Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2024 – Bayerische Landesbank vs SRB

(Kawża T-394/21) 1

(“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Bayerische Landesbank (Munich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (rappreżentanti: J. Kerlin, T. Wittenberg u D. Ceran, aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u L. Hesse, avukati)

Intervenjenti, insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou u A. Steiblytė, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2021/22 tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn tikkonċernaha.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2021/22 tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata, sa fejn tikkonċerna lil Bayerische Landesbank.

L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn tikkonċerna lil Bayerische Landesbank, għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Bayerische Landesbank.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 349, 30.8.2021.