Language of document : ECLI:EU:T:2020:22

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali BROWNIE – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti BROWNIES, BROWNIE, Brownies u Brownie – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑598/18,

Grupo Textil Brownie, SL, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn D. Pellisé Urquiza u J. C. Quero Navarro, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Capostagno, A. Folliard-Monguiral u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

The Guide Association, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. St Quintin, barrister, u M. Jhittay, solicitor,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Lulju 2018 (Każ R 2680/2017-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Guide Association u Grupo Textil Brownie,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2019,

wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ April 2015, Juan Morera Morral ippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BROWNIE.

3        Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 18: “Bagolli u boroż tal-ivvjaġġar; valiġġi; bagolli tal-ivvjaġġar; kartieri; basktijiet għal min jikkampeġġja; basktijiet għall-affarijiet li jintużaw fil-ġinnasju; basktijiet għall-alpinisti; basktijiet tal-baħar; basktijiet tax-xibka għax-xiri; basktijiet b’roti żgħar; valiġġetti; basktijiet għax-xirja; inviloppi tal-ġilda għall-ippakkjar; basktijiet tal-id; kontenituri tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġild oħxon; ċrienen b’ċineg mal-ispallejn għall-ġarr tat-tfal żgħar; basktijiet tal-iskola; kontenituri tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġild oħxon; bagolli għall-ivvjaġġar; kaxxetti tal-kożmetiċi, mhux mgħammra; portafolli taċ-ċwievet; xalel għall-ġarr tat-tfal żgħar; barżakki ta’ fuq l-ispalla; bagalji; valiġġi; kartieri tad-dokumenti; barżakki ta’ fuq id-dahar; ċrienen b’ċineg mal-ispallejn għall-ġarr tat-tfal żgħar; portmonijiet; portmonijiet b’malji; kartieri tad-dokumenti; kontenituri tal-mużika; basktijiet tal-ħwejjeġ (għas-safar)”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras; ġkieket; ilbies tat-trabi; ġagagi tal-banju; żrabejn ħfief; maskli tal-irqad; ilbies għas-sewwieqa; vavalori, mhux tal-karti; malji tal-għawm; bandani; trieħi (ilbies); bandò (ilbies); papoċċi tal-banju; sandli tal-banju; libsa sħiħa milbusa fuq ħwejjeġ oħra (overalls); ġagagi; pelliċċji twal (għal madwar l-għonq); teddies (ilbies ta’ taħt); berèjiet; manxò tas-saqajn (li ma jisħnux bl-elettriku); stivali bil-lazzijiet; stivali; stivali għall-iskijjar; żraben tal-futbol; stivali sal-għaksa; qliezet ta’ taħt għan-nisa; qliezet ta’ taħt għat-trabi; kalzetti; tgeżwir biex iżomm l-għekiesi sħan; xedd is-saqajn; żraben tal-isports; żraben għal fuq ix-xtajta; qliezet; qomos; qomos bi kmiem qosra; flokkijiet ta’ taħt mingħajr kmiem; flokkijiet forma ta’ T (T‑shirts); korpi (ilbies ta’ taħt għan-nisa); barnużi (ilbies); pjaneti (ilbies tal-qassisin); sdieri; xalel; galoxxi; ġkieket (ilbies); sdieri tas-sajjieda; ġkieket ħoxnin; ilbies sħiħ tax-xita; ħwejjeġ għaċ-ċiklisti; pawċis (ilbies); ċinturini (ilbies); brieret (xedd ir-ras);      slips (ilbies ta’ taħt); ilbies magħmulin u lesti lakemm tilbishom; slips (ilbies ta’ taħt); ingravati; kriepet żgħar; kriepet; flokkijiet ta’ taħt biċ-ċingi għan-nisa (camisoles); tgeżwir ta’ madwar l-ispallejn; għenuq li jinqalgħu; fradal (ilbies); żraben tal-isports; kostumi tal-karnival; ħwejjeġ ta’ taħt imlibbsa taħt dublett; stoli tal-fer; panċieri; żraben tal-isports; kostumi tal-karnival; ħwejjeġ ta’ taħt imlibbsa taħt dublett; stoli tal-fer; panċieri; dbielet; qliezet qosra li minn quddiem għandhom dehra ta’ dublett; xalpi; kappotti; gabardin (ilbies); żraben tal-ġinnastika; kapep tal-għawm; brieret tad-doċċa; ingwanti tal-iskijjar; ingwanti; ġersijiet (pulowvers); ibies issikkat għar-riġlejn (qliezet); ħwejjeġ ta’ taħt; livriji, ċinturini għaż-żamma tal-kalzetti; takkalji; takkalji; manxò (ilbies); manipli; velijiet li jintlibsu mal-irjus u madwar l-ispallejn; kalzetti twal li jaslu sal-koxxa;      kalzetti twal li jaslu sal-koxxa, li jassorbu l-għaraq; maljerija; ingwanti li jgħattu erba’ swaba tal-id flimkien u l-behem tgħattih waħdu (mittens); mitri (kpiepel); protezzjoni tal-widnejn (ilbies); qliezet; tajts; imkatar kwadri għall-bwiet; imkatar għal madwar l-għonq; parkas; papoċċi; quddimini tal-qomos; mantelli qosra bil-ponot quddiem, għan-nisa (pelerines); mantari li jaslu sal-għekiesi, għan-nisa (pelisses); ilbiesi mingħajr kmiem jew għonq; fer (ilbies); piġamas; ilbies għal fuq ix-xtajta; getta; ponċos; xogħol tal-malja (ilbies); maflers (xalpi ta’ madwar l-għonq); ġersijiet (pulowvers); pulzieri tal-qomos; ħwejjeġ tal-ġilda; ilbies ta’ imitazzjonijiet tal-ġilda; ilbies tal-ġinnastika; ilbies tal-karti; ħwejjeġ ta’ fuq barra; ilbies ta’ taħt li jixrob l-għaraq; sandlijiet; saris; sarongs; qliezet tal-għawm; qliezet; brieret issikkati mar-ras (xedd ir-ras); xedd ir-ras; xedd ir-ras; kpiepel nofs tomna; kpiepel tal-karta (ilbies); riċipetti; ġersijiet (pulowvers); takkalji; veli; togi; ċineg għall-irbit tal-qalza; kostumi; wetsuits għall-iskijjar fuq l-ilma; turbani; uniformijiet; veli (ilbies); ilbiesi twal tan-nisa; ilbies; viżieri (ilbies); xedd is-saqajn; zukkletti tal-injam; ilbies magħmulin u lesti lakemm tilbishom”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fil-ħwienet kif ukoll bejgħ fuq l-internet ta’ ħwejjeġ għan-nisa, kif ukoll oġġetti u aċċessorji tal-ħwejjeġ”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblika fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 106/2015, tal-10 ta’ Ġunju 2015.

5        Fit-2 ta’ Settembru 2015, l-intervenjenti, The Guide Association, ippreżentat oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-sensiela ta’ trade marks tar-Renju Unit verbali preċedenti BROWNIES, BROWNIE, Brownies u Brownie (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, it-“trade mark preċedenti”), li tidentifika b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 6, 18, 25, 26 u 41 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 6: “Ħoloq taċ-ċwievet”;

–        klassi 18: “Barżakki ta’ fuq id-dahar; basktijiet għat-tfal”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, esklużivament għall-bniet”;

–        klassi 26: “Beġis; emblemi; żigarelli; rakkmu; ismijiet ta’ timijiet; emblemi ta’ timijiet sabiex jinħitu, fil-forma ta’ rakkmu; biċċa ġilda forma ta’ ċirku milbus mill-iskawts”;

–        klassi 41: “Organizzazzjoni ta’ attivitajiet fi grupp fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura u tad-divertiment; organizzazzjoni ta’ korsijiet u ta’ stages fl-oqsma tal-ikkampjar; tal-isport; tax-xogħol tad-dar; tax-xogħol bl-injam”.

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001) kif ukoll fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001).

8        Fid-19 ta’ Frar 2016, J. Morera Morral talab li jiġi rreġistrat fir-Reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea t-trasferiment lir-rikorrenti, Grupo Textil Brownie, SL, tal-applikazzjoni tiegħu għal trade mark tal-Unjoni Ewropea.

9        Fis-26 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 47(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001), li l-intervenjenti tressaq prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin.

10      Fit-18 ta’ Jannar 2017, l-intervenjenti pproduċiet diversi dokumenti, li jikkonsistu f’dikjarazzjoni fuq l-unur mid-direttur tar-riżorsi tagħha (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni fuq l-unur”) u f’ħames annessi, bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti (iktar ’il quddiem it-“tieni sensiela ta’ dokumenti”).

11      Fit-23 ta’ Ottubru 2017, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u ċaħditha fir-rigward tal-kumplament. B’mod partikolari, hija qieset li l-intervenjenti kienet ressqet prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija ma bbażatx ruħha biss fuq id-dokumenti prodotti mill-intervenjenti fit-18 ta’ Jannar 2017, espliċitament bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), iżda bbażat ruħha wkoll fuq dokumenti, li jikkonsistu f’sitt annessi, li kienet diġà pproduċiet quddiem l-EUIPO fl-14 ta’ April 2016, flimkien mal-fatti, mal-provi u mal-osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha (iktar ’il quddiem l-“ewwel sensiela ta’ dokumenti”). Barra minn hekk, hija kkonstatat li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn it-trade marks kunfliġġenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, li kienu identiċi għal jew li kienu jixbhu lil dawk li fir-rigward tagħhom l-intervenjenti kienet ipproduċiet prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. Għall-kuntrarju, fl-assenza ta’ xebh bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u dawk li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kienet talbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma kienx hemm rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u servizzi tal-aħħar, b’tali mod li kien hemm lok li tiġi miċħuda r-raġuni ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

12      Fit-18 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. B’mod partikolari, minn naħa, huwa qies li l-intervenjenti kienet ipproduċiet prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq (punti 16 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija tenniet ir-raġunijiet indikati fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fis-sens li ma kienx hemm lok li l-oppożizzjoni tintlaqa’ fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

15      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippreżentata quddiem l-EUIPO fit-30 ta’ April 2015 (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Dan ifisser li din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata, minn naħa, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), fit-23 ta’ Marzu 2016 (ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424) u, min-naħa l-oħra, qabel id-data tal-applikabbiltà tar-Regolament 2017/1001, fl-1 ta’ Ottubru 2017 (ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 212 tar-Regolament 2017/1001).

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima ineżami għadha rregolata mir-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi l-emendi introdotti permezz tar-Regolament 2015/2424, minn tal-inqas fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ natura mhux strettament proċedurali (ara, b’analoġija, id-digrieti tat-30 ta’ Mejju 2013, Shah u Shah vs Three-N-Products, C‑14/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:349, punt 2; tat-13 ta’ Ġunju 2013, DMK Deutsches Milchkontor vs UASI, C‑346/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:397, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Panrico vs EUIPO, C‑655/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:155, punt 2).

19      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni marbuta ma’ oppożizzjoni, wieħed għandu jqiegħed ruħu fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha tressqet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark preċedenti. B’hekk, id-diversi aspetti tat-trade mark preċedenti għandhom jiġu eżaminati kif kienu jinsabu fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha ġiet invokata din it-trade mark (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Golden Balls vs EUIPO – Les Éditions P. Amaury (GOLDEN BALLS), T‑8/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:692, punt 76). Il-fatt li t-trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament 2017/1001) u tal-Artikolu 42(3) ta’ dan l-istess regolament, f’mument wara l-preżentazzjoni tal-applikazjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha tressqet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ din it-trade mark preċedenti, b’mod partikolari wara l-eventwali ħruġ tal-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 50 TUE, mingħajr ma jkunu ġew previsti dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward f’eventwali ftehim konkluż taħt l-Artikolu 50(2) TUE, huwa għalhekk, bħala prinċipju, irrilevanti fir-rigward tal-eżitu tal-oppożizzjoni. L-eżistenza ta’ interess ġuridiku f’rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO li tilqa’ tali oppożizzjoni bbażata fuq tali trade mark nazzjonali preċedenti – jew li tikkonferma deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni f’dan is-sens – lanqas ma hija, bħala prinċipju, affettwata minn dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Stilla f’ċirku), T‑342/12, EU:T:2014:858, punti 23 sa 29).

 Fuq l-uniku motiv

 Fuq il-portata tal-uniku motiv

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed li hija ssostni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, hija ssostni biss li ma kienx meħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti peress li l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ma kienx ġie pprovat mill-intervenjenti. Kif isostnu ġustament l-EUIPO u, essenzjalment, l-intervenjenti, ir-rikorrenti b’hekk ma hijiex qiegħda tressaq argumenti speċifiċi li jistgħu jissostanzjaw motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      Madankollu, kif jirrikonoxxu wkoll l-EUIPO u, essenzjalment, l-intervenjenti, mir-rikors b’mod ġenerali jirriżulta b’mod inekwivoku li r-rikorrenti qiegħda tikkritika l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-intervenjenti kienet effettivament uriet li kienet għamlet użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Il-fatt li l-EUIPO u l-intervenjenti ddefendew id-deċiżjoni kkontestata b’mod partikolari f’dan ir-rigward juri, barra minn hekk, li, fid-dawl tar-rikors, huma kienu effettivament f’pożizzjoni li jifhmu li r-rikorrenti kienet qiegħda ssostni żball mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun eċċessiv li jiġi rikjest, kif tipproponi l-intervenjenti, li r-rikorrenti tiċċita b’mod espliċitu d-dispożizzjonijiet preċiżi li setgħu nkisru minħabba tali żball.

22      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti tqajjem motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha li huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u li permezz tiegħu ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta rrikonoxxa li l-intervenjenti kienet ipprovat l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikors kellu jinftiehem f’dan is-sens.

23      Insostenn tal-uniku motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-provi ta’ użu ppreżentati mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu ġenwin tat-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, ħames argumenti.

24      Fl-ewwel lok, il-parti l-kbira tal-provi prodotti mill-intervenjenti ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti.

25      Fit-tieni lok, ma ntweriex li l-katalogi prodotti mill-intervenjenti kienu effettivament imqassma b’mod suffiċjenti fost il-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, ma ntweriex li l-paġni tal-katalogi prodotti jikkorrispondu effettivament għall-paġni esterni tal-imsemmija katalogi, peress li dawn tal-aħħar ma ġewx prodotti b’mod sħiħ. Il-fajl lanqas ma fih prova indipendenti li tista’ tikkonferma l-fatt li d-dati indikati fuq il-katalogi prodotti huma awtentiċi.

26      Fit-tielet lok, uħud mill-provi jikkonċernaw sinjal li tant huwa differenti mit-trade mark preċedenti li jibdel il-karattru distintiv tagħha. Barra minn hekk, l-użu tiegħu huwa intiż bħala dekorazzjoni u mhux bħala trade mark.

27      Fir-raba’ lok, id-dikjarazzjoni fuq l-unur la hija oġġettiva u lanqas ma hija ssostanzjata minn provi konkordanti. B’mod partikolari, l-unika fattura prodotta insostenn tad-dikjarazzjoni fuq l-unur hija indirizzata lil The Guide Association Scotland, li skont ir-rikorrenti hija membru tal-intervenjenti. B’hekk, din il-fattura tikkonċerna użu intern tat-trade mark preċedenti u mhux użu pubbliku estern. Barra minn hekk, il-kodiċi ta’ prodott li jidhru fuq din il-fattura ma humiex l-istess bħal dawk li jinsabu fil-katalogi prodotti mill-intervenjenti. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk dawn humiex l-istess prodotti.

28      Fil-ħames lok, peress li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma jistgħux jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti, fil-kawża ineżami ma hemmx lok li titwettaq evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi.

29      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jqisu li l-Bord tal-Appell kellu raġun meta kkonkluda, wara evalwazzjoni globali tal-provi prodotti mill-intervenjenti, li dawn kienu ta’ natura li juru li l-intervenjenti kienet għamlet użu ġenwin mit-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti.

 Evalwazzjoni tal-uniku motiv

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tal-istess regolament (li saret il-premessa 24 tar-Regolament 2017/1001), u mir-Regola 22(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li saret l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)), jirriżulta li r-ratio legis wara r-rekwiżit li t-trade mark preċedenti għandha tkun kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġu llimitati l-kunflitti bejn żewġ trade marks, sakemm ma jkunx hemm raġuni ekonomiku ġusta għall-assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti li tirriżulta minn funzjoni effettiva ta’ din tal-aħħar fis-suq. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi li jiġi evalwat is-suċċess kummerċjali u lanqas li tiġi mistħarrġa l-istrateġija ekonomika ta’ impriża, jew li l-protezzjoni tat-trade marks tiġi rriżervata għall-isfruttament kummerċjali tagħhom li jkun kwantitattivament kunsiderevoli biss (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Reber vs UASI – Wedi & Hofmann (Walzer Traum), T‑355/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:22, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata, għall-finijiet li jinħoloq jew jinżamm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li l-uniku għan tiegħu jkun iż-żamma tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark teżiġi li din it-trade mark, kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża b’mod pubbliku u b’mod estern (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37).

32      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha ta’ natura li jistabbilixxu r-realtà tal-isfruttament kummerċjali tagħha, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat li huwa ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma tas-suq għall-benefiċċju tal-prodotti jew tas-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43).

33      Fir-rigward tan-natura kunsiderevoli tal-użu li jkun sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti ta’ użu kollha, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu jkunu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 35, u tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 41).

34      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark preċedenti, għandha titwettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, HIPOVITON, T‑334/01, EU:T:2004:223, punt 36, u tat-8 ta’ Lulju 2004, VITAFRUIT, T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 42).

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu analizzati l-ħames argumenti speċifiċi mressqa mir-rikorrenti (ara l-punt 24 sa 28 iktar ’il fuq).

–       Fuq l-ewwel argument tar-rikorrenti

36      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-parti l-kbira tal-provi prodotti mill-intervenjenti ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti.

37      Skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni applikabbli ratione temporis għal dan il-każ, jiġifieri fil-verżjoni ta’ qabel l-emendi introdotti permezz tar-Regolament 2015/2424 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-perijodu rilevanti li fir-rigward tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, li jkun ressaq oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jipproduċi prova li t-trade mark nazzjonali preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Istat Membru fejn hija protetta jikkorrispondi għall-ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea saret, f’dan il-każ, fl-10 ta’ Ġunju 2015 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), il-perijodu rilevanti huwa dak bejn l-10 ta’ Ġunju 2010 u d-9 ta’ Ġunju 2015, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata.

38      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li ċerti provi ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta b’mod inekwivoku li huwa biss l-użu ġenwin li għandu jitwettaq matul il-perijodu rilevanti. Sakemm il-provi invokati bil-għan li jintwera l-użu ġenwin jikkonċernaw użu li sar matul il-perijodu rilevanti, ma jistax ikun meħtieġ li dawn il-provi jkunu ġew stabbiliti huma stess matul dan il-perijodu rilevanti. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, fis-sens li ċerti provi ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti għas-sempliċi raġuni li ġew stabbiliti fi żmien li ma jaqax fl-imsemmi perijodu, ma jistax, bħala tali, jinnega n-natura probatorja tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

39      Fir-rigward tal-ewwel sensiela ta’ dokumenti, il-Bord tal-Appell osserva, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Anness 2 kien fih b’mod partikolari verżjoni stampata ta’ paġna mis-sit internet tal-intervenjenti li kienet stampata fil-11 ta’ April 2016 u li kienet tirreferi għal kampanja mmexxija bejn Jannar u Awwissu 2014 intitolata “The Big Brownie Birthday” u li l-Anness 5 kien fih b’mod partikolari żewġ artikoli, “South East Brownies celebrate 100th birthday”, bid-data tat-18 ta’ Jannar 2014, u “North West Brownies bid for sleepover world record”, bid-data tat-28 ta’ Settembru 2014. Kif ikkonstata ġustament, essenzjalment, il-Bord tal-Appell, dawn id-dokumenti jikkonċernaw effettivament avvenimenti li seħħew matul il-perijodu rilevanti, kif barra minn hekk tirrikonoxxi r-rikorrenti. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ annessi, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti, għalhekk, huma infondati fil-fatt.

40      Fir-rigward tal-Anness 4 tal-ewwel sensiela ta’ dokumenti, il-Bord tal-Appell osserva, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kien fiha b’mod partikolari verżjoni stampata fit-13 ta’ April 2016 ta’ paġna mill-ħanut fuq l-internet ta’ rivista bl-isem “Guides, Brownies & Rainbows”, li fuqha huma elenkati diveri oġġetti ta’ ħwejjeġ li jagħmlu parti mill-uniformi uffiċjali tal-“Brownies”. Il-Bord tal-Appell osserva wkoll li l-imsemmi anness kien fih paġni stampati simili ta’ diversi ħwienet fuq l-internet, stampati fit-13 u fl-14 ta’ April 2016, li jippreżentaw basktijiet, kikkri u oġġetti ta’ ħwejjeġ li jagħmlu parti mill-uniformi tal-“Brownies”.

41      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, fakkar ġustament, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li provi li jikkonċernaw użu magħmul qabel jew wara l-perijodu rilevanti ma kinux, a priori, irrilevanti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali provi li jikkonċernaw użu magħmul qabel jew wara l-perijodu rilevanti huwa possibbli, sa fejn jippermetti li jiġu kkonfermati jew li jiġu evalwati aħjar il-portata tal-użu tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-intenzjonijiet reali tal-proprjetarju matul dan il-perijodu. Madankollu, tali provi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk ikunu ġew prodotti provi oħra li, min-naħa tagħhom, ikunu jikkonċernaw il-perijodu rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI – Pucci International (PUCCI), T‑39/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:502, punti 25 u 26; tas-16 ta’ Ġunju 2015, Polytetra vs UASI – EI du Pont de Nemours (POLYTETRAFLON), T‑660/11, EU:T:2015:387, punt 54, u tat-8 ta’ April 2016, Frinsa del Noroeste vs EUIPO – Frisa Frigorífico Rio Doce (FRISA), T‑638/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:199, punti 38 u 39).

42      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament iqis, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li kellhom data li tiġi wara l-perijodu rilevanti, dawn il-paġni stampati ta’ ħwienet fuq l-internet li kienu jinsabu fl-Anness 4 tal-ewwel sensiela ta’ dokumenti kienu jippreżentaw elementi ta’ sostenn supplimentari tal-użu tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti, minħabba l-viċinanza temporali tal-użu li għalih jirreferu u minħabba li jipprovdu provi ta’ kontinwità tal-użu fiż-żmien. Ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument konkret li jista’ jdaħħal inkwistjoni t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-paġni tal-internet stampati bħala elementi li jippermettu li jiġu kkonfermati jew li jiġu evalwati aħjar il-portata tal-użu tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-intenzjonijiet reali tal-proprjetarju matul dan il-perijodu. Fil-fatt, hija sempliċement targumenta li dawn il-paġni tal-internet stampati ma jurux li l-prodotti inkwistjoni kienu effettivament offerti għall-bejgħ fil-ħwienet fuq l-internet matul il-perijodu rilevanti, punt dan li madankollu ma tqajjimx mill-Bord tal-Appell.

43      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ġustament osserva, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-paġna stampata tal-ħanut fuq l-internet li turi t‑shirt li fuqu kien hemm stampat l-element verbali “brownies” b’tipa stilizzata kienet tindika, espliċitament, li dan il-prodott kien ilu jinbigħ fuq din il-paġna mill-4 ta’ Marzu 2015 u għalhekk minn data li taqa’ fil-perijodu rilevanti. B’hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni b’mod ġenerali li dawn il-paġni tal-internet stampati ma jipprovawx li l-pubbliku seta’ jixtri l-prodotti inkwistjoni matul il-perijodu rilevanti.

44      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti l-oħra li jagħmlu parti mill-ewwel sensiela ta’ dokumenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuqhom, b’tali mod li l-kritika tar-rikorrenti kontra l-allegat teħid inkunsiderazzjoni tagħhom hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva.

45      Fir-rigward tat-tieni sensiela ta’ dokumenti, mill-punti 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-dokument prinċipali, jiġifieri d-dikjarazzjoni fuq l-unur, magħmula fil-forma ta’ “witness statement” (dikjarazzjoni minn xhud) fit-12 ta’ Jannar 2017, kif ukoll l-Annessi 1 u 2 ta’ din id-dikjarazzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-kopji tal-paġni esterni kif ukoll ċerti paġni tal-kontenut tal-katalogi Guiding Essentials għas-snin 2010/11, 2011/12, 2012/13, 2013/14 u 2014/15 (Anness 1) u, min-naħa l-oħra, fattura maħruġa fis-6 ta’ Ottubru 2014 minn Guide Association Trading Services Ltd u indirizzata lil The Guide Association Scotland (Anness 2).

46      Kif tammetti r-rikorrenti stess, id-dikjarazzjoni fuq l-unur tirreferi għal fatti li seħħew matul il-perijodu rilevanti. Fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan id-dokument ma jistax jiġi miċħud minħabba d-data tiegħu u għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-Annessi 1 u 2 tad-dikjarazzjoni fuq l-unur, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw użu magħmul matul il-perijodu rilevanti, punt dan li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

47      Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra li jagħmlu parti mit-tieni sensiela ta’ dokumenti, huwa biżżejjed li jerġa’ jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuqhom, b’tali mod li eventwali kritika mir-rikorrenti kontra t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva.

48      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni provi li ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni argument tar-rikorrenti

49      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma ntweriex li l-katalogi prodotti mill-intervenjenti kienu effettivament imqassma b’mod suffiċjenti fost il-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, ma ntweriex li l-paġni prodotti jikkorrispondu effettivament għall-paġni esterni tal-imsemmija katalogi, peress li dawn ma ġewx prodotti b’mod sħiħ. Il-fajl lanqas ma jinkludi prova indipendenti li tista’ tikkonferma l-fatt li d-dati indikati fuq il-katalogi huma awtentiċi.

50      F’dan ir-rigward, huwa minnu li diġà ġie deċiż li bħala prinċipju huwa meħtieġ li jintwera li l-materjal pubbliċitarju li jsemmi t-trade mark preċedenti li l-użu ġenwin tagħha għandu jiġi pprovat ikun tqassam b’mod suffiċjenti fost il-pubbliku rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2012, Arrieta D. Gross vs UASI – International Biocentric Foundation et (BIODANZA), T‑298/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:113, punt 68; tat-2 ta’ Frar 2017, Marcas Costa Brava vs EUIPO – Excellent Brands JMI (Cremcaffé by Julius Meinl), T‑686/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:53, punt 61, u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Sipral World vs EUIPO – La Dolfina (DOLFINA), T‑882/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:336, punt 60).

51      Madankollu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 34 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi tal-użu ġenwin ta’ trade mark, ma għandhiex titwettaq analiżi ta’ kull waħda mill-provi b’mod iżolat iżda dawn il-provi għandhom jiġu analizzati flimkien, sabiex tiġi identifikata l-iktar tifsira probabbli u koerenti tagħhom. B’hekk, anki jekk il-valur probatorju ta’ prova jkun limitat, sa fejn, ikkunsidrata b’mod iżolata, din il-prova ma turix b’ċertezza jekk u kif il-prodotti kkonċernati kinux tqiegħdu fis-suq, u anki jekk din il-prova għalhekk ma tkunx deċiżiva waħedha, hija xorta waħda tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark inkwistjoni. Dan japplika, pereżempju, meta din il-prova tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ provi oħra (sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2014, Inter-Union Technohandel vs UASI – Gumersport Mediterranea de Distribuciones (PROFLEX), T‑278/12, EU:T:2014:1045, punti 64 sa 69, u tas-7 ta’ Settembru 2016, Victor International vs EUIPO – Ovejero Jiménez u Becerra Guibert (VICTOR), T‑204/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:448, punt 74).

52      F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 39, 40, 43 u 45 iktar ’il fuq, il-katalogi kienu elementi fost oħrajn, ippreżentati mill-intervenjenti bħala prova tal-użu ġenwin. Għaldaqstant, il-katalogi setgħu, f’dan il-każ, jittieħdu leġittimament inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti prodotti mill-intervenjenti.

53      Fir-rigward tal-kritika l-oħra mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-katalogi, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jiġu vverifikati n-natura verosimili u n-natura veraċi tal-informazzjoni li tkun tinsab fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fih ikun tfassal u d-destinatarju tiegħu, u għandu jiġi evalwat jekk, fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa ta’ natura li jagħmel sens u ta’ natura affidabbli (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, EU:T:2005:200, punt 42; tat-23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 49, u tat-13 ta’ Jannar 2011, Park vs UASI – Bae (PINE TREE), T‑28/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:7, punt 64).

54      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istil ġenerali tal-paġni tal-katalogi prodotti mill-intervenjenti kien jikkorrispondi għall-istil tal-paġni esterni tal-katalogi prodotti mill-intervenjenti. Għaldaqstant, huwa a priori plawżibbli li l-paġni tal-katalogi prodotti jikkostitwixxu effettivament estratti tal-kontenut tal-katalogi li l-paġni esterni tagħhom kienu ġew prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija bħala prinċipju r-rikorrenti li għandha tressaq argumenti ssostanzjati li jistgħu jdgħajfu din il-plawżabbiltà. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, essenzjalment, tagħmel biss spekulazzjoni mingħajr ebda indizju konkret insostenn tal-argumenti tagħha.

55      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm xejn li jipprova li l-paġni esterni jikkorrispondu għall-paġni prodotti peress li l-katalogi huma inkompleti u peress li ma hemm ebda element ta’ natura li jindika li l-paġni jikkorrispondu għas-snin indikati fuq il-paġni esterni. Permezz ta’ dan l-argument vag, ir-rikorrenti madankollu ma jirnexxiliex iċċaħħad minn plawżibbiltà l-fatt li l-paġni tal-katalogi prodotti jikkostitwixxu effettivament estratti mill-kontenut tal-katalogi għas-snin indikati fuq il-paġni esterni prodotti.

56      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-estratti mill-katalogi jindikaw li l-prodotti li jissemmew f’dawn il-katalogi jistgħu jinxtraw biss bi tliet modi differenti: fuq l-internet mis-sit internet tal-intervenjenti, fil-ħwienet tagħha jew bit-telefown. Il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-prodotti inkwistjoni kienu jinbigħu wkoll minn ħwienet fuq l-internet oħrajn għajr dak tal-intervenjenti (ara l-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq) jikkontradixxi, għalhekk, l-awtentiċità tal-katalogi jew, bil-maqlub, il-katalogi jikkontradixxu l-fatt li l-prodotti inkwistjoni kienu jinbigħu wkoll permezz ta’ ħwienet fuq l-internet oħrajn għajr dak tal-intervenjenti. Madankollu, fid-dawl tal-estratti mill-katalogi prodotti mill-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li fihom ma huwiex indikat li l-kanali ta’ bejgħ imsemmija mir-rikorrenti kienu l-uniċi sorsi minn fejn setgħu jinkisbu l-oġġetti li fuqhom hija mqiegħda t-trade mark preċedenti. Fil-fatt, l-espressjonijiet li jinsabu fil-katalogi prodotti ma jeskludux li bejjiegħa bl-imnut oħra għajr l-intervenjenti jbigħu wkoll tali prodotti. Kif josserva ġustament l-EUIPO, ma huwiex barra min-normali li dawn il-bejjiegħa bl-imnut l-oħra ma jissemmewx fil-katalogi tal-intervenjenti. Meta saritilha mistoqsija f’dan ir-rigward matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tidentifika espressjoni preċiża fil-katalogi li kienet tindika b’mod inekwivoku li l-kanali ta’ bejgħ imsemmija fil-katalogi kienu jikkostitwixxu l-uniċi sorsi li minnhom setgħu jinkisbu l-oġġetti li fuqhom hija mqiegħda t-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti huwa infondat fil-fatt, b’tali mod li lanqas ma jista’ jikkostitwixxi indizju li jista’ jċaħħad minn plawżibbiltà l-fatt li l-paġni tal-katalogi prodotti jikkostitwixxu effettivament estratti mill-kontenut tal-katalogi li l-paġna esterna tagħhom kienet ġiet prodotta.

57      It-tielet nett, ir-rikorrenti tinsisti li l-kodiċi ta’ prodott li jinsabu fil-katalogi ma jikkorrispondux għal dawk li jinsabu fil-fattura prodotta bħala Anness 1 mad-dikjarazzjoni fuq l-unur prodotta fil-kuntest tat-tieni sensiela ta’ dokumenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li minn tal-inqas uħud mill-kodiċi ta’ prodott li jinsabu fl-imsemmija fattura jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fil-katalogu 2014/15, bħalma huma pereżempju l-kodiċi ta’ prodott 3141 sa 3146 għal t‑shirts bil-kmiem qosra, il-kodiċi ta’ prodott 3148 sa 3150 għal għal t‑shirts bil-kmiem twal, il-kodiċi ta’ prodott 3156 sa 3158 għal pulowvers b’għata għar-ras li jista’ jiġi ssikkat, il-kodiċi ta’ prodott 3169 għal qliezet, il-kodiċi ta’ prodott 2183 għal bandani u l-kodiċi ta’ prodott 2187 għal kartiera. Meta saritilha mistoqsija dwar dan matul is-seduta, ir-rikorrenti lanqas ma kienet kapaċi tidentifika l-kodiċi ta’ prodott preċiżi li jinsabu fil-katalogi prodotti mill-intervenjenti li ma kinux jikkorrispondu għal dawk imsemmija fil-fattura msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, jirriżulta li dan l-argument tar-rikorrenti ma għandu ebda bażi fil-fatt u li dan l-argument lanqas ma jista’ jċaħħad minn plawżibbiltà l-fatt li l-paġni tal-katalogi prodotti jikkostitwixxu effettivament estratti mill-kontenut tal-katalogi li l-paġna esterna tagħhom kienet ġiet prodotta.

58      Minn dan isegwi li t-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud ukoll.

–       Fuq it-tielet argument tar-rikorrenti

59      Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, uħud mill-provi jikkonċernaw sinjal li tant huwa differenti mit-trade mark preċedenti li jibdel il-karattru distintiv tagħha. Barra minn hekk, l-użu tiegħu huwa intiż bħala dekorazzjoni u mhux bħala trade mark.

60      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, għalkemm jirreferi biss għall-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni applikabbli ratione temporis għall-każ ineżami, jiġifieri fil-verżjoni ta’ qabel l-emendi introdotti permezz tar-Regolament 2015/2424 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) (li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001) għandu japplika b’analoġija għall-użu ta’ trade mark nazzjonali, sa fejn l-Artikolu 42(3) tal-istess regolament jipprevedi li l-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament japplika għat-trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tal-imsemmi regolament, “u dana billi l-użu f’ l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu [fl-Unjoni]” (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2014, Vila Vita Hotel und Touristik vs UASI – Viavita (VIAVITA), T‑204/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:646, punt 24).

61      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-portata tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 42(2) u (3) tal-istess regolament, għandu jitfakkar li, bis-saħħa ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, li tkun il-bażi ta’ oppożizzjoni fil-konfront ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, tinkludi wkoll il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti f’forma li tvarja permezz ta’ elementi li ma jibdlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li fiha kienet ġiet irreġistrata (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, EU:T:2005:438, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 21).

62      L-għan tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa li jiġi evitat li tkun imposta konformità stretta bejn il-forma użata tat-trade mark u l-forma li fiha t-trade mark kienet ġiet irreġistrata u li l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jitħalla jagħmel lis-sinjal, fl-okkażjoni tal-isfruttament kummerċjali tiegħu, il-varjazzjonijiet li, mingħajr ma jibdlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu l-aħjar adattament tiegħu għar-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. F’tali sitwazzjonijiet, meta s-sinjal użat fil-kummerċ ivarja mill-forma li fiha jkun ġie rreġistrat minħabba elementi negliġibbli biss, b’tali mod li ż-żewġ sinjali jistgħu jitqiesu li huma globalment ekwivalenti, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tipprevedi li l-obbligu ta’ użu tat-trade mark irreġistrata jista’ jkun issodisfat billi tiġi prodotta prova tal-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi l-forma tagħha li tkun użata fil-kummerċ (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, EU:T:2006:65, punt 50).

63      Il-konstatazzjoni ta’ bidla tal-karattru distintiv tat-trade mark bħalma tkun irreġistrata teħtieġ eżami tal-karattru distintiv u dominanti tal-elementi miżjuda fuq il-bażi tal-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi kif ukoll fuq il-pożizzjoni relattiva tad-diversi elementi fil-konfigurazzjoni tat-trade mark (ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Atlas Transport vs UASI – Hartmann (ATLAS TRANSPORT), T‑482/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:229, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, id-differenzi bejn is-sinjal fil-forma rreġistrata tiegħu u s-sinjal fil-forom tiegħu użati fis-suq humiex ta’ natura li jibdlu l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fil-forma li fiha kienet ġiet irreġistrata.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) li t-trade mark preċedenti, kif irreġistrata, hija sensiela ta’ trade marks verbali li tinkludi s-sinjal verbali Brownies. Mill-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO, li ntbagħat lill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li wħud mill-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti prodotti mill-intervenjenti jikkonċernaw l-użu ta’ din it-trade mark fil-forma segwenti, xi drabi rrappreżentata f’bordura rettangolari irregolari:

Image not found

66      Kif ikkonstata b’mod korrett il-Bord tal-Appell fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kelma “brownies” tista’ tinqara b’mod ċar f’din il-forma ta’ użu tat-trade mark preċedenti. Il-Bord tal-Appell kellu wkoll raġun meta, fl-istess punt 48, fakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, tal-ewwel huma, bħala prinċipju, iktar distintivi minn tat-tieni, sa fejn il-konsumatur medju jagħmel b’mod iktar faċli riferiment għall-prodott inkwistjoni billi jirreferi għall-isem milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tat-trade mark (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, NewSoft Technology vs UASI – Soft (Presto! Bizcard Reader), T‑205/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:163, punt 54 u l-ġurisprudenza). Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat talli qies, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi figurattivi tat-trade mark riprodotta fil-punt 65 iktar ’il fuq ma kellhomx rwol importanti fl-impressjoni globali tas-sinjal u ma kellhomx kontenut semantiku intrinsiku li jagħti lit-trade mark karattru distintiv jew li jidentifika l-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, l-imsemmija elementi figurattivi huma limitati għall-preżentazzjoni tal-kelma “brownies” b’tipa stilizzata safra u għall-preżentazzjoni tal-punt fuq l-ittra “i” fil-forma ta’ fjura kif ukoll, f’ċerti każijiet, għall-preżentazzjoni ta’ bordura rettangolari irregolari.

67      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu raġun meta qies, essenzjalment, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-differenzi bejn, minn naħa, it-trade mark użata fil-forma mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti fil-forma li fiha kienet ġiet irreġistrata ma kinux ta’ natura li jibdlu l-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-użu tat-trade mark f’din l-ewwel forma għandu għalhekk jitqies bħala użu tat-trade mark preċedenti.

68      F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li wħud mill-prodotti li jinsabu fil-katalogi prodotti mill-intervenjenti jinkludu kliem irrappreżentat bi stilizzazzjoni li hija essenzjalment identika għal dik murija fil-punt 65 iktar ’il fuq. Din iċ-ċirkustanza ma tibdel xejn mill-fatt li l-kelma “brownies” tibqa’ l-element distintiv fis-sinjal stilizzat b’dan il-mod u li, għalhekk, l-użu tat-trade mark f’din il-forma huwa kkunsidrat bħala użu tat-trade mark preċedenti kif irreġistrata.

69      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-użu tas-sinjal preċedenti fil-forma stilizzata murija fil-punt 65 iktar ’il fuq jidher li twettaq bil-għan ta’ dekorazzjoni u mhux bħala trade mark, għandu jitfakkar li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun ġiet irreġistrata (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Peress li minn tal-inqas l-element verbali “brownie” li jinsab fit-trade mark stilizzata fil-forma murija fil-punt 65 iktar ’il fuq għandu ċertu karattru distintiv, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti, kif stilizzata, hija bħala prinċipju kapaċi tissodisfa din il-funzjoni essenzjali. Il-fatt li, fid-dawl tal-istilizzazzjoni partikolari tagħha, trade mark figurattiva, filwaqt li jkollha ċertu karattru distintiv, tista’ sservi wkoll bħala dekorazzjoni għall-prodott li fuqu titqiegħed ma għandu l-ebda effett fuq il-kapaċità ta’ tali trade mark figurattiva li tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark. Dan jgħodd iktar u iktar fis-settur tal-ħwejjeġ, mifhum f’sens wiesa’, fejn ma huwiex inabitwali li titqiegħed forma stilizzata ta’ trade mark fuq il-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, anki jekk, f’dan il-każ, it-tqegħid tat-trade mark, kif stilizzata, jista’ jintuża wkoll bħala dekorazzjoni tal-prodotti kkonċernati, fid-dawl tal-karattru distintiv tagħha, hija xorta waħda tissodisfa fl-istess ħin il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark.

70      Minn dan isegwi li t-tielet argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ argument tar-rikorrenti

71      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tosserva li d-dikjarazzjoni fuq l-unur la hija oġġettiva u lanqas ma hija ssostanzjata bi provi konkordanti. B’mod partikolari, l-unika fattura prodotta insostenn tad-dikjarazzjoni fuq l-unur hija indirizzata lil The Guide Association Scotland, li skont ir-rikorrenti hija membru tal-intervenjenti. B’hekk, din il-fattura tikkonċerna użu intern tat-trade mark preċedenti u mhux użu pubbliku estern. Barra minn hekk, il-kodiċi ta’ prodott li jinsabu fuq din il-fattura ma humiex l-istess bħal dawk li jinsabu fil-katalogi prodotti mill-intervenjenti. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jkun magħruf jekk dawn humiex l-istess prodotti.

72      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni fuq l-unur, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet bil-miktub, magħmula taħt ġurament jew b’mod solenni, jew li għandhom effett ekwivalenti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn isiru, jagħmlu parti mill-miżuri istruttorji li l-EUIPO jista’ b’mod partikolari jieħu.

73      F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni fuq l-unur saret fil-forma ta’ “witness statement” (dikjarazzjoni minn xhud). Din hija għalhekk il-forma deskritta fir-Regola 32.4(1) tas-Civil Procedure Rules (ir-Regoli tal-Proċedura Ċivili) applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales, li tipprovdi li “[d]ikjarazzjoni minn xhud hija dikjarazzjoni bil-miktub iffirmata minn persuna li tinkludi x-xhieda li din il-persuna hija awtorizzata tippreżenta b’mod orali”.

74      Għandha titfakkar ukoll il-ġurisprudenza li minnha joħroġ li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jiġu vverifikati n-natura verosimili u n-natura veraċi tal-informazzjoni li tkun tinsab fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fih ikun tfassal u d-destinatarju tiegħu, u għandu jiġi evalwat jekk, fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa ta’ natura li jagħmel sens u ta’ natura affidabbli (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

75      Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-Linji gwida dwar l-eżami tal-EUIPO, minn naħa, għandu jitfakkar li dawn ma jikkostitwixxux atti legali vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Deichmann vs EUIPO, C‑223/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:471, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-valur probatorju ta’ dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet ikkonċernati stess jew mill-impjegati tagħhom kellhom ġeneralment inqas importanza mill-provi li joriġinaw minn sors indipendenti, u dan jikkorrispondi għas-silta mil-Linji gwida dwar l-eżami tal-EUIPO ċċitata mir-rikorrenti. Dan l-argument speċifiku tar-rikorrenti huwa għalhekk, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

76      Kif fakkru, essenzjalment u ġustament, il-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ ineżami, dikjarazzjoni tkun ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 minn wieħed mill-membri tal-persunal responsabbli għal funzjonijiet ta’ tmexxija tal-parti li għandha turi l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, l-imsemmija dikjarazzjoni tkun tista’ tingħata valur probatorju fil-każ biss li tkun ikkorroborata minn provi oħra (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, PROFLEX, T‑278/12, EU:T:2014:1045, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell osserva, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjoni fuq l-unur kienet tikkonċerna d-dħul mill-bejgħ annwali ġġenerat fir-rigward tal-ħwejjeġ, basktijiet, beġis, oġġetti ta’ kartollerija, kikkri u ħoloq taċ-ċwievet mibjugħa fis-suq tar-Renju Unit taħt it-trade mark preċedenti bejn l-2009 u l-2016. Il-Bord tal-Appell osserva li, skont id-dikjarazzjoni fuq l-unur, il-kwantitajiet mibjugħa kienu relattivament kbar. Barra minn hekk, mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li l-provi li kien evalwa sussegwentement, jiġifieri, l-ewwel nett, il-katalogi ppreżentati bħala l-Anness 1 mad-dikjarazzjoni fuq l-unur (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punti 50 sa 57 iktar ’il fuq), it-tieni nett, il-paġni stampati minn diversi ħwienet fuq l-internet li jinsabu fl-Anness 4 tal-ewwel sensiela ta’ dokumenti (punti 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq) u, it-tielet nett, il-fattura ppreżentata bħala Anness 2 mad-dikjarazzjoni fuq l-unur (punti 41 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata), kienu jikkorroboraw l-informazzjoni li toħroġ mid-dikjarazzjoni fuq l-unur.

78      Fir-rigward, speċifikament, ta’ din il-fattura, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija fattura ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn tikkonċerna użu intern tat-trade mark preċedenti u mhux użu pubbliku estern.

79      F’dan ir-rigward, l-EUIPO u l-intervenjenti jfakkru, ġustament, li, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2017 ippreżentati fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-intervenjenti kienet ipproduċiet provi li minnhom joħroġ li d-destinatarja tal-fattura inkwistjoni, The Guide Association Scotland (magħrufa wkoll bl-isem ta’ Girlguiding Scotland), hija organizzazzjoni karitattevoli indipendenti Skoċċiża, li għandha l-istatuti tagħha stess u li għandha l-bord ta’ tmexxija tagħha stess.

80      Huwa minnu li r-rikorrenti għandha raġun meta ssostni li d-destinatarja tal-fattura tagħmel parti min-netwerk globali Girlguiding UK, punt dan li barra minn hekk lanqas ma huwa nnegat mill-EUIPO u mill-intervenjenti. Madankollu, it-teżi difiża mir-rikorrenti, fis-sens li d-destinatarja tal-fattura inkwistjoni hija assoċjazzjoni li hija membru tal-intervenjenti għaliex din hija assoċjazzjoni ikbar u għaliex hija involuta l-istess entità waħda, hija kontradetta mill-provi msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, prodotti mill-intervenjenti matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO. Il-fatt li żewġ organizzazzjonijiet karitattevoli li huma indipendenti minn xulxin mill-aspett legali jikkollaboraw fil-kuntest ta’ netwerk li minnu jagħmlu parti ma jfissirx li fil-verità hija involuta entità legali waħda, kif tallega r-rikorrenti.

81      Dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward tal-fattura inkwistjoni, sa fejn din il-fattura ma toriġinax mill-intervenjenti stess, iżda mill-fergħa kummerċjali tagħha, jiġifieri s-soċjetà distinta Guide Association Trading Services.

82      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, meta l-proprjetarju ta’ trade mark jinvoka atti ta’ użu ta’ din it-trade mark minn terz insostenn tal-invokazzjoni tal-użu ġenwin tagħha, huwa jkun qiegħed isostni, impliċitament, li dan l-użu twettaq bil-kunsens tiegħu, konformement mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011, PINE TREE, T‑28/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:7, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-użu tat-trade mark preċedenti ssostanzjat bil-fattura inkwistjoni ma jistax jitqies li oriġina mill-impriża li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti jew f’netwerk ta’ distribuzzjoni fil-pussess jew taħt il-kontroll tagħha.

84      B’hekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni meta qies, essenzjalment, fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fattura kienet tikkonċerna użu pubbliku estern tat-trade mark preċedenti u li għalhekk dan l-użu kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-intervenjenti kinitx fil-fatt uriet li kienet wettqet użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kodiċi ta’ prodott li jinsabu fuq il-fattura inkwistjoni ma humiex l-istess bħal dawk li jinsabu fil-katalogi prodotti mill-intervenjenti, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 57 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li dan l-argument ma huwiex fondat.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell seta’, ġustament, iqis li l-katalogi ppreżentati bħala Anness 1 mad-dikjarazzjoni fuq l-unur, il-paġni stampati minn diversi ħwienet fuq l-internet li jinsabu fl-Anness 4 tal-ewwel sensiela ta’ dokumenti u l-fattura ppreżentata bħala Anness 2 mad-dikjarazzjoni fuq l-unur kienu jikkostitwixxu provi li jikkorroboraw id-dikjarazzjoni fuq l-unur u li għalhekk l-imsemmija dikjarazzjoni kellha tingħata valur probatorju.

87      Minn dan isegwi li r-raba’ argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ħames argument tar-rikorrenti

88      Fil-ħames lok, skont ir-rikorrenti, peress li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma jistgħux jipprovaw l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti, ma hemmx lok li titwettaq evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi f’dan il-każ.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ppreżentati fil-punti 36 sa 87 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-ewwel sar-raba’ argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, l-intervenjenti effettivament ipproduċiet provi rilevanti fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti u li l-Bord tal-Appell kellu raġun joħodhom inkunsiderazzjonijiet għall-finijiet ta’ evalwazzjoni globali. Minn dan isegwi li l-ħames argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

90      Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni globali tal-provi mwettqa mill-Bord tal-Appell fil-punti 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li d-dikjarazzjoni fuq l-unur kienet issostanzjata permezz ta’ diversi katalogi, ta’ fattura, ta’ paġni minn ħwienet fuq l-internet, ta’ artikoli u ta’ pubblikazzjonijiet u li dawn il-provi kienu jistabbilixxu li l-intervenjenti kienet għamlet użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Kif ifakkar ġustament l-EUIPO, il-prodotti tal-intervenjenti li għandhom it-trade mark preċedenti huma intiżi prinċipalment għal pubbliku partikolari speċifiku, jiġifieri bniet ta’ bejn sebgħa u għaxar snin, li huma membri fl-assoċjazzjoni Girlguiding UK u li n-numru tagħhom huwa, skont id-data mogħtija fid-dikjarazzjoni fuq l-unur, ta’ madwar 200 000. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul mill-bejgħ li tiegħu hija xhieda d-dikjarazzjoni fuq l-unur għandu jitqies li huwa relattivament għoli għas-settur ikkonċernat. Fid-dawl ukoll tal-fatt li dan id-dħul mill-bejgħ kien essenzjalment kostanti matul il-perijodu rilevanti kollu, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkonkludi li, b’mod globali, l-intervenjenti kienet uriet li kienet għamlet użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

–       Konklużjoni

91      Għalhekk, ebda wieħed mill-argumenti mressqa fir-rikors mir-rikorrenti insostenn tal-motiv uniku tagħha ma huwa fondat.

92      Sa fejn ir-rikorrenti bara minn hekk sostniet, matul is-seduta, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreżentatx tali argument fir-rikors, kif irrikonoxxiet matul is-seduta.

93      B’dan premess, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-EUIPO huwa meħtieġ jeżerċita l-kompetenzi tiegħu konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-EUIPO għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi intiżi li juru l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fir-rigward ta’ talbiet simili u għandu jirrifletti b’attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens. Issa, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ “amministrazzjoni tajba” għandhom jiġu kkonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Għaldaqstant, il-persuna li tinvoka l-assenza ta’ użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, invokata insostenn ta’ oppożizzjoni, ma tistax tinvoka favur tagħha eventwali illegalità mwettaq favur ħadd ieħor sabiex tikseb deċiżjoni identika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan l-każ, irriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li seta’ kien il-każ fir-rigward ta’ ċerti provi prodotti quddiem l-EUIPO fil-kuntest ta’ proċedimenti oħra bil-għan li jintwera l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell kellu raġun iqis li l-provi prodotti mill-intervenjenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din kienet għamlet użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tinvoka b’mod utli, sabiex iddgħajjef din il-konklużjoni, deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO u għalhekk ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument li tressaq għall-ewwel darba matul is-seduta.

96      Għaldaqstant, l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti, it-talbiet tagħha, kemm għal annullament kif ukoll għal bidla, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Grupo Textil Brownie, SL hija kkundannta għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Jannar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.