Language of document : ECLI:EU:T:2017:753

Kawża T-704/14

Marine Harvest ASA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Deċiżjoni li timponi multa għall-istabbiliment ta’ konċentrazzjoni qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni tagħha – Artikolu 4(1), Artikolu 7(1) u (2) u Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Negliġenza – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Serjetà tal-ksur – Ammont tal-multa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2017

1.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni– Obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni – Deroga f’każ ta’ offerta pubblika ta’ xiri – Portata – Teħid ta’ kontroll tal-impriża mmirata permezz ta’ tranżazzjoni privata waħda ta’ akkwist segwita minn offerta pubblika ta’ xiri obbligatorju – Assenza ta’ konċentrazzjoni waħda – Nuqqas ta’ applikabbiltà tal-imsemmija deroga

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 7(1) u (2); Avviż tal-Kummissjoni 2009/C 43/09, punt 44)

2.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Kunċett – Stħarriġ esklużiv tal-fatti – Azzjoni minn azzjonist minoritarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Drittijiet li jikkonferixxu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività ta’ impriża – Assenza ta’ eżerċizzju effettiv tal-imsemmija drittijiet – Nuqqas ta’ rilevanza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 3(1) u (2))

3.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligu de sospensjoni tal-konċentrazzjoni – Deroga f’każ ta’ akkwist ta’ kontroll mingħand diversi bejjiegħa permezz ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 7(1) u (2))

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Kunċetti – Interpretazzjoni – Riferiment għad-dritt nazzjonali – Inammissibbiltà

5.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni – Deroga fuq talba motivata – Ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu7(3))

6.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Twettiq b’intenzjoni jew b’negliġenza – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 7 u 14(2))

7.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Komunikazzjoni – Obbligu – Ksur – Konsegwenzi – Ksur awtomatiku ta’ projbizzjonijiet korrispondenti – Sanzjonijiet

[Regolament Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2)(a) u (b)]

8.      Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi diversi sanzjonijiet għall-istess fatti – Inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14(2))

9.      Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi diversi sanzjonijiet għall-istess fatti – Prinċipji li jirregolaw il-konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur – Ksur – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14(2))

10.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Prinċipju ta’ legalità tal-pieni – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 7 u 14(2))

11.    Kompetizzjoni – Multi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor

12.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Assenza ta’ linji gwida – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa – Portata

(Artikolu 296 TFUE, it-tieni paragrafu; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14)

13.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Elementi ta’ evalwazzjoni

[Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2)(a) u (b)]

14.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Elementi ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern – Ammissibbiltà

[Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2)(a) u (b)]

15.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ preċedenti li ikkonċernaw kumpanniji oħra – Ammissibbiltà

[Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 4(1), 7(1) u 14(2)(a) u (b)]

16.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Tul tal-ksur – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

[Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu7, § 1, et 14, § 2, b)]

17.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 14)

18.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu16)

1.      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq intern permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi żewġ derogi għal dan l-obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni, waħda minnhom marbuta ma’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju u l-oħra hija marbuta ma’ serje ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli.

Skont l-ewwel każ previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-paragrafu 1 ma għandux ifixkel l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju, dment li l-konċentrazzjoni tiġi nnotifikata bla dewmien u li l-akkwirent ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu tal-vot qabel l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni. Skont il-kliem tiegħu, dan l-ewwel każ konsegwentement ma huwiex applikabbli f’każ ta’ teħid ta’ kontroll ta’ impriża bis-saħħa ta’ tranżazzjoni waħda ta’ xiri privata, anki jekk dan ix-xiri jiġi segwit b’offerta pubblika ta’ xiri obbligatorju.

Lanqas ma huwa possibbli li jitqies li tali tranżazzjoni privata ta’ xiri u l-offerta pubblika ta’ xiri sussegwenti jikkostitwixxu stadji ta’ “konċentrazzjoni waħda” fis-sens tat-tielet sentenza tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-punt 44 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 139/2004. Ċertament, it-teħid ta’ kontroll ta’ impriża individwali permezz ta’ bosta tranżazzjonijiet legali li huma inter-kondizzjonali jista’ jikkostitwixxi konċentrazzjoni waħda. Madankollu, meta l-kontroll tal-impriża mmirata jiġi akkwistat permezz ta’ tranżazzjoni privata waħda qabel it-tnedija ta’ offerta pubblika ta’ xiri, it-tranżazzjonijiet ulterjuri li bihom l-akkwirent jikseb partijiet addizzjonali mill-impriża immirata ma jibqgħux rilevanti sabiex jinkiseb il-kontroll u b’hekk sabiex titwettaq il-konċentrazzjoni.

Barera minn hekk, akkwist tal-kontroll permezz ta’ tranżazzjoni waħda privata, segwit minn offerta pubblika obbligatorja, jikkostitwixxu konċentrazzjoni unika, dan ikollu l-konsegwenza li, f’każ ta’ konċentrazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji elenkati f’borża li tinsab fl-Istati Membri, l-akkwist privat ta’ titoli li jikkonferixxu l-kontroll ikun dejjem kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, safejn tali akkwist privat dejjem jinkludi l-obbligu tiġi ppreżentata offerta pubblika ta’ xiri. Dan ikollu l-konsegwenza li jestendi wisq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004.

Konsegwentement, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni unika ma huwiex intiż li japplika f’każ li fih il-kontroll esklużiv effettiv ta’ kumpannija mmirata waħda jinkiseb mingħand bejjiegħ wieħed permezz ta’ tranżazzjoni inizjali privata waħda, anki meta din tal-aħħar tiġi segwita minn offerta pubblika obbligatorja.

(ara l-punti 48, 66, 68, 72, 108, 109, 128, 186, 229)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(voir punts 51-59)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(voir punts 74-82)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 161)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 215-223)

6.      Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, il-Kummissjoni tista’ timponi multi biss għal ksur tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament li jkunu twettqu “b’intenzjoni jew b’negliġenza”. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta ġaladarba l-impriża inkwistjoni ma tkunx tista’ ma tkunx konxja min-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, irrispettivament minn jekk kinitx konxja li qiegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-fatt li l-impriża kkonċernata tkun ikklassifikat b’mod ġuridikament żbaljat l-aġir tagħha li fuqu tkun ibbażata l-konstatazzjoni tal-ksur ma jistax ikollu bħala effett li jeżentaha mill-impożizzjoni ta’ multa sa fejn din ma setgħetx ma tkunx konxja min-natura antikompetittiva tal-imsemmi aġir.

F’dan il-kuntest, l-impriża kkonċernata aġixxiet b’mod negliġenti meta tat interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004 li la hija koperta mill-kliem tiegħu u lanqas mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jew mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u li ma hijiex konformi ma’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni, minkejja li f’obiter dictum, f’deċiżjoni preċedenti li dwarha ġie ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’kull lingwa uffiċjali, u dan kollu mingħajr ma rrikorriet minn qabel għand il-Kummissjoni bil-għan li tivverifika l-korrettezza tal-interpretazzjoni tagħha. B’dan il-komportament, ir-rikorrenti aġixxiet billi ħadet riskju għaliha u ma tistax validament tibbaża ruħha fuq in-natura allegatament “raġonevoli” tal-interpretazzjoni tagħha.

Barra minn hekk, impriża ma tistax taħrab mill-impożizzjoni ta’ multa meta l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun joriġina minn żball ta’ din l-impriża dwar il-legalità tal-aġir tagħha minħabba l-kontenut tal-parir legali ta’ avukat.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-negliġenza, il-Kummissjoni għandha dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kumpannija kkonċernata hija kumpannija Ewropea kbira li għandha esperjenza solida tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u tan-notifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, li diġà ġiet immultata fil-livell nazzjonali għall-implementazzjoni prematura ta’ konċentrazzjoni. F’tali sitwazzjoni, fil-fatt hemm lok u li tiġi mistennija diliġenza partikolari minn naħa tak-kumpannija kkonċernata.

(ara l-punti 236-238, 255, 257-259)

7.      fil-mument li fih impriża tikser l-obbligu, previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, li tinnotifika konċentrazzjoni qabel ma twettaqha, awtomatikament jiġi skattat ksur tal-projbizzjoni korrispondenti milli twettaq konċentrazzjoni qabel ma din tiġi nnotifikata, prevista fl-ewwel każ ikkontemplat fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament. Fl-istess ħin, hija tikser il-projbizzjoni li titwettaq konċentrazzjoni qabel ma tiġi awtorizzata, prevista fit-tieni każ ikkontempolat fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li konċentrazzjoni li ma ġietx innotifikata ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti, il-ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 u l-ksur tal-projbizzjoni prevista fit-tieni każ ikkontemplat fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jinsabu fl-Artikolu 14(2) ta’ dan l-istess regolament, fatt li jimplika li l-iskali tal-pieni għall-ksur tal-Artikolu 4(1) u għall-ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huma issa identiċi u jikkorrispondu għall-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’multi li jistgħu jilħqu 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq mill-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 300, 301, 303)

8.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

L-imsemmi prinċipji, li l-applikazzjoni tiegħu suġġetta għall-kundizzjoni tripla tal-identità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett, jipprojbixxi kemm li impriża tiġi “ipproċessata” għal darba oħra li kif ukoll li din l-impriża tiġi “kkundannata” għal darba oħra. Madankollu, dawn il-projbizzjonijiet jippreżumu li l-impriża inkwistjoni tkun ġiet issanzjonata jew iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni timponi diversi sanzjonijiet f’waħda u l-istess deċiżjoni, anki jekk dawn is-sanzjonijiet jiġu imposti għall-istess fatti.

(ara l-punti 307-309, 315, 319, 344)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 344, 348-374)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 377-394)

11.    Iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma imponietx multa lill-awtur ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax, fih nnifisha, tipprekludi li tiġi imposta multa lill-awtur ta’ ksur tal-istess natura. Barra minn hekk, ġaladarba impriża tkun, permezz tal-aġir tagħha stess, wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija ma tistax taħrab minn kull sanzjoni peress li operaturi ekonomiċi oħra ma ġewx immultati, meta, il-qorti tal-Unjoni ma tkunx adita bis-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkonnessjoni ma’ impriża li fir-rigward tagħha ma ġiet imposta l-ebda multa f’deċiżjoni preċedenti għall-istess tip ta’ aġir, bħala prinċipju, jista’ jiġi invokat utilment minn operaturi li ma kellhomx il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni il-kjarifiki pprovduti fid-deċiżjoni preċedenti, sabiex jevitaw li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, peress li din id-deċiżjoni ngħatat f’mument li fih il-ksur kien diġà twettaq.

(ara l-punti 398, 407)

12.    Fir-rigward tal-multi imposti skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom ikunu kunsidrati n-natura, l-gravità u t-tul tal-ksur. Peress li l-Kummissjoni ma adottatx linji gwida li jistabbilixxu l-metodu tal-kalkolu li hija kellha tosserva fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multi skont l-imsemmi Artikolu 14, il-kuntest tal-analiżi tal-Kummissjoni għandu jkun dak tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

Sabiex tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni prevust fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni hija, barra minn hekk, obbligata li turi b’mod ċar u inekwivoku fid-deċiżjoni li timponi l-multa, l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Fl-assenza ta’ linji gwida li jistabbilixxu l-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija multi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tesprimi f’figuri, b’mod assolut jew f’perċentwali, l-ammont bażiku tal-multa u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jkunu possibbli.

(ara l-punti 447, 449, 450, 455)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 468-477)

14.    Il-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa imposta għal ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, il-fatt waħdu li jkunu possibbli effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni, peress li l-konċentrazzjoni mwettqa fil-forma prevista inizjalment u mhux awtorizzata mill-Kummissjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, anki jekk il-Kummissjoni ma turix probabbiltà raġonevoli tal-eżistenza ta’ tali effetti.

Ċertament, meta tkun tista’ tintwera’ l-eżistenza tal-effetti dannużi għall-kompetizzjoni naxxenti mit-twettiq ta’ konċentrazzjoni fil-forma prevista inizjalment u mhux awtorizzata mill-Kummissjoni, dan jista’ jirrendi l-ksur iktar serju minn ksur li jaqa’ taħt is-sitwazzjoni intermedjarja. Dan ma jipprekludix il-fatt waħdu li ma jistax jiġi eskluż li effetti dannużi għall-kompetizzjoni jistgħu jrendu l-ksur iktar serju mit-twettiq prematur ta’ konċentrazzjoni li ma tqajjem l-ebda problema ta’ kompetizzjoni.

Fil-fatt, ma jkunx adegwat li jiġu trattati bl-istess mod, it-twettiq prematur ta’ konċentrazzjonijiet li jqajmu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern u t-twettiq prematur ta’ konċentrazzjonijiet li ma jqajmu l-ebda problema ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet li jqajmu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern, ir-riskji possibbli għall-kompetizzjoni marbuta ma’ twettiq prematur ma humiex l-istess bħal dawk fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet li ma jqajmu problemi ta’ kompetizzjoni.

Il-fatt li konċentrazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jirrendi t-twettiq prematur ta’ din il-konċentrazzjoni iktar serju mit-twettiq prematur ta’ konċentrazzjoni li ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni, ħlief jekk, minkejja l-fatt li din tqajjem tali dubji serji, ikun jista’ jiġi eskluż f’każ partikolari li t-twettiq tagħha fil-forma prevista inizjalment u mhux awtorizzata mill-Kummissjoni seta’ kellu effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni.

(ara l-punti 497, 499, 500, 523, 524)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 543-547)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 554-577)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 580, 582-587, 592-608)

18.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 581)