Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Diċembru 2011 - Garner CAD Technic et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-614/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Garner CAD Technic GmbH (Weßling, il-Ġermanja), GCT Design Organisation GmbH (Weßling), SG Aerospace GmbH (Weßling) (rappreżentanti: R. Zehetmeier-Müller, M. Schweda, C. Wünschmann, F. Loose, I. Dörr u J. Eggers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 075, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 7/10 (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] ("Sanierungsklausel") [notifikata bid-dokument numru C(2011) 275] (ĠU L 235, p. 26).

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw il-motivi segwenti:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE(1): it-trasferiment ta' telf (iktar 'il quddiem is-Sanierungsklausel") ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu, inter alia li s-Sanierungsklausel taħt l-Artikolu 8c(1a) tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetzes, iktar 'il quddiem il-"KStG") ma għandhiex l-effett selettiv li huwa meħtieġ mill-Artikolu 107(1) TFUE, peress li ma tiffavorixxix lil impriżi jew produzzjonijiet partikolari. Minbarra dan, is-Sanierungsklausel ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għas-sistema ta' riferiment skont il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa, tat-trasferiment ta' telf li bħala prinċipju ma huwiex limitat u tal-kumpens ta' telf bejn snin fiskali, iżda tikkontribwixxi sabiex tiġi applikata din is-sistema ta' riferiment.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE(1): nuqqas ta' selettività, peress li ma ssir ebda distinzjon bejn operaturi ekonomiċi, li mill-perspettiva tal-għanijiet segwiti, jinsabu f'sitwazzjoni ta' fatt u ta' liġi paragunabbli

F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li s-Sanierungsklausel tiffavorixxi lil kwalunkwe impriża li għandha l-forma ġuridika ta' korporazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet u mingħajr ebda marġni ta' diskrezzjoni. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li din il-klawżola hija miżura ġenerali ta' politika fiskali, u għalhekk, għal din ir-raġuni, ma tiġix applikata l-projbizzjoni ta' għajnuna.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta' selettività, peress li s-Sanierungsklausel hija ġġustifikata abbażi tal-istruttura ġenerali tas-sistema ta' taxxa Ġermaniża.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li anki jekk l-argument tal-Kummissjoni kellu jiġi aċċettat u li kellha tiġi kkonfermata n-natura selettiva tas-Sanierungsklausel, is-selettività tkun iġġustifikata taħt il-prinċipji Kosituzzjonali ta' tassazzjoni skont il-kapaċità kontributtiva, li tiġi evitata t-tassazzjoni eċċessiva u l-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: ir-rikorrenti ma kisbux sostenn finanzjarju mill-Istat.

Ir-rikorrenti jsostnu li ma kisbux sostenn finanzjarju mill-Istat. F'dan ir-rigward isostnu, inter alia, li s-Sanierungsklausel ma tagħtix vantaġġ finanzjarju ġdid lill-korporazzjoni li sostniet telf, iżda sempliċement iżżomm pożizzjoni finanzjarja diġà eżistenti, li hija standardizzata skont il-prinċipju ta' trasferiment mingħajr limitu ta' telf u tal-kumpens ta' telf bejn snin fiskali.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-iżball manfest ta' evalwazzjoni minħabba f'analiżi insuffiċjenti tad-dritt fiskali Ġermaniż.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-liġijiet dwar it-taxxa Ġermaniżi fis-seħħ u li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji serji.

____________