Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fit-2 ta’ Frar 2022 – Infraestruturas de Portugal, SA, Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA vs Toscca Equipamentos de Madeira Ldª

(Kawża C-66/22)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Infraestruturas de Portugal, SA, Futrifer Indústrias Ferroviárias, SA

Konvenut: Toscca Equipamentos de Madeira Ldª

Domandi preliminari

Ir-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 tikkostitwixxi “riżerva ta’ deċiżjoni” tal-awtorità kontraenti?

Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jissostitwixxi kompletament id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 57(4)(d) tad-Diretiva 2014/24/UE b’deċiżjoni (jiġifieri, bl-effetti ta’ deċiżjoni) ġenerika tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tapplika sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul perijodu speċifiku, adottata fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni?

Id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-“affidabbiltà” tal-operatur ekonomiku fid-dawl tal-osservanza (jew in-nuqqas ta’ osservanza) tar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni barra mill-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tinftiehem li teħtieġ evalwazzjoni bbażata fuq in-natura xierqa relattiva ta’ dan l-operatur ekonomiku, li tagħmel parti minn espressjoni konkreta tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Tista’ titqies li hija konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 55(1)(f) tal-CCP1 li tissuġġetta l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ibbażata fuq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ma għandux x’jaqsam mal-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, għal dak li jiġi deċiż mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni meta tapplika s-sanzjoni anċillari ta’ projbizzjoni minn parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, proċedura li fil-kuntest tagħha hija l-Awtorità għall-Kompetizzjoni li tevalwa r-rilevanza tal-miżuri ta’ self-cleaning adottati?

Barra minn hekk, tista’ wkoll titqies bħala konformi mad-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE s-soluzzjoni adottata mid-dritt Portugiż fl-Artikolu 70(2)(g) tal-CCP li jillimita l-possibbiltà ta’ esklużjoni ta’ offerta minħabba l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ atti, ftehim, prattiki jew informazzjoni li tista’ toħloq distorsjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-proċedura konkreta ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha jinstabu dawn il-prattiki?

____________

1 ĠU 2014, L 94, p. 65; rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

1 Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.