Language of document : ECLI:EU:C:2020:848

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil‑21 ta’ Ottubru 2020 (1)

Kawżi magħquda C517/19 P u C518/19 P

Maria Alvarez y Bejarano,

Ana-Maria Enescu,

Lucian Micu,

Angelica Livia Salanta,

Svetla Shulga,

Soldimar Urena de Poznanski,

Angela Vakalis,

Luz Anamaria Chu,

Marli Bertolete,

Maria Castro Capcha,

Hassan Orfe El,

Evelyne Vandevoorde

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C517/19 P)

u

Jakov Ardalic,

Liliana Bicanova,

Monica Brunetto,

Claudia Istoc,

Sylvie Jamet,

Despina Kanellou,

Christian Stouraitis,

Abdelhamid Azbair,

Abdel Bouzanih,

Bob Kitenge Ya Musenga,

El Miloud Sadiki,

Cam Tran Thi

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C518/19 P)

“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Riforma tal‑1 ta’ Jannar 2014 – Artikolu 7 tal-Anness V – Artikoli 4, 7 u 8 tal-Anness VII – Dispożizzjonijiet ġodda dwar il-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mill-post tal-impjieg sal-post tal-oriġini u l-għoti ta’ leave fil-pajjiż tal-oriġini – Rabta mal-istatus ta’ espatrijat jew ta’ resident barrani – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dawn l-appelli, l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ April 2019, Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni (T‑516/16 u T‑536/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:267) u Ardalic et vs Il‑Kunsill (T‑523/16 u T‑542/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:272) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”) li ċaħdu r-rikors għal annullament tagħhom, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jirrifjutawlhom, bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u mill‑1 ta’ Jannar 2014, il-benefiċċju ta’ ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-għoti ta’ leave fil-pajjiż tal-oriġini.

2.        Ir-riformi suċċessivi tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u t-tħassir jew it-tnaqqis tal-vantaġġi li, kultant, kienu jakkumpanjawhom huma l-oriġini tal-kontenzjuż bejn l-uffiċjali jew l-aġenti u l-istituzzjonijiet li jimpjegawhom. Wara l-kwistjoni tat-tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali għall-persunal impjegat f’pajjiżi terzi (2), il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab biex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriżultaw mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (3), li jirrestrinġu r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u, taħt l-isem l-antik li kien magħruf sew, il-leave għal raġuni ta’ distanza.

3.        Il-kawżi li ġiet adita bihom il-Qorti tal-Ġustizzja jagħtuha l-okkażjoni tiċċara, b’mod partikolari, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi fil-kuntest tal-eżerċizzju mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolament Nru 31 (KEE) 11 (KEEA) li jiffissa r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġie emendat diversi drabi, u, b’mod partikolari, bir-Regolament Nru 1023/2013 li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014.

5.        L-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“L-uffiċjali li huma intitolati għall-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barranija jkunu intitolati għal leave supplimentari ta’ jumejn u nofs kull sena, għall-fini li jżuru l-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-ewwel paragrafu japplika għall-uffiċjali li l-post tax-xogħol tagħhom ikun qiegħed fit-territorji tal-Istati Membri. Jekk il-post tal-impjieg qiegħed barra minn dawn it-territorji, it-tul tal-leave fil-pajjiż tal-oriġini jkun stabbilit b’deċiżjoni speċjali, li tikkunsidra l-ħtiġijiet partikolari” (5).

6.        L-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.      L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:

(a)      lill-uffiċjali:

–        li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li [fit-territorju] tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati, u

–        li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju [Ewropew] ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;

(b)      għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

[…]

2.      Uffiċjal li m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu u ma jħarisx il-kondizzjonijiet imniżżla fil-pragrafu 1 ikun intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija daqs kwart ta’ l-allowance ta’ l-espatrijazzjoni.

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, uffiċjal li, biż-żwieġ, awtomatikament akkwista, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzja, iċ-ċittadinanza fl-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ l-impieg tiegħu jew tagħha, ikun ittrattat bl-istess mod bħall-uffiċjal kopert mill-ewwel inċiż tal-paragrafu 1(a)” (6).

7.        L-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“1.      Uffiċjal ikun intitolat għal ħlas b’rata fissa li jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar għalih innifsu, il-konjuġi tiegħu u d-dipendenti tiegħu li attwalment jgħixu fl-entità domestika tiegħu:

(a)      meta jiġi impjegat, mill-post fejn huwa kien ġie ingaġġat sal-post fejn ikun impjegat;

(b)      mat-terminazzjoni tas-servizzi skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-post minn fejn huwa impjegat sal-post tal-oriġini kif definit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

(c)      jew kwalunkwe trasferiment li jinvolvi bidla fil-post fejn huwa impjegat.

Fiċ-ċirkostanza tal-mewt ta’ uffiċjal, il-konjuġi ħaj(ja) u d-dipendenti jkunu intitolati għal ħlas b’rata fissa skont l-istess kondizzjonijiet.

[…]

4.      Il-post tal-oriġini ta’ uffiċjal jiġi ddeterminat mal-ħatra tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ minn fejn ikun ġie rreklutat jew, fuq talba ċara u motivata xierqa, iċ-ċentru tal-interessi tiegħu. Il-post tal-oriġini li jkun ġie stabbilit b’dan il-mod jista’, b’deċiżjoni speċjali tal-awtorità tal-ħatra, jinbidel waqt li l-membru tal-persunal ikun fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madanakollu, meta jkun fis-servizz, deċiżjoni bħal din tittieħed b’mod eċċezzjonali biss u wara li l-uffiċjal jipprovdi evidenza ta’ sostenn xieraq.

[…]”

8.        L-Artikolu 8 tal-Anness VII jipprevedi:

“1.      L-uffiċjali intitolati għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall-konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2.

[…]

2.      Il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-post tal-oriġini.

Fejn il-post tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 7 jkun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u t-territorji mniżżla fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-belt kapitali tal-Istat [Membru] li jkun ċittadin tiegħu. L-uffiċjali li l-post tal-oriġini tagħhom ikun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u territorji elenkati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u li ma jkunux ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri, ma jkunux intitolati għall-ħlas b’rata fissa.

[…]

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun fit-territorju tal-Istati Membri […]

Il-ħlas b’rata fissa għandu jkun ibbażat fuq il-prezz tal-vjaġġ bl-ajru bil-klassi ekonomika” (7).

III. Il-fatti li wasslu għall-kawżi

A.      Il-Kawża C517/19 P

9.        M. Alvarez y Bejarano u ħdax‑il persuna oħra huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni, impjegati fil-Belġju. Huma kollha għandhom nazzjonalità doppja fosthom dik tal-post tal-impjieg tagħhom. Huma la jirċievu allowance ta’ espatrijazzjoni u lanqas ta’ residenza barranija previsti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma ġiex emendat mir-Regolament Nru 1023/2013.

10.      Il-post tal-oriġini ta’ seba’ minn dawn it-12‑il persuna jinsab fl-Unjoni Ewropea jew fil-pajjiżi u fit-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Anness II tat-Trattat FUE, filwaqt li dak tal-ħamsa l-oħra jinsab barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni, ta’ dawk tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew tat-territorji msemmija fl-imsemmi Anness II. Ħdax mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal huma ċittadini tal-Istat tal-post tal-oriġini tagħhom, filwaqt li l-post tal-oriġini ta’ wieħed minnhom, ta’ dixxendenza Belġjana-Panamiża, jinsab fir-reġjun Awtonomu ta’ Açores (il-Portugall).

11.      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u deċiżjoni dwar il-leave.

12.      Peress li l-fajls personali ta’ M. Alvarez y Bejarano u tal-ħdax‑il persuna l-oħra inkwistjoni ġew adattati bħala konsegwenza tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, dawn il-persuni, sa mill‑1 ta’ Jannar 2014, la kellhom dritt għall-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u lanqas għal-leave fil-pajjiż tal-oriġini (iktar ’il quddiem il-“vantaġġi inkwistjoni”), li kien imsejjaħ il-leave għal raġuni ta’ distanza, vantaġġi mogħtija qabel din id-data lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal li l-post tal-oriġini tagħhom, bħal fil-każ tal-persuni kkonċernati, kien iffissat f’post differenti mill-post tal-impjieg.

13.      Wara li l-ilmenti ppreżentati kontra dawn l-emendi tal-fajls personali ġew miċħuda mill-Kummissjoni, il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi magħquda T‑516/16 u T‑536/16).

B.      Il-Kawża C518/19 P

14.      Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑518/19 P huma, essenzjalment, analogi għal dawk tal-Kawża C‑517/19 P.

15.      J. Ardalic u ħdax‑il persuna oħra, huma uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kunsill u għandhom kollha nazzjonalità doppja, fosthom dik tal-post tal-impjieg tagħhom, u la jirċievu l-allowance ta’ espatrijazzjoni u lanqas dik ta’ residenza barranija.

16.      Il-post tal-oriġini ta’ sitta minnhom jinsab fl-Unjoni jew fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Anness II tat-Trattat FUE, filwaqt li dak tas-sitta l-oħra jinsab barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni, ta’ dawk tal-EFTA jew tat-territorji msemmija fl-imsemmi Anness II.

17.      Ħdax‑il appellant huma ċittadini tal-Istat fejn jinsab il-post tal-oriġini tagħhom, filwaqt li wieħed mill-membri tal-persunal huwa ta’ dixxendenza Belġjana-Kroata filwaqt li l-post tal-oriġini tiegħu jinsab fis-Serbja.

18.      Bħall-uffiċjali jew bħall-membri tal-persunal fil-Kawża C‑517/19 P, J. Ardalic u l-ħdax‑il persuna kkonċernata l-oħra ma għandhomx iktar dritt, sa mill‑1 ta’ Jannar 2014, għall-vantaġġi inkwistjoni, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013 u ta’ żewġ deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

19.      Għaldaqstant, wara li l-ilmenti mressqa kontra l-emendi tal-fajls personali tagħhom ġew miċħuda mill-Kunsill, J. Ardalic u l-ħdax‑il persuna kkonċernata l-oħra ppreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑523/16 u T‑542/16).

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

20.      Fir-rikorsi rispettivi tagħhom fl-ewwel istanza intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet sfavorevoli li jikkonċernawhom, M. Alvarez y Bejarano u t-23 uffiċjal jew aġent l-oħra (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament Nru 1023/2013, sostnuta minn tliet ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq illegalità li tirriżulta minn “kontestazzjoni tal-post tal-oriġini tal-appellanti”, it-tieni nett, fuq illegalità tal-kundizzjoni għall-għoti marbuta mal-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija, u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja.

21.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

V.      It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A.      Fil-Kawża C517/19 P

22.      L-appellanti fil-Kawża C‑517/19 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ April 2019 fil-Kawżi magħquda T‑516/16 u T‑536/16 Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li lill-appellanti ma tibqa’ tagħtihom l-ebda leave għal raġuni ta’ distanza u l-ebda rimbors għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mis-sena 2014;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

24.      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, ippreżentaw risposta konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitolbu wkoll iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

B.      Fil-Kawża C518/19 P

25.      L-appellanti fil-Kawża C‑518/19 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ April 2019 fil-Kawżi magħquda T‑523/16 u T‑542/16 Ardalic et vs Il‑Kunsill;

–        tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li lill-appellanti ma jibqa’ jagħtihom l-ebda leave għal raġuni ta’ distanza u l-ebda rimbors għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mill‑1 ta’ Jannar 2014;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

27.      Il-Parlament, li, bħala intervenjent fl-ewwel istanza, ippreżenta risposta konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, jitlob ukoll iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

28.      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑1 ta’ Ottubru 2019, li jgħaqqad il-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

29.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li saret fl‑1 ta’ Lulju 2020.

VI.    Analiżi ġuridika

30.      L-appellanti qajmu żewġ aggravji insostenn tal-appelli tagħhom, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fid-definizzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

A.      Fuq l-ewwel aggravju

31.      Huwa stabbilit li, fiż-żewġ sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ ristrett tal-legalità u dan minħabba li l-iffissar tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u tal-leave għal raġuni ta’ distanza jaqa’ taħt qasam tal-leġiżlazzjoni li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’tali qasam, il-Qorti Ġenerali qieset li hija kellha tillimita ruħha li tivverifika, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u dak ta’ nondiskriminazzjoni, jekk l-istituzzjoni kkonċernata wettqitx differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata u, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk il-miżura stabbilita kellhiex karattru manifestament mhux xieraq fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni.

32.      Fl-appelli tagħhom, l-appellanti sostnew li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u hija kellha, fil-kuntest tal-verifika tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, twettaq stħarriġ sħiħ. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fih innifsu, ma huwiex rilevanti sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata toħloqx nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali.

33.      Dan l-argument, fil-fehma tiegħi, ma jistax jirnexxi għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem. Wara tfakkira qasira dwar il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ ristrett tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni, ser neżamina l-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u sussegwentement dik, diskussa fis-seduta, tal-effett ta’ diskriminazzjoni eventwali bbażata fuq in-nazzjonalità fuq il-portata tal-imsemmi stħarriġ.

1.      Fuq l-implimentazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju ristrett

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija rrikonoxxiet is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (8).

35.      Għalkemm din is-setgħa diskrezzjonali hija rrikonoxxuta regolarment lil-leġiżlatur fil-qasam agrikolu, soċjali, kummerċjali jew ambjentali, ġiet permessa wkoll lilu fil-kuntest tar-riformi tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlatur għandu marġni ta’ manuvra wiesa’ sabiex jadatta r-Regolamenti tal-Persunal u sabiex jemenda fi kwalunkwe ħin, anki f’sens sfavorevoli, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali, filwaqt li jitfakkar li r-rabta ġuridika bejn dawn tal-aħħar u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt (9).

36.      Hekk kif enfasizza l-Kunsill, il-ġurisprudenza kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li l-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal huwa għalhekk mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi li għalihom huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

37.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-intensità tal-istħarriġ tal-legalità, f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kien twassal biex iwettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, kellha titnaqqas b’mod speċjali meta “l-att ikkonċernat [kellu] portata ġenerali” (10). Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kienu bbażati esklużivament fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-appellanti ma jikkritikawx lill-istituzzjonijiet ikkonċernati talli wettqu żball ta’ evalwazzjoni iżda jallegaw biss li d-deċiżjonijiet individwali negattivi indirizzati fil-konfront ta’ kull wieħed minnhom, sa fejn jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-leave fil-pajjiż tal-oriġini, huma irregolari, sa fejn dawn huma bbażati fuq standards huma nnifishom illegali.

38.      F’dan il-kuntest, ir-rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-fehma tiegħi, ma jitqajjimx dubju dwaru, u dan għandu bħala konsegwenza l-implimentazzjoni mill-qorti ta’ stħarriġ ristrett tal-legalità. Hija r-responsabbiltà tagħha li tillimita ruħha li teżamina, fuq il-mertu, jekk din is-setgħa tkunx ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter, jew jekk l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunux manifestament marru lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (11).

39.      Nosserva b’interess li l-appellanti ma jikkontestawx l-eżistenza tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal, fatt ikkunsidrat mill-partijiet ikkonċernati bħala ineffettiv fir-rigward tal-parametru tal-legalità li kellu jikkonforma miegħu dan tal-aħħar u li huwa allegatament kiser, jiġifieri l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

2.      Fuq l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

40.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li n-natura fundamentali tiegħu hija stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li lilha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali bħat-Trattati. Kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma b’mod partikolari indirizzati lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma, konsegwentement, marbuta li jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti minnha (12).

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-leġiżlatur huwa marbut, matul l-adozzjoni tar-regoli applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tas-servizz pubbliku Ewropew, bl-osservanza tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament (13). Dan tal-aħħar għalhekk jifforma parti mir-regoli ġuridiċi ta’ livell superjuri imposti fuq il-leġiżlatur, inkluż fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika l-osservanza tagħhom iżda billi teżerċita, f’din l-aħħar ipoteżi, stħarriġ ristrett tal-legalità (14). Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-appellanti ma pprovdew l-ebda riferiment ġurisprudenzjali ta’ natura li tiġġustifika l-allegazzjoni tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

42.      Ma jistax jiġi kkontestat li l-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, prima facie, jagħti l-immaġini ta’ ritratt bil-borduri mżellġin, xi ftit sfukat, minħabba eteroġeneità relattiva tal-formulazzjonijiet użati. Madankollu jidhirli li, favur ċerta perspettiva, qari kkonsolidat tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ta’ natura li jistabbilixxi linja ġurisprudenzjali soda. Għalhekk, huwa possibbli li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jippreżupponi li żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet legali u fattwali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali bejniethom jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, mingħajr ma tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (15). Fl-ipoteżi tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal, dan tal-aħħar jiġi ċċensurat biss mill-qorti meta huwa jipproċedi għal differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq (16). Din il-formulazzjoni tal-aħħar, relattivament imperfetta, ċertament ma hijiex riprodotta dejjem expressis verbis fid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-implimentazzjoni ta’ stħarriġ limitat tal-legalità tidhirli inkontestabbli.

43.      Din id-determinazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ, adottata ġustament mill-Qorti Ġenerali, jistħoqqilha, fil-fehma tiegħi, approvazzjoni għal raġunijiet proprji għal kull organizzazzjoni istituzzjonali ta’ Stat demokratiku u li jinsabu f’espressjoni: is-separazzjoni tas-setgħat. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-Trattati stabbilixxew sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, li tagħti lil kull waħda minnhom il-missjoni tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha. Ir-rispett tal-bilanċ istituzzjonali jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-oħrajn (17).

44.      Id-determinazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku Ewropew tirriżulta fl-ewwel lok mir-responsabbiltà tal-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi imposta b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-imsemmi leġiżlatur jitwassal biex jagħmel deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ bejn interessi diverġenti u jagħmel għalhekk għażliet fil-kuntest tal-għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet proprji tiegħu (18).

3.      Fuq l-impatt ta’ eventwali diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità

45.      Matul is-seduta, saru dibattiti dwar l-impatt fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ eventwali sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Dawn id-dibattiti jsegwu osservazzjonijiet, mhux mill-appellanti, iżda tal-Kunsill biss fir-risposta tiegħu, li jgħidu li, jekk il-leġiżlatur juża klassifikazzjonijiet suspettużi, jiġifieri relatati, b’mod partikolari mar-razza, mas-sess, mal-oriġini etnika, mat-twemmin politiku jew reliġjuż jew mal-età, isir stħarriġ iktar strett, jiġifieri sħiħ, tal-legalità mill-qorti fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni (19).

46.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza esklużiva, fil-kuntest ta’ tali proċedura, biex tevalwa jekk l-argument li jinsab fl-appell jidentifikax żball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata (20).

47.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jikkritikaw esklużivament lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel aggravju tagħhom, dwar evalwazzjoni żbaljata tal-intensità tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-“prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament”, stabbilit fl-“Artikolu 20 tal-Karta”, u, fit-tieni aggravju tagħhom, dwar ksur tal-imsemmi prinċipju. L-invokazzjoni ta’ stħarriġ sħiħ ma hija marbuta bl-ebda mod mal-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u l-qari tat-traskrizzjoni tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiżvela li r-rappreżentanti tal-appellanti lanqas biss semmew tali diskriminazzjoni. Il-kwistjoni tan-nazzjonalità ssemmiet minn dawn tal-aħħar biss fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-paragunabbiltà tal-kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati u l-kontestazzjoni tal-konklużjoni negattiva tal-Qorti Ġenerali.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-eżami tal-ewwel aggravju bl-ebda mod ma jimplika diskussjoni dwar l-użu mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ kriterju ta’ differenza suspettuża, f’dan il-każ in-nazzjonalità, fit-testi li jiddeterminaw l-għoti tal-vantaġġi inkwistjoni. Anki kieku kellu jitqies li tali dibattitu huwa neċessarju, dan ma jistax iwassal għal annullament tas-sentenzi appellati fuq il-bażi tal-imsemmi aggravju.

49.      Huwa stabbilit li l-għoti lill-uffiċjali taż-żewġ vantaġġi inkwistjoni huwa kkundizzjonat mir-rikonoxximent tal-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jsemmi, bħala l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu, in-nazzjonalità tal-uffiċjali. Issa, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-allowance ta’ espatrijazzjoni għandha l-għan li tagħti kumpens għall-piżijiet u għall-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mit-teħid ta’ funzjonijiet fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni lill-uffiċjali li, minħabba dan il-fatt, huma obbligati jibdlu r-residenza u li l-kriterju primordjali tad-dritt għal din l-allowance huwa r-residenza abitwali tal-uffiċjal, qabel il-ħatra tiegħu, filwaqt li n-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar hija prevista f’dan il-każ biss b’mod sekondarju peress li din hija importanti biss għall-kwistjoni tat-tul tar-residenza barra mit-territorju tal-impjieg tiegħu (21).

50.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet talba intiża sabiex jiġi ddikjarat invalidu l-Artikolu 21(2)(2) tar-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KEFA, KEE) Nru 912/78 tat‑2 ta’ Mejju 1978, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra ta’ dawn il-Komunitajiet (22) li jżid dan il-paragrafu 2 mal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-għoti ta’ allowance ta’ espatrijazzjoni, minħabba li din l-ewwel dispożizzjoni kienet tirreferi biss għall-kriterju ta’ nazzjonalità, sabiex tagħti jew tirrifjuta l-imsemmija allowance, u kienet tikser għalhekk il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab f’dak li kien l-Artikolu 7 tat-Trattat KEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, peress li l-allowance ta’ espatrijazzjoni kellha l-għan li tagħti kumpens għall-iżvantaġġi li jġarrbu l-uffiċjali minħabba l-istatus ta’ barrani tagħhom, ġustament il-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’din is-sitwazzjoni, irrikorra għall-kriterju tan-nazzjonalità biss li l-mertu tiegħu huwa li hu: l-ewwel nett, uniformi, peress li japplika b’mod identiku għall-uffiċjali kollha irrispettivament mill-impjieg tagħhom, it-tieni nett, oġġettiv fin-natura tiegħu u fil-ġeneralità tiegħu fir-rigward tal-impatt medju tal-inkonvenjenzi tal-espatrijazzjoni fuq is-sitwazzjoni personali tal-partijiet ikkonċernati, u, it-tielet nett, b’rabta diretta mal-għan tal-leġiżlazzjoni li huwa li jingħata kumpens għad-diffikultajiet u għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-istatus ta’ barrani f’pajjiż ospitanti (23).

51.      Dawn is-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali, relatati ma’ testi li sostanzjalment baqgħu ma nbidlux, jidhirli li għadhom rilevanti sabiex tiġi miċħuda kull idea ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità, li hija espressa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 18 TFUE, fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-għoti ta’ leave fil-pajjiż tal-oriġini.

52.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni aggravju

53.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, l-ewwel nett, qieset b’mod żbaljat li huma ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali li jirċievu l-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija u, it-tieni nett, evalwat b’mod żbaljat l-għan u l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

54.      Huwa stabbilit li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi jinvolvi neċessarjament l-ewwel analiżi kkostitwita minn dak li għandu jissejjaħ it-test tal-paragunabbiltà. Fl-ipoteżi fejn il-kategoriji tal-persuni kkonċernati huma kklassifikati mill-qorti bħala “paragunabbli”, għandha ssir it-tieni analiżi li tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk id-differenza fit-trattament ta’ dawn il-kategoriji paragunabbli hijiex iġġustifikata jew le, fejn l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi ma tkunx miksura fl-affermattiv. Il-verifika mill-qorti tal-eżistenza ta’ “differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata” taqa’ taħt din it-tieni analiżi.

55.      Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali effettivament implimentat it-test ta’ paragunabbiltà u qieset li s-sitwazzjoni tal-“espatrijati” jew tar-“residenti barranin” ma kinitx tixbah jew paragunabbli għal dik tal-appellanti, konstatazzjoni li kienet ta’ natura li tagħlaq id-diskussjoni ġuridika. Hekk kif kien ġie ppreċiżat, sa fejn is-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma humiex paragunabbli, differenza fit-trattament tagħhom ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (24). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li s-sistema li tikkonsisti fis-suġġettar tal-kisba tal-vantaġġi inkwistjoni għall-kundizzjoni tal-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija “la hija manifestament inadegwata u lanqas manifestament mhux xierqa” fid-dawl tal-għan tagħha, toħloq mill-inqas sorpriża.

56.      Lil hinn minn formula ta’ natura tawtoloġika, li madankollu titbiegħed minn dak li fakkret il-Qorti Ġenerali fil-bidu tar-raġunament tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din il-konklużjoni ma hijiex relatata mal-motivazzjoni li tippreċediha, li ma tinvolvix analiżi tan-natura proporzjonata tal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata jidhirli għalhekk li hija kkaratterizzata minn ċerta konfużjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-analiżi tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma tiegħi, din hija wkoll żbaljata fir-rigward tar-riżultat tat-test ta’ paragunabbiltà.

2.      Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati

57.      Għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jippreżupponi li żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet legali u fattwali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali bejniethom jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, mingħajr ma tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat. Il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni u fejn huwa allegat li dan jikser l-imsemmi prinċipju. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (25).

58.      Fis-sentenzi appellati, wara li fakkret fl-iskop tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali evokat l-għan imfittex mil-leġiżlatur fil-kuntest tar-Regolament Nru 1023/2013, kif jirriżulta mill-premessa 24 tiegħu. Il-Qorti Ġenerali għalhekk semmiet li l-leġiżlatur xtaq jimmodernizza u jirrazzjonalizza r-regoli dwar il-leave għal raġuni ta’ distanza u l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, u jorbothom mal-istatus ta’ espatrijazzjoni, jew ta’ residenza barranija, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir waħda iktar sempliċi u trasparenti. Id-dimostrazzjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni jidhirli li hija bbażata b’mod ċar fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-intenzjoni tal-leġiżlatur.

59.      Din il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tiżvela, fil-fehma tiegħi, konfużjoni bejn, minn naħa, l-iskop u l-għan tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u tal-leave fil-pajjiż tal-oriġini li fir-rigward tagħhom biss għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjonijiet fattwali u legali tal-uffiċjali kkonċernati humiex paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal li jista’ jiġġustifika d-differenza fis-sitwazzjonijiet ikklassifikati minn qabel bħala paragunabbli (26). Dan l-iżball metodoloġiku wassal lill-Qorti Ġenerali għal konklużjoni żbaljata fir-rigward tal-analiżi ta’ paragunabbiltà.

60.      F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-uffiċjali benefiċjarji tal-vantaġġi inkwistjoni ma jinsabux f’sitwazzjoni sostanzjalment differenti minn dik tal-uffiċjali mhux benefiċjarji li, bħal dawk tal-ewwel, għandhom post tal-oriġini differenti mill-post tal-impjieg tagħhom iżda għandhom, barra minn hekk, in-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-post tal-impjieg.

61.      Għandu jiġi enfasizzat li l-għan u l-iskop tal-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-ġranet ta’ leave supplimentari għat-trasport baqgħu strettament mhux mibdula mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, peress li dan għadu jippermetti lill-uffiċjali jżommu rabtiet familjari, soċjali u kulturali mal-post tal-oriġini tagħhom. L-emenda li saret tirrigwarda biss iż-żieda ta’ kundizzjonijiet għall-għoti, lill-uffiċjali li l-post tal-oriġini tagħhom huwa differenti mill-post tal-impjieg u li għandhom ukoll, mill‑1 ta’ Jannar 2014, ikunu benefiċjarji tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija sabiex jiksbu l-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-ġranet ta’ leave supplimentari għat-trasport.

62.      Fir-rigward tal-post tal-oriġini tal-uffiċjal, dan jiġi ffissat mal-ħatra b’kunsiderazzjoni bħala prinċipju tal-post ta’ reklutaġġ jew, fuq talba ċara u motivata b’mod xieraq, taċ-ċentru tal-interessi tal-parti kkonċernata (27). Dan il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi” jibbaża fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku li jgħid li l-uffiċjal għandu jkollu l-possibbiltà li jżomm ir-relazzjonijiet personali tiegħu mal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tiegħu minkejja l-ħatra tiegħu u d-distanza bejn il-post tal-impjieg u dan il-post. Iċ-ċentru tal-interessi huwa ddefinit bħala l-post fejn l-uffiċjal iżomm kumulattivament ir-rabtiet prinċipali ta’ natura familjari tiegħu, ir-rabtiet patrimonjali tiegħu u l-interessi essenzjali ta’ natura ċivika tiegħu kemm attivi kif ukoll passivi (28).

63.      Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “post tal-oriġini” għadu jintuża sabiex jiġi ddeterminat l-għoti ta’ ċerti drittijiet pekunjarji. Għalhekk, l-uffiċjal li għandu post tal-oriġini differenti mill-post tal-impjieg tiegħu, minkejja li jkollu n-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post tal-impjieg, għandu jibbenefika mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-konjuġi tiegħu u tal-persuni li jiddependu minnu mill-post tal-impjieg għall-post tal-oriġini mat-tmiem definittiv mis-servizz (Artikolu 7(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal). Barra minn hekk, fil-każ ta’ mewt ta’ dan l-uffiċjal, l-istituzzjoni kkonċernata tħallas l-ispejjeż meħtieġa għat-trasport tal-ġisem għall-post tal-oriġini (Artikolu 75 tar-Regolamenti tal-Persunal).

64.      Il-ħlas b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mill-post tal-impjieg għall-post tal-oriġini u l-għoti ta’ jumejn u nofs leave supplimentari biex jerġgħu lura fil-post tal-oriġini tagħhom, l-istess bħad-drittijiet pekunjarji msemmija fil-punt preċedenti, jirriflettu l-ispeċifiċità ta’ kategorija ta’ uffiċjali li jinsabu, għal raġunijiet marbuta mal-attività professjonali tagħhom, ’il bogħod miċ-ċentri tal-interessi tagħhom u li l-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal irid jippermettilhom li jżommu rabta ma’ dawn tal-aħħar.

65.      Sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha ta’ assenza ta’ paragunabbiltà, il-Qorti Ġenerali evokat, fir-rigward tal-appellanti, “ċertu ksur” mal-post tal-oriġini u l-fatt li huma ma jistgħux jallegaw li għandhom rabta “iktar mill-qrib” mal-post tal-oriġini mill-benefiċjarji tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija, u dan minħabba l-integrazzjoni ikbar tagħhom fis-soċjetà tal-Istat tal-post tal-impjieg ikkaratterizzata miż-żamma tan-nazzjonalità tal-imsemmi Stat. Jista’ jkun li differenza sempliċi u unika fl-intensità tal-qawwa tar-rabta mal-Istat tal-post tal-oriġini, imnaqqsa mill-eżistenza ta’ relazzjoni ma’ Stat ieħor, tkun ta’ natura li tikkaratterizza sitwazzjoni oġġettivament differenti, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “mhux paragunabbli”? Ir-risposta għal din id-domanda jidhirli li għandha tkun fin-negattiv.

66.      Għandi nosserva li l-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post tal-impjieg ma għandhiex bħala konsegwenza obbligatorja modifika, fil-fajl tal-uffiċjal ikkonċernat, tad-deċiżjoni li tiffissa l-post tal-oriġini. Dan tal-aħħar jibqa’ identiku għall-karriera kollha tal-uffiċjal ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni speċjali tal-amministrazzjoni, b’mod eċċezzjonali u wara produzzjoni ta’ dokumenti li jiġġustifikaw kif xieraq it-talba tal-persuna kkonċernata (29). Ma jistax jitqies li r-rabtiet familjari, soċjali u patrimonjali ta’ dan l-uffiċjal mal-Istat tal-post tal-oriġini neċessarjament tnaqqsu sal-punt li progressivament sparixxew u dan huwa inkontestabbli b’mod speċjali meta l-parti kkonċernata jkollha wkoll in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, u dan huwa l-każ ta’ 11 mill-24 appellant. Ikun mill-inqas paradossali, biex ma ngħidx inkoerenti, li ż-żamma mill-uffiċjal tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post tal-oriġini titqies bħala indizju serju tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u stretti bejn din il-persuna u l-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha, mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta l-istess funzjoni għall-pussess tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post tal-oriġini. Inżid ma’ dan il-fatt li l-post tal-oriġini tal-persuna espatrijata jew residenti barranija ma huwiex neċessarjament il-post fejn l-uffiċjal ikkonċernat għandu n-nazzjonalità, u dan huwa aċċettat mill-Kunsill.

67.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali benefiċjarji tal-vantaġġi inkwistjoni u dik tal-uffiċjali mhux benefiċjarji li, bħal dawk tal-ewwel, għandhom post tal-oriġini differenti mill-post tal-impjieg tagħhom iżda għandhom, barra minn hekk, in-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-post tal-impjieg, jistgħu jiġu kkunsidrati, fil-fehma tiegħi, bħala paragunabbli fir-rigward tas-suġġett u tal-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jistabbilixxu dawn il-vantaġġi, filwaqt li jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati jkunu identiċi (30).

68.      Għalkemm il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt jidhirli li hija għaldaqstant żbaljata, madankollu ma hemmx lok li tiġi annullata s-sentenza appellata dwar iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament. Għandu jitfakkar li, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u li jkun hemm lok għalfejn issir sostituzzjoni tal-motivi (31). F’dan il-każ, l-iżball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata peress li d-differenzjazzjoni magħmula fl-Artikolu 7 tal-Anness V u fl-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija oġġettivament iġġustifikata (32).

3.      Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament

69.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti minnha jista’ jiġi limitat, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, ikunu josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet, u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (33).

71.      Jidher għalhekk, l-ewwel nett, li l-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali, li, f’dan il-każ, ma tqajjem l-ebda diffikultà, peress li l-vantaġġi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom huma previsti fl-Artikolu 7 tal-Anness V u fl-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess Anness VII.

72.      It-tieni nett, fir-rigward tar-rabta bejn id-differenza fit-trattament magħmula u l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mil-leġiżlatur, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqa bħala ġustifikazzjoni, u li għandu jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika mill-imsemmija qorti tal-eżistenza tal-imsemmija kriterji (34). F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet ikkonċernati rreferew għall-premessi 2, 12 u 24 tar-Regolament Nru 1023/2013, fejn din tal-aħħar tistabbilixxi li “[r]-regoli dwar il-ħin ta’ vjaġġar u l-ħlas annwali tal-ispejjeż tal-ivjaġġar bejn il-post tax-xogħol u l-post tal-oriġini għandhom jiġu mmodernizzati, razzjonalizzati u jintrabtu aktar mal-istatus ta’ espatrijazzjoni, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir waħda aktar sempliċi u trasparenti”.

73.      L-eżami tal-premessi tal-imsemmi regolament jiżvela li l-għan partikolari msemmi fil-punt preċedenti kien jidħol taħt rieda iktar wiesgħa tal-leġiżlatur li jasal għal relazzjoni tajba bejn in-nefqa u l-effettività fir-rigward tas-servizz pubbliku Ewropew, u li jiggarantixxi dan, f’kuntest magħruf ta’ kriżi ekonomika li jimplika politika ta’ kontroll tal-ispejjeż pubbliċi, filwaqt li jibqa’ jiġi żgurat reklutaġġ ta’ kwalità bl-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli. Il-Kunsill ippreċiża li l-modernizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali lejn il-post tal-oriġini u l-għoti ta’ leave fil-post tal-oriġini tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-trasport bl-ajru, ikkaratterizzat minn titjiriet regolari lejn destinazzjonijiet varji u finanzjarjament aċċessibbli. Ma’ din il-konstatazzjoni oġġettiva tista’ tiżdied dik tal-faċilità, mingħajr ħlas, tal-komunikazzjonijiet bl-internet li għandha sehem ukoll fiż-żamma ta’ rabta mal-post tal-oriġini.

74.      Jidhirli diffiċli li ma jitqisux bħala leġittimi l-għanijiet hekk imfittxija mil-leġiżlatur bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 sabiex jiżgura ġestjoni vijabbli tas-servizz pubbliku minn perspettiva teknika u ekonomika. Dawn l-għanijiet imorru lil hinn, bil-kumplessità intrinsika u d-diffikultà tal-implimentazzjoni tagħhom, minn sempliċi kunsiderazzjonijiet finanzjarji u stretti ta’ ekonomija baġitarja.

75.      Il-Kunsill jindika li, sabiex jiġu razzjonalizzati r-regoli dwar il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-leave għal raġuni ta’ distanza, filwaqt li tiġi ggarantita l-aħjar relazzjoni bejn in-nefqa u l-effettività fir-rigward tas-servizz pubbliku Ewropew, il-leġiżlatur tal‑2013 introduċa kriterju ta’ differenzjar maħsub biex jimmira l-miżura bl-aħjar mod u jillimitaha għal dawk li jqis li kellhom l-iktar bżonn, jiġifieri l-istatus ta’ espatrijati jew ta’ residenti barranin li l-benefiċċju tagħhom jikkundizzjona l-għoti taż-żewġ vantaġġi msemmija qabel. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li l-uffiċjali jistgħu jġarrbu inkonvenjenzi minħabba l-espatrijazzjoni tagħhom b’mod xi ftit jew wisq intens u għalhekk suġġettiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma bbażati fuq elementi oġġettivi u uniformi (35), u dan jikkontradixxi kull allegazzjoni tal-appellanti fir-rigward ta’ differenzjar essenzjalment arbitrarju.

76.      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, jidhirli possibbli li tiġi eskluża kwalunkwe konklużjoni ta’ differenzjar manifestament inadegwat. Il-fatt li l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali lejn il-pajjiż tal-oriġini u l-leave fil-pajjiż tal-oriġini jiġu riżervati għall-uffiċjali biss li għandhom post tal-oriġini differenti mill-post tal-impjieg u li jibbenefikaw mill-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jidhirli, għall-kuntrarju, adatt sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ modernizzazzjoni-razzjonalizzazzjoni tal-leġiżlatur, intiżi sabiex jiggarantixxu relazzjoni bejn in-nefqa u l-effettività tajba għas-servizz pubbliku Ewropew filwaqt li jinżamm reklutaġġ fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa u, sussegwentement, l-attrazzjoni u r-rappreżentattività tiegħu.

77.      Il-vantaġġi inkwistjoni huma għalhekk maħsuba għal uffiċjali li ma integrawx jew ftit li xejn integraw fis-soċjetà tal-Istat tal-post tal-impjieg, minħabba l-istatus tagħhom ta’ barranin fil-pajjiż ospitanti u/jew l-obbligu impost fuqhom li jibdlu r-residenza mal-ħatra sabiex jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat. Kif enfasizza ġustament il-Kunsill fis-seduta, il-kriterju ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija sabiex jiġu ddeterminati l-uffiċjali li għandhom l-iktar bżonn ta’ appoġġ finanzjarju sabiex iżommu r-rabtiet mal-post tal-oriġini tagħhom huwa perfettament konformi mal-loġika tas-sistema stabbilita mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa f’dan il-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu li l-leġiżlatur għażel, fost is-soluzzjonijiet possibbli, li jirrestrinġi n-numru ta’ benefiċjarji tal-vantaġġi inkwistjoni billi jeskludi l-kategorija tal-uffiċjali rrappreżentati mill-appellanti fejn qies li r-relazzjoni mal-post tal-oriġini kienet inqas qawwija.

78.      Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkonċerna l-allokazzjoni tal-allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija, dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod preċiż u ċar biżżejjed, hekk li jiggarantixxi applikazzjoni sempliċi u trasparenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, konformement mal-għan tal-leġiżlatur imsemmi fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1023/2013. L-affermazzjoni tal-appellanti li tgħid li s-sistema l-antika kienet iktar sempliċi u trasparenti ma hijiex ta’ natura li tikkontradixxi l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq.

79.      Insostenn tal-kritika tagħhom ta’ differenzjar arbitrarju jew inadegwat, l-appellanti jipprovdu wkoll żewġ eżempji ta’ sitwazzjonijiet, fil-fehma tagħhom, sinjifikattivi. L-ewwel wieħed jikkonċerna bidla possibbli fil-post tal-impjieg ta’ appellant li għandu l-post tal-oriġini tiegħu fi Stat terz fejn il-konsegwenza tkun il-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni u, fuq kollox, il-konstatazzjoni ta’ allowance iktar sinjifikattiva minn qabel tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bl-applikazzjoni tal-modalitajiet il-ġodda ta’ kalkolu tal-allowance kilometrika li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni wieħed jipprevedi s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li l-post tal-oriġini tiegħu jinsab fi Stat terz, eliġibbli għall-allowance ta’ espatrijazzjoni, iżda li ma jirċevix rimbors b’rata fissa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, minħabba li d-distanza bejn il-belt kapitali tal-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu u l-post tal-impjieg hija ta’ inqas minn 200 km.

80.      Għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ xenarji previsti mill-appellanti jistgħu jiġu kklassifikati bħala ipotetiċi jew bħala teoretiċi, minħabba li ma jikkorrispondu b’ebda mod għas-sitwazzjoni tagħhom. Issa, għandu jiġi enfasizzat li uffiċjal ma għandux is-setgħa jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u, insostenn ta’ rikors għal annullament, jista’ jinvoka biss l-ilmenti li huma personali għalih (36). Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal implikati, l-appellanti jinvokaw ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament billi jaffermaw li huma jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-benefiċjarji taż-żewġ vantaġġi inkwistjoni u li d-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata. Għaldaqstant, jidhirli li huwa biss fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-appellanti, ċittadini Belġjani b’impjieg fi Brussell iżda li għandhom post tal-oriġini differenti mill-post tal-impjieg, li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, peress li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jitwettaq in concreto. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tal-appellanti biss sa fejn dan tal-aħħar għandu l-għan li juri li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal implikati kisru l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament sa fejn jikkonċernawhom personalment.

81.      Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni msemmija mill-appellanti, għandu jiġi rrilevat li, sabiex il-leġiżlatur ikun jista’ jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li t-trattament inkwistjoni jkun ikkawża żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (37), u dan ma jikkorrispondix għall-eżempju ta’ żieda tal-allowance eċċepit mill-appellanti. Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, din ma tittrattax il-prinċipju tal-eliġibbiltà ta’ uffiċjal għall-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali iżda l-kwistjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-allowance kilometrika, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-parti tad-distanza bejn 0 sa 200 kilometru. Ma tista’ tiġi dedotta l-ebda konklużjoni ta’ differenzjar manifestament inadegwat bejn il-benefiċjarji ta’ dan il-vantaġġ u l-appellanti minn dawn il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tat-titolarità ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-metodu ta’ kalkolu ċċitat iktar ’il fuq ma jikkontradixxix l-għan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-leġiżlatur u dak li l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali jiġi riżervat għal dawk li għandhom l-iktar bżonn.

82.      L-appellanti ma ressqux argumenti oħra dwar il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li hija ta’ natura li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ differenzjar arbitrarju jew manifestament inadegwat, jew dwar ksur tal-kontenut essenzjali tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

83.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, iżda li dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenzi appellati peress li d-differenza fit-trattament imsemmija hija oġġettivament iġġustifikata.

84.      Għaldaqstant, l-ilmenti diretti kontra din il-parti tas-sentenzi appellati għandhom jiġu miċħuda.

VII. Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676).


3      ĠU 2013, L 287, p. 15.


4      ĠU 1962, 45, p. 1385.


5      Applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.


6      Kemm qabel kif ukoll wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014, din id-dispożizzjoni hija applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.


7      L-Artikoli 7 u 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati mir-Regolament Nru 1023/2013, huma applikabbli bħala prinċipju b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra.


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57), kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak (C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 44).


9      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punt 12); tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 60 u 91); kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament (C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punti 82, 86 u 93).


10      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547, punt 54).


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kunsill (C‑110/97, EU:C:2001:620, punt 62), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 82).


12      Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid – Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 39), u tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 110).


13      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 78), kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament (C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punti 99 u 100).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Coopérative agricole d’approvisionnement des Avirons (58/86, EU:C:1987:164, punti 12 sa 17); tat‑8 ta’ Ġunju 1989, AGPB (167/88, EU:C:1989:234, punti 28 sa 33); tal‑21 ta’ Frar 1990, Wuidart et (267/88 sa 285/88, EU:C:1990:79, punti 13 sa 18); tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 59); tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 50); tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52); tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 97); kif ukoll tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 56).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni (C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 70); tas‑6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il‑Kunsill (C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punt 78); kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 76).


16      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1972, Sabbatini‑Bertoni vs Il‑Parlament (20/71, EU:C:1972:48, punt 13); tal‑15 ta’ Jannar 1981, Vutera vs Il‑Kummissjoni (1322/79, EU:C:1981:6, punt 9); tal‑14 ta’ Lulju 1983, Ferrario et vs Il‑Kummissjoni (152/81, 158/81, 162/81, 166/81, 170/81, 173/81, 175/81, 177/81 sa 179/81, 182/81 u 186/81, EU:C:1983:208, punt 13); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il‑Kummissjoni (C‑71/07 P, EU:C:2008:424, punt 64); tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni (C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 72); kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il‑Kunsill (C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punt 69).


17      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1991:373, punti 21 u 22), kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 56). Għandu jiżdied li l-karatteristika ta’ kull attività leġiżlattiva hija li jsiru għażliet, jiġifieri li jiġu applikati differenzi fit-trattament permezz ta’ kategorizzazzjoni.


18      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C‑17/98, EU:C:2000:70, punt 53).


19      Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:292) li jidhirli utli li niċċita parzjalment minnhom il-punt 33: “F’ċerti oqsma, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari dak tal-leġiżlazzjoni ekonomika u soċjali, u kemm‑il darba l-leġiżlatur ma jirrikorrix għal tali klassifikazzjonijiet suspettużi, jiġifieri meta l-ugwaljanza quddiem il-liġi biss tkun inkwistjoni, il-grad ta’ intensità tal-istħarriġ huwa ta’ livell inqas”.


20      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il‑Kummissjoni (21/74, EU:C:1975:24, punti 6 sa 8); tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punt 12); kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni (C‑452/93 P, EU:C:1994:332, punt 21).


22      ĠU 1978, L 119, p. 1.


23      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punti 12 u 13).


24      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 79); tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12 (EU:C:2014:350, punt 84); kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il‑Kunsill (C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punti 78 sa 82).


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 1990, Weiser (C‑37/89, EU:C:1990:254, punt 15); tal‑1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test‑Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29); tas‑6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il‑Kunsill (C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punti 78 u 79); kif ukoll l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE-Kanada) tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 177).


26      Sfortunatament, din il-konfużjoni hija frekwenti. Issa, hekk kif ġie ppreċiżat ġustament fid-duttrina, l-għan ta’ dispożizzjoni legali li jikkonsisti fl-għoti ta’ setgħa lill-amministrazzjoni ma jista’ b’ebda mod jiġġustifika d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ din is-setgħa. B’hekk, dak li jiġġustifika d-differenza fit-trattament ma huwiex l-għan tal-liġi, iżda l-għan tal-leġiżlatur jew, fi kliem ieħor, ir-relazzjoni bejn il-metodu u r-riżultat. L-ugwaljanza tinsab fir-relazzjoni strumentali li tistabbilixxi l-liġi bejn l-għan (leġittimu) imfittex mil-leġiżlatur u l-metodu li jikkostitwixxi d-differenza fit-trattament. L-għan huwa effettivament il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-metodu, mingħajr preġudizzju għall-korrettiv tal-proporzjonalità, fis-sens li kull differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata, lanqas mill-aqwa għan (Olivier Jouanjan, “Il-Kunsill kostituzzjonali, gwardjan tal-ugwaljanza?”, Jus Politicum, Nru 7).


27      Artikolu 7(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.


28      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni (144/84, EU:C:1985:171, punti 13 u 14). Ninnota li, għalkemm, fl-appell tagħhom u fis-seduta, l-appellanti rreferew għal din is-sentenza u għall-prinċipju ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku msemmi fiha, li l-ksur tiegħu kien invokat quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, it-tieni aggravju huwa intiż biss għal ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.


29      Artikolu 7(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.


30      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 42).


31      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 118).


32      Ninnota li, indipendentement mill-konklużjoni tagħha ta’ assenza ta’ paragunabbiltà tal-kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati, il-Qorti Ġenerali tat evalwazzjoni speċifika tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk din qieset li l-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux manifestament sproporzjonati fir-rigward tal-għan li kien qiegħed ifittex. L-appellanti jikkritikaw din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.


33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il‑Kummissjoni (21/74, EU:C:1975:24, punt 9); tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punti 12 u 13); kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 1981, Vutera vs Il‑Kummissjoni (1322/79, EU:C:1981:6, punt 9).


36      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑237/06 P, EU:C:2007:156, punt 64).


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39).