Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2023 minn enercity AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-17 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża T-321/20, enercity AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-485/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: enercity AG (rappreżentant: C. Schalast, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, E.ON SE, RWE AG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2023, enercity vs Il-Kummissjoni (T-321/20) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2019 dwar il-konċentrazzjoni “RWE/E.ON Assets” (Każ M.8871, ĠU 2020, C 111, p. 1);

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka interpetazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet il-kundizzjonijiet tal-locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod ristrett ħafna u b’mod kontradittorju mal-ġurisprudenza tagħha stess u ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali rreferiet esklużivament għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni (T-177/04), mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ineżami. Fost dawn iċ-ċirkustanzi, kien hemm b’mod partikolari l-parteċipazzjoni intensiva tal-appellanti fil-kuntest, fost l-oħrajn, tal-operazzjoni sħiħa, il-parteċipazzjoni konkreta tal-appellanti f’laqgħa personali mal-Kummissjoni u r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ terz ikkonċernat mill-uffiċjal tas-seduta tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-interpretazzjoni legali espressa fis-sentenza appellata tikkomprometti kunsiderevolment il-protezzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fil-futur.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti ta’ konformità legali u ta’ Stat tad-dritt. Il-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjoni tagħha dwar il-locus standi, ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent tal-kwalità tal-appellanti u l-impenn tal-uffiċjal tas-seduta li jinforma lill-appellanti dwar possibbiltajiet ulterjuri fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha fil-proċedura. Kuntrarjament, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti kellha tipparteċipa b’mod iktar intensiv fil-proċedura. L-appellanti ssostni li hija kellha fiduċja fl-uffiċjal tas-seduta bħala organu tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ksiret il-prinċipji ta’ konformità legali u ta’ ċertezza legali. Konsegwentement, is-sentenza appellata timplika li l-Kummissjoni tista’ fil-futur tkun libera tagħżel il-possibbiltajiet ta’ rimedji ġudizzjari kontra l-operazzjonijiet.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjoni tagħha dwar id-diviżjoni żbaljata tal-operazzjoni sħiħa bejn RWE u E.ON, interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 1 , sa fejn irreferiet esklużivament għall-komunikazzjoni kkonsolidata tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tagħha stess li tirriżulta mis-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (T-282/02), kif ukoll il-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ġerarkija tar-regoli, ta’ supremazija tad-dritt u ta’ separazzjoni tal-poteri.

Fl-aħħar, ir-raba’ aggravju jikkonċerna evalwazzjoni żbaljata tal-“Investor Relationship Agreement” imqajjem minn RWE u E.ON. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-ftehim ma kienx validu skont id-dritt Ġermaniż tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina kwistjonijiet essenzjali u, konsegwentement, ħadet deċiżjoni żbaljata fid-dritt.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)