Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-4 ta’ Jannar 2022 – M.B., U.B., M.B. vs X S.A.

(Kawża C-6/22)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.B., U.B., M.B.

Konvenut: X S.A.

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , li huwa l-protezzjoni tal-konsumatur fil-konfront ta’ klawżoli inġusti ta’ kuntratti ma’ imprendituri, hija leġittima l-interpretazzjoni li flimkien mal-annullament ta’ kuntratt, mill-qorti, permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, tintemm l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u magħha tintemm il-protezzjoni tal-konsumatur, u b’hekk ir-regoli dwar is-saldu tal-kontijiet għall-konsumatur u l-imprenditur għandhom jiġu mfittxija fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kuntratti applikabbli għas-saldu tal-kontijiet tal-kuntratt annullat?

Fid-dawl tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE, jekk qorti tiddeċiedi li klawżola partikolari ta’ kuntratt hija illegali, u l-kuntratt ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara l-eliminazzjoni ta’ dik il-klawżola, fl-assenza ta’ qbil bejn il-partijiet sabiex timtela l-lakuna permezz ta’ dispożizzjonijiet skont ir-rieda tagħhom u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet supplenti, il-qorti għandha tannulla l-kuntratt u b’hekk tilqa’ r-rieda tal-konsumatur li jitlob sabiex il-qorti tannulla l-kuntratt jew inkella l-qorti għandha teżamina ex officio, u b’hekk tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, is-sitwazzjoni patrimonjali tal-konsumatur, sabiex jiġi deċiż jekk l-annullament tal-kuntratt huwiex ser jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment sfavorevoli?

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 1993/13/KEE jippermetti interpretazzjoni li, skontha, jekk il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-annullament tal-kuntratt se jkun partikolarment sfavorevoli għall-konsumatur, u minkejja l-inċitament sabiex jagħmlu dan, il-partjiet ma jaslux sabiex jaqblu dwar it-twettiq tal-kuntratt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess oġġettiv tal-konsumatur il-qorti tista’ timla l-lakuna li tibqa’ fil-kuntratt wara “t-tneħħija”, minnha, tat-termini inġusti, permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex supplenti fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/18, jiġifieri li għandhom applikazzjoni diretta għal-lakuna fil-kuntratt, iżda permezz ta’ dispożizzjonijiet konkreti tad-dritt nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kuntratt inkwistjoni biss mutatis mutandis jew b’analoġija u li jirriflettu r-regola fis-seħħ fid-dritt nazzjonali tal-kuntratti?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.