Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-487/23)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Santiago de Albuquerque u G. Gattinara, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) u (4)(b) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali 1 , sa fejn la żgurat u lanqas ma tiżgura, li:

l-amministrazzjoni lokali, fl-2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018;

l-entitajiet pubbliċi Portugiżi fornituri ta’ kura tas-saħħa (sottosettur tas-saħħa), mill-2013 sal-2022;

ir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, mill-2013 sal-2022;

ir-Reġjun Awtonomu tal-Açores , fl-2013 u mill-2015 sal-2022,

iħallsu d-dejn kummerċjali tagħhom fit-termini previsti minn dan l-artikolu.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-causa petendi tal-azzjoni hija n-nuqqas ta’ konformità, min-naħa tar-Repubblika Portugiża, mal-Artikolu 4(3) u (4)(b) tad-Direttiva 2011/7 mill-2012 sad-data preżenti. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur huwa entità pubblika, it-terminu ta’ ħlas ma jkunx iktar minn 30 ġurnata. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż b’60 ġurnata għall-entitajiet pubbliċi li jipprovdu kura tas-saħħa debitament irrikonoxxuti għal dan il-għan. Id-Direttiva 2011/7 tistabbilixxi li l-Istati Membri kellhom jittrasponuha sas-16 ta’ Marzu 2013.

Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għall-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2011/7 kontra r-Repubblika Portugiża wara li nġibdet l-attenzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ konformità sistematika u persistenti, minn entitajiet pubbliċi Portugiżi varji, fir-rigward tal-ħlas tad-dejn kummerċjali tagħhom, mat-termini previsti fl-Artikolu 4(3) u (4)(b) tad-Direttiva 2011/7. Din in-nuqqas ta’ konformità kompliet tippersisti fid-data meta skada t-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (5 ta’ Diċembru 2017).

Sensiela ta’ rapporti ta’ monitorizzazzjoni b’data dwar it-termini medji ta’ ħlas tal-entitajiet pubbliċi fis-setturi varji tal-amministrazzjoni pubblika Portugiża, mibgħuta mir-Repubblika Portugiża lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar, juru li l-entitajiet pubbliċi Portugiżi ta’ setturi varji tal-amministrazzjoni pubblika Portugiża komplew, wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u sad-data tal-preżentata tal-azzjoni, iħallsu d-dejn kummerċjali tagħhom f’termini itwal minn dawk previsti fl-Artikolu 4(3) u (4)(b) tad-Direttiva 2011/7. Dawn kienu, b’mod speċifiku, l-entitajiet pubbliċi li ġejjin:

‒ l-amministrazzjoni lokali, fl-2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018;

‒ l-entitajiet pubbliċi Portugiżi fornituri ta’ kura tas-saħħa (subsettur tas-saħħa), mill-2013 sal-2022;

‒ ir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, mill-2013 sal-2022;

‒ ir-Reġjun Awtonomu tal-Açores, fl-2013 u mill-2015 sal-2022.

Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża, fir-rapporti għas-snin 2020, 2021 u 2022, sempliċement inkludiet data inkompleta, allegatament peress li ma kellhiex data għall-amministrazzjoni lokali għal dawn is-snin, dovut għal bidla fis-sistema ta’ kontabbiltà mill-amministrazzjoni lokali. Sad-data ta’ preżentata tal-azzjoni, ir-Repubblika Portugiża ma kkompletatx id-data tar-rapporti msemmija u lanqas ma bagħtet data aġġornata.

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) u (4)(b) tad-Direttiva 2011/7 inkwantu ma żguratx u lanqas ma’ tiżgura li l-entitajiet pubbliċi msemmija iktar ’il fuq iħallsu d-dejn kummerċjali tagħhom fit-termini previsti f’dan l-artikolu.

____________

1     ĠU 2011, L 48, p. 1.