Language of document : ECLI:EU:F:2013:95

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑21/12

Mohammed Achab

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Achab jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tad-9 ta’ Ġunju 2011, li twaqqaf l-allowance tal-espatrijazzjoni tiegħu b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010 u li tordna l-irkupru tal-allowance tal-espatrijazzjoni li huwa rċieva minn din id-data.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2011 hija annullata sa fejn tordna l-irkupru tal-allowances tal-espatrijazzjoni mħallsa lil M. Achab b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti minn M. Achab. M. Achab għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Avveniment li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid mill-amministrazzjoni tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju — Portata — Bidla tan-nazzjonalità

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 4(1))

2.      Uffiċjali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Kundizzjonijiet — Irregolarità manifesta tal-ħlas — Għarfien mill-persuna kkonċernata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

1.      Fir-rigward ta’ allowance mħallsa kull xahar lil uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti u li għandha bħala għan li tikkumpensa l-issuġġettar ta’ persuna għal piż jew għal neċessità partikolari, meta tali piż jew neċessità partikolari ma jkunx għadu jeżisti, l-amministrazzjoni ma tistax tkompli tħallas lil din il-persuna l-allowance kkonċernata. Konsegwentement, meta jseħħ avveniment li jista’ jbiddel sostanzjalment is-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi ta’ persuna li tibbenefika minn allowance, l-amministrazzjoni tista’, jew saħansitra għandha, twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, peress li n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata tikkostitwixxi wieħed mill-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-bidla tan-nazzjonalità ta’ uffiċjal tista’ titqies li hija avveniment li jista’ jemenda sostanzjalment is-sitwazzjoni tiegħu u, għalhekk, tikkostitwixxi fatt li jiġġustifika eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, il-fatt li uffiċjal li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kuntrarjament għal uffiċjal li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a), ikun stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu, kunċett li għandu jinftiehem li jindika ċ-ċentru tal-interessi tiegħu, fil-pajjiż fejn huwa assenjat, minkejja li għal żmien qasir ħafna matul il-perijodu ta’ referenza, awtomatikament iċaħħdu mill-allowance tal-espatrijazzjoni. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) huma differenti minn dawk tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a). Fil-fatt, filwaqt li, għall-uffiċjali li ma humiex ċittadini tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni tagħhom, it-telf jew ir-rifjut tal-benefiċċju ta’ allowance tal-espatrijazzjoni jseħħ biss fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż tal-assenjazzjoni futur tagħha tkun issoktat matul il-perijodu kollu ta’ ħames snin ta’ referenza, min-naħa l-oħra, għall-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni, il-fatt li huma żammew jew stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk, minkejja li għal żmien qasir ħafna matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ referenza, huwa suffiċjenti sabiex iwassal għat-telf jew għar-rifjut tal-għoti ta’ din l-allowance.

(ara l-punti 26, 27, 34 u 35)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, B vs Il‑Kummissjoni, F‑7/06, punt 38; 25 ta’ Frar 2008, Anselmo et vs Il‑Kunsill, F‑85/07, punt 25

2.      L-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li kwalunkwe somma indebitament imħallsa tista’ tiġi rkuprata mill-amministrazzjoni f’żewġ każijiet, jiġifieri meta l-benefiċjarju kellu għarfien tal-irregolarità tal-ħlas jew meta din l-irregolarità kienet tant manifesta li huwa ma setax ma jkollux għarfien tagħha.

Fir-rigward tal-ewwel każ, hija l-amministrazzjoni li għandha tipprova li l-benefiċjarju kellu għarfien effettiv tan-natura irregolari tal-ħlas.

Fir-rigward tat-tieni każ, l-irregolarità inkwistjoni ma tistax ma tintebaħx minn uffiċjal normalment diliġenti. Dwar dan il-punt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’kull każ, il-kapaċità tal-uffiċjal ikkonċernat li jwettaq il-verifiki neċessarji.

(ara l-punti 43 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Stempels vs Il‑Kummissjoni, 310/87, punti 10 u 11