Language of document : ECLI:EU:C:2015:743

Kawża C‑422/14

Cristian Pujante Rivera

vs

Gestora Clubs Dir SL

u

Fondo de Garantía Salarial

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social nº 33 ta’ Barcelona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE– L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘ħaddiema normalment impjegati’ fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) – Kunċetti ta’ ‘tkeċċija’ u ta’ ‘terminazzjonijiet ta’ kuntratt tax-xogħol assimilabbli ma’ tkeċċija’ – Modalitajiet ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑11 ta’ Novembru 2015

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tad-kwistjonijiet imqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ tkeċċijiet kollettivi – Kunċett ta’ ħaddiema “normalment” impjegati mill-istabbiliment ikkonċernat – Ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew għal kompitu determinat – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 98/59, l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1))

3.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Limitu ta’ mill-inqas ħames tkeċċijiet – Metodu ta’ kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratt tax-xogħol assimilabbli ma’ tkeċċija – Esklużjoni – Limitazzjoni għat-tkeċċijiet fis-sens strett tal-kelma

(Direttiva tal-Kunsill 98/59, l-ewwel subparagrafu (a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1))

4.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ tkeċċija – Bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali ta’ kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna tal-ħaddiem – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 98/59, l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 20)

2.        L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kuntratt konkluż għal żmien jew għal kompitu determinat għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-ħaddiema “normalment” impjegati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fi ħdan l-istabbiliment ikkonċernat.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont it-tul ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema. Interpretazzjoni differenti tista’ ċċaħħad lill-ħaddiema kollha impjegati minn dan l-istabbiliment mid-drittijiet rikonoxxuti lilhom mill-imsemmija direttiva u għalhekk tippreġudika l-effettività ta’ din tal-aħħar.

Fit-tieni lok, il-persuni li jibbenefikaw minn kuntratti tax-xogħol konklużi għal żmien jew kompitu determinat u li l-kuntratti tagħhom jintemmu b’mod regolari malli jiskadi t-terminu jew jitwettaq il-kompitu jistgħu jgawdu mill-istess protezzjoni bħal dik mogħtija lill-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat jekk ikunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga, jiġifieri, jekk ir-relazzjoni tax-xogħol tiġi mitmuma qabel it-terminu ffissat fil-kuntratt jew qabel ma jitwettaq il-kompitu li għalih ġew impjegati.

Fl-aħħar lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi ssuġġetta l-applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-imsemmija dispożizzjoni għal kriterji kwantitattivi, kellu l-intenzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-persunal globali tal-istabbilimenti inkwistjoni sabiex ma jimponix fuq il-persuni li jimpjegaw oneru eċċessiv meta mqabbel mad-daqs tal-istabbiliment tagħhom. Issa, għall-finijiet tal-kalkolu tal-persunal ta’ stabbiliment għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg hija nieqsa minn rilevanza.

(ara l-punti 32, 35, 38-41 u d-dispożittiv 1)

3.        Bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “redundancy [tkeċċija] kollettiva”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, li tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, il-kundizzjoni li tirriżulta fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]” għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tirrigwardax esklużivament it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol assimilati ma’ tkeċċija, iżda esklużivament it-tkeċċijiet fis-sens strett tal-kelma.

Fil-fatt, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jispeċifika l-metodu ta’ kalkolu “tar-redundancies [tkeċċijiet]” iddefiniti fl-ewwel subparagrafu (a) ta’ dan l-istess artikolu u li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-limiti ta’ “redundancies [tkeċċijiet]” li taħthom l-imsemmija direttiva ma tapplikax, kull interpretazzjoni oħra intiża sabiex testendi jew tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkollha bħala effett li ċċaħħad il-kundizzjoni inkwistjoni, jiġifieri li jkun “hemm mill-inqas ħames redundancies [tkeċċijiet]”, minn kull effettività. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-għan tad-Direttiva 98/59. Għalhekk, huma dawn it-tkeċċijiet “ġenwini” li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu f’moħħu permezz tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tkeċċijiet kollettivi.

(ara l-punti 44‑46 u d-dispożittiv 2)

4.        Id-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna li timpjega tipproċedi, unilateralment u għad-detriment tal-ħaddiem, għal bidla sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna ta’ dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 98/59 li hu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, il-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistgħux jirċievu interpretazzjoni restrittiva, inkluż il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]” imsemmi fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tagħha.

Min-naħa l-oħra, bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fl-istess waqt, li jiżgura protezzjoni paragunabbli tad-drittijiet tal-ħaddiema fid-diversi Stati Membri kif ukoll li jarmonizza l-oneri kkawżati mir-regoli ta’ protezzjoni għall-impriżi tal-Unjoni.

Issa, il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, li jinsab fl-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, jikkundizzjona direttament l-applikazzjoni tal-protezzjoni kif ukoll tad-drittijiet li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema skont din id-direttiva. Għalhekk dan il‑kunċett għandu effett immedjat fuq l-oneri kkawżati minn din il-protezzjoni. Għaldaqstant, kull leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett li jasal jikkunsidra li t-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol ma hijiex “redundancy [tkeċċija]”, fis-sens tad-Direttiva 98/59, tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u għaldaqstant iċċaħħdilha l-effettività sħiħa tagħha.

(ara l-punti 51, 53‑55 u d-dispożittiv 3)