Language of document : ECLI:EU:T:2022:44

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

2 ta’ Frar 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tal‑gass tal‑Ewropa Ċentrali u tal‑Lvant – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment – Nuqqas ta’ interess tal‑Unjoni – Eċċezzjoni tal‑azzjoni tal‑Istat – Obbligu ta’ eżami diliġenti – Drittijiet proċedurali skont ir‑Regolament (KE) Nru 773/2004”

Fil‑Kawża T‑399/19,

Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., stabbilita f’Varsavja (il‑Polonja), irrappreżentata minn K. Karasiewicz, radca prawny, T. Kaźmierczak, K. Kicun u P. Moskwa, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Ernst, G. Meessen u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Gazprom PJSC, stabbilita f’Moska (ir-Russja),

u

Gazprom export LLC, stabbilita f’Sankt‑Peterburg (ir-Russja),

irrappreżentati minn J. Karenfort, J. Hainz, B. Evtimov, N. Tuominen, J. Heithecker, avukati, u D. O’Keeffe, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 3003 final tas‑17 ta’ April 2019 dwar ċaħda ta’ lment (Każ AT.40497 – Prezz Pollakk tal-gass),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen (Relatur), R. Barents, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak‑Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., hija l-kumpannija omm tal-grupp PGNiG, li topera fis-settur tal-gass u taż-żejt, prinċipalment fil-Polonja. Dan il-grupp għandu b’mod partikolari attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni ta’ gass u ta’ żejt mhux raffinat kif ukoll ta’ importazzjoni, ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni ta’ gass.

2        Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 3003 final, tas‑17 ta’ April 2019, dwar ċaħda ta’ lment (Każ AT.40497 – Prezz Pollakk tal-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata wara l-ilment li hija kienet ressqet kontra Gazprom PJSC u s-sussidjarji tagħha, fosthom Gazprom export LLC (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Gazprom”).

 Fuq il-proċeduri fil-Każijiet AT.39816 u AT.40497

3        Bejn l-2011 u l-2015, il-Kummissjoni adottat diversi miżuri sabiex tinvestiga l-funzjonament tas-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kif ukoll, b’mod partikolari, teżamina, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE, il-konformità ta’ ċerti prattiki ta’ Gazprom li jaffettwaw dawn is-swieq, u, b’mod iktar partikolari, dawk tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, tal-Polonja u tas-Slovakkja (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“PECO kkonċernati”). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti. Il-proċedura amministrattiva li tikkorrispondi għal din l-investigazzjoni ġiet irreġistrata taħt ir-referenza “Każ AT.39816 – Provvista ta’ gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant” (iktar ’il quddiem il‑“Każ AT.39816”).

4        Fil-kuntest ta’ dik il-kawża, wara li fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), fit‑22 ta’ April 2015, il-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004 bagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil Gazprom (iktar ’il quddiem id-“DO”). F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet, b’mod preliminari, ikkonkludiet li Gazprom kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tal-provvista ta’ gass bl-ingrossa upstream fil-PECO kkonċernati u li, bi ksur tal‑Artikolu 102 TFUE, hija kienet qiegħda tabbuża minn din il-pożizzjoni billi tuża strateġija antikompetittiva sabiex tifframmenta u tiżola dawn is-swieq u, għalhekk, sabiex tipprekludi l-moviment liberu tal-gass f’dawn il-pajjiżi.

5        Il-Kummissjoni kienet qieset li din l-istrateġija ta’ Gazprom kienet tkopri tliet gruppi ta’ prattiki antikompetittivi li jaffettwaw lill-klijenti tagħha fil-PECO kkonċernati, jiġifieri prattiki bbażati fuq il-fatt li, l-ewwel, Gazprom imponiet restrizzjonijiet territorjali fil-kuntest tal-kuntratti tagħha ta’ provvista ta’ gass mal-grossisti kif ukoll ma’ ċerti klijenti industrijali fil-PECO kkonċernati, it-tieni, dawn ir-restrizzjonijiet territorjali kienu ppermettew lil Gazprom twettaq politika tariffarja żleali f’ħamsa mill-PECO kkonċernati, jiġifieri l-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, u, it-tielet, Gazprom issuġġettat, f’dak li jirrigwarda l-Bulgarija u l-Polonja, il-provvisti ta’ gass tagħha għall-kisba ta’ ċerti garanziji, min-naħa tal-grossisti, dwar infrastrutturi ta’ trażmissjoni tal-gass. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Polonja, dawn il-garanziji kienu jirrigwardaw l-aċċettazzjoni mill-grossista Pollakk, jiġifieri r-rikorrenti, tat-tisħiħ tal-kontroll ta’ Gazprom fuq il-ġestjoni tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, li huwa wieħed mill-pipelines prinċipali ta’ tranżitu fil-Polonja (iktar ’il quddiem l-“ilmenti Yamal”).

6        Fid‑29 ta’ Settembru 2015, Gazprom wieġbet għad-DO billi kkontestat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni. Fl‑14 ta’ Frar 2017, filwaqt li kompliet tikkontesta dan it-tħassib, hija ppreżentat abbozz ta’ impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

7        Fis‑16 ta’ Marzu 2017, dejjem fil-Każ AT.39816, sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar dan l-abbozz ta’ impenji, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea komunikazzjoni skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2017, C 81, p. 9), li tinkludi sunt tal-kawża AT.39816 kif ukoll il-parti essenzjali tal-kontenut ta’ dan l-abbozz ta’ impenji u tat lil dawn il-partijiet terminu ta’ seba’ ġimgħat minn din id-data sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (iktar ’il quddiem il-“konsultazzjoni tas-suq”). Sussegwentement, b’mod partikolari r-rikorrenti, il-President tal-Urząd Regulacji Energetyki (l-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija Pollakk, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Pollakk”) u Gaz‑System S.A., l-amministratur tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, ippreżentaw osservazzjonijiet.

8        Fid‑9 ta’ Marzu 2017, b’mod parallel mal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni fil-Każ AT.39816, ir-rikorrenti ppreżentat, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004, ilment li jindika dan il-Każ AT.39816 u jirrapporta prattiki abbużivi min-naħa ta’ Gazprom (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

9        Fid‑29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ilment, li sussegwentement ġie rreġistrat fil-kuntest ta’ proċedura distinta, bir-referenza “Każ AT.40497 – Prezz Pollakk tal-gass” (iktar ’il quddiem il-“Każ AT.40497”).

10      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2017 indirizzata lir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat li l-prattiki esposti fl-ilment u dawk ikkonċernati mill-abbozz ta’ impenji kienu jidhru li kienu jikkoinċidu u stednitha tissottometti osservazzjonijiet fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq. Wara li kisbet estensjoni tat-terminu applikabbli, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-abbozz fid‑19 ta’ Mejju 2017, kif issemma fil-punt 7 iktar ’il fuq.

11      Fil‑15 ta’ Mejju 2017, fil-Każ AT.40497, Gazprom bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilment.

12      Fit‑23 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, indikat bil-miktub lir-rikorrenti li hija kienet tipprevedi li tiċħad l-ilment u talbitha tagħti l-opinjoni tagħha f’terminu ta’ erba’ ġimgħat (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda”). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni bagħtitilha wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO, maħruġa fil-Każ AT.39816, kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet ta’ Gazprom fuq dan l-ilment.

13      Fit‑2 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet b’risposta għall-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda. Minbarra li hija esprimiet in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha fir-rigward tal-konklużjonijiet provviżorji li jinsabu fl-imsemmija ittra, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li hija qieset li ma rċevietx id-dokumenti kollha li fuqhom kienet ibbażata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO, maħruġa fil-Każ AT.39816, li kienet intbagħtitilha ma kinitx tinkludi ċerti siltiet indispensabbli.

14      Fl‑24 ta’ Mejju 2018, fil-kuntest tal-Każ AT.39816 u wara li Gazprom kienet ippreżentat abbozz emendat ta’ impenji wara l-konsultazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 3106 final, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39816) – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant), li permezz tagħha hija approvat u rrendiet obbligatorji l-impenji meħuda minn Gazprom u għalqet il-proċedura amministrattiva f’dan il-każ billi kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok li hija tieħu azzjoni fir-rigward tal-prattiki identifikati fid-DO. Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni, irreġistrat taħt in-numru tal-Kawża T‑616/18.

15      Fil‑5 ta’ Settembru 2018, fil-Każ AT.40497, ir-rikorrenti intervjeniet mal-Uffiċjal tas-Seduta sabiex tikseb ċerti dokumenti ta’ dan il-każ, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE tat‑13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29). Fis‑17 ta’ Settembru ta’ wara, l-uffiċjal tas-seduta informaha li kien qiegħed jibgħat it-talba tagħha lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni, kompetenti sabiex jirrispondi għaliha. Fil‑25 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija kienet adottat il-pożizzjoni tagħha billi bbażat ruħha fuq id-dokumenti li hija kienet diġà bagħtitilha u rrifjutat li tagħtiha aċċess għal siltiet oħra tad-DO.

16      Fis‑17 ta’ April 2019, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura fil-Każ AT.40497 billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq id-deċiżjoni kkontestata

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-allegazzjonijiet tal-ilment li kienu jikkorrispondu għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni koperti mill-impenji reżi obbligatorji bid-deċiżjoni adottata fi tmiem il-Każ AT.39816 u l-allegazzjonijiet l-oħra mressqa f’dan l-ilment kontra Gazprom.

18      Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel allegazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-aġir indikat kien ġie kkunsidrat b’mod xieraq mill-imsemmija impenji (ara l-punti 2.2 u 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-allegazzjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni eżaminathom suċċessivament fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Materji mhux koperti mill-impenji” (Matters not covered by the commitments).

19      Fil-kuntest tal-punt 2.4.1, intitolat “L-ilment dwar il-pipeline tal-gass Yamal” (The Objection concerning the Yamal Pipeline), il-Kummissjoni ttrattat l-allegazzjonijiet tal-ilment li abbażi tagħhom Gazprom, fil-kuntest ta’ defiċit ta’ provvista li ltaqgħet magħha r-rikorrenti fl-2009 u fl-2010 wara nuqqas ta’ Gazprom-RosUkrEnergo AG (iktar ’il quddiem “RUE”), sussidjarja Ukraina ta’ Gazprom, issuġġettat il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista fuq terminu qasir ta’ volum ta’ gass supplimentari għal kundizzjonijiet mhux relatati mas-suġġett ta’ dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem l-“allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura”). Dawn il-kundizzjonijiet fil-qosor huma, l-ewwel, ir-rinunzja ta’ kreditu fil-konfront ta’ din is-sussidjarja ta’ System Gazprom, it-tieni, il-ftehim tar-rikorrenti sabiex Gazociągów Tranzytowych EuRoPol Gaz S.A. (iktar ’il quddiem “EuRoPol”), kumpannija li hija s-sid tal-infrastrutturi tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, li hija proprjetà tar-rikorrenti u Gazprom, tirrinunzja għal kreditu fir-rigward ta’ din tal-aħħar sal-ammont ta’ [kunfidenzjali] (1) dollaru Amerikan (USD), it-tielet, il-modifika tal-Istatuti ta’ EuROPol, li jagħtu lil Gazprom dritt ta’ veto f’dak li jirrigwarda ċerti deċiżjonijiet meħuda minnha, kif ukoll, ir-raba’, l-inklużjoni ta’ ċerti klawżoli fil-kuntratt konkluż bejn EuRoPol u Gaz-System dwar il-ġestjoni minn din tal-aħħar tal-imsemmi parti (ara t-tielet u s-seba’ inċiżi tal-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Dejjem fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura, il-Kummissjoni fakkret il-pożizzjoni sostnuta mir-rikorrenti qabel ma esponiet l-evalwazzjoni tagħha, kull darba fid-dawl ta’ żewġ suġġetti, jiġifieri, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Pollakk tad‑19 ta’ Mejju 2015 adottata permezz tal-President tagħha u li tiċċertifika lil Gaz‑System bħala amministratur tan-network indipendenti għall-parti Pollakka tal-pipeline Yamal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni”) u, fit-tieni lok, l-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti ta’ garanziji dwar l-infrastruttura.

21      Fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ dan it-tieni suġġett, il-Kummissjoni kkunsidrat, taħt l-indikazzjoni “Id-difiża ta’ pressjoni mill-Istat ma setgħetx tiġi eskluża” (State compulsion defence could not be excluded), li ma kienx eskluż li l-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat tkun applikabbli għall-prattiki msemmija fl-allegazzjonijiet inkwistjoni, sa fejn ma setax jiġi eskluż, essenzjalment, li l-aġir ta’ Gazprom kien ġie impost fuqha mid-dritt Russu jew minn pressjonijiet irreżistibbli tal-awtoritajiet Russi b’tali mod li dan l-aġir seta’ ma kienx awtonomu fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni possibbli inkwistjoni setgħet ma kinitx imputabbli lil din l-impriża. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li l-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal kienu rregolati minn ftehim intergovernattiv konkluż fl-1993 bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Federazzjoni Russa kif ukoll permezz ta’ protokolli addizzjonali sussegwenti (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“ftehimiet Polonja‑Russja”).

22      Fil-kuntest tal-punt 2.4.2, intitolat “Restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015” (Supply Restrictions in the Winter Season 2014/2015), il-Kummissjoni ttrattat l-allegazzjonijiet tal-ilment li Gazprom naqqset b’mod abbużiv il-provvisti tagħha ta’ gass matul ix-xitwa 2014/2015 bil-għan li tipprekludi eventwali esportazzjonijiet mill-ġdid tal-gass lejn l-Ukraina (iktar ’il quddiem l-“allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015”). Minħabba dawn ir-restrizzjonijiet, il-volumi pprovduti minn Gazprom lir-rikorrenti kienu inferjuri għall-volumi stipulati fil-kuntratt tagħhom, li kkawża lil din tal-aħħar dannu finanzjarju, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispejjeż ta’ interkonnessjoni għolja li hija kellha ssostni sabiex timporta l-gass mill-Ewropa tal-Punent (ara l-ħames inċiż tal-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-punti 2.4.3 u 2.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw allegazzjonijiet dwar it-trasferiment tal-proprjetà tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass Bjelorussu u l-allegat ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti bħala lanjanti, rispettivament.

24      Għal diversi raġunijiet, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjonijiet kollha koperti mill-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet l-ilment skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, billi qieset li ma kienx hemm raġuni suffiċjenti sabiex titkompla l-investigazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fl‑20 ta’ Settembru 2019, fis‑6 ta’ Novembru 2019 u fid‑9 ta’ Jannar 2020, rispettivament.

26      Permezz ta’ att separat ippreżentat flimkien mar-rikors, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża skont il-proċedura mħaffa. B’deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2019, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba.

27      Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

28      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Gazprom talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Diċembru 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li sema’ lill-partijiet prinċipali, awtorizza dan l-intervent. Fis‑17 ta’ Jannar 2020, Gazprom ippreżentat nota ta’ intervent, u r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar din in-nota fil‑21 ta’ Frar 2020.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2020, il-President tat-Tmien Awla, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dawn l-istess regoli, iddeċieda, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li jagħtiha trattament prijoritarju.

30      Fit‑8 ta’ Ġunju 2020, fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża quddiem it-Tmien Awla Estiża. Minħabba l-impediment ta’ membru ta’ din l-awla estiża, il-President tal-Qorti Ġenerali nħatar sabiex jikkompleta l-Awla permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2020.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ntalbu jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni ntalbet, barra minn hekk, tipproduċi dokumenti. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet fit‑3 ta’ Diċembru u fit‑8 ta’ Diċembru 2020, rispettivament, u l-Kummissjoni pproduċiet, bħala anness għat-tweġibiet tagħha, id-dokumenti mitluba.

32      Għal raġunijiet marbuta mal-kriżi sanitarja dovuta għall-COVID‑19 u wara talbiet imressqa minn ċerti partijiet, il-President tat-Tmien Awla Estiża ddeċieda li jipposponi s-seduta, inizjalment iffissata għat‑22 ta’ Jannar 2021.

33      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li ħadet nota tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta ppreżentati mill-Kummissjoni fis‑27 ta’ April 2021.

34      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha relatati mal-Każ AT.40497 minbarra dawk prodotti bħala anness għar-rikors;

–        prinċipalment, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiċħad l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura u l-allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet tal-provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015, u, sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

36      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, rispettivament:

–        l-ewwel wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-Kummissjoni, minn naħa, adottat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija bbażata fuq l-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni msejħa tal-azzjoni tal-Istat dwar l-aġir allegat fil-konfront ta’ Gazprom, fuq bażi legali żbaljata, jiġifieri l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, u mhux l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li teżamina l-ilment fil-kuntest ta’ proċedura ġdida (Każ AT.40497) bil-għan li tillimita d-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ fil-kuntest ta’ proċedura ġdida (Każ AT.39816);

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni aċċettat bħala element ta’ eżenzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti l-pressjoni tal-Istat eżerċitata minn Stat terz;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, tal-informazzjoni rilevanti kollha u ta’ nuqqas ta’ trażmissjoni, flimkien ma’ din l-ittra, tad-dokumenti li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni;

–        ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 u tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba l-ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi esposti fl-ilment u tad-dmir ta’ motivazzjoni;

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni relatati, minn naħa, mad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-allegazzjonijiet relatati mar-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015.

37      Dan ir-rikors, fid-diversi motivi tiegħu, jikkonċerna essenzjalment il-punti 2.4.1 u 2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw, minn naħa, l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015.

38      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel tibda billi teżamina t-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tarRegolament Nru 773/2004, tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 47 talKarta

39      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li naqset, minn naħa, milli ssemmi informazzjoni rilevanti fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda u, min-naħa l-oħra, milli tibagħtilha d-dokumenti kollha li fuqhom kienu bbażati l-evalwazzjoni provviżorja maħruġa fl-imsemmija ittra kif ukoll l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tar-rikorrenti li tinstema’ u tiġi informata, kif stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta.

40      Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ir-rikorrenti ssostni li, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lil-lanjant il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha, b’tali mod li dan ikun jista’ jirreaġixxi b’mod utli.

41      Issa, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod ċar fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda li ċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura (ippreżentati fil-punt 19 iktar ’il fuq) hija bbażata fuq l-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat, fid-dawl tal-eżistenza ta’ pressjoni tal-Istat li tirriżulta mid-dritt Russu. Hija llimitat ruħha, fil-punti 96 sa 106 ta’ din l-ittra, tfakkar l-importanza tan-“natura intergovernattiva” tar-relazzjonijiet fis-settur tal-gass, li setgħet tikkundizzjona l-aġir ta’ Gazprom, u li tagħmel riferimenti vagi għal dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet Polonja-Russja mingħajr madankollu ma turi r-relazzjoni bejn il-kontenut tagħhom u dan l-aġir. L-uniku riferiment għad-dritt Russu jinsab fil-punt 102 tal-imsemmija ittra, fejn hemm sempliċi spekulazzjoni mingħajr riferiment għal kwalunkwe dokument li ppermetta lir-rikorrenti tikkostitwixxi mill-ġdid ir-raġunament tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, li twieġeb għalih.

42      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kontenut tal-Ftehimiet Polonja-Russja, ċerti dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-ilment u l-kontenut ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016 tal-Ministru Russu għall-Enerġija lill-kontroparti Pollakka tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016”) kienu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni provviżorja tagħha dwar l-ilmenti Yamal.

43      Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li hija esponiet fil-punt 102 tal-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda li d-dubji tagħha kienu bbażati fuq l-obbligi eventwali imposti fuq Gazprom mid-dritt Russu jew mill-istatus tal-Ftehimiet Polonja-Russja taħt dan id-dritt. Barra minn hekk, f’din l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat liema dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet kienu jirregolaw il-kwistjonijiet relatati mal-kostruzzjoni kif ukoll mal-funzjonament tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal u kienu jikkostitwixxu l-bażi għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ provvista ta’ gass bejn Gazprom u r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat ukoll fl-imsemmija ittra li ċerti elementi tal-ilment kienu jissuġġerixxu li kienet il-Federazzjoni Russa, u mhux Gazprom, li kienet fl-oriġini tal-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ gass għall-kisba ta’ garanziji li ma humiex relatati ma’ dawn il-kuntratti u li l-kwistjonijiet dwar il-provvisti ta’ gass kienu ta’ natura intergovernattiva.

44      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tirreferi għal atti leġiżlattivi jew għal dokumenti oħra, din il-pożizzjoni tirriżulta mill-konvinzjoni żbaljata li l-Kummissjoni hija obbligata tagħmel konstatazzjonijiet li huma ċerti jew, tal-inqas, probabbli ħafna, filwaqt li tali obbligu ma huwiex impost fil-kuntest ta’ ċaħda ta’ lment.

45      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil-lanjant bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi terminu sabiex dan jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub.

46      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-ipproċessar tal-ilmenti u, għalhekk, tista’ tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha, li tinkludi l-possibbiltà ta’ ċaħda ta’ lment abbażi ta’ nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni Ewropea li jitkompla l-eżami tal-każ (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/15, EU:T:2017:339, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Peress li din l-evalwazzjoni tal-interess għall-Unjoni ta’ lment fil-qasam tal-kompetizzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ kull każ, la għandu jiġi limitat in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li għalihom tista’ tirreferi l-Kummissjoni, u lanqas, għall-kuntrarju, ma għandu jiġi impost fuqha l-użu esklużiv ta’ ċerti kriterji. Fi kwalunkwe każ, meta din l-istituzzjoni tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li ma tiftaħx investigazzjoni, hija ma hijiex marbuta li tistabbilixxi l-assenza ta’ ksur insostenn ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑480/15, EU:T:2017:339, punti 35 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex mingħajr limiti. Meta l-istituzzjonijiet ikollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari d-dmir li jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi jiġu eżaminati bir-reqqa, il-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, b’mod partikolari dawk miġjuba għall-attenzjoni tagħha mil-lanjant (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑480/15, EU:T:2017:339, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-obbligu li jinstema’ b’mod utli dan il-lanjant, sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-ilment imressaq quddiemha.

49      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura fil-kuntest tal-punt 2.4.1, intitolat “L-ilment dwar il-pipeline tal-gass Yamal” (The Objection concering the Yamal Pipeline), u, b’mod iktar partikolari, fil-premessi 99 sa 110 ta’ din id-deċiżjoni. Mill-imsemmija deċiżjoni u mill-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, ikkorroborati minn risposti tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda għal motiv ibbażat fuq il-probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE u fuq il-bażi ta’ żewġ ġustifikazzjonijiet, waħda relatata mal-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni mill-Istat (state action doctrine jew, skont il-kliem ta’ din id-deċiżjoni, state compulsion defence) u l-oħra dwar id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni adottata mill-Uffiċċju Pollakk.

50      Qabel kollox, fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ukoll li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex tinvestiga iktar l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura, minħabba l-probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE (ara l-punti 107 u 108 tal-imsemmija ittra). Din il-konklużjoni provviżorja kienet ibbażata wkoll fuq żewġ ġustifikazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kuntest intergovernattiv tar-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Federazzjoni Russa fil-qasam tal-gass (dawn il-ġustifikazzjonijiet ġew eżaminati, rispettivament, fil-punti 92 sa 95 u fil-punti 96 sa 106 tal-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda).

51      L-allegat ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jikkonċerna din it-tieni ġustifikazzjoni, dwar il-kuntest intergovernattiv tar-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Federazzjoni Russa fil-qasam tal-gass.

52      F’dan ir-rigward, fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, fid-dawl tal-kuntest intergovernattiv li jikkaratterizza r-relazzjonijiet fis-settur tal-gass fil-Polonja u fir-Russja, il-Kummissjoni kienet invokat, l-ewwel, ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet Polonja-Russja u l-fatt li dawn il-ftehimiet jistabbilixxu sett eżawrjenti ta’ regoli dwar il-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-pipeline tal-gass Yamal u kienu jipprevedu l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ gass bejn ir-rikorrenti u Gazprom. It-tieni, hija kienet irrilevat li r-rwol prinċipali tal-Gvern Pollakk u dak Russu kien jirriżulta wkoll mill-ilment imressaq mir-rikorrenti. It-tielet, il-Kummissjoni kienet irreferiet għar-rwol li seta’ kellha l-Federazzjoni Russa u għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehimiet Polonja-Russja sabiex tispjega li l-fatti allegati u li ġiet akkużata bihom Gazprom ma kinux neċessarjament imputabbli lil din l-impriża.

53      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat bl-ebda mod ma jidher fil-kunsiderazzjonijiet rilevanti tal-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda.

54      Issa, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat tippermetti li jiġi eskluż aġir antikompetittiv mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u, għaldaqstant, li l-impriżi jiġu assolti mir-responsabbiltà tagħhom għal dan l-aġir meta l-imsemmi aġir ikun impost fuqhom minn leġiżlazzjoni nazzjonali, minn kuntest ġuridiku maħluq minn din il-leġiżlazzjoni jew ukoll minn pressjonijiet irreżistibbli eżerċitati mill-awtoritajiet nazzjonali. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 101 u 102 TFUE jistgħu japplikaw jekk jirriżulta li teżisti l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tiġi prekluża, ristretta jew distorta permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, EU:C:1997:531, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, EU:T:1996:120, punti 60 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Strintzis Lines Shipping vs Il-Kummissjoni, T‑65/99, EU:T:2003:336, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, din l-eċċezzjoni għandha tiġi applikata b’mod restrittiv (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Marzu 2000, Consiglio Nazionale degli Spedizionieri Doganali vs Il-Kummissjoni, T‑513/93, EU:T:2000:91, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Strintzis Lines Shipping vs Il-Kummissjoni, T‑65/99, EU:T:2003:336, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat b’mod partikolari li l-Kummissjoni setgħet tiċħad ilmenti minħabba nuqqas ta’ awtonomija tal-impriżi involuti biss jekk ikun jidher abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li dan l-aġir kien ġie impost fuqhom unilateralment mill-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-eżerċizzju ta’ pressjonijiet irreżistibbli, bħat-theddida tal-adozzjoni ta’ miżuri tal-Istat li jistgħu jikkawżawlhom telf sinjifikattiv (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, EU:T:1996:120, punti 60 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għalhekk, fid-dawl tan-natura partikolari, eżoneratorja mir-responsabbiltà, tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat u tal-fatt li l-ġurisprudenza ma rrikonoxxietx l-applikazzjoni tagħha f’każ ta’ pressjoni tal-Istat eżerċitata minn Stat terz, il-Kummissjoni kellha, sabiex tippermetti lir-rikorrenti tinstema’ b’mod utli fuq il-motivi li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-ilment, tindika espressament, fl-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, li l-evalwazzjoni provviżorja dwar il-probabbiltà limitata li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE kienet ibbażata fuq każ possibbli ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tistenna li r-rikorrenti tifhem din il-ġustifikazzjoni impliċita fl-elementi prodotti fl-imsemmija ittra.

57      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, fil-punt 102 tal-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, hija nnotat li l-assenza ta’ ratifika tal-Ftehimiet Polonja-Russja mir-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex neċessarjament effett fuq l-obbligi imposti fuq Gazprom skont id-dritt Russu u fuq ir-rikonoxximent mogħti lil dawn il-ftehimiet skont dan id-dritt.

58      Fil-fatt, din ir-referenza ma tistax titqies bħala suffiċjentement preċiża u l-Kummissjoni ma tistax tissodisfa d-dmir tagħha ta’ informazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, bit-trażmissjoni ta’ indizju fir-rigward tal-invokazzjoni, essenzjalment, tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat. Din il-konstatazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li mill-formulazzjoni tal-punt 102 tal-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, moqri fid-dawl tal-punt 99 tal-imsemmija ittra, jirriżulta li l-Kummissjoni prinċipalment riedet tirrispondi għal oġġezzjoni mqajma mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq, dwar il-kawża AT.39816.

59      Barra minn hekk, il-kontenut tal-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda jikkonferma li r-rikorrenti ma fehmitx li l-Kummissjoni kienet qiegħda tirreferi, meta semmiet il-Ftehimiet Polonja‑Russja u l-ordinament ġuridiku Russu, għall-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat. F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti enfasizzat il-fatt li, fil-fehma tagħha, dawn il-ftehimiet ma kinux jirregolaw l-aġir ta’ Gazprom b’mod li kien jispjega l‑aġir antikompetittiv li bih hija akkużata din l-impriża, mingħajr qatt ma invokat l-imsemmija eċċezzjoni.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

61      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi ksur jista’ jwassal biss għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ dan il-ksur, il-proċedura fil-Każ At.40497 setgħet twassal għal riżultat differenti u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kellha kontenut differenti (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il-Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T‑443/11, EU:T:2014:774, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, mhux ippubblikata, EU:C:1980:248, punt 47).

62      Sabiex jiġi evalwat jekk fl-assenza tal-imsemmi ksur il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti u jekk id-deċiżjoni kkontestata setax ikollha kontenut differenti, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motivi mqajma fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ressqet, b’mod partikolari, argumenti li jiċħdu, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat f’dan il-każ, li jikkontestaw l-eżami diliġenti tal-ilment mill-Kummissjoni u kkontestat l-evalwazzjonijiet u l-motivazzjoni mressqa konkretament sabiex jiġi ġġustifikat li ma setax jiġi eskluż li din l-eċċezzjoni kienet tapplika għall-aġir ta’ Gazprom.

63      Qabel kollox, fir-rigward tal-prinċipju tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat, ir-rikorrenti sostniet, fil-kuntest tat-tieni motiv, li din l-eċċezzjoni ma setgħetx tapplika f’każ bħal dan, jiġifieri każ fejn, minn naħa, il-pressjoni tal-Istat tkun eżerċitata minn Stat terz, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa, minflok minn Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-impriża kkonċernata, f’dan il-każ Gazprom, tkun ikkontrollata minn dan l-Istat terz u setgħet kienet hija stess li talbet l-eżerċizzju tal-pressjoni.

64      Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-pressjoni mill-Istat koperta mill-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat tista’ tiġi eżerċitata minn Stat terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punti 1128 sa 1150). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-applikazzjoni restrittiva ta’ din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-eżami tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali u legali marbuta ma’ lment u, b’mod iktar partikolari, tal-livell ta’ awtonomija ta’ impriża, tieħu inkunsiderazzjoni eventwali porożità bejn din tal-aħħar u l-istrutturi tal-Istat li huma fl-oriġini tal-pressjoni inkwistjoni.

65      F’dan ir-rigward, mir-rikors jirriżulta preċiżament li r-rikorrenti setgħet, matul il-proċedura amministrattiva, tinvoka ċirkustanzi rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-implikazzjonijiet ta’ tali porożità f’dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-interventi tal-Federazzjoni Russa msemmija fl-ilment jew tal-kontroll allegat ta’ din tal-aħħar fuq Gazprom [kunfidenzjali].

66      Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ motivi jikkritikaw lill-Kummissjoni b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għal ksur tad-dmir tagħha li twettaq eżami bir-reqqa tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti fl-ilment. Fil-fatt, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ma semmiet ebda dispożizzjoni preċiża tad-dritt Russu u llimitat ruħha għal riferimenti ġenerali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet Polonja-Russja, li ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika ċaħda tal-ilment. Dawn ir-riferimenti huma iktar u iktar kontestabbli peress li ċerti rekwiżiti ta’ Gazprom ġew imposti qabel il-konklużjoni tal-Protokoll Addizzjonali tad‑29 ta’ Ottubru 2010 u li dan il-protokoll ġie konkluż preċiżament wara pressjonijiet min-naħa ta’ din l-impriża.

67      Barra minn hekk, fuq il-kwistjoni tal-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva wkoll li l-formulazzjoni tal-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata tqajjem dubji dwar il-kontenut preċiż tal-konklużjoni globali li tinsab f’din il-premessa u, għaldaqstant, fir-rigward ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet imressqa sabiex jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura. Fil-fatt, il-Kummissjoni tidher li qiegħda tirreferi, fl-imsemmija premessa, minn naħa, għall-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat, kif jirriżulta mill-ewwel żewġ sentenzi ta’ din il-premessa, iżda wkoll, min-naħa l-oħra u b’mod distint, għall-fatt li l-Ftehimiet Polonja-Russja setgħu ddeterminaw b’mod wiesa’ l-kontenut tal-kuntratt ta’ ġestjoni konkluż bejn EuRoPol u Gaz‑System, kif jirriżulta mit-tielet sentenza tal-imsemmija premessa u mill-użu tat-terminu “furthermore” (barra minn hekk).

68      Barra minn hekk, minbarra l-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda u d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk jitqies li kien stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-dawl tal-kontenut tal-Ftehimiet Polonja-Russja u tal-kuntest intergovernattiv invokat, li l-kundizzjonijiet relatati mal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat ma kinux issodisfatti stricto sensu, dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu madankollu sinjal politiku maħruġ minn pajjiż terz li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ rispett reċiproku (comity), għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-allegazzjonijiet tal-ilment.

69      Għaldaqstant, minn dan tirriżulta konfużjoni, tal-inqas apparenti, fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li jsostnu l-motiv li kien hemm probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE, jew saħansitra fir-rigward ta’ raġunijiet oħra eventwali li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx hemm interess suffiċjenti tal-Unjoni sabiex jitkompla l-eżami tal-kawża AT.40497.

70      Issa, għalkemm kien possibbli għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha, abbażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, fuq il-probabbiltà limitata li tistabbilixxi ksur jew ukoll fuq kunsiderazzjonijiet dwar l-influwenza ta’ ftehimiet intergovernattivi fuq settur partikolari, jew saħansitra relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-politika internazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija kienet obbligata tiżgura li r-rikorrenti tinstema’ b’mod utli f’dan ir-rigward u li timmotiva b’mod ċar id-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn l-obbligi għandhom importanza ferm iktar fundamentali meta hija jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fl-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali, il-proċedura fil-kawża AT.40497 setgħet twassal għal riżultat differenti u d-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni marbuta mal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat.

72      Madankollu, peress li ċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura hija wkoll ibbażata, kif ġie espost fil-punt 49 iktar ’il fuq, fuq ġustifikazzjoni marbuta mad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata biss jekk din it-tieni ġustifikazzjoni tkun ukoll ikkontestata mir-rikorrenti. Issa, din it-tieni ġustifikazzjoni hija speċifikament imsemmija fl-ewwel parti tal-ħames motiv.

73      Għaldaqstant, jekk l-ewwel parti tal-ħames motiv, li tirrigwarda l-imsemmija tieni ġustifikazzjoni, tkun fondata, dan il-motiv għandu jintlaqa’, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-allegazzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura

74      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienet tistabbilixxi li Gaz-System kellha l-kontroll tal-investimenti relatati mal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, b’tali mod li ma kienx neċessarju li jiġu analizzati elementi oħra dwar l-allegazzjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura (ippreżentati fil-punt 19 iktar ’il fuq u ttrattati fil-kuntest tal-punt 2.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni bħala li tikkostitwixxi ġustifikazzjoni essenzjali għaċ-ċaħda tal-ilment, filwaqt li timminimizza l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx eżegwita korrettament.

75      Fil-fatt, ir-rikorrenti tenfasizza li d-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kien fih żewġ punti. Filwaqt li l-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni kien iċċertifika lil Gaz-System bħala amministratur indipendenti tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, il-punt 2 kien irrakkomanda li, f’terminu ta’ 24 xahar, l-operat ta’ kuljum tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl tal-gass ta’ din il-parti jkun żgurat minn Gaz-System. Issa, dan il-punt 2 ma ġiex implimentat minħabba t-tfixkil imwettaq minn EuRoPol bħala proprjetarja tal-infrastrutturi tal-imsemmija parti, u indirettament minn Gazprom, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ EuRoPol (kif ġie espost fil-punt 19 iktar ’il fuq), b’mod partikolari billi kisbet vantaġġ mill-modifika tal-istatuti ta’ din l-impriża konġunta u mid-dritt ta’ veto li Gazprom kisbet permezz tal-abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha.

76      F’dan ir-rigward, tliet elementi juru l-importanza tal-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni. L-ewwel, il-president tal-Uffiċċju Pollakk, fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq organizzata matul il-proċedura fil-Każ AT.39816, enfasizza n-nuqqas ta’ twettiq tat-trasferiment meħtieġ minn dan il-punt. It-tieni, permezz tal-ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016, il-Ministru Russu għall-Enerġija kien hedded li jnaqqas jew jissospendi l-provvisti ta’ gass minn Gazprom fil-każ ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-imsemmija deċiżjoni. It-tielet, il-Kummissjoni stess, f’żewġ opinjonijiet maħruġa fl‑2014 u fl‑2015 rispettivament dwar żewġ abbozzi ta’ deċiżjoni li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, enfasizzat ir-rilevanza ta’ trasferiment lil Gaz-System tal-operat ta’ kuljum tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl. Hija kienet b’mod iktar partikolari invokat ir-riskju, fl-assenza ta’ dan it-trasferiment, li EuRoPol ikollha aċċess mhux iġġustifikat għal informazzjoni kunfidenzjali u timplimenta prattiki diskriminatorji fil-konfront tal-kompetituri tal-azzjonisti tagħha, jiġifieri r-rikorrenti u Gazprom. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni ma tistax titqies indipendentement mir-riżervi espressi f’dawn l-opinjonijiet.

77      Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni konferma assoluta jew prova innegabbli tal-assenza ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-pipeline tal-gass Yamal min-naħa ta’ Gazprom, iktar u iktar peress li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-punt 2 tad-deċiżjoni huwa imputabbli lilha, li tkompli teżerċita influwenza illegali fuq dan il-pipeline tal-gass.

78      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tinsisti fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda esklużivament il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Issa, id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienet indikatur li din il-probabbiltà kienet żgħira. Fil-fatt, filwaqt li l-opinjoni inizjali tal-Kummissjoni kienet li Gazprom kienet teżerċita kontroll fuq l-investimenti relatati mal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, din id-deċiżjoni tinkludi konstatazzjonijiet li s-sitwazzjoni kienet inbidlet f’dan ir-rigward.

79      Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni ta’ trasferiment tal-operat stabbilita fil-punt 2 tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li din id-deċiżjoni kienet tiċċertifika mingħajr kundizzjonijiet, u għalhekk definittivament, Gaz-System bħala operatur ta’ network indipendenti. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali deċiżjoni għandha portata ġuridika reali fir-rigward tal-indipendenza tal-amministratur ikkonċernat u ma hijiex sempliċement dikjaratorja. Barra minn hekk, l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni ma taffettwax il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-Uffiċċju Pollakk dwar l-investimenti fuq il-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal.

80      Fir-rigward taż-żewġ opinjonijiet li l-Kummissjoni kienet ħarġet fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ Gaz-System, minn naħa, dawn ma kinux vinkolanti. Min-naħa l-oħra, dawn l-opinjonijiet kellhom l-għan li jiżguraw applikazzjoni sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, iżda ma għandhomx effett, fil-kuntest tal-eżami tal-ilment, fuq id-dubji tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-allegazzjonijiet inkwistjoni, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħala tali.

81      Min-naħa tagħha, Gazprom issostni li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienet tikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-probabbiltà żgħira li hija teżerċita influwenza f’dak li jirrigwarda l-investimenti relatati mal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, u għalhekk ta’ probabbiltà żgħira li tikkonstata ksur.

82      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tar-rakkomandazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni, l-ilment ma fih l-ebda prova li dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kien imputabbli għal imblukkar ta’ Gazprom, li ma hijiex responsabbli għaliha. Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, Gazprom tenfasizza, l-ewwel, li, skont id-dritt Pollakk, id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni hija definittiva u tagħti lil Gaz-System prerogattivi li hija ma tistax twaqqaf l-eżerċizzju tagħhom, it-tieni, li Gaz-System hija l-unika destinatarja tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u għalhekk li din tal-aħħar biss hija obbligata teżegwixxiha, filwaqt li, għall-kuntrarju, ma teżistix raġuni li teżiġi minn EuRoPol (jew minnha stess) li hija teżegwixxi din id-deċiżjoni, u, it-tielet, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, l-Uffiċju Pollakk jista’, u fil-fatt għandu, ikompli bl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari bl-impożizzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarja, saħansitra bir-revoka tagħha.

83      Il-Qorti Ġenerali tfakkar, kif diġà ġie espost fil-punt 49 iktar ’il fuq, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura għal raġuni bbażata fuq il-probabbiltà żgħira li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE u bbażat fuq żewġ ġustifikazzjonijiet, waħda relatata mal-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni tal-Istat u l-oħra dwar id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, fejn din l-aħħar ġustifikazzjoni hija esposta fil-premessi 99 sa 102 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata.

84      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, permezz tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, il-President tal-Uffiċċju Pollakk attribwixxa lil Gaz-System ċertifikat ta’ indipendenza u, b’mod partikolari, għamel diversi konstatazzjonijiet dwar il-kontroll eżerċitat minn Gaz-System fuq l-investimenti relatati mal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal kif ukoll fuq it-twettiq ta’ ċerti investimenti f’din il-parti.

85      Madankollu, huwa minnu li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienet tinkludi wkoll, fid-dispożittiv tagħha, punt dwar it-trasferiment, lil Gaz‑System, tal-operat ta’ kuljum ta’ stazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl li jinsabu fil-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal. Issa, minkejja dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni, il-kwistjoni ta’ dan it-trasferiment, għalkemm taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-gass, tinvolvi aspetti kompetittivi li jistgħu jaqgħu taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

86      Fil-fatt, id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni, ċertament distinti mid-DĠ tal-Kompetizzjoni, kienu rrilevaw in-neċessità li jiġi żgurat it-trasferiment tal-operat tas-stazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl f’kull waħda miż-żewġ opinjonijiet maħruġa minnhom, fid‑9 ta’ Settembru 2014 u fid‑19 ta’ Marzu 2015, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ Gaz-System. B’mod partikolari, fl-opinjoni tad‑9 ta’ Settembru 2014, dawn id-dipartimenti kienu indikaw li l-operat ta’ dawn l-istazzjonijiet kien jikkostitwixxi wieħed mill-kompiti essenzjali ta’ operatur ta’ network ta’ trażmissjoni u kienu enfasizzaw il-problema, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li tirriżulta mill-operat tal-imsemmija stazzjonijiet minn EuRoPol, jiġifieri l-proprjetarja tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, peress li, minħabba l-kontroll eżerċitat fuqha minn Gazprom u r-rikorrenti, hija kienet tifforma parti minn impriża vertikalment integrata. B’mod partikolari, dan l-operat tal-imsemmija stazzjonijiet minn EuRoPol iżid ir-riskju ta’ aġir diskriminatorju u jippermetti lil din l-impriża li jkollha informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħti vantaġġ kompetittiv lill-azzjonisti tagħha, fosthom Gazprom.

87      B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-gass ċertament tikkonċerna kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u li, b’mod partikolari, id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), kif jirriżulta minn qari tal-premessi 4 sa 17 tagħha, hija intiża b’mod partikolari għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti għall-fornituri tal-gass bl-istabbiliment ta’ aċċess nondiskriminatorju għan-networks ta’ trażmissjoni integrati, permezz tas-separazzjoni tal-amministratur ta’ network mill-impriża vertikalment integrata li hija proprjetarja ta’ dan in-network.

88      Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-opinjonijiet maħruġa mid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ Gaz-System ma jistgħux jiġu kkontestati bl-argument li dawn l-opinjonijiet ma humiex vinkolanti, peress li, indipendentement mis-saħħa ġuridika tagħhom, huwa l-kontenut tal-imsemmija opinjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-problemi potenzjali tal-kompetizzjoni identifikati fihom, li d-DĠ tal-kompetizzjoni kellu jieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan it-trasferiment tal-operat tas-stazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl ma kienx seħħ fl-iskadenza tat-terminu ta’ 24 xahar previst fil-punt 2 tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, jiġifieri fid‑19 ta’ Mejju 2017, u lanqas fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fis‑17 ta’ April 2019. Dwar dan il-punt, għandu jiġi miċħud l-argument li jipprovdi li r-responsabbiltà ta’ dan in-nuqqas hija ta’ Gaz-System, bħala destinatarja tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, jew saħansitra tista’ tmur lura għar-rikorrenti, bħala azzjonista li tikkontrolla lil EuRoPol b’mod konġunt ma’ Gazprom.

90      Fil-fatt, mill-ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016, li kienet intbagħtet mill-Ministru Russu għall-Enerġija, jirriżulta li l-imblukkar marbut mat-trasferiment tal-operat kien probabbilment ġej minn Gazprom, iktar milli mir-rikorrenti jew minn Gaz-System, u dan indipendentement minn dubji eventwali dwar il-kwistjoni ta’ jekk din l-ittra kinitx l-indizju ta’ pressjoni tal-Federazzjoni Russa fuq Gazprom jew setgħetx tikkostitwixxi intervent mitlub minn din tal-aħħar sabiex tiddefendi l-interessi tagħha. Fi kwalunkwe każ, id-domanda dwar l-oriġini ta’ dan l-imblukkar hija ta’ natura li ssaħħaħ ir-rilevanza tan-nuqqas ta’ trasferiment tal-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl.

91      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti importanza determinanti lid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni u, b’mod iktar ġenerali, iċ-ċirkustanzi madwar in-nuqqas ta’ trasferiment tal-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u ta’ kejl.

92      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u li jirrigwardaw l-investimenti fil-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal kienu ppermettewlha tikkonkludi li t-tħassib preliminari tagħha tal-kompetizzjoni identifikat fid-DO, maħruġ fil-Każ AT.39816, u dwar l-ilmenti Yamal ma kinux ġew ikkonfermati u li, għaldaqstant, l-ebda impenn ma kien neċessarju f’dan ir-rigward.

93      Madankollu, kif irrilevat ir-rikorrenti, il-kontenut tal-ilment tagħha kien imur lil hinn mill-kamp tal-ilmenti koperti mid-DO, u, b’mod partikolari, l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura kienu jkopru prattiki li jmorru lil hinn mis-sempliċi kwistjoni tal-kontroll tal-investimenti fuq il-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 19 iktar ’il fuq, dawn l-allegazzjonijiet, magħmula b’mod parallel fl-ilment, kienu jikkonċernaw, b’mod iktar ġenerali, il-prattiki li bihom Gazprom imponiet diversi kundizzjonijiet, jiġifieri li hija eżiġiet xi emendi fl-istatuti ta’ EuRoPol li jippermettulha twaqqaf kull attività ta’ din tal-aħħar li hija tqis li tmur kontra l-interessi tagħha, li hija imponiet ċerti klawżoli fil-kuntratt ta’ ġestjoni li kellu jiġu konklużi bejn EuRoPol u Gaz-System, u li hija talbet li r-rikorrenti taċċetta, inkluż bħala azzjonista ta’ EuRoPol, tirrinunzja għal ċerti krediti dovuti minn RUE u Gazprom.

94      Għaldaqstant, billi bbażat ruħha fuq konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni dwar l-investimenti fil-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal, il-Kummissjoni limitat l-allegazzjonijiet esposti fl-ilment għall-unika portata tal-ilmenti Yamal esposti fid-DO.

95      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, tali approċċ ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ilment stess, li Gazprom ittrattat bħala unità waħda l-kundizzjonijiet li fuqhom kienet suġġetta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ volumi ta’ gass supplimentari, b’tali mod li l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet relatati mal-investimenti fil-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal kellhom effett fuq l-evalwazzjoni globali ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, il-prattiki kkonċernati kienu ta’ natura differenti, b’mod partikolari sa fejn kienu jikkonċernaw ukoll rinunzja għal krediti dovuti minn RUE u Gazprom, u kienu jeċċedu din il-kwistjoni tal-investimenti.

96      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-premessa tar-rikorrenti li abbażi tagħha jkun iktar xieraq li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni, jiġu solvuti diffikultajiet li madankollu huma relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-gass, għandu jiġi nnotat li kien possibbli, skont il-każ, għall-Kummissjoni li tinvoka, fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, motiv ta’ ċaħda ta’ lment marbut mal-fatt li kienu jeżistu mezzi oħra, li jippermettu li jiġu rrimedjati l-prattiki kkonċernati, jew tal-inqas uħud minnhom, bħall-verifika mill-awtoritajiet Pollakki tal-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kienet obbligata tiżgura li r-rikorrenti tinstema’ b’mod utli f’dan ir-rigward u li timmotiva b’mod ċar id-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn l-obbligi huma ta’ importanza iktar fundamentali meta hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-infrastruttura, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet relatati mal-investimenti fil-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienu jiġġustifikaw il-konklużjoni li kien hemm biss probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 espost fil-punt 60 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż, fil-linja tal-konklużjonijiet esposti fil-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq, li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni ġustifikazzjoni, dwar id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, il-proċedura fil-Każ AT.40497 setgħet twassal għal riżultat differenti u li d-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti, u, konsegwentement, dan il-ksur iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

99      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ħames motiv.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni relatati mar-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015

100    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015, ippreżentati fil-punt 19 iktar ’il fuq u ttrattati fil-kuntest tal-punt 2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, żbalji li fl-assenza tagħhom hija setgħet tikkunsidra li l-interess tal-Unjoni kien jikkonsisti fl-eliminazzjoni tar-riskju li Gazprom tkun tista’ tuża mill-ġdid restrizzjonijiet ta’ provvista sabiex twaqqaf l-esportazzjonijiet mill-ġdid tal-gass.

101    L-ewwel, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-riskju ta’ impatt li jirriżulta minn tfixkil fil-provvista ta’ gass kien issa mnaqqas minħabba t-titjib tal-konnessjoni tas-suq Pollakk mas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ flussi fiżiċi fid-direzzjoni opposta fuq il-pipeline tal-gass Yamal kien seħħ qabel l-inċident irrappurtat, peress li dan kien imur lura għal April 2014. Barra minn hekk, dan it-titjib huwa inutli għal Stati Membri oħra milquta mir-restrizzjonijiet inkwistjoni.

102    It-tieni, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li hija ma kellhiex provi li l-imsemmi inċident kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, meta hija naqset milli teżamina korrettament il-provi għad-dispożizzjoni tagħha. Fil-fatt, l-għan tar-restrizzjonijiet tal-esportazzjonijiet mill-ġdid tal-gass lejn l-Ukraina huwa pprovat permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika tal-Ministru Russu għall-Enerġija tal‑25 ta’ Settembru 2014, imsemmija kemm fl-ilment kif ukoll fit-tweġiba għall-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda. Ġew prodotti provi konkordanti oħra, li kienu juru li dawn ir-restrizzjonijiet kienu laqtu l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja u li l-Ungerija kienet interrompiet l-esportazzjonijiet mill-ġdid lejn l-Ukraina. Sussegwentement, minbarra t-theddid li jinsab fl-ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016, tali restrizzjonijiet seħħew ukoll fl‑2018 fir-Rumanija u fl-Ukraina.

103    It-tielet, il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat ir-restrizzjonijiet allegati bħala ksur kuntrattwali, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti setgħet titlob kumpens b’applikazzjoni tal-mekkaniżmi kuntrattwali għas-soluzzjoni tat-tilwim. Issa, din il-klassifikazzjoni tirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest usa’ li jagħmlu parti minnu dawn ir-restrizzjonijiet, jiġifieri strateġija ta’ Gazprom intiża sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li prattika tidħol f’kuntest kuntrattwali u li jeżisti mekkaniżmu kuntrattwali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim ma jimplikax fih innifsu li intervent tal-Kummissjoni ma huwiex iġġustifikat, għaliex dawn iċ-ċirkustanzi ma jeskludux l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi.

104    Ir-raba’, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni, il-prattika rrappurtata mir-rikorrenti ma waqfitx u għad għandha impatt fuq l-istat attwali tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni tirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra, jiġifieri l-eżempji l-oħra ta’ restrizzjonijiet prodotti mir-rikorrenti u l-fatt li tali restrizzjonijiet jintużaw bħala strument b’għan antikompetittiv, sabiex jitqassmu s-swieq jew li jiġu imposti l-konċessjonijiet mixtieqa minn Gazprom fuq il-klijenti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-iżvilupp tal-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-gass ikkontrollati minn Gazprom u li jippermettu li jiġu evitati l-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali (pipeline tal-gass Nord Stream 1 u proġetti ta’ pipelines tal-gass Nord Stream 2 u TurkStream) isaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha li timplimenta tali prattiki, fatt li ma ġiex solvut mill-impenji ta’ Gazprom reżi vinkolanti fil-kuntest tal-kawża AT.39816.

105    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkontesta l-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati mir-rikorrenti, b’tali mod li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

106    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata u mill-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex tinvestiga iktar l-allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015 essenzjalment għal erba’ motivi. L-ewwel, il-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu tilwima ta’ natura kuntrattwali mingħajr ma l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha jippermettulha tikkonkludi li dawn kienu abbużivi. It-tieni, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim previst fil-kuntratt bejn Gazprom u r-rikorrenti kien joffri alternattiva għal investigazzjoni tal-kompetizzjoni u mezz adegwat sabiex jiġu rrimedjati dawn il-prattiki. It-tielet, l-imsemmija prattiki kienu jappartjenu għall-passat, mingħajr ma jidher li dawn affettwaw il-kompetizzjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ u fl-aħħar nett, it-titjib tal-interkonnettur bejn il-Ġermanja u l-Polonja kien naqqas b’mod sinjifikattiv ir-riskju li problemi futuri ta’ provvista jaffettwaw lil din tal-aħħar.

107    Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-prova prinċipali li turi l-eżistenza ta’ aġir potenzjalment abbużiv hija d-dikjarazzjoni pubblika tal-Ministru Russu għall-Enerġija tal‑25 ta’ Settembru 2014, li tagħti x’tifhem li r-raġuni għar-restrizzjonijiet ta’ provvista kienet il-preklużjoni tal-esportazzjonijiet mill-ġdid ta’ gass mill-PECO kkonċernati lejn l-Ukraina. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, din il-prova ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE, u lanqas tiġġustifika, waħedha, li jiġu investigati iktar dawn ir-restrizzjonijiet, speċjalment peress li, kif jirriżulta mill-ittra ta’ intenzjoni ta’ ċaħda, kien hemm raġuni oħra li setgħet tispjega l-imsemmija restrizzjonijiet, jiġifieri l-akkumulazzjoni tar-riżervi Russi tal-gass, anki jekk jitqies li l-probabbiltà ta’ din ir-raġuni l-oħra tista’ tiġi kkontestata.

108    Dan ma huwiex ikkontestat mill-fatt li r-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015 ġew inklużi fi strateġija ġenerali ta’ Gazprom, li ġiet iddokumentata fid-DO, maħruġa fil-Każ AT.39816, u hija kkonfermata wkoll mit-theddid li jinsab fl-ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016.

109    Fil-fatt, minkejja li tali strateġija ssemmiet fid-DO, din l-istrateġija tinqasam f’diversi kategoriji ta’ prattiki u, anki jekk jitqies li r-raġuni għal dawn ir-restrizzjonijiet kienet li tipprekludi l-esportazzjonijiet mill-ġdid lejn l-Ukraina, tali restrizzjonijiet huma differenti mill-prattiki esposti fid-DO, li jirrigwardaw l-iskambji bejn il-PECO kkonċernati, kif ukoll l-allegat theddid li jinsab fl-ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2016, li jikkonċerna l-ġestjoni tal-parti Pollakka tal-pipeline tal-gass Yamal. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment teżamina l-imsemmija restrizzjonijiet b’mod iżolat, fid-dawl ukoll tal-fatt li d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-Każ AT.39816, eżaminata b’mod partikolari fil-punti 2.2 u 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, irrendiet vinkolanti l-impenji meħuda minn Gazprom sabiex tirrimedja t-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

110    Barra minn hekk, iż-żieda fl-ispejjeż ta’ interkonnessjoni matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015 u l-fatt li r-restrizzjonijiet ta’ provvista matul dan l-istaġun affettwaw diversi Stati Membri, u mhux biss lir-Repubblika tal-Polonja, imsemmija mir-rikorrenti, ma jistgħux, bħala tali, juru ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

111    Fir-rigward tat-tieni motiv, huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li n-natura kuntrattwali ta’ prattika u l-eżistenza ta’ metodu kuntrattwali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim ma jeskludux li din il-prattika tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx li jeżisti, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, tali metodu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fil-kuntratt tagħha ta’ provvista ta’ gass konkluż ma’ Gazprom. Issa, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod validu l-eżistenza ta’ kanali alternattivi li jippermettu, bħala prinċipju, li jiġu rrimedjati l-prattiki kkontestati minn lanjant.

112    Fir-rigward tat-tielet motiv, jiġifieri li r-restrizzjonijiet ta’ provvista inkwistjoni jappartjenu għall-passat, għandu jiġi kkunsidrat, għar-raġunijiet esposti fil-punt 108 iktar ’il fuq, li dawn ir-restrizzjonijiet setgħu jiġu kkunsidrati b’mod iżolat mill-Kummissjoni. Għall-bqija, l-elementi l-oħra msemmija mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-problemi li kienu ġew ikkawżati minn Gazprom fir-Rumanija fl‑2018 u l-allegat kontroll ta’ din l-impriża fuq l-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-gass fl-Ewropa, anki jekk jitqies li jikkostitwixxu prattiki paragunabbli mal-imsemmija restrizzjonijiet, ma tqajmux matul il-proċedura amministrattiva jew jikkostitwixxu allegazzjonijiet ġenerali wisq sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

113    Fir-rigward tar-raba’ motiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà tat-titjib tal-interkonnessjoni bejn il-Ġermanja u l-Polonja, u lanqas iż-żieda fil-volumi ta’ gass trażmess mill-ewwel lejn it-tieni pajjiż mill‑2016.

114    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġu investigati iktar l-allegazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ta’ provvista matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u, b’mod partikolari, tal-konklużjoni, esposta fil-punt 98 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, peress li, fl-assenza ta’ dan il-ksur, il-proċedura fil-Każ AT.40497 setgħet twassal għal riżultat differenti u li d-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti, ir-rikors għandu jintlaqa’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

116    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

117    Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, minbarra Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, Gazprom għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 3003 tas17 ta’ April 2019, dwar ċaħda ta’ lment (Każ AT.40497 – Prezz Pollakk talgass), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A.

3)      Gazprom PJSC u Gazprom export LLC għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


1      Data kunfidenzjali moħbija.