Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fil-15 ta’ Marzu 2022 – Kopiosto r.y. vs Telia Finland Oyi

(Kawża C-201/22)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Kopiosto r.y.

Konvenut: Telia Finland Oyi

Domandi preliminari

Fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet ta’ liċenzjar kuntrattwali, li kollettivament jimmaniġġjaw drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-locus standi għad-difiża ta’ dawn id-drittjiet, li jingħata mill-Artikolu 4[1](ċ) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 1 , li huwa bbażat fuq leġittimità attiva preżunta, jirreferi esklużivament għal-locus standi in judicio ġenerali, jew jeħtieġ dritt espressament irrikonoxxut mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex titressaq azzjoni f’isem il-parti stess għad-difiża tad-drittijiet inkwistjoni?

F’interpretazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4[1](ċ) tad-Direttiva 2004/48, it-terminu “interess dirett fid-difiża tal-drittijiet tal-awtur tad-detenturi li lilhom tirrappreżenta” għandu jiġi interpretat uniformement fl-Istati Membri kollha fir-rigward ta’ dritt ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern 1 sabiex titressaq azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur f’isem il-parti stess, fejn

jikkonċerna użu ta’ xogħlijiet li fir-rigward tagħhom organizzazzjoni għandha dritt, bħala organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali fis-sens tat-Tekijänoikeuslaki (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), li tagħti liċenzji kollettivi estiżi li jippermettu lill-persuna li għandha liċenzja li tuża wkoll xogħlijiet minn awturi f’dak is-settur li ma jkunux taw mandat lill-organizzazzjoni sabiex timmaniġġja d-drittijiet tagħhom;

jikkonċerna użu ta’ xogħlijiet li fir-rigward tagħhom l-awturi jkunu awtorizzaw lill-organizzazzjoni sabiex timmaniġġja d-drittijiet tagħhom permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ mandat, mingħajr ma jkunu ġew assenjati drittijiet tal-awtur lill-organizzazzjoni?

Jekk l-organizzazzjoni, fil-kapaċità tagħha ta’ organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali, hija preżunta li għandha interess dirett u leġittimità attiva sabiex tressaq azzjoni f’isimha stess: fl-evalwazzjoni tal-leġittimità attiva sabiex tressaq proċeduri fid-dawl ta’, fejn applikabbli, l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, x’tifsira għandha tingħata għall-fatt li l-organizzazzjoni, bħala organizzazzjoni ta’ liċenzjar kuntrattwali, tirrappreżenta wkoll awturi li ma jkunux awtorizzawha timmaniġġja d-drittijiet tagħhom, u li d-dritt tal-organizzazzjoni li tressaq azzjoni sabiex tiddefendi d-drittijiet ta’ dawk l-awturi ma hijiex irregolata mid-dritt?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.

1     ĠU 2014, L 84, p. 72.