Language of document : ECLI:EU:T:2023:653

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna COM/1/AD 10/18 – Deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva – Ugwaljanza fit-trattament – Stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla – Ġurisdizzjoni sħiħa – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑535/22,

NZ, irrappreżentata minn H. Tagaras, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff, T. Lilamand, I. Melo Sampaio u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, NZ, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-10 ta’ Frar 2022 li tiċħad it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tas-6 ta’ Frar 2020 li isimha ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni interna COM/1/AD 10/18 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2022”).

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl-20 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ippubblikat avviż ta’ kompetizzjoni interna bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet bl-għan li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-gradi AD 10 (COM/1/AD 10/18) u AD 12 (COM/2/AD 12/18) f’ħames oqsma.

3        Ir-rikorrenti u 217 persuna oħra applikaw għall-kompetizzjoni interna COM/1/AD 10/18 fil-qasam “Koordinazzjoni, komunikazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, awditu” (iktar ’il quddiem il-“qasam inkwistjoni”), li għalih l-Awtorità tal-Ħatra xtaqet tistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ sittax-il kandidat li jkunu għaddew mill-kompetizzjoni.

4        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ġiet informata li hija kienet kisbet waħda mill-aħjar marki waqt is-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki u li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex tiġi mistiedna tipparteċipa fl-eżami orali.

5        Fit-28 ta’ Novembru 2019, hija għamlet l-eżami orali. B’kollox kienet hemm 43 kandidat li għamlu l-eżami orali bejn it-28 ta’ Novembru u t-13 ta’ Diċembru 2019.

6        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2020, il-Bord tal-Għażla ddeċieda li ma jinkludix isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ riżerva minħabba li hija kienet kisbet marka globali ta’ 15.5/20 fl-eżami orali, li kienet inqas mil-limitu minimu ta’ 16/20 li kellu jintlaħaq għall-inklużjoni fost l-aħjar sittax-il kandidat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2020”).

7        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti talbet l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2020. Din it-talba għal eżami mill-ġdid ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tad-29 ta’ April 2020, li kontriha r-rikorrenti ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE.

8        Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, NZ vs Il-Kummissjoni (T‑668/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:667), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2020 minħabba li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

9        B’eżekuzzjoni tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, NZ vs Il‑Kummissjoni (T‑668/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:667), il-Bord tal-Għażla, permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2022, adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub, informa lir-rikorrenti li kien iddeċieda li jiċħad it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal-14 ta’ Frar 2020 minħabba li l-marka miksuba fl-eżami orali (15.742/20, arrotondat għal 15.5/20) kienet inqas mill-marka minima meħtieġa sabiex tiġi inkluża fil-lista ta’ riżerva (15.75/20, arrotondat għal 16/20).

10      Fis-16 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2022, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tad-19 ta’ Lulju ta’ wara (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

II.    It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2022 u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment kif ukoll, sussidjarjament, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2020;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tal-kawża

13      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid tissostitwixxi, b’dan il-mod, id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, NZ vs Il‑Kummissjoni, T‑668/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:667, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti huwa d-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

15      Fir-rigward tat-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jitfakkar li l-ilment amministrattiv, kif imsemmi fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari sabiex tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu bħala effett li jirreferi lill-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu l-ilment ġie ppreżentat, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu ġie fformat l-ilment (ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni (T‑347/12, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Fil-fatt, id-deċiżjoni li tiċħad ilment, kemm jekk hija impliċita jew espliċita, kull ma tagħmel, jekk hija pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew in-nuqqas li dwaru l-persuna tressaq ilment, u meħuda waħedha, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, XI vs Il-Kummissjoni, T‑528/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:594, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li t-talbiet diretti kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali għandhom jitqiesu li huma diretti kontra l-att inizjali.

17      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma għandhiex portata differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Awtorità tal-Ħatra tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li isimha ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva. Is-sempliċi fatt li l-Awtorità tal-Ħatra kellha, b’risposta għall-ilment, tikkompleta jew temenda l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġġustifika li ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment titqies li hija att awtonomu li jikkawżalha preġudizzju. Fil-fatt, il-motivazzjoni tal-imsemmija ċaħda hija intiża li ssir parti mid-deċiżjoni li hija kkontestata li kontriha tressaq dan l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il-Kummissjoni (T‑20/21 P, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jitqies li huwa dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq it‑talba għal annullament

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi.

20      Permezz tat-tielet motiv tagħha, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Bord tal-Għażla ma baqax stabbli biżżejjed fil-kompożizzjoni tiegħu matul l-eżami orali u li l-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati minn dan il-Bord tal-Għażla, jekk jitqiesu li ġew stabbiliti, kienu inadegwati u insuffiċjenti.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

22      Hija tikkunsidra li l-Bord tal-Għażla ffunzjona b’mod stabbli matul l-eżamijiet orali ma’ president supplenti li jeżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni u qalba ta’ eżaminaturi preżenti ħafna.

23      Din l-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla ma tirrikjedix miżuri ta’ koordinazzjoni tal-istess rigorożità bħal dawk applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali b’ċentru ta’ evalwazzjoni organizzati sa mill-2010. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-Bord tal-Għażla ħa miżuri ta’ koordinazzjoni suffiċjenti sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati.

24      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx kif varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, jekk tiġi preżunta stabbilita, setgħet taffettwa d-drittijiet tagħha.

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġu rreklutati l-uffiċjali li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, impost mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandhom jiggarantixxu, kull wieħed fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, li l-kompetizzjonijiet jiżvolġu fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati u ta’ oġġettività fl-għoti tal-marki (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il‑Kummissjoni, T‑20/21 P, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Sabiex jiġi ggarantit li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kandidati kollha eżaminati fl-eżamijiet isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività, il-kriterji ta’ għoti tal-marki għandhom ikunu uniformi u applikati b’mod koerenti għal dawn il-kandidati. Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, li, sa fejn huwa possibbli, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tibqa’ stabbli matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il-Kummissjoni, T‑193/00, EU:T:2002:29, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il-Kummissjoni, T‑20/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Dan ir-rekwiżit huwa impost b’mod partikolari fl-eżamijiet orali, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, peress li dawn l-eżamijiet huma min-natura tagħhom inqas uniformi mill-eżamijiet bil-miktub (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO (T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata)

28      Madankollu, ġie deċiż li ż-żamma tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet ma kinitx obbligu fiha nnifisha, iżda mezz sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-koerenza fl-għoti tal-marki u l-oġġettività tal-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il‑Kummissjoni, T‑20/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għalhekk, il-Bord tal-Għażla jista’ validament jiżgura l-koerenza fl-għoti tal-marki u l-oġġettività tal-evalwazzjoni permezz ta’ mezzi oħra. B’mod partikolari, fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni u tal-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, jista’ jkun suffiċjenti li l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tinżamm biss f’ċerti fażijiet ewlenin tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il-Kummissjoni, T‑20/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, anki jekk il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma baqgħetx stabbli matul l-eżamijiet, l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati tista’ tiġi żgurata jekk il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi l-koordinazzjoni neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji għall-għoti tal-marki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punti 208 sa 216).

30      F’dan il-każ, billi ddeċidiet li l-kompetizzjoni għandha tinkludi ħames oqsma kif ukoll ħames listi ta’ riżerva distinti, li kull waħda minnhom tinkludi numru differenti ta’ kandidati li għaddew, u billi ppreċiżat, barra minn hekk, li l-kandidati setgħu jirreġistraw ruħhom biss f’qasam wieħed, l-Awtorità tal-Ħatra eskludiet kull possibbiltà ta’ paragun bejn il-kandidati tal-ħames oqsma tal-kompetizzjoni interna kkonċernata. Huwa għalhekk biss fir-rigward tal-kandidati li għażlu l-qasam inkwistjoni li għandu jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ġiex osservat.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla waqt l-eżamijiet orali

31      Qabel xejn, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Għażla ffunzjonax b’mod stabbli matul l-eżamijiet orali.

32      F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta li, wara l-irtirar ta’ wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla, il-Bord tal-Għażla kien finalment kompost minn għaxar membri matul l-eżamijiet orali. Dawn l-eżamijiet saru fuq disat ijiem, bejn it-28 ta’ Novembru u t-13 ta’ Diċembru 2019, u, matul dawn it-testijiet ġew intervistati 43 kandidat.

33      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-5 ta’ Settembru 2019, il-presidenza tal-Bord tal-Għażla fil-qasam inkwistjoni ġiet fdata lil A, wieħed miż-żewġ presidenti supplenti. Barra minn hekk, mit-tabella li tinkludi l-kompożizzjoni ta’ kuljum tal-formazzjoni tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li l-membri supplenti assumew rwol iktar wiesa’ minn dak li normalment ikollhom jiżvolġu, peress li huma assistew għall-maġġoranza kbira ħafna tal-eżamijiet orali.

34      F’dan ir-rigward, għalkemm president supplenti jista’, bħala prinċipju, jaġixxi bħala president tal-Bord tal-Għażla biss meta l-proprjetarju jkun irriżenja jew meta ma jkunx possibbli għalih li jippresjedi, wara avvenimenti li ma jiddependux mir-rieda tal-amministrazzjoni, il-fatt li l-Bord tal-Għażla ddeċieda li l-presidenza ta’ wieħed mill-oqsma tal-kompetizzjoni tiġi eżerċitata sistematikament mill-President supplenti, li l-kapaċità tiegħu li jmexxi x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, ma jipperikolax, bħala tali, l-ugwaljanza u l-oġġettività tal-kompetizzjoni. Dan l-istess raġunament japplika għall-membri l-oħra supplenti tal-Bord tal-Għażla li l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom ma ġietx ikkontestata. Fil-fatt, l-għażla li jkun hemm formazzjoni komposta b’mod stabbli minn membri kkwalifikati tista’ biss issaħħaħ il-kundizzjonijiet favorevoli għal trattament ugwali għall-kandidati kollha li jikkonċernaw l-istess qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il‑Kummissjoni, T‑165/03, EU:T:2004:331, punti 37 sa 41).

35      Madankollu, mit-tabella li turi l-kompożizzjoni ta’ kuljum tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li, minn disat ijiem biss ta’ eżamijiet, il-Bord tal-Għażla kien f’għaxar formazzjonijiet differenti ta’ tliet membri. Barra minn hekk, l-ebda membru, uffiċjal jew supplenti, ma ħa sehem fl-eżamijiet kollha.

36      Minn dan jirriżulta li, minkejja li din kienet kompetizzjoni b’parteċipazzjoni mnaqqsa li tiżvolġi fuq perijodu qasir ta’ żmien, il-Bord tal-Għażla kellu varjazzjoni sinjifikattiva fil-kompożizzjoni tiegħu.

37      Ċertament, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ċerta varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla hija ammessa fil-kompetizzjonijiet ġenerali b’parteċipazzjoni numeruża fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi inerenti għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Madankollu, din kienet, f’dan il-każ, kompetizzjoni interna li timplika, min-natura tagħha, f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni, parteċipazzjoni iktar limitata.

38      Għaldaqstant, f’tali kompetizzjoni interna hija permessa eżiġenza ta’ livell ogħla ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla milli f’kompetizzjoni ġenerali b’parteċipazzjoni numeruża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, EU:F:2010:111, punt 62).

39      Fid-dawl ta’ din il-varjazzjoni sinjifikattiva fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, jeħtieġ, fid-dawl tar-rwol predominanti tiegħu fi ħdan il-Bord tal-Għażla, li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza ta’ A, il-president supplenti li nħatar sabiex jippresjedi l-Bord tal-Għażla fil-qasam inkwistjoni.

40      Fil-fatt, dan għandu, bħala prinċipju, l-obbligu li jassisti għall-eżamijiet kollha sabiex jikkoordina x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla u li jiżgura li dan tal-aħħar japplika b’mod uniformi l-istess kriterji għall-għoti tal-marki u jwettaq evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati kollha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, EU:F:2010:111, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, A kien assenti fl-eżamijiet tas-6 u tat-13 ta’ Diċembru 2019 minħabba, minn naħa, kunflitti ta’ interess u, min-naħa l-oħra, nuqqas ta’ disponibbiltà. B’hekk huwa ppresieda 33 intervista minn 43.

42      Ċertament, assenza ma hijiex, waħedha, ta’ natura li twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑5/08, EU:F:2010:111, punt 51). Fil-fatt, l-assenzi tal-President tal-Bord tal-Għażla ma jaffettwawx il-koerenza fl-għoti tal-marki u l-oġġettività tal-evalwazzjoni jekk is-supplenti tiegħu, li jissostitwixxih matul dawn l-assenzi, kien ukoll preżenti f’parti mill-eżamijiet li huwa ppresjeda, u dan sabiex jassimila l-Linji Gwida fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla kif implementati mill-President permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 211).

43      Madankollu, minħabba l-għażla tal-Bord tal-Għażla li jaħtar president supplenti sabiex jippresjedi l-Bord tal-Għażla għall-qasam inkwistjoni, dan tal-aħħar ma setax huwa stess jiġi ssostitwit mis-supplenti tiegħu.

44      Barra minn hekk, matul il-jumejn ta’ assenza tiegħu, A, kull darba, ġie ssostitwit minn żewġ persuni differenti, jiġifieri minn B, il-President permanenti mbagħad minn C, il-President supplenti l-ieħor, wieħed filgħodu, l-ieħor waranofsinhar. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ persuni ma assistew għal ebda eżami ppresjedut minn A sabiex jassimilaw il-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni u, b’hekk, jiżguraw il-kontinwità tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla u jiggarantixxu l-applikazzjoni koerenti u oġġettiva tal-kriterji għall-għoti tal-marki.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-assenzi ta’ A setgħu jiġu antiċipati, tal-inqas fir-rigward ta’ dawk minħabba kunflitt ta’ interessi, b’tali mod li l-Bord tal-Għażla seta’ jorganizza ruħu b’mod ieħor sabiex jiżgura l-kontinwità tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla u l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji għall-għoti tal-marki.

46      Fl-aħħar nett, indipendentement mill-preżenza tal-president tal-Bord tal-Għażla fl-eżamijiet, il-preżenza sinjifikattiva ta’ numru suffiċjenti ta’ eżaminaturi hija meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-koerenza fl-għoti tal-marki kif ukoll l-evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2010, Honnefelder vs Il-Kummissjoni, F‑41/08, EU:F:2010:112, punt 48).

47      F’dan ir-rigward, mit-tabella li turi l-kompożizzjoni ta’ kuljum tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li ż-żewġ membri tal-Bord tal-Għażla l-iktar preżenti assistew, rispettivament, għal sitt ijiem biss (27 intervista minn 43) u erbat ijiem (22 intervista fuq 43) ta’ eżamijiet. Fir-rigward ta’ kompetizzjoni interna li timplika, min-natura tagħha, il-parteċipazzjoni ta’ numru żgħir ta’ kandidati, din ir-rata ta’ preżenza hija insuffiċjenti.

48      Minn eżami globali tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet orali ta’ din il-kompetizzjoni b’parteċipazzjoni mnaqqsa jirriżulta li, l-ewwel nett, il-Bord tal-Għażla ippreżenzja f’għaxar formazzjonijiet differenti f’disat ijiem, sussegwentement, A kien assenti matul jumejn ta’ eżamijiet mingħajr ma ġie ssostitwit minn president ieħor li assista għal parti mill-intervisti li huwa kien ippresieda sabiex jassimila l-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, ir-rata ta’ preżenza taż-żewġ membri tal-Bord tal-Għażla li tikkostitwixxi l-“qalba tal-eżaminaturi” ma hijiex għolja ħafna għal kompetizzjoni b’parteċipazzjoni mnaqqsa bħal dik inkwistjoni.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Bord tal-Għażla ma ffunzjonax b’mod suffiċjentement stabbli matul l-eżamijiet orali.

50      Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, din il-konklużjoni ma tistax, waħedha, twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

c)      Fuq iż-żamma tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla fil-fażijiet ewlenin tal-kompetizzjoni u l-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla

51      Għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Għażla żammx stabbiltà fil-kompożizzjoni tiegħu matul il-fażijiet prinċipali tal-kompetizzjoni u adottax miżuri ta’ koordinazzjoni neċessarji għat-tmexxija tal-ħidma tiegħu b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-miżuri ta’ koordinazzjoni li tirreferi għalihom il-Kummissjoni huma differenti minn dawk implementati għall-eżamijiet orali organizzati fil-kompetizzjonijiet ġenerali li jużaw ċentru ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, f’dawn il-kompetizzjonijiet, huma previsti b’mod partikolari diversi miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw għad-diversi preġudizzji konjittivi ġeneralment ikkonstatati fil-konfront tal-persuni li jevalwaw il-kandidati u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-koerenza fl-għoti tal-marki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2014, De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F‑127/11, EU:F:2014:14, punti 24 sa 26), li huma nieqsa f’dan il-każ.

53      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinvoka biss il-fatt li l-Bord tal-Għażla ltaqa’ b’mod regolari, qabel, matul u wara l-eżamijiet orali. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra indikat li l-istabbiltà u l-oġġettività tal-evalwazzjoni kienu ġew żgurati bl-użu tal-istess materjal li ġie ddefinit b’kunsens u li l-Bord tal-Għażla kollu kien iltaqa’ sabiex jiddeċiedi dwar il-proċedura tal-eżamijiet orali, sabiex jiġbor flimkien il-marki individwali u jivvalida l-lista ta’ riżerva.

54      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha turi li l-laqgħat ta’ koordinazzjoni previsti seħħew u li l-membri kollha tal-Bord tal-Għażla, jiġifieri l-President, il-presidenti supplenti u l-evalwaturi, effettivament attendew għal dawn il-laqgħat, li għandu jiġi eżaminat abbażi tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni u tal-listi ta’ preżenza għal dawn il-laqgħat (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il‑Kummissjoni, T‑20/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 58).

1)      Fuq il-laqgħat li seħħew qabel l-eżamijiet orali

55      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla żviluppat matul il-proċedura ta’ kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta li tliet membri tal-Bord tal-Għażla, fosthom A, inħatru fil-5 ta’ Settembru 2019 jew wara din id-data. Għalhekk, huma ma attendewx għal-laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-Bord tal-Għażla organizzati qabel din id-data.

56      Fir-rigward tal-laqgħat li seħħew qabel l-eżamijiet orali, l-ewwel nett, mill-proċess jirriżulta li l-Bord tal-Għażla ltaqa’ fit-13 ta’ Marzu 2019 sabiex jassisti għal taħriġ mogħti mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li kien fih ħafna informazzjoni prattika dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ kompetizzjoni. F’din il-laqgħa ma ġiet adottata l-ebda miżura ta’ koordinazzjoni.

57      It-tieni, fil-11 u fid-29 ta’ April 2019, il-Bord tal-Għażla ltaqa’ sabiex isegwi taħriġ dwar it-tekniki u l-prattiki tajba ta’ intervista kif ukoll sabiex jipprepara l-kontenut tal-eżami orali u l-għoti ta’ piż lid-diversi elementi ta’ dan l-eżami. Mill-minuti ta’ dawn iż-żewġ laqgħat jirriżulta wkoll li l-Bord tal-Għażla beda jelabora l-kontenut tal-eżami orali, b’mod partikolari l-piż tad-diversi elementi ta’ dan l-eżami kif ukoll il-mistoqsijiet li kienu se jsiru lill-kandidati. Barra minn hekk, kien previst li l-verżjonijiet finali tal-għoti tal-piż, tal-intervista u tas-suġġetti ta’ preżentazzjoni jiġu ffinalizzati matul laqgħa plenarja prevista fix-xahar ta’ Mejju 2019.

58      Madankollu, minbarra t-tliet membri tal-Bord tal-Għażla li kienu għadhom ma ġewx maħtura sabiex jipparteċipaw fix-xogħol tal-Bord tal-Għażla, membru supplenti kien assenti matul il-laqgħa tad-29 ta’ April 2019. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta li ma saret ebda laqgħa fix-xahar ta’ Mejju 2019.

59      It-tielet, waqt laqgħa tal-5 ta’ Settembru 2019, il-Bord tal-Għażla ltaqa’ sabiex jaħtar president supplenti ġdid li huwa responsabbli għax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla fil-qasam inkwistjoni. Ebda deċiżjoni oħra dwar l-eżamijiet orali ta’ dan il-qasam ma ttieħdet matul din il-laqgħa li matulha erba’ membri tal-Bord tal-Għażla, kif finalment kompost, kienu assenti.

60      Ir-raba’, il-Bord tal-Għażla reġa’ ltaqa’ fis-27 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Ottubru 2019. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-minuti ta’ dawn il-laqgħat juru li ma saret ebda diskussjoni dwar il-kontenut tal-eżamijiet orali matul dawn il-laqgħat.

61      Il-ħames, il-Kummissjoni tindika li l-Bord tal-Għażla ltaqa’ fit-13 ta’ Novembru 2019 sabiex japprova l-kontenut tal-eżamijiet orali. Madankollu, mill-posta elettronika li tinkludi l-minuti ta’ din il-laqgħa, mibgħuta minn B, il-President permanenti tal-Bord tal-Għażla, lill-EPSO, jirriżulta li l-membri tal-Bord tal-Għażla, fir-rigward tal-qasam inkwistjoni, ftiehmu biss dwar it-“timing” tal-eżamijiet orali. Barra minn hekk, erba’ membri tal-Bord tal-Għażla, kif finalment kompost, kienu assenti matul din il-laqgħa.

62      Is-sitta, il-Kummissjoni tindika li l-Bord tal-Għażla ltaqa’ fit-18 ta’ Novembru 2019 sabiex jiffinalizza u japprova l-kontenut tal-eżami orali. Madankollu, għalkemm mill-iskeda tal-preżenza ta’ din il-laqgħa jirriżulta li ċerti membri tal-Bord tal-Għażla ltaqgħu f’din id-data, l-allegazzjoni li l-kontenut tal-eżami orali ġie approvat u ffinalizzat matul din il-laqgħa ma hijiex sostnuta minn minuti tal-imsemmija laqgħa.

63      Barra minn hekk, mil-lista ta’ preżenza tal-membri tal-Bord tal-Għażla jirriżulta li sitt membri tal-Bord tal-Għażla ma pparteċipawx f’din il-laqgħa. Issa, skont il-minuti tal-laqgħa tad-29 ta’ April 2019, il-Bord tal-Għażla stess ippreveda li japprova l-verżjoni finali tal-għoti tal-piż, tal-intervista u tas-suġġetti għall-preżentazzjoni orali matul laqgħa “plenarja” li jmiss. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-laqgħa tat-18 ta’ Novembru 2019 kellha l-għan li tapprova tali verżjoni finali, jista’ biss jiġi kkonstatat li din l-approvazzjoni ma seħħitx matul laqgħa “plenarja”.

64      F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq il-fatt li n-numru ta’ membri tal-Bord tal-Għażla preżenti għal din il-laqgħa kien suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-kworum ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iskambji bejn il-membri tal-Bord tal-Għażla li seħħew qabel l-eżamijiet għandhom importanza partikolari sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, il-koerenza fl-għoti tal-marki u l-oġġettività tal-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, ZR vs EUIPO T‑610/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:5, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-regola tal-kworum tal-preżenza adottata mill-Bord tal-Għażla waqt il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2019 kienet intiża sabiex tippermettilu jieħu deċiżjonijiet “urġenti, neċessarji u imprevisti b’impatt limitat”, li ma huwiex il-każ tal-miżuri ta’ koordinazzjoni adottati sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament matul l-eżamijiet orali.

65      Is-seba’, il-Bord tal-Għażla ltaqa’ fid-19 u fit-22 ta’ Novembru 2019. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għandha ebda informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, li fihom kienu assenti rispettivament sitta u erba’ membri tal-Bord tal-Għażla.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostniet l-Awtorità tal-Ħatra b’mod partikolari fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Bord tal-Għażla, kif finalment kompost, qatt ma ltaqa’ fil-kompożizzjoni sħiħa tiegħu qabel il-bidu tal-eżamijiet orali. B’mod partikolari, diversi membri tal-Bord tal-Għażla kienu assenti matul il-laqgħat tal-11 u tad-29 ta’ April kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2019, li matulhom il-kontenut konkret tal-eżamijiet orali ġie diskuss u sussegwentement approvat.

67      Barra minn hekk, D, wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla li kien preżenti waqt l-eżami tar-rikorrenti, inħatar fl-20 ta’ Settembru 2019 bi previżjoni għall-irtirar ta’ membru ieħor tal-Bord tal-Għażla fit-30 ta’ Novembru ta’ wara. Il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta li D kien beda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mhux iktar tard mill-mument meta bdew l-eżamijiet orali, jiġifieri fit-28 ta’ Novembru 2019. Għalhekk, huwa ma attenda għal ebda laqgħa ta’ koordinazzjoni qabel dawn l-eżamijiet.

68      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-miżuri adottati waqt il-laqgħat li nżammu qabel l-eżamijiet orali kienu ppermettew li tiġi żgurata, waħedhom, il-koerenza fl-għoti tal-marki u l-oġġettività tal-evalwazzjoni tal-kandidati kollha matul l-eżamijiet.

2)      Fuq l-iskambji bejn il-membri tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet orali

69      Il-Kummissjoni ssostni li, matul l-eżamijiet orali, il-Bord tal-Għażla kien jesprimi l-opinjonijiet tiegħu wara kull eżami u fl-aħħar ta’ kull ġurnata sabiex jiġu pparagunati l-merti tal-kandidati eżaminati f’dik il-ġurnata. F’dan ir-rigward, hija pproduċiet dikjarazzjonijiet fuq l-unur tal-President permanenti u tal-President supplenti.

70      Għalkemm huwa ċertament permess li jiġi preżunt li l-membri tal-Bord tal-Għażla li intervistaw il-kandidati neċessarjament iddiskutew il-prestazzjoni ta’ dawn tal-aħħar wara kull eżami u fl-aħħar ta’ kull ġurnata, madankollu hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-iskambji ta’ opinjonijiet, fid-dawl tan-numru ta’ taħriġ li l-Bord tal-Għażla għamel parti minnhom, ippermettew lill-Bord tal-Għażla jikseb għarfien komparattiv parzjali tal-merti ta’ kull kandidat.

71      Barra minn hekk, fir-rigward tal-iskambji ta’ opinjonijiet bejn il-President prinċipali u l-President supplenti maħtur sabiex jippresjedi l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għall-qasam inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-dikjarazzjoni tal-President supplenti ma kinitx preċiża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż, fl-assenza ta’ provi oħra prodotti mill-Kummissjoni, li l-President permanenti u ż-żewġ presidenti supplenti kellhom diskussjonijiet matul l-eżamijiet orali kollha sabiex jiżguraw evalwazzjoni koerenti tal-kandidati.

72      Issa, l-iskambji bejn A, B u C matul l-eżamijiet kienu iktar u iktar importanti peress li, kif jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, A ġie ssostitwit jew minn B, jew minn C waqt jumejn ta’ eżamijiet, mingħajr ma dawn tal-aħħar qatt attendew għall-eżamijiet li A kien ippresieda.

3)      Fuq id-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla u l-adozzjoni tal-lista ta’ riżerva wara l-eżamijiet orali

73      Wara l-eżamijiet orali, il-Bord tal-Għażla ltaqa’ darbtejn, fis-17 ta’ Diċembru 2019 u fil-31 ta’ Jannar 2020, sabiex jistabbilixxi u japprova l-lista ta’ riżerva fil-qasam inkwistjoni. Skont id-dikjarazzjonijiet fuq l-unur ta’ B u ta’ A, dawn il-laqgħat kienu l-okkażjoni għall-membri tal-Bord tal-Għażla sabiex jiddiskutu l-prestazzjoni ta’ ċerti kandidati, fosthom ir-rikorrenti, sabiex jevalwaw jekk kellhomx merti ekwivalenti għall-kandidati li kisbu l-marka minima ta’ 16/20, fatt li kien jiġġustifika li dawn jitqiegħdu fil-lista ta’ riżerva.

74      F’dan ir-rigward, mil-listi ta’ preżenza jirriżulta li, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-membru tal-Bord tal-Għażla li rtira qabel il-bidu tal-eżamijiet orali, erba’ membri tal-Bord tal-Għażla kienu assenti mil-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 2019 u li tliet membri tal-Bord tal-Għażla ma attendewx għal dik tal-31 ta’ Jannar 2020.

75      Barra minn hekk, D ma attenda għal ebda waħda minn dawn iż-żewġ laqgħat. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni ma tirrikonoxxix li dan il-membru tal-Bord tal-Għażla kien assenti mil-laqgħat kollha, il-firma tal-persuna kkonċernata ma tinsab f’ebda lista ta’ preżenza. F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, li l-assenza ta’ riferiment għal dan il-membru tal-Bord tal-Għażla kienet marbuta man-“nuqqas ta’ aġġornament tal-listi ta’ preżenza” jew mal-fatt li huwa “ma kellux linja sabiex jiffirma” l-imsemmija skedi, la huma konvinċenti u lanqas kredibbli, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li dan il-membru tal-Bord tal-Għażla nħatar fl-20 ta’ Settembru 2019, jiġifieri ferm qabel il-laqgħat tad-deliberazzjonijiet finali. Fi kwalunkwe każ, xejn ma kien jipprekludi lil dan il-membru tal-Bord tal-Għażla milli jżid ismu u l-firma tiegħu bl-idejn fil-listi ta’ preżenza.

76      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ddikjarat l-Awtorità tal-Ħatra b’mod partikolari fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Bord tal-Għażla ma ltaqax fil-kompożizzjoni sħiħa tiegħu sabiex jiddiskuti evalwazzjonijiet komparattivi tal-kandidati u jikkonferma l-marki finali tagħhom abbażi tar-riżultati tal-eżamijiet. Barra minn hekk, żewġ membri tal-Bord tal-Għażla li wettqu l-intervisti tal-kandidati fil-qasam inkwistjoni kienu assenti mil-laqgħat tas-17 ta’ Diċembru 2019 u tal-31 ta’ Jannar 2020.

77      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva huwa eżerċizzju ta’ natura komparattiva, huwa essenzjali li l-Bord tal-Għażla jiltaqa’ fil-kompożizzjoni sħiħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 1971, Rabe vs Il‑Kummissjoni, 76/69, EU:C:1971:33, punt 10, u tas-6 ta’ Lulju 2022, VI vs Il-Kummissjoni, T‑20/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:427, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma kienx il-każ hawnhekk.

78      Fil-fatt, il-preżenza tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla waqt il-laqgħa tad-deliberazzjoni finali hija garanzija għall-kandidati li l-lista ta’ riżerva ser tkun ir-riżultat ta’ paragun tal-evalwazzjonijiet komparattivi kollha tal-prestazzjoni tagħhom u, għaldaqstant, ir-riżultat ta’ eżerċizzju komparattiv effettiv.

79      Il-preżenza tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla matul dawn il-laqgħat għal deliberazzjoni kienet iktar u iktar importanti peress li, kif jirriżulta mill-punt 70 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Għażla, matul l-eżamijiet, kiseb l-iktar l-iktar għarfien komparattiv parzjali tal-merti tal-kandidati minħabba n-numru ta’ formazzjonijiet differenti li għamlu d-domandi lill-kandidati.

80      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Bord tal-Għażla ma kienx ippreveda li r-regola dwar il-kworum tal-preżenza tista’ tapplika għad-deċiżjonijiet meħuda waqt id-deliberazzjonijiet finali fuq il-lista ta’ riżerva.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

82      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li r-rikorrenti ma wrietx li l-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla kienet affettwat id-drittijiet tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, in-nuqqas ta’ osservanza mill-Bord tal-Għażla tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Għalhekk, id-deċiżjoni vvizzjata minn tali difett għandha tiġi annullata, mingħajr ma l-interessat ikun obbligat jipprova effett negattiv partikolari fuq id-drittijiet suġġettivi tiegħu jew li juri li r-riżultat tal-kompetizzjoni seta’ kien differenti, li kieku l-forom proċedurali sostanzjali inkwistjoni kienu ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, EU:T:2004:331, punt 39 u tat-13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO, T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 113).

83      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tista’ inqas u inqas teskludi l-eventwalità ta’ effett tal-irregolaritajiet ikkonstatati iktar ’il fuq fuq ir-riżultati miksuba mir-rikorrenti peress li l-marka globali tagħha (15.742/20, arrotondata għal 15.5/20) hija inqas biss b’0.008 punt mill-marka minima meħtieġa (15.75/20, arrotondata għal 16/20) għall-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Bachotet vs Il-Kummissjoni (T‑182/01, mhux ippubblikata, EU:T:2002:223 punt 33).

84      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrenti, u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li hija fformulat.

2.      Dwar it-talba għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa

85      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni materjali u morali kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata.

86      Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad din it-talba.

87      Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qrati tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tikkonferilhom il-missjoni li jsibu soluzzjoni sħiħa għat-tilwim ta’ natura pekunjarja li jitressqu quddiemhom. Din il-ġurisdizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-effettività prattika tas-sentenzi ta’ annullament mogħtija minnhom fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b’tali mod li, jekk l-annullament ta’ deċiżjoni illegali tal-Awtorità tal-Ħatra ma jkunx biżżejjed sabiex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-drittijiet tal-uffiċjal inkwistjoni jew sabiex jiġu protetti l-interessi tiegħu b’mod effiċjenti, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jagħtuh kumpens ex officio (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2016:287, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, anki fl-assenza ta’ talbiet regolari għal dan l-għan, ebda inammissibbiltà minħabba tardività ma tista’ titqajjem fuq kwistjoni li l-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem, jekk ikun il-każ, ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1992, Barbi vs Il-Kummissjoni, T‑68/91, EU:T:1992:90, punt 43).

88      F’dan il-każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta kandidat jikkontesta ċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu għal proċedura ta’ selezzjoni li għandha bħala għan l-istabbiliment ta’ lista ta’ kandidati li għaddew, fatt li jipprekludih milli sussegwentement jokkupa pożizzjoni li għandha timtela fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata u milli jibbenefika mill-vantaġġi finanzjarji relatati, it-tilwima għandha natura pekunjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 58, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punti 53 sa 56).

89      F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Għażla ma kienx f’pożizzjoni li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati interrogati matul l-eżamijiet orali, minħabba l-instabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu. B’hekk, hija l-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati kollha li kienet ivvizzjata mill-varjazzjoni tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla. Din l-illegalità taffettwa, konsegwentement, mhux biss in-nota tar-rikorrenti, iżda wkoll il-limitu ta’ 16-il punt minn 20 meħtieġ għall-inklużjoni tal-isem ta’ kandidat fil-lista ta’ riżerva.

90      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu materjali li jirriżulta mill-illegalità msemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li d-dannu materjali li għalih qiegħed jintalab kumpens għandu jkun reali u ċert (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dannu materjali li jirriżulta mill-fatt li isimha għandu, b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ annullament, jiġi inkluż direttament fil-lista ta’ riżerva. Fil-fatt, tali inklużjoni twassal sabiex hija tiġi eżentata mill-eżami orali previst fil-punt 4 tal-avviż ta’ kompetizzjoni msemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, li jissuġġetta l-inklużjoni ta’ kandidat fil-lista ta’ riżerva għall-kisba ta’ waħda mill-aħjar marki f’dan l-eżami orali kif ukoll għall-minimu meħtieġ għall-imsemmi eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Brune vs Il-Kummissjoni, T‑269/13 P, EU:T:2014:424, punt 57). Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni tal-isem ta’ kandidat fil-lista ta’ riżerva ma tagħtix lil dan tal-aħħar dritt li jinħatar, iżda biss il-possibbiltà li jinħatar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 52).

92      Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tilfet definittivament l-opportunità reali li tkun kandidat li għadda mill-kompetizzjoni interna inkwistjoni u, sussegwentement, li tinħatar uffiċjal tal-Unjoni fil-grad AD 10, peress li l-organizzazzjoni ta’ eżami orali ġdid, implimentata b’mod awtonomu mir-riżultati tal-eżami orali inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Brune vs Il-Kummissjoni, T‑269/13 P, EU:T:2014:424, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandha preċiżament l-għan li tagħtiha lura tali opportunità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ddikjaratx li hija ma setgħetx tieħu vantaġġ minn tali miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ annullament u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa dan id-dannu materjali (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punt 47 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Għaldaqstant, fir-rigward tad-dannu materjali allegat, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-prova tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert ma hijiex issodisfatta.

94      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dannu morali, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, anki jekk il-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u l-organizzazzjoni ta’ eżami orali implementat b’mod awtonomu mill-eżami orali vvizzjat b’illegalità jikkostitwixxu miżura ta’ eżekuzzjoni xierqa ta’ din is-sentenza ta’ annullament, il-Kummissjoni ma tistax, fl-assenza tal-annullament tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni, toħloq mill-ġdid il-kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni kellha tiġi organizzata sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kollha u l-oġġettività fl-għoti tal-marki (ara b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2014:50, punt 81).

95      Għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu protetti l-interessi tar-rikorrenti b’mod effikaċi. Fil-fatt, dan l-annullament ma huwiex tali, fih innifsu, li jikkumpensa d-dannu morali ċert sostnut mir-rikorrenti minħabba l-fatt li ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel, fit-28 ta’ Novembru 2019, l-eżami orali inizjali taħt kundizzjonijiet regolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li evalwat id-dannu sostnut mir-rikorrenti ex aequo et bono, tikkunsidra li s-somma ta’ EUR 4 000 tikkostitwixxi kumpens xieraq għad-dannu morali.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, is-somma ta’ EUR 4 000 u l-kumplament tat-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2020, li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/1/AD 10/18 irrifjuta, wara eżami mill-ġdid, li jinkludi l-isem ta’ NZ fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 10, fil-qasam tal-“Koordinazzjoni, Komunikazzjoni, Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u Baġitarji, Awditu”, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil NZ is-somma ta’ EUR 4 000.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.