Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2022 minn Tirrenia di navigazione SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-18 ta’ Mejju 2022 fil-Kawża T-593/20, Tirrenia di navigazione SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-514/22 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Tirrenia di navigazione SpA (rappreżentanti: B. Nascimbene, F. Rossi Dal Pozzo, A. Moriconi, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha::

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 2022, Kawża T-593/20.

tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1412 tat-2 ta’ Marzu 2020, limitatament għall-Artikoli 2, 3 u 4, u sussidjarjament għall-Artikoli 6 u 7 li jordnaw l-irkupru tal-allegata għajnuna billi tiddikjara dan l-irkupru immedjat u effettiv;.

sussidjarjament għat-talba Nru 2 li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem awla oħra tal-Qorti Ġenerali.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-593/20, Tirrenia di Navigazione SpA vs Il-Kummissjoni, li ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni (UE) 2020/1412 tat-2 ta’ Marzu 2020, fir-rigward tal-Artikoli 2, 3 u 4, u sussidjarjament tal-Artikoli 6 u 7, li permezz tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li ċerti miżuri relatati mal-appellanti kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika l-ksur tal-Artikoli 107.1 u 108.2 tat-TFUE, kif ukoll tal- Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar tal-2004.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn motivazzjoni peress li ssostni li l-appellanti naqset milli tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 25(ċ) tal-Linji Gwida tal-2004.

L-appellanti, għall-kuntrarju, issostni li l-gvern Taljan kien (a) informa kif dovut lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ privatizzazzjoni tal-fergħa tal-azjenda; (b) ikkonferma l-intenzjoni li jħallas lura l-għajnuna ta’ salvataġġ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur bl-użu tar-rikavat tal-privatizzazzjoni; (ċ) ippubblika l-pjan ta’ stralċ fuq is-sit tal-internet tiegħu. Għalhekk, hija kien ippermetta lill-Kummissjoni tkun perfettament konxja mill-pjanijiet tiegħu li jipproċedi bil-privatizzazzjoni, bħala parti mill-pjan ta’ stralċ u, imbagħad, li jħallas lura l-għajnuna ta’ salvataġġ.

Skont l-appellanti, l-approċċ formalistiku adottat mill-Kummissjoni u kondiviż mill-Qorti Ġenerali jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika l-ksur tal-Artikolu 107.1 TFUE u l-Artikolu 108.2 TFUE b’riferiment għal eżenzjonijiet mill-ħlas ta’ ċerti taxxi.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn raġunament fil-parti li fiha, fir-rigward tat-“taxxi indiretti”, hija tqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha hija fondata.

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta evalwat l-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għall-miżura kkontestata mill-appellanti u li għandha bħala suġġett l-eżenzjoni minn ċerti taxxi, u l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma nieqsa minn motivazzjoni.

Din l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji hija, fil-fatt, radikalment ikkundizzjonata għall-okkorrenza ta’ avvenimenti futuri u inċerti tali li s’issa żammew il-konsolidazzjoni ta’ kwalunkwe vantaġġ għall-appellanti u li jagħmluha kompletament possibbli, kif irrikonoxxut mid-deċiżjoni, li tali vantaġġ jista’ jseħħ fil-futur.

L-appellanti tqis ukoll li, minbarra n-nuqqas ta’ vantaġġ, huma neqsin ukoll elementi kostitwenti oħra tal-kunċett ta’ għajnuna: l-impatt tal-miżura fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u d-dannu għall-kompetizzjoni.

Għalhekk, din l-eżenzjoni tmur lil hinn mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u għalhekk ma hijiex għajnuna mill-Istat.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkritika l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tat-tul tal-proċedura, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u li d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn motivazzjoni fil-parti li fiha ssostni li, b’mod ġenerali, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1412 ma kellhiex tul ta’ żmien eċċessiv u li , għalhekk, il-prinċipji taċ-ċertezza legali, l-amministrazzjoni tajba u l-proporzjonalità ma ġewx miksura. B’riferiment għall-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha hija fondata u, meta tagħmel dan, tkun qiegħda twettaq żball ta’ liġi.

L-appellanti tqis ukoll li d-Deċiżjoni (UE) 2020/1412, f'konformità mal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u b'konformità mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma setgħetx timponi l-irkupru tal-miżuri ta’ għajnuna kkontestati minn Tirrenia AS.

Għall-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkonstata ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ġenerali msemmija qabel, kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tinkludi prova fil-fajl ta’ investigazzjoni tagħha.

L-appellanti tilmenta li ma setgħetx tippreżenta fil-proċess tal-kawża, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2021, dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) li għalihom l-Italja u r-Reġjun ta’ Sardegna wettaq favur Saremar (C (2021) 6990 final), li l-appellanti rċeviet mingħand il-Kummissjoni wara talba għal aċċess għad-dokumenti.

Għall-appellanti, fid-dawl tar-rilevanza tad-deċiżjoni Saremar, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dawn il-provi addizzjonali fil-proċess ivvizzjat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, kemm minħabba l-fatt li seħħet bi ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-istess Qorti Ġenerali u l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea; u talli involva ksur ċar tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

____________