Language of document : ECLI:EU:F:2014:94

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑140/12

Christodoulos Alexandrou

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/231/12 — Aċċess għal dokumenti — Rifjut tat-talba konfermattiva ta’ aċċess għall-mistoqsijiet b’għażla ta’ tweġibiet magħmula fit-testijiet ta’ aċċess”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu C. Alexandrou jitlob essenzjalment l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Settembru 2012 li tiċħad it-talba konfermattiva tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti u, sa fejn ikun neċessarju, tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012 tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), li tirrifjutalu l-komunikazzjoni ta’ seba’ mill-mistoqsijiet b’għażla multipla ppreżentati waqt it-testijiet ta’ ammissjoni li jagħtu aċċess għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/231/12 (iktar ʼil quddiem il-“kompetizzjoni”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Alexandrou għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Rikors għal annullament dwar deċiżjonijiet adottati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 — Esklużjoni — Talbiet ta’ aċċess għal dokumenti marbuta ma’ proċedura mal-kompetizzjoni — Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 1; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2) u 91(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001))

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Eliminazzjoni ta’ kandidat minħabba riżultati insuffiċjenti miksuba fl-eżamijiet b’għażla multipla — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Komunikazzjoni tal-marka eliminatorja finali — Motivazzjoni suffiċjenti ħlief fil-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25(2))

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Eliminazzjoni ta’ kandidat minħabba riżultati insuffiċjenti miksuba fl-eżamijiet b’għażla multipla — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Dritt kweżit tal-kandidati għall-kisba ta’ kopja tal-eżami — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25(2))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ legalità — Preżunzjoni ta’ indizji ta’ natura li jikkontestaw il-legalità tal-att — Oneru tal-prova

(Artikolu 288 TFUE)

1.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sabiex jistħarreġ il-legalità tal-atti adottati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, iżda ma għandux ġurisdizzjoni fuq rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni adottata minn istituzzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-ġurisdizzjonijiet rispettivi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, għandhom ikunu msejsa fuq kriterji oġġettivi u ma jistgħux jiddependu fuq klassifikazzjonijiet tal-atti mwettqa mill-partijiet u, b’mod partikolari, fuq il-volontà tar-rikorrenti li tistitwixxi proċedura amministrattiva waħda jew l-oħra qabel il-preżentata tar-rikors, u lanqas fuq dik tal-istituzzjoni li tipproċessa talba għal aċċess għal dokument abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, il-kriterju sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni hija l-bażi ġuridika tad-dritt tar-rikorrenti sabiex jitlob l-aċċess għal dokumenti.

Talba min-naħa ta’ rikorrenti sabiex jingħata l-mistoqsijiet tat-testijiet tiegħu ta’ ammissjoni hija marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u ma’ dik tal-punt 6.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali u taqa’, manifestament, fil-kuntest ta’ kawża maħsuba sabiex tiġi kkontestata l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-kompetizzjoni. Għalhekk, peress li s-suġġett tar-rikors huwa deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta li tagħti aċċess lir-rikorrent għall-mistoqsijiet inkwistjoni, isegwi li dan tal-aħħar qiegħed jitlob l-annullament ta’ att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2), u tal‑Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux deċiżjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 17 u 19 sa 27)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 13 ta’ Diċembru 2012; Il-Kummissjoni vs Strack, T‑197/11 P u T-198/11 P, punt 54

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Settembru 2012, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni, F‑96/09, punt 60; 2 ta’ Diċembru 2013, Pachtitits vs Il-Kummissjoni, F-49/12, punt 22


2. L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, bħal dik meħuda minn Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kandidat, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni.

Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, amministrazzjoni li torganizza eżamijiet għal reklutaġġ fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tikkomunika lill-kandidati li ma jkunux għaddew minn dawn l-eżamijiet il-proporzjoni, f’perċentwali, tat-tweġibiet korretti u billi tagħtihom, fil-każ ta’ talba f’dan is-sens, it-tweġiba li kellha tingħata għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula.

Ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza partikolari ċ-ċirkustanza li, fl-eżamijiet l-oħra, il-marki miksuba minn kandidat huma ħafna ogħla minn dawk miskuba fit-test tar-raġunament verbali, meta, fl-assenza tal-inqas indizju f’dan ir-rigward, din tikkostitwixxi sempliċi allegazzjoni li ma tippermettix li jiġi konkluż li l-mistoqsijiet kontenzjużi huma vvizzjati b’xi żball.

(ara l-punti 34, 37 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T-53/00, punt 67; 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T-33/00, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il-Kummissjoni, F‑127/07, punt 32; 29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il-Kummissjoni, F-7/07, punti 136 u 138

3. Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fuq ir-riżultati tal-kompetizzjoni, rikorrenti li ma jkunx għadda l-eżamijiet ta’ ammissjoni fuq il-kompjuter ma jistax jippretendi li l-istituzzjoni tkun kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ rispett lejn id-drittijiet kweżiti jew il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk huwa ma jiksibx kopja tal-eżami, filwaqt li jibbaża ruħu fuq prassi preċedenti li skontha kien kiseb kopja tal-eżamijiet bil-miktub tiegħu. It-testijiet ta’ ammissjoni fuq il-kompjuter jifformaw parti minn sistema ta’ testijiet mwettqa bl-għajnuna ta’ database li minnha l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal itella, b’mod aleatorju, il-mistoqsijiet tat-testijiet ta’ raġunament verbali u numeriku. Għalhekk, il-fatt li l-mistoqsijiet magħmula lill-kandidati jintgħażlu b’mod aleatorju mill-programm tal-informatika jindrizza l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-kandidati, filwaqt li jippermetti l‑organizzazzjoni ta’ eżamijiet mifruxa fuq diversi ġranet fl-interess tal-kandidati stess.

(ara l-punti 47 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, punt 18

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ April 2010, Matos Martins vs Il-Kummissjoni, F‑2/07, punt 178

4. Att amministrattiv igawdi minn preżunzjoni ta’ legalità u l-oneru tal-prova jinkombi, bħala regola ġenerali, lil min jallega, b’mod li hija l-persuna ikkonċernata li għandha tipprovdi tal-inqas indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-veraċità jew il-verosimiljanza tal-fatti insostenn tal-pretensjoni tiegħu.

Konsegwentement, rikorrenti li ma jkollux la prova u lanqas, tal-inqas, għadd ta’ indizji għandu jaċċetta l-preżunzjoni tal-legalità marbuta mad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Għażla jew l-amministrazzjoni involuta fil-kompetizzjoni. Isegwi li, fil-kuntest ta’ rikors kontra tali deċiżjonijiet, rikorrent ma jistax sempliċement jivvinta sempliċi allegazzjonijiet jew konvinzjonijiet personali filwaqt li jsostni li l-amministrazzjoni ma kkomunikatlux l-informazzjoni li tista’ tippermetti l-istħarriġ tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha u li b’hekk huwa ġie mċaħħad mid-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll mid-dritt għal rimedju effettiv.

(ara l-punti 52 u 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Novembru 1996, Brulant vs Il-Parlament, T‑272/94, punt 35; 13 ta’ Lulju 2000, Griesel vs Il-Kunsill, T-157/99, punt 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il-Kummissjoni, F‑15/08, punt 21