Language of document : ECLI:EU:C:2015:750

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Novembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5(2)(a) u (b) – Eċċezzjoni ta’ reprografija – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Rekwiżit ta’ koerenza fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ – Ġbir ta’ remunerazzjoni bħala kumpens ġust fuq apparat ta’ stampar multifunzjonali – Remunerazzjoni proporzjonali – Remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa – Kumulu ta’ remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali – Metodu ta’ kalkolu – Benefiċjarji tal-kumpens ġust – Awturi u edituri – Mużika fuq il-karta”

Fil-Kawża C‑572/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Hewlett-Packard Belgium SPRL

vs

Reprobel SCRL,

fil-preżenza ta’:

Epson Europe BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Hewlett-Packard Belgium SPRL, minn T. van Innis, avukat,

–        għal Reprobel SCRL, minn A. Berenboom, J.-F. Puyraimond, P. Callens, D. De Marez u T. Baumé, avukati,

–        għal Epson Europe BV, minn B. Van Asbroeck, E. Cottenie u J. Debussche, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn F. de Visscher, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon u E. McPhillips kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn J. Bridgman, BL,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hewlett-Packard Belgium SPRL (iktar ’il quddiem “Hewlett-Packard”) u Reprobel SCRL (iktar ‘il quddiem “Reprobel”), dwar ammonti mitluba minn din tal-aħħar lil Hewlett-Packard, bħala kumpens ġust dovut skont eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ reprografija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 31, 32, 35, u 37 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(31) Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[...]

(37)      Skemi nazzjonali eżistenti dwar reprografija, fejn ikun hemm, ma joħolqux tfixkil maġġuri għas-suq intern. L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu ghal eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward ir-reprografija.”

4        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

b)      għall-artisti, tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

c)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

d)      għall-produtturi tal-ewwel iffissar tal-films, tal-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, inkluż bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

‘‘L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

a)      rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]”

6        Skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt Belġjan

7        L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-drittijiet tal‑awtur u d-drittijiet relatati (Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297), fil-verżjoni applikabbli għal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LDA”), jipprevedi:

“L-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku biss għandu jkollu d-dritt ta’ riproduzzjoni jew li jordna riproduzzjoni, bi kwalunkwe mod jew f’kwalunkwe forma (diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, totalment jew parzjalment).

[...]”

8        L-Artikolu 22(1) tal-LDA jipprevedi:

“Meta x-xogħol jiġi ppubblikat b’mod legali, l-awtur ma jkollux id-dritt li jopponi:

[...]

4°      ir-riproduzzjoni parzjali jew sħiħa ta’ oġġetti jew ta’ xogħlijiet viżwali jew ta’ biċċiet żgħar ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu, sakemm din ir-riproduzzjoni hija mwettqa għal għan strettament privat u ma tikkawżax danni għall-isfruttament normali tax-xogħol;

4a      ir-riproduzzjoni parzjali jew sħiħa tal-oġġetti jew ta’ xogħlijiet viżwali jew ta’ biċċiet żgħar ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu sakemm din ir-riproduzzjoni hija mwettqa għal finijiet ta’ tagħlim jew riċerka xjentifika sa fejn ġġustifikata bl-għan li għandu jintlaħaq mingħajr skop ta’ lukru u li ma tikkawżax dannu għall-isfruttament normali tax-xogħol [...]

5°      ir-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet awdjo u awdjoviżwali mwettqa fiċ-ċirku tal-familja u rriżervati għalihom.”

9        L-Artikoli 59 sa 61 tal-LDA jipprevedu:

“Artikolu 59

L-awturi u l-edituri ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu għandhom dritt għal remunerazzjoni minħabba r-riproduzzjoni tagħhom, inkluż skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1, 4 u 4a tal-Artikolu 22 […]

Ir-remunerazzjoni hija mħallsa mill-produttur, l-importatur jew ix-xerrej intra-Komunitarju ta’ apparat li jippermetti l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dan l-apparat jitpoġġa għaċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali.

Artikolu 60:

Barra minn hekk, remunerazzjoni proporzjonali, stabbilita skont in‑numru ta’ kopji magħmula, hija dovuta minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu kopji tax-xogħlijiet, jew jekk ikun il-każ, minflok dawk tal‑ewwel, minn dawk li għandhom apparat ta’ riproduzzjoni għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, bi ħlas jew b’xejn.

Artikolu 61:

Ir-Re jistabbilixxi l-ammont ta’ remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 59 u 60, permezz ta’ digriet deliberat mill-Kunsill tal-Ministri. Ir-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 60 tista’ tkun adattata skont is‑setturi kkonċernati.

Huwa jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ ġbir, ta’ tqassim u ta’ verifika ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet kif ukoll l-ammont fejn dawn huma dovuti.

Bla ħsara għall-ftehimiet internazzjonali, ir-remunerazzjonijiet previsti fl-Artikoli 59 u 60 jingħataw b’mod ugwali lill-awturi u lill-edituri.

Skont il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti li huwa jistabbilixxi, ir-Re jinnomina kumpannija li tirrappreżenta l-kumpanniji kollha ta’ ġestjoni tad-drittijiet sabiex jiżgura l-ġbir u t-tqassim tar-remunerazzjoni”

10      L-ammont tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u tar-remunerazzjoni proporzjonali, li huma ffissati bl‑Artikoli 59 u 60 tal-LDA, huma stabbiliti fl-Artikoli 2, 4, 8 u 9 tad-Digriet Irjali, tat-30 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-edituri għal kopja b’għan privat jew didattiku ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”). Dawn l-artikoli jipprevedu:

“Artikolu 2

Is-somma ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa applikabbli għall‑kopjaturi hija stabbilita bħala:

1°      EUR [5.01] għal kopjatur li jagħmel inqas minn 6 kopji fil-minuta;

2°      EUR [18.39] għal kopjatur li jagħmel bejn 6 sa 9 kopji fil-minuta;

3°      EUR [60.19] għal kopjatur li jagħmel bejn 10 sa 19-il kopja fil-minuta;

4°      EUR [195.60] għal kopjatur li jagħmel bejn 20 sa 39 kopja fil-minuta;

5°      EUR [324.33] għal kopjatur li jagħmel bejn 40 sa 59 kopja fil-minuta;

6°      EUR [810.33] għal kopjatur li jagħmel bejn 60 sa 89 kopja fil-minuta;

7°      EUR [1838.98] għal kopjatur li jagħmel iktar minn 89 kopja fil-minuta.

Sabiex tiġi stabbilita s-somma tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, tiġi kkunsidrata l-ħeffa ta’ kkopjar iswed fuq l-abjad, inkluż għall-apparat li jagħmel kopji bil-kulur.

2.      Is-somma tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa applikabbli għall-apparat ta’ duplikazzjoni u makkinarju offset tal-uffiċċju hija stabbilita bħala:

1°      EUR [324.33] għal kull apparat ta’ duplikazzjoni;

2°      EUR [810.33] għal kull makkinarju offset tal-uffiċċju.

[...]

Artikolu 4

Għall-apparat li jintegra bosta funzjonijiet li jikkorrispondu mal-funzjonijiet tal-apparat msemmi fl-Artikoli 2 u 3, ir-remunerazzjoni fil‑forma ta’ somma f’daqqa hija l-ammont l-iktar għoli fost dawk previsti fl-Artikoli 2 u 3 li jistgħu jiġu applikati għall-apparat kollu.

[...]

Artikolu 8

F’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mid-debitur kif iddefinita fl‑Artikoli 10 sa 12, l-ammont tar-remunerazzjoni proporzjonali hija stabbilita bħala:

1°      EUR [0.0334] għal kull kopja ta’ xogħol protett;

2°      EUR [0.0251] għal kull kopja ta’ xogħol protett imwettaq permezz ta’ apparat użat minn stabbiliment edukattiv jew ta’ self pubbliku.

L-ammonti msemmija fl-ewwel paragrafu huma rdoppjati għall-kopji bil-kulur ta’ xogħol protett bil-kulur.

Artikolu 9

Sa fejn id-debitur ikun ikkoopera fil-ġbir tar-remunerazzjoni proporzjonali mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet, l-ammont f’dan il-każ huwa ffissat bħala:

1°      EUR [0.0201] għal kull kopja ta’ xogħol protett;

2°      EUR [0.0151] għal kull kopja ta’ xogħol protett imwettqa permezz ta’ apparat użat minn stabbiliment edukattiv jew ta’ self pubbliku.

L-ammonti msemmija fl-ewwel paragrafu huma rdoppjati għall-kopji tal-kulur ta’ xogħlijiet protetti tal-kulur.”

11      Il-kooperazzjoni msemmija fl-Artikoli 8 u 9 hija ddefinita mill-Artikoli 10 sa 12 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997. L-Artikolu 10 jipprevedi:

“Id-debitur ikun ikkoopera fil-ġbir tar-remunerazzjoni proporzjonali meta:

1°      ikun bagħat id-dikjarazzjoni tiegħu għall-perijodu kkunsidrat mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3;

2°      ħallas b’mod provviżorju lill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet fil-mument li bagħat id-dikjarazzjoni lilha, ir-remunerazzjoni proporzjonali skont in-numru ddikjarat ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti immultiplikat skont it-tariffa rilevanti msemmija fl‑Artikolu 9, u;

3°      a)     jew ikun għamel stima permezz ta’ ftehim komuni mal‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ 200 ġurnata ta’ ħidma mid-data tar-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni mill-kumpannija ta’ ġestjoni, tan-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettaq fil-perijodu kkunsidrat;

b)      jew ikun ipprovda l-informazzjoni neċessarja għall‑għoti tar-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 sa fejn il‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tkun talbet rakkomandazzjoni skont dan l-artikolu.”

12      L-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali jipprevedi:

“1.      Mhux iktar tard minn tmiem it-tieni sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u wara dan kull ħames snin, il-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tagħmel studju dwar il-kopja b’għan privat jew didattiku ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu, fil-Belġju, minn entità indipendenti.

2.      dan l-istudju ikollu bħala suġġett b’mod partikolari li jiddetermina:

1°      in-numru ta’ apparati użati u d-distribuzzjoni tagħhom skont is-settur ta’ attivitajiet;

2°      il-volum ta’ kopji magħmula permezz ta’ dawn l-apparati u d-distribuzzjoni ta’ dan il-volum għas-settur ta’ attivitajiet;

3°      il-volum ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti fuq mezz diġitali jew analogu magħmula permezz ta’ dawn l-apparati u d-distribuzzjoni ta’ dan il-volum skont is-settur ta’ attivitajiet;

4°      id-distribuzzjoni tal-volum ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti skont id-diversi kategoriji ta’ xogħlijiet protetti fuq mezz diġitali jew analogu;

5°      il-baġit allokat mid-debituri għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet privati jew didattiċi fuq mezz diġitali jew analogu kif ukoll il-baġit allokat lid-debituri għar-remunerazzjoni għar-reprografija.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Hewlett-Packard Belgium timporta fil-Belġju apparat ta’ reprografija għall-użu professjonali u domestiku, u b’mod partikolari apparat “multifunzjonali”, li l-funzjoni prinċipali tiegħu hija l-istampar ta’ dokumenti, b’ħeffa li tvarja skont il-kwalità tal-istampar.

14      Reprobel hija l-kumpannija ta’ ġestjoni li hija responsabbli mill-ġbir u mit-tqassim tal-ammonti li jikkorrispondu għall-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija.

15      Fis-16 ta’ Awwissu 2004, Reprobel infurmat lil Hewlett-Packard li l-bejgħ ta’ apparat ta’ stampar “multifunzjonali” wassal, bħala regola, għall-ħlas dovut ta’ tariff ta’ EUR 49.20 għal kull apparat ta’ stampar.

16      Peress li l-laqgħat organizzati u l-komunikazzjoni bejn Hewlett-Packard u Reprobel ma setgħux iwasslu għal ftehim fuq rata applikabbli għall-użu ta’ dan l-apparat ta’ stampar “multifunzjonali”, Hewlett-Packard permezz ta’ ċitazzjoni datata 8 ta’ Marzu 2010, ressqet lil Reprobel quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Brussell. Hija talbet, minn naħa, li din il-qorti tiddeċiedi li ma kienet dovuta l-ebda remunerazzjoni għall-apparat ta’ stampar li hija kienet biegħet u, sussidjarjament, li r-remunerazzjonijiet li hija kienet ħallset kienu jikkorrispondu għall-kumpens ġust dovut skont il-liġi Belġjana, interpretata fid-dawl tad-Direttiva 2001/29. Hija talbet, min naħa l-oħra, li Reprobel tkun ikkundannata sabiex fl-istess sena, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10 miljuni, twettaq studju konformi ma’ dak imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, li jikkonċerna fost l-oħrajn in-numru ta’ apparat kontenzjuż u l-użu effettiv tiegħu għall-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, u li jikkompara l-effettività ta’ dan l-użu ma’ użu effettiv ta’ kull apparat ieħor ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti.

17      Fil-11 ta’ Marzu 2010, Reprobel ressqet lil Hewlett-Packard quddiem din l-istess qorti bil-għan li din tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 1 b’mod provviżorju fuq ir-remunerazzjonijiet li hija tikkunsidra dovuti skont id-Digriet Irjali.

18      It-tribunal de première instance ta’ Brussell għaqdet dawn iż-żewġ proċeduri.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2012, it-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell) iddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59, u l-it-tielet paragrafu tal-Artikolu 61, tal-LDA huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

20      Hewlett-Packard u Reprobel ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21      Il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-espressjoni ‘kumpens ġust’ inkluża fl-Artikolu 5(2)(a) u fl‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata b’mod differenti skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali? Fil-każ ta’ risposta pożittiva, din id-differenza ta’ interpretazzjoni għandha tiġi bbażata fuq liema kriterji ?

2)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittjiet fil-forma:

(1)      ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa mill-manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra-Komunitarju ta’ apparati li jippermettu l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa kkalkolat biss abbażi tal-ħeffa li biha l-magna li tikkopja tista’ tagħmel numru ta’ kopji kull minuta, mingħajr rabta oħra mad-dannu eventwalment subit mid-detenturi tad-drittijiet, u,

(2)      ta’ remunerazzjoni proporzjonali, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le fir-rigward tal-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet jew, skont il-każ, minflok fuq dawn il-persuni, fuq dawk li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bi ħlas jew bla ħlas, apparat ta’ riproduzzjoni li qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, liema huma l-kriterji rilevanti u koerenti li l-Istati Membri għandhom isegwu sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, il-kumpens jista’ jitqies bħala ġust u sabiex jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn il-persuni kkonċernati ?

3)      L-Artikou 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jagħtu nofs il-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill‑edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr xi obbligu għall-edituri li jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw, anki b’mod indirett, minn parti mill-kumpens li huma mċaħħda minnu ?

4)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema indifferenzjata ta’ ġbir tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, fil-forma ta’ somma f’daqqa u ta’ ammont għal kull kopja magħmula, li tkopri b’mod impliċitu iżda ċert u parzjalment, l-ikkopjar ta’ mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonjiet foloz ?”

22      Permezz ta’ sentenza interlokutorja tas-7 ta’ Frar 2014, il-Cour d’appel de Bruxelles laqgħet it-talba ta’ Epson Europe BV sabiex tintervjeni fil-kawża prinċipali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Reprobel u l-Gvern Belġjan jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, peress li l-interpretazzjoni hekk invokata ma hijiex irrelatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

24      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom titressaq il-kawża u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm il-bżonn għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 21).

25      Peress li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, f’dan il-każ dan ma seħħx. Fil-fatt, jidher li l-interpretazzjoni mitluba tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni u li, u sa fejn il-kumpens ġust, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, japplika b’mod partikolari għall-persuni fiżiċi li jagħmlu riproduzzjonijiet għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, ma huwiex manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali jew li hija ta’ natura ipotetika.

27      Minn dan jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 et l-Artikolu 5(2)(b), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tat-termini “kumpens ġust” imsemmi fihom, hemm lok li tiġi stabbilita differenza skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

29      Skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust; (iktar ’il quddiem l-“Eċċezzjoni ta’ reprografija”).

30      Peress li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax la l-utenti li huma d-destinatarji tal-eċċezzjoni ta’ reprografija prevista, la l-għan tar-riproduzzjoni intiż minn din id-dispożizzjoni u lanqas il-kuntest privat jew mhux privat tar-riproduzzjoni, tali eċċezzjoni għandha tinftiehem bħala li tikkonċerna l-kategoriji kollha ta’ utenti, inklużi l-persuni fiżiċi, ikun xi jkun l-għan tar-riproduzzjonijiet, inklużi dawk magħmula għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

31      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi, minn naħa tiegħu, li l-Istati membri jistgħu jipprevedu dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet magħmula fuq kwalunkwe mezz minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust (iktar ’il quddiem l-“Eċċezzjoni ta’ kopja privata”).

32      Peress li din id-dispożizzjoni tindika espliċitament li r-riproduzzjonijiet li huma koperti minnha huma fuq “kull mezz”, hija għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda wkoll dawk magħmula fuq karta jew mezz simili. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tispeċifikax it-teknika ta’ riproduzzjoni inkwistjoni, hija għandha tinftiehem bħala li ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha r-riproduzzjonijiet effettwati permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.

33      Minn dan isegwi li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu rispettivament l-eċċezzjoni ta’ reprografija u l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jikkoinċidu parzjalment.

34      Iktar konkretament, jekk ir-riproduzzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi għal użu privat tagħhom u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali jistgħu jaqgħu kemm taħt l-eċċezzjoni ta’ reprografija kif ukoll taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ir-riproduzzjonijiet magħmula minn utenti li ma humiex persuni fiżiċi, kif ukoll dawk imwettqa minn persuni fiżiċi għal użu li ma huwiex privat jew għal finijiet kummerċjali jaqgħu biss taħt l-eċċezzjoni ta’ reprografija.

35      Fir-rigward tal-kliem “kumpens ġust” għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kumpens ġust”, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għaldaqstant għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-istati Membri kollha li jkunu daħħlu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata (is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kumpens ġust għandu jiġi neċessarjament kkalkolat fuq il-bażi tal-kriterju ta’ dannu kkawżat lill-awturi tax-xogħlijiet protetti. Fil-fatt, mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett u l-livell tal-kumpens ġust huma marbuta mad-dannu li jirriżulta għall-awtur bir-riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu, magħmula mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu. F’din il-perspettiva, il-kumpens ġust għandu jitqies bħala l-korrispettiv għad-dannu subit minn dan l-awtur (ara f’dan is-sens is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 40 u 42).

37      Ċertament, il-kawża li wasslet għas-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620) tikkonċerna speċifikament l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ kumpens ġust billi rrikorriet, b’mod partikolari għall-argumenti, ibbażati fuq il-premessa 35 ta’ din id-direttiva, li huma validi għall-assjem tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tagħha u li għalihom jeħtieġ kumpens ġust. Il-ġurisprudenza stabbilita fl-imsemmija sentenza, kif imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala rilevanti wkoll, mutatis mutandis, għal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmija direttiva (ara f’dan is-sens VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punti 73 u 77).

38      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-argument ibbażat fuq ir-rekwiżit ta’ koerenza għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li jivvinkolawhom, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29.

39      Fil-fatt, il-koerenza fl-implementazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, li jikkoinċidu parzjalment, ma tistax tiġi ggarantita jekk l-Istati Membri jkunu liberi li jiddeterminaw il-modalità ta’ kif jiġi ffissat il-kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet magħmula fl-istess kundizzjonijiet, abbażi biss tal-fatt li jkunu għażlu li jipprevedu jew esklużivament waħda jew l-oħra ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, jew waħda u l-oħra simultanjament jew suċċessivament.

40      Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx lok li tiġi stabbilita differenza, fir-rigward tal-kumpens ġust, fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ reprografija bejn ir-riproduzzjonijiet magħmula għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali mill-persuni fiżiċi u dawk magħmula minn utenti oħra u/jew għal finijiet oħra.

41      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni li fiha r-riproduzzjonijiet huma magħmula, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ reprografija, minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali ma hijiex komparabbli, fir-rigward tal-kumpens ġust, għas-sitwazzjoni li fiha r-riproduzzjonijiet li, filwaqt li jsiru fl-istess kuntest tal-eċċezzjoni ta’ reprografija, huma magħmula jew minn utent li ma huwiex persuna fiżika, jew minn persuna fiżika iżda għal użu li ma huwiex privat jew għal finijiet direttament jew indirettament kummerċjali, peress li d-danni subiti rispettivament mill-detenturi tad-drittijiet f’waħda jew l-oħra ta’ dawn is-sitwazzjonijiet bħala regola ġenerali ma humiex identiċi.

42      Konsegwentement, għandha tiġi stabbilita differenza, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ reprografija, fir-rigward tal-kumpens ġust, bejn, minn naħa, it-twettieq ta’ riproduzzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi għal użu privat tagħhom u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali u, min-naħa l-oħra, it-twettieq ta’ riproduzzjonijiet magħmula minn persuni fiżiċi iżda għal użu li ma huwiex privat jew għal finijiet direttament jew indirettament kummerċjali, kif ukoll it-twettiq ta’ riproduzzjonijiet minn kategoriji oħra ta’ utenti.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 5(2)(b) tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tat-termini “kumpens ġust” imsemmi fihom, hemm lok li tiġi stabbilita differenza skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

 Fuq it-tielet domanda

44      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 5(2)(b) tagħha jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-Istat Membru sabiex jalloka parti mill-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill-edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr ebda obbligu ta’ dawn l-edituri li jiżguraw li dawn l-awturi, anki jekk indirettament, jibbenefikaw mill-kumpens li minnu jkunu ġew miċħuda.

45      Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni użata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta d-domanda tagħha tirreferi għall-ipoteżi li fiha l-kumpens imħallas lill-edituri jitnaqqas minn dak li huwa debitament u normalment dovut lid-detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni skont id-Direttiva 2001/29.

46      Skont l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, il-fakultà tal-Istati Membri li jipprevedu l-eċċezzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet hija suġġetta għall-obbligu minn dawn l-Istati li jiġi ggarantit lid-detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni, il-ħlas ta’ kumpens ġust.

47      Madankollu, l-edituri ma jidhrux fost id-dententuri tad-dritt ta’ riproduzzjoni kif previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

48      Peress li, minn naħa, il-kumpens ġust, li huwa dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija, kif ukoll, skont l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, huwa intiż, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, sabiex jikkumpensa d-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, u min-naħa l-oħra, li l-edituri ma humiex detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, dawn tal-aħħar ma jissubixxu ebda dannu għall-finijiet ta’ dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet. Għaldaqstant, huma jistgħux jibbenefikaw minn kumpens skont l-imsemmija eċċezzjonijiet meta tali benefiċċju jkollu l-konsegwenza li jċaħħad lid-detenturi tar-riproduzzjoni mill-kumpens ġust kollu jew minn parti minnu li huma intitolati għalih skont dawn l-istess eċċezzjonijiet.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza lill-Istat Membru li jalloka parti tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill-edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr ebda obbligu ta’ dawn l-edituri li jiżguraw li dawn l-awturi, anki jekk indirettament, jibbenefikaw mill-kumpens li minnu jkunu ġew miċħuda.

 Fuq ir-raba’ domanda

50      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ħlas tal-kumpens ġust li tkopri r-riproduzzjonijiet tal-mużika fuq il-karta kif ukoll tar-riproduzzjonijiet iffalsifikati mwettqa minn sors illegali.

51      L-ewwel nett, fir-rigward tal-mużika fuq il-karta, mill-kliem tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-mużika fuq il-karta hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ reprografija. Għaldaqstant, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens ġust fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, inkluż fil-każ fejn ir-riproduzzjoni tal-mużika fuq il-karta titwettaq min persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

52      Inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jeħtieġ li tinġibed l-istess konklużjoni, bħala prinċipju, f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Kieku kien mod ieħor, l-applikazzjoni konġunta jew parallela tal-eċċezzjoni tal-kopja privata u tal-eċċezzjoni ta’ reprografija mill-Istati Membri tirriskja li tkun mhux koerenti, bi ksur tar-rekwiżit imsemmi fl-aħħar sentenza tal-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29.

53      Fil-fatt, fil-każ fejn ir-riproduzzjoni tal-mużika fuq il-karta tiġi awtorizzata fil-kuntest ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet u pprojbita fil-kuntest tal-oħra, is-sitwazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat tkun kontradittorja u tkun tippermetti li tiġi evitata l-projbizzjoni tal-awtorizzazzjoni tar-riproduzzjoni tal-mużika fuq il-karta.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni tal-mużika fuq il-karta msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda mhux sempliċiment il-limitazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni ta’ reprografija iżda wkoll li tistabilixxi sistema speċjali għal dan it-tip ta’ oġġetti protetti, billi tipprojbixxi, bħala prinċipju, ir-riproduzzjoni tiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-detenturi tad-drittijiet.

55      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ħlas tal-kumpens ġust li tkopri wkoll il-kopji tal-mużika fuq il-karta.

56      Madankollu, inkunsiderazzjoni tal-aħħar sentenza tal-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, ma huwiex eskluż li f’ċerti każijiet limitati u iżolati r-riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-mużika fuq il-karta magħmula fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata tista’, fil-każ fejn id-dannu li din ir-riproduzzjoni tista’ tikkawża li-detenturi tad-drittijiet tkun minima, titqies bħala kompatibbli mas-sistema speċjali invokata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

57      Imbagħad, fir-rigward tar-riproduzzjonijiet iffalsifikati, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix l-ipoteżi ta’ kopji privati magħmula minn sors illegali (is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 41).

58      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tipprojbixxi ċertament, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur milli jużaw id-dritt esklużiv tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jwettqu kopji privati tax-xogħlijiet tagħhom, madankollu din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi, lil hinn minn din il-limitazzjoni prevista espliċitament, fuq id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jistgħu jakkumpanjaw it-twettiq ta’ kopji privati (ara, is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 31).

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja irrilevat ukoll li mill-premessa 22 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura ma għandux jintlaħaq billi tiġi ssagrifikata l-protezzjoni stretta tad-drittijiet jew billi jiġu ttollerati forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħlijiet iffalsifikati jew ikkopjati illegalment. (is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 36) u li filwaqt tal-applikazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tagħmilx distinzjoni skont jekk is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwiex legali jew illegali, tista’ tikser ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 (is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 38).

60      Minn naħa, jekk jiġi aċċettat li tali riproduzzjonijiet jistgħu jsiru minn sors illegali, dan jinkoraġġixxi d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet iffalsifikati jew ikkopjati illegalment u għalhekk inaqqas neċessarjament il-volum ta’ bejgħ jew ta’ tranżazzjonijiet legali oħra relatati ma’ xogħlijiet protetti, b’tali mod li l-użu normali tagħhom jiġi ppreġudikat (is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 39).

61      Min-naħa l-oħra, tista’ tinvolvi, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dannu inġustifikat lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur (is-sentenza ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 40).

62      Dawn l-argumenti użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata huma, fid-dawl tan-natura tagħhom, trasponibbli kompletament għall-eċċezzjoni ta’ reprografija. Konsegwentement, il-ġurisprudenza invokata fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza għandha tiġi kkunsidrata bħala rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar eċċezzjoni.

63      Din l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ reprografija hija kkorroborata mill-fatt li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tikkonċerna riproduzzjonijiet magħmula fuq “kull mezz”, kemm fir-rigward ta’ karta jew ta’ kull mezz simili, permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti. Madankollu, l-implementazzjoni ta’ dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet mill-Istati Membri tista’ tkun mhux koerenti, bi ksur tar-rekwiżit li jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29, jekk l-eċċezzjoni ta’ reprografija tiġi kkunsidrata li tkopri, kuntrarjament għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ir-riproduzzjonijiet iffalsifikati.

64      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ħlas tal-kumpens ġust li tkopri wkoll ir-riproduzzjonijiet tal-mużika fuq il-karta, u jipprekludu, tali leġiżlazzjoni, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ġbir tal-kumpens ġust li jkopri ukoll tar-riproduzzjonijiet iffalsifikati mwettqa minn sors illegali.

 Fuq it-tieni domanda

65      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkombina, għall-finanzjament tal-kumpens ġust mogħti lid-detenturi tad-drittijiet, żewġ forom ta’ remunerazzjoni, jiġifieri, minn naħa, remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, mħallsa qabel l-operazzjoni tal-ikkopjar, mill-manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra-Komunitarju ta’ apparati li jippermettu r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa kkalkolat biss abbażi tal-ħeffa li biha huma jistgħu jagħmlu r-riproduzzjonijiet u min-naħa l-oħra, ta’ remunerazzjoni proporzjonali, li sseħħ wara l-operazzjoni ta’ kkopjar, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le fir-rigward tal-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet.

66      Is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ppreżentata bħala sistema kkombinata ta’ remunerazzjonijiet li fiha, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust, kemm remunerazzjoni ffissata minn qabel l-operazzjoni ta’ riproduzzjoni, skont l-għaġġla li biha l-apparat iwettaq teknikament ir-riproduzzjonijiet, kif ukoll remunerazzjoni ffissata wara l-operazzjoni ta’ riproduzzjoni, skont in-numru ta’ riproduzzjonijiet imwettqa.

67      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-remunerazzjoni ffissata minn qabel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk l-għaġġla massima li biha l-apparat jagħmel ir-riproduzzjonijiet jikkostitwixxix kriterju rilevanti għall-iffissar tat-tariffa li għandhom iħallsu manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra-Komunitarju ta’ apparati li jippermettu l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju nazzjonali.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-bidu nett, li kif ġie invokat fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, li, minn naħa, il-kumpens ġust għandu bħala għan li jikkumpensa b’mod adegwat lid-detenturi tad-drittijiet ta’ awtur għar-riproduzzjonijiet li jsiru, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, ta’ xogħlijiet protetti. Għalhekk, għandu jitqies bħala l-korrispettiv għad-dannu subit mid-detenturi bħala riżultat tal-att ta’ riproduzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-kriterju tad-dannu għandha tiġi applikata fil-kuntest kemm tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata kif ukoll tal-eċċezzjoni ta’ reprografija.

69      Minn dan jirriżulta, min-naħa, li l-kumpens ġust huwa, bħala prinċipju, intiż li jikkumpensa d-dannu subit minħabba riproduzzjonijiet effettivament imwettqa (iktar ’il quddiem il-“kriterju tad-dannu effettiv”), u min-naħa l-oħra, li, bħala prinċipju, l-persuni li wettqu ir-riproduzzjonijiet huma obbligati li jikkumpensaw id-dannu marbut magħhom, billi jiffinanzjaw il-kumpens li jitħallas lid-detentur tad-drittijiet (ara, is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 45).

70      Għaldaqstant, inkunsiderazzjoni tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l-utenti kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad drittijiet għad-dannu li jikkawżawlhom huwa possibbli għall Istati Membri li jistabbilixxu tariffa dovuta mhux mill-utenti kkonċernati, iżda mill-persuni li jkollhom it-tagħmir, l-apparat u l-mezzi ta’ riproduzzjoni u li, minħabba f’hekk, huma fid-dritt jew fil-fatt ipoġġu dan it‑tagħmir għad‑dispożizzjoni ta’ dawn l-utenti jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni u li jistgħu jgħaddu t-tariffa fuq l-utenti (ara f’dan is-sens is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 46 u 48).

71      Huwa mifhum li l-ammont ta’ tali tariffa ffissata minn qabel ma tistax tiġi ffissata abbażi tal-kriterju kriterju tad-dannu effettiv, u l-portata tiegħu tibqa’ mhux magħrufa, fl-istadju tat-tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni tal-apparati kkonċernati fit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant, din it-tariffa għandha tkun neċessarjament stabbilita b’mod ta’ somma f’daqqa.

72      F’dan ir-rigward il-persuni li għad-dispożizzjoni tagħhom jitqiegħdu dawn l-apparati, huma leġittimament preżunti li jibbenefikaw b’mod sħiħ minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il-funzjonijiet kollha assoċjati mal-imsemmija apparati, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni. Minn dan isegwi li s-sempliċi kapaċità tal-istess apparati li jagħmlu riproduzzjonijiet hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tariffa għall-persuni kkonċernati (ara f’dan is-sens is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 55 u 56).

73      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li l-persuni kollha li għad-dispożizzjoni jitqiegħdu dawn l-apparati jistgħu jisfruttaw b’mod sħiħ il-kapaċità teknika ta’ riproduzzjoni tagħhom, billi din il-kapaċità tikkorrispondi għan-numru massimu ta’ riproduzzjonijiet li jistgħu jitwettqu teknikament fil-limitu ta’ żmien mogħti.

74      Fil-fatt, huwa stabbilit li l-kategoriji differenti ta’ akkwirenti jew utenti ma għandhomx l-istess bżonnijiet u ma humiex suġġetti għall-istess limiti bħal dawk previsti fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma jisfruttaw il-kapaċità teknika ta’ apparat speċifiku biss sa fejn jeħtieġu dawn il-bżonnijiet u dawn il-limiti.

75      B’mod partikolari, l-isfruttar tal-kapaċità teknika tal-apparati ta’ riproduzzjoni tkun differenti skont jekk il-persuna kkonċernata tagħmilx riproduzzjonijiet għal użu pubbliku jew għal użu privat, għal finijiet kummerċjali jew għal finijiet oħra.

76      Remunerazzjoni li l-ammont tagħha huwa ffissat b’mod ta’ somma f’daqqa u li l-pagament tagħha huwa impost fuq persuni li jqiegħdu l-apparati għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jagħmlu riproduzzjonijiet għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni din id-differenza, peress li l-evalwazzjoni tad-dannu jista’ jwassal għal riżultati kunsiderabbilment differenti fir-rigward għal sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imħallsa fil-forma ta’ somma f’daqqa minn qabel l-operazzjoni tar-riproduzzjoni, mill-manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra-Komunitarju, meta dawn apparat jitqiegħed f’ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali, fil-każ fejn l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni huwa kkalkolat biss abbażi tal-ħeffa li biha dan l-apparat għandu l-kapaċità teknika li jagħmel riproduzzjonijiet.

78      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-remunerazzjoni mħallsa wara, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dritt tal-Unjoni jawtorizzax Stat Membru sabiex ivarja t-tariffa li għandha titħallas mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet skont jekk dawk il-persuni jikkooperawx jew le sabiex tinġabar it-tariffa.

79      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kumpens ġust huwa intiż li jikkumpensa d-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, id-dannu kkawżat lill-awtur jibqa’ identiku kemm jekk id-debitur jikkoopera jew le fil-ġbir ta’ din it-tariffa.

80      Għaldaqstant, il-fatt ta’ jekk jikkooperax jew le ma jikkostitwixxix kriterju adegwat sabiex jiġi varjat l-ammont tat-tariffa intiża li tiffinanzja, wara l-fatt, il-kumpens ġust.

81      Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabilixxi sistema kkombinata li tinvolvi kumulattivament remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa minn qabel jew ammont ta’ remunerazzjoni proporzjonali ffissata wara.

82      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-istabbiliment ta’ tariffa ffissata minn qabel it-twettiq tar-riproduzzjonijiet hija, bħala prinċipju, awtorizzata biss sussidjarjament, f’każ ta’ impossibbiltà li jiġu identifikati l-utenti u, konsegwentement, li jiġu evalwat id-dannu effettiv subit mid-detenturi tad-drittijiet.

83      Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ finanzjament u ġbir tal-kumpens ġust kif ukoll il-livell ta’ dan il-kumpens, sistema li tikkombina remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ffissata minn qabel u remunerazzjoni proporzjonali ffissata wara ma hijiex a priori kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

84      Minħabba dan, sistema bħal din għandha tippermetti kumplessivament, il-ġbir ta’ tariffa bħala kumpens ġust li l-ammont tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għad-dannu effettiv subit mid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li huwa mifhum li Stat Membru li jagħżel li jistabbilixxi forma ta’ remunerazzjoni ffissata wara, li l-ammont tagħha jkun jiddependi fuq in-numru ta’ riproduzzjonijiet magħmula, ma jidhirx li huwa espost għall-imsemmija diffikultajiet prattiċi ta’ identifikazzjoni u ta’ evalwazzjoni evokati fil-punt 82 ta’ din is-sentenza.

85      Bil-għan li tiġi sodisfatta l-kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, sistema li tikkombina remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ffissata minn qabel u remunerazzjoni proporzjonali ffissata wara, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkollha mekkaniżmi, b’mod partikolari ta’ rimbors, intiżi sabiex jikkoreġu kwalunkwe sitwazzjoni ta’ “kumpens żejjed” għad-detriment ta’ xi kategorija ta’ utenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 30 u 31).

86      Fil-fatt, dan il-“kumpens żejjed” ma huwiex kompatibbli mar-rekwiżit, imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, skont liema għandu jinżamm bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-oġġetti protetti.

87      B’mod partikolari, din is-sistema kkombinata ta’ remunerazzjoni għandu jkollha mekkaniżmi, b’mod partikolari ta’ rimbors, li jippermettu l-applikazzjoni komplementari tal-kriterji tad-dannu effettiv u tad-dannu stabbilit b’mod f’forma ta’ somma f’daqqa.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabilixxi sistema li tikkombina, għall-finanzjament tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, żewġ forom ta’ remunerazzjoni, jiġifieri, minn naħa, remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa minn qabel l-operazzjoni tar-riproduzzjoni mill-manifattur, l-importatur jew l-akkwirent intra-Komunitarju tal-apparati li jippermettu r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, remunerazzjoni proporzjonali mħallsa wara din l-operazzjoni ta’ riproduzzjoni, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu dawn il-kopji sakemm:

–        ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa minn qabel tkun ikkalkolata biss skont il-ħeffa li biha l-apparat ikkonċernat ikun jista’ jwettaq dawn il-kopji;

–        ir-remunerazzjoni proporzjonali mogħtija wara tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le għall-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni;

–        is-sistema kkombinata fl-intier tagħha ma għandhiex mekkaniżmi, b’mod partikolari ta’ rimbors, li jippermettu l-applikazzjoni komplementari tal-kriterji tad-dannu effettiv u tal-preġudizzju stabbilit b’mod ta’ somma f’daqqa fir-rigward tal-kategoriji differenti ta’ utenti.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tat-terminu “kumpens ġust” imsemmi fihom, hemm lok li tiġi stabbilita differenza skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

2)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-Istat Membru li jalloka parti mill-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill-edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr obbligu ta’ dawn l-edituri li jiżguraw li dawn l-awturi, anki jekk indirettament, jibbenefikaw mill-kumpens li minnu jkunu ġew miċħuda.

3)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ħlas tal-kumpens ġust li tkopri wkoll ir-riproduzzjonijiet tal-mużika fuq il-karta, u jipprekludu, tali leġiżlazzjoni, li tistabilixxi sistema mhux differenzjata ta’ ġbir tal-kumpens ġust li jkopri ukoll tar-riproduzzjonijiet iffalsifikati mwettqa minn sors illegali.

4)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistabilixxi sistema li tikkombina, għall-finanzjament tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, żewġ forom ta’ remunerazzjoni, jiġifieri, minn naħa, remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa minn qabel din l-operazzjoni tar-riproduzzjoni mill-manifattur, l-importatur jew l-akkwirent intra-Komunitarju tal-apparati li jippermettu l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju nazzjonali,, u, min-naħa l-oħra, remunerazzjoni proporzjonali mħallsa wara l-operazzjoni ta’ kkopjar, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu dawn ir-riproduzzjonijiet sakemm:

–        ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa minn qabel tkun ikkalkolata biss skont il-ħeffa li biha l-apparat ikkonċernat ikun jista’ jwettaq dawn il-kopji;

–        ir-remunerazzjoni proporzjonali mogħtija wara tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le għall-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni;

–        is-sistema kkombinata kumplessivament ma għandhiex mekkaniżmi, b’mod partikolari ta’ rimbors, li jippermettu l-applikazzjoni komplementari tal-kriterji tad-dannu effettiv u tal-preġudizzju stabbilit b’mod ta’ somma f’daqqa fir-rigward tal-kategoriji differenti ta’ utenti.


Firem



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.