Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-18 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-402/20, Zippo Manufacturing et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-811/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G.-D. Balan u M. Mataija, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Zippo Manufacturing Co., Zippo GmbH u Zippo SAS

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt għal smigħ bħala li hu parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, meta kkonstatat 1 , li d-dritt tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jinstemgħu kien miksur, il-Qorti Ġenerali wettqet żball peress li naqset milli tqis li din id-dispożizzjoni tirrikjedi li tkun “miżura individwali”, peress li d-dritt li smigħ ma jestendix għal atti ta’ portata ġenerali. Fl-aħħar mill-aħħar, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom id-dritt li jinstemgħu matul il-proċess ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma kienx miftuħ għalihom permezz ta’ konsultazzjoni pubblika.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita billi annullat ir-regolament ikkontestat “sa fejn jirrigwarda prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00”, filwaqt li r-rikors kien intiż biss għall-annullament tar-regolament “sa fejn dawn il-miżuri japplikaw għar-rikorrenti”.

____________

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2020, L 109, p. 10).