tar-rati tal-kambju fir-rigward tar-regolament ibbażat fuq l-Artikolu 109 L (4) tat-Trattat. Marġini ta’ dan it-tip (li jikkorrispondu mad-differenzi ma biċċiet ta’ valuta oħra) jiġu mingħajr dubju meqjusa bħala inkompatibbli mal-provvedimenti tad-dritt Komunitarju u/jew nazzjonali li jitrattaw il-protezzjoni tal-konsumatur. Dan il-bżonn ta’ trasparenza japplika f’kull każ fejn l-ispejjeż tal-kambju jiġu ffatturati: dawn l-ispejjeż għandhom ikunu espliċiti u mhux impliċiti.

[…]

Konklużjonijiet

[…]

–        Xi spejjeż jistgħu jiġu ffatturati għall-kambju ta’ bankonoti jew ta’ biċċiet waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, sakemm dawn huma mitluba b’mod trasparenti bħala spejjeż ta’ manipulazzjoni.”

13      Fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-banek kellhomx l-intenzjoni li jiffatturaw l-ispejjeż għall-kambju ta’ bankonoti ta’ l-Istati Membri parteċipanti, ir-rapport ta’ l-esperti ta’ l-20 ta’ Novembru 1997 jindika li l-parti l-kbira tal-banek kellhom l-intenzjoni jiġbru t-tali spejjeż li kellhom madankollu jkunu inqas għoljin minn dawk li kienu qed jiġu mitluba minħabba n-nuqqas ta’ riskju fuq il-valuta.

14      Billi reġgħet qieset il-pożizzjonijiet espressi mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-grupp ta’ esperti ppreċiża d-dimensjoni “emotiva” tal-proċess ta’ bdil lejn l-Euro u kkunsidra li dan jiġi iżjed faċilment aċċettat jekk il-banek jirrinunċjaw milli jitolbu remunerazzjoni għall-kambju. Il-grupp ta’ esperti jesprimu ruħhom favur il-“prinċipji ta’ prattika korretta” li jistabbilixxu li l-kambju għandu jkun gratwit.

15      Dawn l-elementi ġew ukoll ikkunsidrati fin-Nru 21 tal-Cahiers de l’euro ppubblikat mill-Kummissjoni fl-1998, għal data li ma ġietx speċifikata.

16      Fil-bidu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, ġiet adottata r-rakkomandazzjoni 98/286/KE, li tikkonċerna l-ispejjeż bankarji ta’ kambju għall-Euro [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 130, p. 22, iktar ’ il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1998”). L-Artikolu 2 jelenka, kif inhi l-intenzjoni tal-banek, bosta prinċipji ta’ prattika korretta fir-rigward tal-kambju mingħajr spejjeż. Dawn il-prinċipji ma jikkonċernawx is-servizzi tal-kambju ta’ bankonoti u ta’ biċċiet ta’ munita fiz-zona ta’ l-Euro waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni. L-Artikolu 3 tar-rakkomandazzjoni tat-23 ta’ April 1998 jgħid li ġej:

                                             “Artikolu 3 – Trasparenza

1. Għal konverżjonijet kollha minn valuta monetarja nazzjonali għall-valuta ta’ l-Euro u viċi versa u għall kull kambju ta’ bankonoti u biċċiet li jappartjenu lill-Istati Membri parteċipanti, il-banek għandhom jindikaw b’mod ċar l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1103/97 u jippreżentaw separatament kull tip ta’ spejjeż li jkunu nġabru.

2. Fil-każ fejn il-banek jiġbru xi spejjeż fuq il-konverżjonijiet u l-kambji li mhumiex previsti mill-Artikolu 2 jew meta dawn ma japplikawx waħda jew iżjed mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(b), huma jkollhom jagħtu informazzjoni ċara u trasparenti dwar l-ispejjeż ta’ konverżjoni u ta’ kambju lill-klijenti tagħhom:

a) billi jibgħatu korrispondenza bil-miktub minn qabel dwar l-ispejjeż ta’ konverżjoni u tal-kambju li huma għandhom l-intenzjoni li jiffatturaw

u

b) billi jagħtu informazzjoni speċifika, a posteriori, fuq l-ispejjeż kollha ta’ konverżjoni u tal-kambju li jkunu ttieħdu, billi l-imsemmija informazzjoni jkollha tidher fuq ir-rendikont tal-kont jew ir-rendikont bankarju jew f’kull metodu ieħor ta’ komunikazzjoni lill-klijent. Għandu joħroġ b’mod ċar minn din l-informazzjoni li r-rati tal-kambju ġew applikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1103/97; l-ispejjeż ta’ konverżjoni u tal-kambju eventwalment iffatturati għandhom jiġu indikati separatament mir-rati tal-kambju kif ukoll minn spejjeż oħra li eventwalment jittieħdu.”

 Id-deċiżjoni kkontestata

17      Il-kawża preżenti tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/25/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura bil-miftuħ bis-saħħa ta’ l-Artikolu 81 KE – [Każ COMP/E-1/37.919 (ex 37.391) – Spejjeż bankarji għal bdil ta’ muniti taż-żona ta’ l-Euro – Il-Ġermanja] (ĠU 2003, L 15, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Fost is-servizzi ta’ kambju ta’ valuti, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-konverżjoni ta’ flus bankarji u, min-naħa l-oħra, il-kambju ta’ muniti tal-metall u ta’ flus tal-karta jew "kambju ta' muniti". Dan l-aħħar tip ta’ servizz, li huwa biss hu rilevanti għall-finijiet ta' din il-kawża, jista' jiġi maqsum f’żewġ kategoriji oħra: minn naħa, is-servizzi ta’ kambju ta' muniti fi kwantitajiet kbar li jippermettu lill-banek ibiddlu kwantitajiet kbar ta’ flus tal-karta (iktar ’il quddiem is-"servizzi interbankarji ta’ kambju ta' muniti"), u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ kambju ta' muniti bl-imnut, ipprovduti lill-individwi u li jirrigwardaw ammonti żgħar ta’ flus tal-karta.

19      Qabel id-dħul ta’ l-Euro, ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kambju ta' muniti ma kinitx tagħti lok, ġeneralment, għal fatturazzjoni distinta fil-Ġermanja: il-prezz ta’ dawn is-servizzi kien inkluż fir-rati li bihom l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-uffiċċji tal-kambju kienu jixtru u jbiegħu l-valuti lill-klijenti tagħhom. Max-xiri, ir-rata użata kienet inferjuri għar-rata ta’ referenza tas-suq u, mal-bejgħ, kienet superjuri għal din ir-rata (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-differenza meta mqabbla mar-rata ta’ referenza tas-suq hija iktar 'il quddiem imsejħa "differenza fir-rati".

20      Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma ħames banek stabbiliti fil-Ġermanja:

–        Commerzbank;

–        Dresdner Bank;

–        Bayerische Hypo- und Vereinsbank (iktar ’il quddiem “HVB” jew ir-“rikorrenti”);  

–        Deutsche Verkehrsbank (DVB);

–        Vereins- und Westbank (“VUW”).

21      Ir-rikorrenti teżerċita prinċipalment attività ta’ bank universali fil-Ġermanja. Hija nħolqot b’riżultat taż-żwieġ bejn Bayerische Hypotheken-und Wechselbank ma’ Bayerische Vereinsbank AG, fl-1 ta’ Settembru 1998. Ir-rikorrenti hija l-azzjonista prinċipali ta’ VUW.

22      Fil-bidu tas-sena 1999, il-Kummissjoni tat bidu għal inkjesta fir-rigward ta’ madwar 150 bank, fosthom ir-rikorrenti, stabbiliti f’seba’ Stati Membri, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Hija kellha s-suspett li dawn il-banek kienu ftiehmu sabiex jiffissaw, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni inkluż bejn l-1 ta' Jannar 1999, id-data meta ddaħħlet l-Euro bħala munita waħda, u l-1 ta' Jannar 2002, id-data meta bdew jintużaw il-flus kontanti magħrufa bħala Euro (iktar 'il quddiem il-"perijodu ta' tranżizzjoni"), il-prezzijiet tas-servizzi ta' kambju ta’ muniti għall-valuti ta’ ċerti Stati Membri parteċipanti fiż-żona ta' l-Euro. Għalkemm fil-bidu l-inkjesta kienet qed titwettaq b'numru ta' faxxiklu wieħed, il-Kummissjoni kompliet bl-inkjesta tagħha billi fetħet proċedimenti separati fuq l-eżistenza ta’ akkordji fl-Istati Membri kkonċernati.

23      Mit-8 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand tliet assoċjazzjonijiet bankarji Ġermaniżi, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li jikkonċerna prinċipalment ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti.

24      Fis-16 u s-17 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fl-uffiċċji rreġistrati tad-Dresdner Bank u tad-Deutsche Bank, fi Frankfurt am Main.

25      Fid-19 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet kwistjonarju lil madwar 240 bank fiż-żona ta’ l-Euro, fejn, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbithom jgħaddu informazzjoni fuq il-kummissjonijiet tal-kambju li ġew iffatturati qabel u wara d-dħul ta’ l-Euro. Dan il-kwistjonarju ntbagħat lil 42 bank Ġermaniż fosthom id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fl-Olanda, fl-uffiċċju rreġistrat tal-GWK Bank (iktar ’il quddiem il-“GWK”) (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Permezz ta' ittri tat-3 u ta' l-10 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lis-segwenti banek:

–        Commerzbank ;

–        Deutsche Verkehrsbank (DVB) ;

–        Bayerische Hypo- und Vereinsbank (HVB) ;

–        Reisebank ;

–        Dresdner Bank ;

–        Vereins- und Westbank (VUW) ;

–        Bayerische Landesbank Girozentrale ;

–        SEB Bank (li qabel kien jismu BfG) ;

–        Hamburgische Landesbank Girozentrale ;

–        Westdeutsche Landesbank Girozentrale (West LB) ;

–        Landesbank Hessen Thüringen Girozentrale ;

–        GWK u l-kumpanniji prinċipali tagħha Fortis NV, Fortis Services Nederland NV u Fortis Bank Nederland NV.

28      Fl-1 u fit-2 ta’ Frar 2001, l-uffiċjal tas-smigħ sema' lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

29      Fil-11 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

30      Skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 2), il-banek li pparteċipaw fil-laqgħa li seħħet fil-15 ta’ Ottubru 1997, fl-uffiċċji tad-DVB fi Frankfurt am Main (iktar ’il quddiem il-"laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997") ftiehmu sabiex jieħdu kummissjoni ta’ madwar 3% fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ flus tal-karta fiż-żona ta’ l-Euro waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

31      L-inizzjattiva għal din il-laqgħa hija attribwibbli lill-GWK. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi fil-fatt li, f’laqgħa tad-29 ta’ April 1997, dan il-bank ħajjar lil Reisebank sabiex jibda diskussjonijiet ma’ banek Ġermaniżi oħrajn bl-għan ewlieni li jiżguraw li d-Deustche Bundesbank, bank ċentrali tal-Ġermanja, ma joffrix lill-konsumaturi tiegħu servizzi ta’ kambju ta’ muniti mingħajr ħlas (premessi 60 u 63 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Il-provi dokumentarji ta' din il-vjolazzjoni jinsabu, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 62), fil-minuti tal-laqgħat u tal-konverżazzjonijiet telefoniċi li nstabu waqt verifiki li saru fl-uffiċċji tal-GWK, b’mod partikolari fil-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 meħuda minn impjegat tal-GWK (iktar 'il quddiem il-"minuti GWK") u minn impjegat tal-Commerzbank (iktar ’il quddiem il-"minuti Commerzbank").

33      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mill-ewwel osservat li l-parteċipanti ftiehmu sabiex jinfurmaw id-Deutsche Bundesbank li, mill-1 ta’ Jannar 1999, huma kienu ser iwettqu “il-kambju ta’ flus tal-karta taż-żona ta’ l-Euro b’rati ta' kambju fissi u li kienu ser jiffatturaw kummissjoni espliċita" (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), li peress li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 ma setgħux jiftiehmu fuq il-prinċipju ta’ tariffa unika, "iffissaw bħala għan komuni li jissostitwixxu d-differenza fir-[rati] b’kummissjonijiet bi persentaġġ, b'tali mod li jkun jista' jiġi rkuprat 90% tal-qliegħ ġenerali mill-attività ta' kambju, li tirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3%". Abbażi tal-minuti Commerzbank, il-Kummissjoni tafferma wkoll li "hemm qbil fuq l-użu ta' rati ta' kambju fissi għall-valuti fiż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri, li ma jiġux applikati rati ta' xiri u bejgħ), bi spejjeż li jiġu kkalkulati fil-forma ta’ kummissjoni espressa f’persentaġġ" (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li kemm il-minuti GWK kif ukoll il-minuti Commerzbank isemmu ftehim rigward ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta' kambju fil-forma ta’ kummissjoni espressa f’persentaġġ ta’ l-ammont mibdul. Il-minuti Commerzbank ma jsemmux l-ammont ta’ din il-kummissjoni, għall-kuntrarju tal-minuti GWK, li jsemmu ammont ta’ madwar 3%. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li, waqt is-seduta ta’ l-1 u t-2 ta’ Frar 2001, il-Bayerische Landesbank Girozentrale ddikjara li r-rappreżentant tiegħu fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 kien fakkar li "ċerti rappreżentanti ta’ ċerti banek [kienu] semmew ċifri bejn 2 u 4%", minkejja li dan ta’ l-aħħar ma ftakarx ammont ta’ 3% (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat li "l-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 [kienu] ftehmu li jintroduċu kummissjoni globali ta’ madwar 3% (bl-għan li jirkupraw 90% tal-qliegħ tagħhom) wara l-1 ta’ Jannar 1999" u li dan il-ftehim "kellu fl-istess ħin bħala suġġett u bħala effett li jnaqqas il-kompetizzjoni fil-Komunità” (premessi 120 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-ftehim ġie konkluż għall-perijodu ta’ tranżizzjoni (premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Commerzbank, id-Dresdner Bank, l-HVB, id-DVB u l-VUW ivvjolaw l-Artikolu 81 KE, "billi pparteċipaw fi ftehim li kellu bħala għan li jiddetermina a) il-metodi ta’ fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-operazzjonijiet ta' kambju ta’ flus tal-karta f’muniti taż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri kummissjoni espressa f’perċentwali) u b) livell immirat għal dawn l-ispejjeż ta’ madwar 3% (sabiex jiġi rkuprat 90% tal-qligħ li jirriżulta mid-differenza fir-[rati]) matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni".

38      Billi qieset li dan kien jammonta għal vjolazzjoni gravi li kienet ilha titwettaq għal madwar erba’ snin, il-Kummissjoni imponiet is-segwenti multi (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata):

Commerzbank

28 000 000 eur

Dresdner Bank

28 000 000 eur

HVB

28 000 000 eur

DVB

14 000 000 eur

VUW

2 800 000 eur

39      Ir-rikorrenti rċiviet il-komunikazzjoni dwar id-deċiżjoni kkontestata fid-19 ta’ Diċembru 2001.

 Il-proċedura

40      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

41      Il-Kummissjoni, wara li ġiet innotifikata b'dawn ir-rikorsi, ma ppreżentatx risposta fit-terminu li ġie mogħti lilha. Permezz ta' ittri ppreżentati fir-Reġistru bejn il-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tilqa’ t-talbiet tagħhom, skond l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

42      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, għaldaqstant, tieħu deċiżjoni f’kontumaċja. Peress li r-rikors huwa indubbjament ammissibbli u billi l-formalitajiet ġew osservati, jidher li bis-saħħa ta’ l-Artikolu 122(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi vverifikat jekk it-talbiet tar-rikorrenti jidhrux fondati.

 It-talbiet tar-rikorrenti

43      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn hija affettwata:

–        sussidjarjament, tannulla l-multa jew tnaqqas l-ammont tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

44      Il-motivi prinċipali li ġew imressqa mir-rikorrenti huma bbażati fuq l-elementi segwenti:

–        diversi ksur tad-drittijiet tad-difiża waqt il-proċedura amministrattiva;

–        il-preżenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, minħabba l-iżbalji tad-dritt u ra’ fatt;

–        is-sehem tar-rikorrenti f’dan il-ksur;

–        l-imputabbiltà tal-ksur;

–        il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        abbuż ta’ poter;

–        id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa.

45      Għall-finijiet tas-sentenza preżenti mogħtija f’kontumaċja, għandhom jiġu eżaminati bħala prijorità dawk il-motivi li fihom ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ ftehim billi tiddubita l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni.

 Fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt

46      Ir-rikorrenti tgħid essenzjalment li l-ebda ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjoni fuq il-kambju u l-ammont tagħhom ma ġie konkluż fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997. Il-Kummissjoni ma wrietx b’suffiċjenza tad-dritt il-fatti li abbażi tagħhom hija kkonkludiet li kien jeżisti ksur.

 Fuq il-ftehim dwar il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjoni fuq il-kambju

 L-argumenti tar-rikorrenti

47      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta’ l-obbligu li tingħata raġuni. Minħabba l-ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjoni fuq il-kambju, id-deċiżjoni kkontestata hija ambigwa u mhux ċara b’mod li r-rikorrenti ma ssibhiex faċli li tagħmel id-difiża tagħha.   

48      Il-kontenut ta’ dan l-allegat ftehim ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata fejn it-test jista’ jwassal għal żewġ interpretazzjonijiet. Skond l-ewwel interpretazzjoni, l-allegat ftehim għandu biss l-għan li jawtorizza ħlas proporzjonali, li jeskludi kull ħlas b’rata fissa. Skond it-tieni interpretazzjoni, l-allegat ftehim kien ibbażat fuq prinċipju li jibdel is-sistema tad-differenza fir-rati ma’ sistema ta’ teħid ta’ kummissjoni separata għar-rata tal-kambju u proporzjonali ma’ l-ammont ikkonvertit.

49      Madankollu, tkun liema tkun l-interpretazzjoni t-tajba, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-fatt li tiġi ffatturata kummissjoni fuq il-kambju proporzjonali ma’ l-ammont ikkonvertit tkun biss il-konsegwenza ta’ l-introduzzjoni tar-rati tal-kambju irrevokabbli. Din għandha tkun il-kaġun tat-tneħħija tas-sistema tad-differenza fir-rati u fit-trasparenza mixtieqa mill-Kummissjoni u minn Bundesbank. Barra minn hekk, l-ebda interpretazzjoni ma tippermetti li wieħed jikkonkludi l-eżistenza ta’ ftehim illegali.

50      Minħabba l-interpretazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tistrieh fuq it-teżi ra’ l-eżistenza ta’ ftehim fuq it-tneħħija tas-sistema tad-differenza fir-rati, ir-rikorrenti tammetti l-eżistenza tat-tali ftehim iżda fil-kuntest li din tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni.

51      L-ewwel nett, it-tneħħija tas-sistema tad-differenza fir-rati tirriżulta direttament mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1103/97, kif tirrikonoxxi wkoll il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (punti 37 et seq. u l-punt 139 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata).

52      It-tieni nett, it-tneħħija tas-sistema tad-differenza fir-rati hija konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1998, li kienet issegwi dan il-għan. Għaldaqstant, ftehim allegat li għaliha l-banek esprimew ir-rieda tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħax ikollu effetti li jolqtu l-kompetizzjoni u li għalhekk kellhom jiġu eżentati. Il-fatt li Bundesverband deutscher Banken kienet sostniet, fl-1997, li d-differenza fir-rati ma kinitx ipso jure illegali ma kinitx tagħmel differenza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, wara, din l-assoċjazzjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1998.

53      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma spjegatx fhiex kien jikkonsisti l-allegat ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjoni fuq il-kambju. Ċertament, il-punt 113 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li l-Landesbank Hessen Thüringen ammettiet li kien ġie konkluż ftehim fil-15 ta’ Ottubru 1997 fir-rigward tal-“metodi ta’ fatturazzjoni”. Madankollu, jidher li l-Landesbank Hessen Thüringen kienet sempliċement ippreċiżat li kien “diffiċli” li tiġi kkonċepita struttura għajr dik proporzjonali, milli jidher fir-rigward tat-tneħħija tas-sistema tad-differenza fir-rati. Il-Kummissjoni qieset (il-punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata) li kull bank għandu jiddetermina l-metodi ta’ fatturazzjoni tas-servizzi tagħha b’mod indipendenti, mingħajr ma jagħti spjegazzjonijiet wiesgħa.

54      Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna ftehim fuq kummissjoni proporzjonali, li teskludi komponenti ta’ somma li tintradd f’daqqa, ir-rikorrenti tqis għaldaqstant li t-tali ftehim qatt ma eżista. Il-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 iddiskutew fuq il-forma li jista’ jkollhom kummissjonijiet futuri li jippreċedu s-sistema tal-marġini fuq il-kambju. Il-parteċipanti ma waslux biex jimmaġinaw il-formuli li jmorru lil hinn minn dawk li huma diġà magħrufa sew fis-settur (kummissjoni proporzjonali, mqabbla jew le ma’ ammont minimu ta’ volum jew ta’ kummissjoni li tintradd f’daqqa).

55      Hija r-raġuni li għaliha l-impjegat tal-VUW, is-Sur [C], dak iż-żmien preżenti, kien qies li din il-laqgħa ma kellhiex suċċess. Għall-istess raġuni, ir-rendikont [B] jindika li kien hemm “consensus” fuq il-fatturazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kambju bil-“prezz stipulat” (jiġifieri rata irrevokabbli ta’ konverżjoni), “inqas/iżjed” kummissjoni allokata separatament. Din l-osservazzjoni, li tgħid li l-kummissjoni tiġi kkalkulata f’perċentwali, kellha bħala għan li teskludi s-sistema tal-marġini ta’ l-ispejjeż, iżda mhux il-kummissjonji li tintradd f’daqqa.

56      Ir-rendikont [A] (punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata) jikkonferma dan il-punt ukoll:

“Wara skambju ta’ ideat kunsiderevolment qasir, il-persuni kollha preżenti esprimew il-konvinzjoni tagħhom li l-marġini ta’ l-ispejjeż għall-munita fiż-żona ta’ l-Euro kienet qed tisparixxi u li kemm il-valur tal-flus li ġie mibdul kif ukoll il-kummissjoni miġbura għandu jiġi indikat b’mod ċar.”

57      Bl-istess mod, skond ir-rendikont [B]:

“Il-munita fiż-żona ta’ l-Euro inqas/iżjed l-ispejjeż/kummissjonijiet jiġu kkalkulati separatament għall-klijent. L-ispejjeż/kummissjonijiet jiġu kalkulati skond il-perċentwali tal-valur ta’ l-operazzjoni tal-kambju. ”

58      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ftehim fuq il-prinċipju ta’ kummissjoni esklużivament proporzjonali missu qatt ma ġie fis-seħħ. Ir-rikorrenti, bħall-maġġoranza tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, kienet fil-fatt tippretendi remunerazzjoni f’daqqa ta’ madwar 70% ta’ l-operazzjonijiet tal-kambju. Tali ftehim, ħmistax-il xahar qabel il-bidu tal-perijodu tranżitorju, ma jagħmilx sens.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

59      Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex ikun hemm ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi kkonċernati jesprimu l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b'mod speċifiku (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256, u tas-26 ta' Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punt 67; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta' Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86).

60      Għal dak li jikkonċerna l-manifestazzjoni formali ta’ l-imsemmija intenzjoni komuni, huwa biżżejjed li stipulazzjoni tkun jirrifletti l-intenzjoni tal-partijiet li jaġixxu fis-suq skond it-termini tagħha (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 68; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 112, u Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).

61      Il-kunċett ta’ ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' qbil bejn mill-inqas żewġ partijiet, u l-forma ta’ kif jiġi manifestat mhijiex importanti sakemm hija l-espressjoni fidila tal-qbil (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 69).

62      F'din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rnexxielhomx jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' qbil bejn il-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 dwar l-iffissar ta' l-ammont u l-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti.

63      Dan l-aħħar aspett tal-ftehim inkriminat ġie espost fil-punti 95, 96, 114, 115, 132 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kummissjoni ddedikat dak li kien essenzjali fl-analiżi tagħha fuq il-kwistjoni ta’ l-istipular ta’ l-ammont tal-kummissjoni.

64      Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti, li tgħid li l-ksur intiż fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċerna ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjonijiet tal-kambju tistax tkun relatata mat-tneħħija tas-sistema tal-marġini fuq il-kambju, mhijiex plawżibbli. In-natura ta’ infrazzjoni tat-tali ftehim huwa direttament ikkontestat mill-punti 38 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata fejn jirriżulta li t-tneħħija tal-marġini fuq il-kambju kienet il-konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tar-rati ta’ konverżjoni irrevokabbli.

65      Il-Kummissjoni sostniet fil-fatt li l-“istipular irrevokabbli tar-rati tal-kambju fl-1 ta’ Jannar 1999, kien ifisser it-tneħħija ta’ kambji għax-xerrejja jew għall-bejjiegħa, jiġifieri wkoll għall-marġini tal-[kambju] bħala metodu ta’ kif jiġu espressi l-ispejjeż tal-kambju ta’ flus fil-bank taż-żona ta’ l-Euro” (punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni skartat l-argumenti intiżi li jsostnu li l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 kellha bħala suġġett li teżamina l-kwistjoni taż-żamma tal-marġini fuq il-kambju waqt il-perijodu tranżitorju, billi affermat li, “[m]ill-1995, kulħadd kien jaf li r-rati tal-kambju kienu ġew iffissati b’mod irrevokabbli u li r-rati fissi biss jistgħu jiġu użati” u li “[i]l-konsegwenza diretta hija li r-rikors għall-‘marġini tal-[kambju]’ mhuwiex iżjed awtorizzat u li l-ispejjeż kollha ffatturati għandhom jiġu indikati b’mod espliċitu u trasparenti”.

66      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qalet li d-dħul fis-seħħ tar-rati irrevokabbli ta’ konverżjoni kienu l-kaġun tal-ksur fir-rigward ta’ l-istipular ta’ l-ammont tal-kummissjoniji fuq il-kambju. Għalhekk, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-kunsiderazzjoni ġuridika, il-Kummissjoni qieset li l-ftehim fuq il-prezzijiet kien ġie konkluż “bil-għan li jiġu rkuprati madwar 90 % tal-qliegħ mitluf wara t-tneħħija ta[l-marġini fuq il-kambju] fl-1 ta’ Jannar 1999”.

67      Fir-rigward tal-provi ta’ l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-prinċipju ta’ remunerazzjoni esklużivament proporzjonali, il-Kummissjoni indikat li :

“Għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet tal-kambju, ir-rendikont [B] jinnota li hemm qbil fuq l-użu ta’ rati tal-kambju fissi għall-valuta fiż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri li ma jiġix applikat il-kambju għax-xerrejja jew għall-bejjiegħa), bi spejjeż li jiġu kkalkulati permezz ta’ kummissjoni espressa f’perċentwali. Il-metodu tal-kalkolu għall-konverżjoni ta’ dawn il-valuti jiġi adottat minn kull bank individwalment: ‘[…] Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-istipular tal-kambji/prezzijiet għall-operazzjonijet tal-kambju fil-fażi 3a (mill-1 ta’ Jannar 1999 sa l-1 ta’ Jannar 2002) ta’ l-UEM, il-parteċipanti ftehmu fuq il-punti li ġejjin:

1) Operazzjonijiet għall-klijentela privata

–        l-ispejjeż/kummissjonijiet jiġu kkalkulati f’perċentwali tal-valur ta’ l-operazzjoni tal-kambju […]’ ”

68      Il-Kummissjoni tinnota li “[ir-rendikonti [B] u [A] jikkorrispondu/jaqblu fuq il-fatt li l-ispejjeż li jiġu ffatturati lill-klijenti jkunu espressi f’perċentwali”.

69      Dawn l-elementi, jekk meħuda separatament, ma jidhrux suffiċjenti biex jiġi stabbilit qbil ta’ intenzjonijiet fuq il-prinċipju ta’ kummissjoni esklużivament proporzjonali għall-volum ta’ l-operazzjoni tal-kambju. Il-parti tar-rendikont [B] li fuqha straħet il-Kummissjoni (punt 95 tad-deċiżjoni kkontestata) ma turix b’mod konvinċenti li jeżisti ftehim intiż għall-adozzjoni ta’ mudell ta’ preżentazzjoni tal-kummissjonijiet tal-kambju komuni għall-parteċipanti kollha fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, u dan għal tliet raġunijiet.

70      L-ewwel nett, l-interpretazzjoni tar-rendikont [B] espost mill-Kummissjoni bħala prova ta’ l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni tas-servizzi tal-kambju ġiet ikkontestata waqt il-proċedura amministrattiva, mill-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 (punt 112 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, ir-rendikont [B] ma jistax jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi prova ċerta ta’ l-eżistenza ta’ ftehim fuq dan il-punt, sakemm mhux sostnut minn elementi oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T-337/94, Ġabra p. II-1571, punt 91).

71      It-tieni nett, ir-renikont [B] ma għandu l-ebda prova jew indiċi determinanti li jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ftehim ta’ “standardizzazzjoni tal-metodi ta’ fatturazzjoni”, espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra, fil-kuntest tal-kawża preżenti, il-parti mir-rendikont [B], li fuqha straħet il-Kummissjoni, tista’ tagħti lok għal interpretazzjonijiet oħra li fil-bidu jidhru plawżibbli fid-dawl ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Minn naħa, din il-parti tista’ tiġi mifhuma li tfisser l-espressjoni konsenswali bejn il-banek fuq il-bżonn li jirrinunzjaw għas-sistema ta’ marġini fuq il-kambju minħabba l-evoluzzjoni tar-regolamentazzjoni li jirrigwarda l-Euro. Kif ġie preċedentement imfakkar, l-obbligu li jiġu użati r-rati irrevokabbli ta’ konverżjoni kellu bħala konsegwenza li jiġi fis-seħħ metodu ta’ pubblikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi tal-kambju separati mill-imsemija rati.

73      Min-naħa l-oħra, ir-rendikont [A] jinkludi elementi li jistgħu jqajmu dubji serji, jekk mhux direttament kontradiċenti, għall-interpretazzjoni li biha l-Kummissjoni kkonkludiet fuq il-preżenza ta’ ftehim ta’ “standardizzazzjoni tal-metodi ta’ fatturazzjoni” tas-servizzi tal-kambju. B’mod partikolari, jirriżulta mir-rendikont [A] li, waqt il-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, il-banek staqsew dwar jekk l-użu obbligatorju tar-rati irrevokabbli ta’ konverżjoni kellhomx il-konsegwenza ta’ l-obbligu għall-banek li jagħmlu użu mill-istess livell ta’ kummissjoni għall-kambju ta’ kull waħda mill-valuti nazzjonali jew jekk, bil-kontra, kienx possibbli li jadottaw livell ta’ kummissjoni speċifika għall-kull waħda minn dawn il-valuti. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti “peress li ma setgħux jiftehmu fuq li jsiru jafu jekk din il-kummissjoni kellhiex tkun l-istess għall-valuta kollha jew differenti minn valuta għall-oħra, il-parteċipanti ddeċidew li jinfurmaw lill-Bundesbank li […] ‘kull waħda mill-banek preżenti kienet ser tiddeċiedi waħedha dwar il-forma li fuqha kienet se tibbaża l-metodi ta’ fatturazzjoni ta’ [kummissjonijiet] futuri’ ” (punti 89 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-aħħar kwotazzjoni mir-rendikont [A] tneħħi għalhekk it-teżi ta’ ftehim fuq il-metodi ta’ fatturazzjoni.

74      It-tielet nett, hemm lok li jiġi kkonstatat, permezz tar-rikorrenti, li tip ta’ kummissjoni “espressa taħt forma ta’ perċentwali” (punt 115 tad-deċiżjoni kkontestata), tidher, fil-bidu, bħala metodu normali ta’ kif jiġu espressi l-prezzijiet tas-servizzji tal-kambju. F’dan ir-rigward, huwa possibbli li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnifisha għamlet użu minn din il-preżentazzjoni meta, fin-nota 43 (punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata), hija tat indikazzjoni tal-livell ta’ prezzijiet użati fis-sistema ta’ marġini fuq il-kambju. Barra minn hekk, sistema ta’ remunerazzjoni proporzjonali tidher iżjed komprensibbli mill-ispejjeż esposti mill-banek għall-għoti tas-servizzi tal-kambju (trasport, manutenzjoni, kustodja) li jistgħu jiżdiedu mal-volum ta’ l-operazzjonijiet tal-kambju. B’hekk, li jiġi adottat metodu ta’ espressjoni ta’ prezzijiet f’perċentwali ta’ l-ammont ta’ l-operazzjoni tal-kambju jidher, fil-bidu, partikolarment marbuta man-natura tas-servizzi kkonċernati u mhux ma kwalunkwe ftehim ta’ intenzjoni.

75      Il-Kummissjoni ċaħdet l-oġġezzjonijiet li bihom il-banek sostanzjalment isostnu l-argumenti tagħhom, minħabba li ma kien “la normali u l-anqas loġiku li kull bank jiddeċiedi individwalment li jbiddel [is-sistema ta’ marġini fuq il-kambju] f’kummissjoni espressa f’forma ta’ perċentwali” u li, “fil-fatt, jidher li d-Deutsche Bank inizjalment kellha l-intenzjoni li tagħti servizz gratwit” (punt 115 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rifjut ma ġie la argumentat u l-anqas sostnut. Fir-rigward ta’ l-invokazzjoni tal-politika ta’ Deutsche Bank, din mhijiex rilevanti, safejn hija tikkonċerna mhux il-metodi ta’ fatturazzjoni tas-servizzi tal-kambju, iżda r-rinunċja possibbli ta’ kompetitur milli jeżiġi r-remunerazzjoni għas-servizzi tiegħu waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni.  

76      B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata li tfisser ftehim li permezz tiegħu l-banek kellhom l-intenzjoni jadottaw metodu ta’ fatturazzjoni strettament proporzjonali għall-volum ta’ l-operazzjoni tal-kambju, billi jeskludu kull komponenti fissa. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma għandha l-ebda deċiżjoni inekwivoka f’dan is-sens. Barra minn hekk, jirriżulta direttament mill-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kellha għarfien dwar l-applikazzjoni minn ċerti banek ta’ metodu ta’ remunerazzjoni li jassoċja komponenti fissa (espressa permezz ta’ ammonti minimi) minflok komponenti kkalkulata f’perċentwali ta’ l-ammont ta’ l-operazzjoni tal-kambju. B’hekk, meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-11 ta’ Diċembru 2001, xi jiem qabel ma għalaq il-perijodu ta’ tranżizzjoni, hija ma tinjorax li numru ta’ banek irrikorrew għal metodi ta’ remunerazzjoni li jassoċjaw flimkien parti proporzjonali għall-volum u parti fissa.

77      Fit-tali ċirkustanzi, hemm lok biex jiġi ammess, fid-dawl tar-rikors, li r-rikorrenti waslet biex turi li l-Kummissjoni ma stabbilitx biżżejjed l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-metodu ta’ fatturazzjon tas-servizzi ta’ kambju tal-flus. Fin-nuqqas ta’ prova ta’ qbil fl-intenzjoni fuq dan il-punt, hemm lok li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat peress li huwa jirreferi għal ftehim li għandu bħala suġġett “li jiddetermina l-metodi ta’ fatturazzjoni tal-[kummissjonijiet] għall-operazzjonijiet ta’ kambju ta’ valuta bankarja nazzjonali f’valuta taż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri kummissjoni espressa f’perċentwali)”. Mhuwiex neċessarju li jiġu eżaminati lmenti oħra tar-rikorrenti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ provi tan-natura antikompetittiva tal-ftehim allegat u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

 Fuq il-ftehim li jirrigwarda l-ammont tal-kummissjonijiet fuq l-operazzjonijiet tal-kambju

 Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata

78      Sabiex jerġa jiġi kkostitwit il-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew waqt din il-laqgħa u tinstab l-eżistenza ta’ ftehim ta’ stipular tal-prezzijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rendikonti [A] u [B]. Skond id-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minn dawn iż-żewġ rendikonti li l-parteċipanti eżaminaw il-kwistjonijiet li ġejjin relatati mal-perijodu ta’ tranżizzjoni:

–        il-prinċipju tar-remunerazzjoni tas-servizzi tal-kambju tal-flus (punti 87 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        iż-żamma tal-marġini fuq il-kambju (punti 93 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-applikazzjoni ta’ kummissjoni uniformi għas-suddiviżjonijiet kollha ta’ l-Euro jew l-applikazzjoni ta’ kummissjoni proprja għal kull waħda minnhom (punti 89 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-metodu tal-kalkolu (kwotazzjoni ċerta jew inċerta) tal-kambju bejn suddiviżjonijiet ta’ l-Euro (punti 90 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-servizzi interbankarji tal-kambju tal-flus (punti 91 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Madankollu, ir-rendikonti [A] u [B] ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk seħħewx xi diskussjonijiet li jikkonċernaw il-livell ta’ kummissjonijiet tal-kambju tal-flus waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment, abbażi tar-rendikont [A], ta’ diskussjonijiet relatati ma’ l-istipular ta’ ammont ta’ madwar 3 % jew, għall-inqas, inkluż bejn it-2 u l-4 % (punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li r-rendikont [B] ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti (punti 96 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Il-Kummissjoni madankollu qieset li r-rendikont [A] kien ikkorroborat mid-dikjarazzjonijiet tal-Bayerische Landesbank waqt is-seduta (punti 96, 107 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Fl-evalwazzjoni ġuridika tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 ftehmu sabiex jiffissaw għal madwar 3 % il-livell ta’ kummissjoni għas-servizi ta’ kambju ta’ flus waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni (punti 102 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Il-Kummissjoni ċaħdet l-oġġezzjonijiet ta’ ċerti destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, li argumentat fuq in-nuqqas ta’ provi li ġew invokati. Fil-fatt, hija qieset li r-rendikont [A], waqt il-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, kien ikkorroborat b’dikjarazzjonijiet ta’ Bayerische Landesbank u tal-Commerzbank (punti 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Dawn l-impriżi sostnew inutilment li l-allegat ftehim kien, f’kull każ, mingħajr sens peress li prematur, meta jitqies il-perijodu ta’ bejn dan il-ftehim u l-bidu tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Il-Kummissjoni qieset għaldaqstant li r-rendikont [A] juri li l-parteċipanti raw li l-bidu tal-perijodu ta’ tranżizzjoni kien imminenti u ċaħdet l-oġġezzjonijiet tagħhom (punti 122 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      Il-banek ikkonċernati sostnew li, fil-verità, huma m’applikawx rata ta’ kummissjoni ta’ madwar 3 % u li huma ddeterminaw l-ammont ta’ kummissjoni li kellhom jieħdu, b’mod awtonomu. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-oġġezzjoni, billi qieset, minn naħa, li l-ksur ġie pprovat abbażi ta’ elementi dokumentati u mhux fuq imġiba parallela ta’ l-impriżi fis-suq, u, min-naħa l-oħra, li l-ftehim kien jelimina jew inaqqas sensibbilment l-inċertezzi fir-rigward ta’ l-imġiba tal-banek kompetituri, b’tali mod li l-ebda bank parteċipanti ma għamel użu minn rati inferjuri għal 3 % (punti 125 sa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti kollha li bihom il-banek ikkonċernati ppruvaw juru li l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 ma kellhiex bħala suġġett il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ l-iffissar orizzontali tal-prezzijiet.

86      Hija ċaħdet ukoll l-argumenti li jgħidu li l-laqgħa kellha l-iskop li tippermetti lil dawn l-impriżi jiffaċċjaw l-inċertezza li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 52 ta’ l-istatuti tas-SEBC. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li d-diskussjonijiet li l-banek involuti seta’ kellhom mal-Bundesbank fir-rigward ta’ l-Artikolu 52 ta’ l-istatuti tas-SEBC ma kinux jinkludu l-kummissjonijiet li kellhom jinġabru waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni (punti 133 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argument li jgħid li l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 intiża li tnaqqas l-inċertezzi regolamentari marbuta mar-riforma għall-Euro u li saret wara l-laqgħa madwar mejda tal-15 ta’ Mejju 1997 organizzata mill-Kummissjoni. Hija ppreċiżat, sostanzjalment, li l-laqgħa madwar il-mejda ma kinitx tikkonċerna l-kwistjoni tal-kummissjonijiet fuq il-kambju ffatturati mill-banek (ara r-rapport tal-grupp ta’ l-esperti ta’ l-20 ta’ Novembru 1997) (punti 136 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Il-Kummissjoni ma aċċettatx l-argumenti li jgħidu li l-laqgħa kellha bħala suġġett li jsir magħruf jekk huma setgħux iżommu l-marġini fuq il-kambju bħala metodu ta’ fatturazzjoni waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Fil-fatt hija qieset li, mill-1995, “kulħadd kien jaf li r-rati tal-kambju jiġu ffissati b’mod irrevokabbli u li dawn ir-rati fissi biss jistgħu jiġu użati”. Skond il-Kummissjoni, il-konsegwenza diretta ta’ din is-sitwazzjoni kienet li l-użu tal-marġini fuq il-kummissjoni jiġi pprojbit mill-bidu tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, hija sabet ukoll li, fil-laqgħa tal-15 ta’ Settembru 1997, il-Bundesbank kienet neħħiet l-ekwivoċi kollha fuq dan il-punt (punti 138 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti li fihom ċerti banek ippruvaw juru li s-suġġett tal-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 kienu s-servizzi interbankarji u mhux is-servizzi ta’ kambju tal-flus mill-bank. Fil-fatt, ir-rendikont [B] isemmi d-diskussjonjiet dwar dan l-aħħar tip ta’ servizz (punti 141 sa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Peress li ġie stabbilit is-suġġett antikompetittiv, il-Kummissjoni ma qisitx rilevanti li teżamina l-implementazzjoni tal-ftehim ikkonċernat li kellu bħala effett li jnaqqas il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija madankollu sabet li l-ammonti tal-kummissjonijiet iffatturati mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu bejn it-3 u l-4.5 % (punti 144 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

 L-argumenti tar-rikorrenti

91      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma waslitx biex tistabbilixxi l-fatti li tallega li jeżistu. Sostanzjalment, ir-rikorrenti tinnega kull kollużjoni fuq il-prezz tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti bl-imnut waqt il-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 u tikkontesta l-valur probatorju ta’ l-elementi kkunsidrati f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni. Hija ssostni li l-laqgħa kellha bħala għan li tiċċara ċerti inċertezzi regolamentari u tekniċi marbuta mad-dħul ta' l-Euro u li jaffettwaw prinċipalment is-servizzi interbankarji ta' kambju ta' muniti. Hija ssostni wkoll li l-ftehim li ssemmi l-Kummissjoni huwa nieqes minn kull sens.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

92      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li d-diskussjoni ta’ l-ammont ta’ kummissjonijiet fuq il-kambju kienet tikkostitwixxi ftehim ipprojbit mill-Artikolu 81 KE, peress li mhuwiex rilevanti li tieħu deċiżjoni fuq il-legalità tad-diskussjonijiet dwar inċertezzi ġuridiċi u tekniċi li kienu prevalenti fl-1997, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ remunerazzjoni tas-servizzi tal-kambju waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, tat-tneħħija tal-marġini fuq il-kambju, tal-metodu tal-kalkolu tal-kambju (kwotazzjoni ċerta jew inċerta) u l-użu ta’ rata unika ta’ kummissjoni għall-valuti kollha ta’ l-Istati Membri parteċipanti.

93      Il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-ksur tistrieħ fuq provi ddokumentati (punti 62, 120, 126, 142 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, jidher li l-prova tad-diskussjonijiet dwar l-iffissar tal-prezz tal-kummissjonijiet fuq il-kambju ta’ flus mal-bank tiġi minn dokument wieħed biss, jiġifieri r-rendikont [A]. L-ebda prova oħra dokumentata ma ġiet ippreżentata fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ diskussjonijiet fuq dan il-punt.

94      Madankollu, il-Kummissjoni qieset ukoll li r-rendikont [A] kien ikkorroborat minn żewġ elementi oħra meqjusa bħala elementi ta’ prova, jiġifieri, l-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta miż-żewġ parteċipanti fil-laqgħa kkonċernata u, it-tieni nett, l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq.

95      B’dawn l-elementi meħuda in kunsiderazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pprovatx biżżejjed l-eżistenza ta’ ċirkustanzi tat-tip li jerġgħu jqajmu l-validità tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet bejn il-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, fuq l-iffissar tal-prezz tas-servizzi kkonċernati fid-dawl tar-rendikont [A], tad-dikjarazzjonijiet tal-Commerzbank u tal-Bayerische Landesbank, kif ukoll ta’ l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq.

–       Fuq ir-rendikont [A]

96      Il-konstatazzjoni ta’ ksur tistrieħ fuq il-prova ddokumentata li ġejja, meħuda mir-rendikont [A] u kkwotata fil-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-banek preżenti fil-laqgħa esprimew l-intenzjoni tagħhom li jbiddlu d-dħul li jiġġeneraw attwalment il-marġini fuq il-kambju minn dħul li jiġu minn kummissjonijiet, u dan għal madwar 90 %. Skond il-banek, dan jirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3 %.”

97      Din il-parti mhijiex ċara u jekk meħuda waħedha, ma tippermettix li tinftiehem kif it-tibdil fis-sistema ta’ pubblikazzjoni ta’ kummissjonijiet fuq il-kambju jistgħu jeffetwaw id-“dħul” iġġenerat mill-imsemmija kummissjonijiet. Għandu għalhekk isir riferiment għall-parti kollha li minnha hija meħuda din il-kwotazzjoni. Din ġiet ikkwotata fil-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tinqara kif ġej:

“Differenzi fil-prezz bejn il-valuti fiż-żona ta’ l-Euro

Il-politika tal-prezzijiet applikata attwalment fis-suq tal-kambju Ġermaniż hija ftit jew wisq l-istess għall-banek kollha. Bħala eżempju, ix-Xelin Awstrijak jixtara u jinbiegħ għal prezz vantaġġuż, filwaqt li l-Lira Taljana tiswa ħafna. Is-Sur […] tal-Commerzbank, iqis li dawn id-differenzi fil-prezz bejn il-valuti taż-żona ta’ l-Euro għandhom jibqgħu jeżistu. L-argument tiegħu huwa li l-marġini attwali jistgħu jitqiesu li huma r-riżultat tal-libertà fil-mekkaniżmi tas-suq u li, b’hekk, is-sistema ta’ l-iffissar tal-prezzijiet għandha tiġi ssostitwita minn struttura li fiha l-ispejjeż sostnuti jkunu wkoll differenti. F’dan ir-rigward, Is-Sur […] (Bayerische Landesbank) iddikjara li d-differenzi bejn il-valuti ma setgħux jiġu ġġustifikati ħlief jekk ir-riskji tal-kambju sostnuti jkunu differenti. Issa, dan ma jkunx iżjed il-każ wara l-1 ta’ Jannar 1999, meta l-valuti kollha taż-żona ta’ l-Euro jiġu kkunsidrati bħala denominazzjonijiet ta’ l-Euro. Is-Sur […] żied li dawn mhumiex tant il-mekkaniżmi tas-suq li kienu l-kaġun tal-politika attwali fil-qasam tal-marġini fuq il-kambju, iżda li din il-politika kienet pjuttost minħabba ftehim taċitu fuq ir-rati tal-kambju. L-investigazzjoni ta’ l-[Istitut Monetarju Ewropew (IME)] iċċitat mis-Sur […], li qalet li l-ispejjeż tas-sistema bankarja Ġermaniża ma kinitx tinżel iżjed minn 10 % bit-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ l-Euro, turi li l-iffissar tal-prezz tal-kambju fis-suq ma kinitx minħabba mekkaniżmi tas-suq. Dan jindika wkoll l-eżistenza ta’ oligopolija pjottist milli ‘polipolija’.

Huwa għalhekk li s-sostituzzjoni tal-ftehim taċitu attwali fuq il-marġini differenti ma’ ftehim taċitu fuq il-kummissjonijet differenti ma jwassal la għal taqlib kbir u l-anqas għal telf ta’ dħul. Is-Sur […] jaqbel ma’ dan il-punt.

Fin-nuqqas ta’ qbil bejn il-parteċipanti fil-laqgħa fuq li jsir magħruf jekk kienx jaqbel li tiddaħħal kummissjoni unika jew kummissjoni differenti għal kull valuta, il-messaġġ li ġie mibgħut lill-Bundesbank hu li ġej

‘Kull waħda mill-banek preżenti għandha tiddeċiedi waħedha l-forma li se jieħu l-metodu ta’ fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż fil-futur.’

Il-banek preżenti fil-laqgħa esprimew l-intenzjoni tagħhom li jissostitwixxu d-dħul li jiġi attwalment mill-marġini fuq il-kambju ma’ dħul li jiġi minn kummissjonijiet, u dan għal madwar 90 %. Skond il-banek, dan jirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3 %.”

98      Din il-parti tittratta l-kwistjoni li jsir magħruf jekk, waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-banek jistgħux jibqgħu jiffatturaw is-servizzi tal-kambju ta’ flus skond il-karatteristiċi tagħhom fis-suq ta’ kull waħda mill valuti jew jekk il-wasla ta’ l-Euro fiduċjarja fl-1 ta’ Jannar 1999 għandhiex twassal għall-użu ta’ livell ta’ kummissjoni identika għall-kull valuta ta’ l-Istati Membri parteċipanti. Din il-parti ma tittrattax għalhekk il-kwistjoni tad-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ kummissjonijiet iżda dik li jsir magħruf jekk kienx hemm bżonn ta’ livell ta’ kummissjoni unika, applikabbli għall-valuti nazzjonali qodma kkonċernati jew iżjed għal-livelli milli għall-valuti. Il-kwotazzjoni hawn fuq turi li ma kienx hemm qbil bejn il-partijiet fuq dan il-punt.

99      Il-parti użata mill-Kummissjoni sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ftehim illegali tqajjem tliet kummenti.

100    L-ewwel nett, bi tneħħija ta’ “marġini tal-kambju”, ir-rendikont [A] jidher li qed jirreferi għat-tneħħija tas-sistema ta’ marġini tal-kambju wara d-dħul fis-seħħ tar-rati irrevokabbli ta’ konverżjoni fl-1 ta’ Jannar 1999. Fil-fatt, il-parteċipanti waslu għall-bżonn li jissostitwixxu din is-sistema bl-użu ta’ kummissjonijiet fuq il-kambju espliċiti u distinti mir-rata irrevokabbli ta’ konverżjoni applikata (ara l-punti 88, 93 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Barra minn hekk, anki kif issotni r-rikorrenti, ir-riferiment għaż-żamma ta’ 90 % tad-“dħul” iġġenerat mis-sistema ta’ “marġini tal-kambju” għandha tiġi inkluża fid-dawl tal-kuntest tal-laqgħa kkonċernata. Dan il-punt ma jirreferix għal diskussjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu lill-parteċipanti fil-laqgħa ċertu livell ta’ “dħul” iżda l-konsegwenza diretta tat-tneħħija ta’ riskju fuq il-kambju.

102    Fil-fatt, jirriżulta mir-rikors li l-iffissar ta’ rati irrevokabbli ta’ konverżjoni kellha bħala konsegwenza li tneħħi r-riskju fuq il-kambju fil-bidu tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant, billi tneħħiet il-varjazzjoni tar-rati tal-kambju, l-operaturi li kienu joffru servizzi ta’ kambju ta’ flus raw għalhekk li l-ispejjeż li kienu kkaġunati mill-volatilità tar-rati eżistenti f’dak iż-żmien, ma kinux għadhom hemm. Fir-rapport tagħha tat-23 ta’ April 1997 (punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata; ara l-anness 23 tar-rikors), l-IME evalwat il-vantaġġ ekonomiku li kien jirriżulta mit-tneħħija tar-riskju tal-kambju. Hija qieset ukoll li l-ispejjeż tas-servizzi tal-kambju fil-Ġermanja setgħu jiġu maqsuma f’erba’ kategoriji, fil-proporzjonijiet li ġejjin:

–        riskju tal-kambju: 5 sa 10 %;

–        spejjeż għal ripatrijazzjoni (assigurazzjon u trasport): 5 sa 10 %;

–        spejjeż ta’ tranżazzjoni (pagi; manipulazzjoni; amministrazzjoni): 70 sa 85 %;

–        spejjeż ta’ “opportunità” (detenzjoni ta’ riżervi ta’ flus f’valuta barranija): 5 sa 10 %.

103    L-IME qieset li t-tneħħija tar-riskju tal-kambju seta jwassal għal tnaqqis fl-ispiża – u għaldaqstant tal-prezzijiet – tas-servizzi tal-kambju ta’ flus ta’ madwar 5 sa 10 %. Dan ir-rapport, anki jekk ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali mill-IME, kien imxerred sew fost l-organi rappreżentattivi tas-settur bankarju, kif juru d-dispożizzjonijiet tal-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata.

104    Ir-riżultat ta’ din l-analiżi ta’ l-IME ma ġiex ikkontestat peress li, waqt laqgħa madwar mejda organizzata mill-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tas-settur bankarju sostnew li, waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, “ir-riskju tal-kambju ċertament ikun tneħħa – bl-ispejjeż jitnaqqsu b’madwar 20 % - iżda l-ispejjeż bażiċi l-oħra jibqgħu kif inhuma” (laqgħa maqwar il-mejda li tikkonċerna l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni għall-Euro: taqsira u konklużjoni; ċifri msemmija fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    B’hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fuq ir-rendikont [A] hija konvinċenti. Hemm lok biex jiġi ammess li, bid- 90 % indikat, ir-rendikont [A] jirreferi għat-tnaqqis ta’ madwar 10 % ta’ l-ispejjeż tas-servizzi tal-kambju ta’ flus inċentivat mit-tneħħija tar-riskju fuq il-kambju. B’dan it-tnaqqis ikkalkulat, il-kummissjonijiet miġbura waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni għandhom ukoll jonqsu b’10 %, b’mod li dawn il-kummissjonijiet ikunu jistgħu jkopru 90 % ta’ l-ispejjeż attwali.

106    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwotazzjoni mir-rendikont [A] li ssemmi kummissjoni ta’ madwar 3 %, ir-rikorrenti ssostni li dan jirrigwarda, l-iżjed, interpretazzjoni ta’ l-istat tas-suq, skond l-informazzjoni ta’ l-IME.

107    Dan l-argument jidher fondat. Fil-fatt, fir-rapport tagħha tat-23 ta’ April 1997, l-IME tagħat indikazzjoni fuq il-kobor tal-marġini bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ u, f’dan is-sens, għamlet distinzjoni bejn tliet gruppi ta’ valuta:

–        grupp 1 [il-Frank Belġjan (BEF), il-Mark Ġermaniż (DEM), il-Fjorin Olandiż (NLG), ix-Xelin Awstrijak (ATS), u l-Frank Franċiż (FRF): marġini dgħajfa ta’ inqas minn 2 %;

–        grupp 2 [il-Lira Sterlina (GBP), il-Lira Taljana (ITL), il-Peżeta Spanjola (ESP), l-Iskud Portugiż (PTE), il-Kroner Żvediża (SEK), il-Lira Irlandiża (IEP)]: marġini medja, bejn it-2 u l-4 %;

–        grupp 3 [id-Drakma Griega (GRD) kontra l-valuti l-oħra]: marġini għolja li taqbeż il-5 %.

108    Dawn l-elementi jikkonfermaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li l-indikazzjoni ta’ livell ta’ kummissjoni fuq il-kambju ta’ “madwar 3 %”, li kieku seħħet, tidher li f’kull każ tirrifletti l-istat tas-suq pjuttost milli l-eżistenza ta’ ftehim orizzontali fuq l-iffissar tal-prezzijiet.

109    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet ix-xhieda ta’ persuni li kienu preżenti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, is-Sinjuri [C] (VUW) U [D] (Hamburgische Landesbank), fejn jirriżulta li, jekk il-kwistjoni tal-livell tal-kummissjonijiet tal-kambju (tnaqqis relatat mat-tneħħija tar-riskju fuq il-kambju) ġiet invokata waqt il-laqgħa, skond ix-xhieda dan jirrigwarda biss punt minuri, li ma tax lok għal diskussjonijiet li jirrigwardaw l-iffissar ta’ l-ammont tagħhom.

110    Fid-dawl ta’ dak li diġà ntqal, hemm lok biex jiġi kkunsidrat li r-rendikont [A] ma jidhirx li jipprova, b’mod determinanti, l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-kummissjonijiet tal-kambju ta’ flus ta’ madwar 3 %. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu eżaminati elementi ta’ prova oħra ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ta’ dawk invokati mir-rikorrenti sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta jiġu evalwati, dawn l-elementi jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tatx il-prova li kien jeżisti ftehim fuq l-iffissar tal-prezzijiet.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Commerzbank u tal-Bayerische Landesbank

111    Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ diskussjoni fuq ir-rata ta’ kummissjoni li jqajjem ir-rendikont [A] hija kkorroborata bil-proposti tal-Commerzbank u tal-Bayerische Landesbank waqt is-seduta (punti 96, 107 u 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nota 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumissjoni tirreferi wkoll għar-risposti għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tar-rikorrenti, tal-Westdeutsche Landesbank u tal-Hamburgische Landesbank.

112    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonfermaw l-opinjoni ta’ l-eżistenza ta’ qbil ta’ intenzjonijiet fuq l-iffissar tal-prezzijiet hija diskutibbli. Jekk il-banek ikkonċernati ddikjaraw li “ċerti rappreżentanti ta’ ċerti banek semmew figuri ta’ bejn it-2 u l-4 %”, per eżempju (punt 107 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ebda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma jikkonfermaw espressament l-eżistenza ta’ diskussjoni fuq l-iffissar ta’ rata ta’ kummissjoni.

113    Huwa ċertament veru li l-iffissar ta’ livell ta’ riferiment jew ta’ livell ta’ prezz li jrid jintlaħaq jista’ jikkostitwixxi metodu ta’ ffissar ta’ prezzijiet illegali peress li, fit-tali ċirkustanza, il-prezzijiet mhumiex iżjed ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet awtonomi ta’ l-operaturi iżda tal-qbil ta’ l-intenzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-figuri ppreżentati (“bejn 2 u 4 %”; “madwar 3 %”; “bejn 2 u 6 %”; ara l-punt 107 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota 44) jirriflettu l-fatt li – kif ġie sostnut preċedentement – il-prezzijiet tas-suq bħal ma setgħu jiġu kkonstatati mill-IME, mhumiex ċari u jippreżentaw marġini kbira (b’ċaqlieq minn normali għal wieħed triplu). Għaldaqstant, in-natura probatorja ta’ dawn l-elementi tidher dubjuża.

–       Fuq l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq

114    Sussidjarjament, il-Kummissjoni sostniet li l-parteċipanti, wara l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, ikkonformaw l-imġiba tagħhom fir-rigward tal-prezzijiet skond it-termini ta’ l-allegat ftehim. Fil-punt 145 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tiċċita r-rati użati mid-Dresdner Bank, Commerzbank, HVB, VUW, GWK u Reisebank. Dawn ir-rati huma bejn it-3 u l-4.5 %, filwaqt li ċerti banek jiffatturaw ukoll ammont fiss.

115    Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni minn dawn l-elementi. Sostanzjalment, hija ssostni li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq ir-rati ta’ kummissjoni, mingħajr ma tinkludi fl-analiżi tagħha r-rata fissa tad-dħul tagħhom. Issa, bid-djufija ta’ l-ammonti li fuqhom isiru l-operazzjonijiet tal-kambju, din il-parti kellha influwenza importanti fuq l-ammont ta’ remunerazzjoni miġbura. Analiżi korretta tar-rati mitluba bejn l-1998 u l-perijodu ta’ tranżizzjoni twaqqa’ l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

116    Dawn l-argumenti jidhru rilevanti, safejn il-parti l-kbira tas-servizzi kkonċernati huma bbażati fuq ammonti inferjuri għal EUR 200 (is-sottomissjoni ta’ l-ilmenti ssemmi l-proporzjon ta’ 70 %, ara l-punt 9 tas-sottomissjoni ta’ l-ilmenti), il-fatturazzjoni ta’ kummissjonijiet b’rata fissa ta’ DEM 5 jew 10 jew ta’ volum minimu ta’operazzjonijiet tal-kambju għandhom impatt kunsiderevoli fuq l-ammont li huwa realment iffatturat mill-banek, ġaladarba tiġi espressa din il-perċentwali. B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li teżamina biss ir-rata ta’ kummissjoni mitluba, peress li din kienet toffri biss indikazzjoni parzjali tal-prezz mitlub lill-konsumatur.

117    It-tariffi partikolari użati fl-1999 mir-rikorrenti u banek oħrajn jidru fil-punt 56 tas-sottomissjoni ta’ l-ilmenti. Jirriżulta minn dawn l-elementi differenti li l-kummissjonijiet mitluba jvarjaw minn bank għall-ieħor b’mod kunsiderevoli meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż totali tas-servizzi tal-kambju (rata ta’ kummissjoni u ammont ta’ rata fissa jew volum minimu). Fir-rigward tas-sena 2000, ir-rikorrenti ressqet artiklu ta’ l-istampa li juri l-livelli ta’ kummissjonijiet mitluba mill-banek (l-anness 25 tar-rikors). Jirriżulta minn dan id-dokument li għal kull DEM 100 li jiġu maqluba, il-prezz tas-servizzi tal-kambju mitluba minn 21 bank Ġermaniż ivarja minn 0 sa DEM 25. Għal DEM 1000 maqluba, il-marġini tal-prezz kien bejn 0 u DEM 50. F’perċentwali, din l-informazzjoni tannulla l-validità tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt operati mill-Kummissjoni (punt 145 tad-deċiżjoni kkontestata) li jgħidu li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata rabtu l-prezz tagħhom f’marġini ta’ bejn 3 u 4.5 %. L-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż b’mod definittiv li l-konverġenzi ta’ prezz lejn “livell” kellu impatt iżjed minn dak li hu normali bejn il-parteċipanti fis-suq. Bil-kontra, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-bidu tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-kummissjonijiet naqqsu kunsiderevolment, ħaġa li tista’ tispjega t-tneħħija tar-riskju fuq l-operazzjonijiet tal-kambju. Din it-tendenza ttawlet sa l-aħħar tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, li jikkorrispondi għat-tneħħija tas-servizzji tal-kambju tal-flus mis-suq, tal-valuti ta’ l-Istati Membri parteċipanti.

118    Konsegwentement, l-elementi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni qieset li r-rendikont [A] kien ikkorroborat mill-imġiba parallela tal-banek involuti fis-suq, mhumiex konvinċenti.

119    L-elementi kollha tar-rikors li qed jiġu eżaminati jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi suffiċjentement li kien hemm il-ftehim li hija tallega, fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet tas-servizzji tal-kambju tal-flus għall-valuti fiż-żona ta’ l-Euro waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni kif ukoll il-metodi ta’ fatturazzjoni ta’ dawn il-prezzijiet. Isegwi li l-motivi li jirrigwardaw l-ineżattezza tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u fin-nuqqas tan-natura probatorja ta’ l-indizzji miżmuma f’isimha għandhom jiġi ddikjarati bħala fondati.

120    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

121    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/25/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura bil-miftuħ skond l-Artikolu 81 KE [Każ COMP/E - 1/37.919 (ex 37.391) – Spejjeż tal-bank għal konverżjoni ta’ valuta fiż-żona ta’ l-Euro – il-Ġermanja], hija annullata f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2004

Registratur

 

       President

H. Jung

 

       P. Lindh

Werrej

Il-kuntest regolmentari

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tar-rikorrenti

Id-dritt

Fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt

Fuq il-ftehim dwar il-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjoni fuq il-kambju

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ftehim li jirrigwarda l-ammont tal-kummissjonijiet fuq l-operazzjonijiet tal-kambju

Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq ir-rendikont [A]

– Fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Commerzbank u tal-Bayerische Landesbank

– Fuq l-imġiba tal-parteċipanti fis-suq

Fuq l-ispejjeż





* Langue de procédure : il-Ġermaniż.