Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2023 minn Vincenzo D’Agostino u Dafin Srl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-424/22, D’Agostino u Dafin vs BĊE

(Kawża C-566/23 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Vincenzo D’Agostino, Dafin Srl (rappreżentant: M. De Siena, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu l-annullament tad-digriet ta’ ċaħda maħruġ mill-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-424/22 imressqa minn Vincenzo D’Agostino, f’ismu u bħala direttur uniku ta’ Dafin s.r.l. kontra l-Bank Ċentrali Ewropew u, konsegwentement, li jintlaqgħu t-talbiet proposti fir-rikors tal-ewwel istanza u, għalhekk, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

I)    tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-Presidenta Christine Lagarde, peress li:

I.a) ikkawża fir-rigward tat-titoli finanzjarji ta’ Vincenzo D’Agostino bl-isem SI FTSE.COPERP, prodotti fl-Anness 3 tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, tnaqqis li jammonta għall-valur totali tal-kapital investit, ekwivalenti għal EUR 450 596.28, peress li fit-12 ta’ Marzu 2020, Christine Lagarde, fil-kwalità tagħha ta’ Presidenta tal-BĊE, filwaqt li qalet il-frażi famuża “Aħna mhux qegħdin hawnhekk biex innaqsu l-firxiet, dan ma huwiex ir-rwol tal-BĊE”, kienet ikkawżat tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tat-titoli fil-boroż kollha madwar id-dinja u telf ta’ 16.92 % fil-Borża ta’ Milano kkwantifikat f’perċentwali li qatt ma seħħ qabel fl-istorja tal-imsemmija istituzzjoni, u tal-boroż l-oħrajn madwar id-dinja, u fejn ikkomunikat bl-imsemmija frażi f’konferenza stampa, lid-dinja kollha, li l-BĊE ma kienx ser jibqa’ jappoġġa l-valur tat-titoli maħruġa minn pajjiżi f’diffikultà u, għalhekk, ikkomunikat il-bidla sħiħa fl-orjentazzjoni tal-politika monetarja adottata mill-BĊE taħt it-tmexxija ta’ Mario Draghi, li kien temm il-mandat tiegħu f’Novembru 2019;

I.b) bl-imsemmi aġir, u bħala konsegwenza tal-fuq imsemmi tnaqqis sinjifikattiv tal-indiċi tal-Borża ta’ Milano, ikkawża tnaqqis fil-valur tal-assi tal-appellant;

I.c) bħala konsegwenza tat-tnaqqis sostanzjali u sinjifikattiv tal-valur tal-assi tal-appellant, dan tal-aħħar kien obbligat, sabiex jikkumpensa għall-imsemmi tnaqqis tal-assi, u bħala garanti tal-kumpannija Dafin s.r.l. għall-faċilità ta’ kreditu mogħtija lill-imsemmija kumpannija mill-Banca Fideuram s.p.a., jirrimborsa l-parti użata tal-imsemmija faċilità ta’ kreditu billi kiseb il-finanzjament meħtieġ mill-bejgħ f’qasir żmien ta’ titoli oħra proprjetà tiegħu, b’tali mod li ġarrab telf ta’ EUR 2 534 422.16 fl-2020 u ta’ EUR 336 517.30 addizzjonali matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-15 ta’ April 2021, u, konsegwentement, telf totali ta’ EUR 2 870 939.30;

I.d) ikkawża dannu materjali li jirriżulta minn lucrum cessans ekwivalenti għal EUR 1 013 074;

I.e) ikkawża, konsegwentement, dannu finanzjarju totali ekwivalenti għal EUR 4 334 609.28.

    Għaldaqstant:

II)    tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-Presidenta pro tempore, għall-kumpens tad-danni materjali, li jinkludu d-damnum emergens u l-lucrum cessans, tad-danni mhux materjali u tad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità lil Vincenzo D’Agostino, evalwati abbażi tal-kriterji indikati fil-kapitoli u paragrafi rispettivi ta’ dan l-appell, permezz tal-pagament tal-ammonti ekwivalenti:

II.1) EUR 4 334 609,28, bħala danni materjali,

II.2) EUR 1 000 000,00, bħala danni morali;

II.3) u, għaldaqstant, għall-pagament tas-somma totali ta’ EUR 5 321 535.

Dan kollu miżjud bl-interessi moratorji li għandhom jiġu kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data meta seħħ il-fatt dannuż, u sal-kumpens effettiv.

III)    sussidjarjament, għall-pagament ta’ kwalunkwe somma oħra li tirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja, sal-ammont li jitqies xieraq, anki permezz ta’ rapport ta’ espert ordnat mill-istess Qorti Ġenerali;

IV)    tikkundanna għall-pagament ta’ kwalunwe somma ulterjuri li l-istess Qorti Ġenerali tiddetermina u tordna, abbażi ta’ ekwità, bħala rimbors għad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità.

V)    sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

VI)    tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ċaħdithom, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt li jirrispondu għad-difiża ppreżentata mill-BĊE, liema dritt l-appellanti kellhom l-intenzjoni li jeżerċitaw billi jippreżentaw rapport ta’ espert ġuramentat bil-għan li jiġi aċċertat jekk it-tnaqqis sinjifikattiv fl-indiċi tal-Borża u fil-Borża ta’ Milan setax jiġi attribwit għall-effett tal-pandemija tal-Covid, kif isostni l-BĊE, jew, kif isostnu l-appellanti, għad-dikjarazzjoni magħmula mill-President tal-BĊE.

Fit-tieni lok, l-appellanti jenfasizzaw li mill-istadju tat-tressiq tar-rikors, huma kienu wrew l-eżistenza tar-rabta kawżali bejn id-dikjarazzjoni kkontestata, it-tnaqqis fl-indiċi tal-Borża ta’ Milan u t-telf konsegwenti ta’ valur tat-titoli tal-appellant, filwaqt li jenfasizzaw li mill-istqarrija għall-istampa dwar il-konferenza stampa mogħtija mill-Presidenta tal-BĊE fit-12 ta’ Marzu 2020, mill-kummenti f’gazzetti Taljani u internazzjonali kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika Taljana deher li kien hemm konvinzjoni ġenerali li t-tnaqqis fil-valuri fil-Borsa kien ġie kkawżat esklużivament mid-dikjarazzjoni kontenzjuża tal-Presidenta tal-BĊE. Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-Presidenta tal-BĊE li tiskuża ruħha u tikkoreġi d-dikjarazzjoni magħmula kienet tindika r-rikonoxximent tagħha stess li kkawżat konsegwenzi estremament dannużi fuq is-swieq.

Fit-tielet lok, l-appellanti jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punti 16 sa 33 tad-digriet ikkontestat, li jgħidu li ma kien hemm l-ebda ipoteżi ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE peress li, fil-każ inkwistjoni, ma kien hemm ebda ksur mill-BĊE ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. L-appellanti jsostnu li d-dispożizzjonijiet li jirreferu għalihom huma regoli istituzzjonali li jistabbilixxu l-kompetenzi tal-korpi individwali tal-BĊE, billi jagħtuhom setgħat speċifiċi. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu drittijiet lill-individwi u speċifikament id-dritt tal-individwi li jaraw li d-diversi korpi jaġixxu b’osservanza tas-setgħat istituzzjonali mogħtija lilhom mil-liġi, skont il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Fir-raba’ lok, sussidjarjament, l-appellanti jemmnu li, fl-ipoteżi li d-dispożizzjonijiet miksura mill-Presidenta tal-BĊE ma kinux intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi kif iddikjarat mill-Qorti Ġenerali, ir-raġunament ta’ din tal-aħħar ma jistax jiġi kondiviż peress li huwa r-riżultat ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 340 TFUE. Din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma tagħmel l-ebda distinzjoni li tiffavorixxi d-dispożizzjonijiet intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi fuq dispożizzjonijiet oħra, billi torbot biss mal-ksur tad-dispożizzjonijiet li jappartjenu għall-ewwel kategorija t-tnissil tad-dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-vittma. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tmur kontra l-prinċipji espressi fid-deċiżjoni tal-istess Qorti Ġenerali fil-Kawża T-868/16, li fiha jingħad li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ titqies li teżisti fil-preżenza ta’ kwalunkwe aġir illeċitu li jagħti lok għal dannu li x’aktarx jagħti lok għal tali responsabbiltà.

Fil-ħames lok, l-appellanti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 32 tad-digriet, li l-appellanti, meta sostnew li l-Presidenta tal-BĊE wettqet abbuż ta’ poter, ma żviluppawx speċifikament dan l-argument fir-rikors u ppreżentawh biss bħala konsegwenza tal-ksur tad-dispożizzjonijiet indikati fir-rikors, mhux intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi. L-appellanti joġġezzjonaw li l-abbuż ta’ poter huwa “l-użu tas-setgħa b’mod mhux konformi mal-preċett leġiżlattiv”, u jeżisti meta istituzzjoni tal-Unjoni tagħmel devjazzjoni minn prinċipji ġenerali, bħall-korrettezza, il-bona fide, id-diliġenza; ma kienx hemm dubju li bid-dikjarazzjoni kontenzjuża l-Presidenta tal-BĊE kisret il-prinċipju ta’ korrettezza u ta’ diliġenza.

Fis-sitt lok, l-appellanti jilmentaw li fil-punt 35 tad-digriet, fir-rigward tad-dannu materjali lmentat minnhom, il-Qorti Ġenerali tagħmel rappreżentazzjoni differenti tal-fatti minn dik imsemmija fir-rikors, fejn Vincenzo D’Agostino spjega li, bħala garanti ta’ Dafin s.r.l. għall-faċilità ta’ kreditu mogħtija minn Banca Fideuram, bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-valur tal-assi tagħha kkawżat mit-telf totali tal-valur tat-titoli SI FISTE COPERP, minħabba l-kollass tal-Borża ta’ Milan li rriżulta mid-dikjarazzjoni kontenzjuża, bil-biża’ ta’ reazzjoni mill-bank, kien akkwista fondi sabiex jagħlaq l-imsemmija faċilità ta’ kreditu, u ġie mġiegħel ibigħ titoli oħra li kienu proprjetà tiegħu bi prezzijiet sfavorevoli u b’hekk ġarrab telf kapitali ulterjuri.

____________