Language of document : ECLI:EU:C:2017:380

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Mejju 2017(*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘deluxe’ – Rifjut ta’ reġistrazzjoni mill-eżaminatur”

Fil-Kawża C-437/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-10 ta’ Awwissu 2015,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentata minn S. Palmero Cabezas, bħala aġent,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Deluxe Entertainment Services Group Inc., li kienet Deluxe Laboratories, Inc., stabbilita f’Burbank (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn L. Gellman, avukat u M. Esteve Sanz, abogada,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Ġunju 2015, Deluxe Laboratories vs UASI (deluxe) (T‑222/14, EU:T:2015:364, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-22 ta’ Jannar 2014 (R 1250/2013‑2), li ċaħdet l-appell ippreżentat minn Deluxe Laboratories, Inc., li saret sussegwentement Deluxe Entertainment Services Group, Inc. (iktar ’il quddiem, “Deluxe”), kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur li kien irrifjuta r-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv “deluxe” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 7 tiegħu, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Unjoni.”

3        L-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fil-punti 1 sa 7 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-fatti li wasslu għall-kawża b’dan il-mod:

“1      Fl-10 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti, [Deluxe], ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-[EUIPO], skont ir-Regolament […] Nru 207/2009 […].

2      It-trade mark [li saret applikazzjoni għaliha] hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3      Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 35, 37, 39 sa 42 u 45 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 9: “Films ċinematografiċi u telefilms ta’ vidjows tal-mużika, ta’ azzjoni/avventura, ta’ kummiedja, ta’ drama, ta’ terrur, tal-familja, tat-tfal, ta’ animazzjoni, tal-isports, dokumentarji, ta’ reklamar, ta’ fantaxjenza, tal-istorja, edukattivi, tal-azzjoni diretti, magħmula bil-kompjuter, animati, f’2D, fi 3D, ta’ trejlers, ta’ avviżi ta’ servizz pubbliku, ta’ finzjoni, mhux ta’ finzjoni, tar-realtà u thrillers; midja diġitali, jiġifieri, DVD, DVD HD, diski ottiċi ta’ vidjows tal-mużika, ta’ azzjoni u avventura, ta’ kummiedja, ta’ drama, ta’ terrur, tal-familja, tat-tfal, ta’ animazzjoni, tal-isports, dokumentarji, ta’ reklamar, ta’ fantaxjenza, tal-istorja, edukattivi, tal-azzjoni diretti, magħmula bil-kompjuter, animati, f’2D, fi 3D, ta’ trejlers, ta’ avviżi ta’ servizz pubbliku, ta’ finzjoni, mhux ta’ finzjoni, tar-realtà u thrillers; u reġistrazzjonijiet tal-awdjo u tal-vidjow li jistgħu jitniżżlu, programmi tat-televiżjoni u programmi tal-vidjow”;

–        Klassi 35: “Kontroll, monitoraġġ u traċċar bil-kompjuter ta’ pakketti fi tranżitu; reklamar u telepromozzjoni ta’ films ċinematografiċi, programmi tat-televiżjoni u reklamar; preparazzjoni ta’ preżentazzjonijiet awdjoviżivi b’konnessjoni mal-mużika, films ċinematografiċi, programmi tat-televiżjoni u reklamar; preparazzjoni ta’ preżentazzjonijiet awdjoviżivi għall-użu tagħhom fir-reklamar; servizzi ta’ muntaġġ wara l-produzzjoni għal avviżi bil-vidjow u bl-awdjo; kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti; ġestjoni ta’ servizzi, jiġifieri, l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni fil-kuntest tat-trasferiment ta’ informazzjoni dwar il-krediti u s-sottotitoli ta’ xogħlijiet awdjoviżivi; ġestjoni kummerċjali ta’ assi tat-tip ta’ programmi tat-televiżjoni, films ċinematografiċi u avviżi, u l-kontenut ta’ midja awdjoviżiva kummerċjali, industrijali u tan-negozju; organizzazzjoni u ċelebrazzjoni ta’ fieri, wirjiet bi skopijiet kummerċjali jew ta’ reklamar fir-rigward ta’ divertiment, televiżjoni, softwer u vidjowgejms; servizzi ta’ organizzazzjoni, jiġifieri, indiċjar ta’ fajls diġitali ta’ kontenut ċinematografiku, vidjow, awdjo, illustrazzjonijiet u dokumenti, għall-industriji ta’ wara l-produzzjoni; ġestjoni ta’ fajls diġitali li jippreżentaw kontenut ta’ films, vidjow, awdjo, fotografiku u dokumentarju, għall-industriji ta’ wara l-produzzjoni; ġestjoni ta’ inventarju, jiġifieri, lokalizzazzjoni fajls diġitali li jkun fihom kontenut ċinematografiku, tal-vidjow, awdjo, fotografiku u dokumentarju, għall-industriji ta’ wara l-produzzjoni; servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju, jiġifieri, ġestjoni ta’ assi diġitali u ta’ proprjetà intellettwali”;

–        Klassi 37: “Servizzi ta’ remastering ta’ films, tejps, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ tiġi ddawnlowdjata u online, jiġifieri, tindif ta’ films, tejps, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online”;

–        Klassi 39: “Ħżin u trasport ta’ kameras, films, vidjow, midja diġitali, ipproċessar tad-dejta u l-aċċessorji tagħha; spooling u ħżin ta’ midja ċinematografika, diġitali u tal-vidjow, materjal promozzjonali assoċjat ma’ films ċinematografiċi, programmi tat-televiżjoni u reklamar, jiġifieri, kostumi, powsters, films ta’ siluwetti, programmi ta’ televiżjoni u avviżi; ħżin elettroniku ta’ immaġni diġitali u tal-vidjow, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u ta’ awdjo diġitali; ħżin ta’ films, programmi televiżivi, reklamar, ċinema diġitali, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali u online; spooling ta’ diski tal-vidjow master, tejps tal-awdjo u CD-ROM oriġinali ta’ mużika u immaġni; ġestjoni tal-midja, jiġifieri, ċaqliq, arkivjar, u trasport ta’ fajls diġitali b’kontenut ċinematografiku, tal-vidjow, tal-awdjo, fotografiku u dokumentarju, għall-industriji ta’ wara l-produzzjoni; ippakkjar ta’ merkanzija għat-trasferiment; kunsinna ta’ prodotti bit-trakk; ħżin ta’ merkanzija u servizzi ta’ magazzinaġġ; kundizzjonament mill-ġdid ta’ merkanzija għal terzi, jiġifieri, ta’ mużika, vidjows, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata oħra, diġitali, li tista’ tiġi ddawnlowdjata u online; u servizzi ta’ kundizzjonament mill-ġdid personalizzati għal reġistrazzjonijiet tal-awdjo, tal-vidjow u dejta, skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-ordnijiet ta’ terzi”;

–        Klassi 40: “Duplikazzjoni u riproduzzjoni ta’ films ċinematografiċi, programmi televiżivi, reklamar u programmi ta’ vidjow fuq films, tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata oħra, diġitali, li tista’ titniżżel u online; midja rreġistrata u onlajn; mastering u duplikazzjoni ta’ prints u negattivi ta’ films ċinematografiċi fuq tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata oħra, diġitali, li tista’ tiġi ddawnlowdjata u online; qtugħ ta’ negattivi; kiri ta’ makkinarju u apparat għall-istampar għall-iżvilupp u l-ipprintjar tal-industrija tal-fotografija, iċ-ċinema u t-televiżjoni; illuminazzjoni tal-kulur tal-films bl-iswed u abjad; sottotitolar tal-films u l-vidjows; servizzi ta’ korrezzjoni diġitali ta’ vidjows u t-trasferiment ta’ vidjow diġitali, jiġifieri, korrezzjoni tal-kulur u l-konverżjoni tal-films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u avviżi għal films fuq vidjows; kopja ta’ midja ċinematografika u midja oħra tal-vidjow: jiġifieri, bidla fil-format tal-films; u produzzjoni skont l-ordni ta’ diski diġitali; duplikazzjoni ta’ tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra, irreġistrati, diġitali, li jistgħu jitniżżlu u online fil-formats professjonali kollha; servizzi ta’ vidjow, jiġifieri, mastering u duplikazzjoni ta’ tejps tal-vidjow professjonali, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata diġitali, li tista’ titniżżel u online; servizzi ta’ pproċessar ta’ films; servizzi ta’ trasferiment ta’ films fuq tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata diġitali, li tista’ titniżżel u online, b’mod speċjali, qlib ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar f’tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; servizzi ta’ konservazzjoni u ta’ protezzjoni ta’ films ċinematografiċi u ta’ midja oħra tal-vidjow, pereżempju, preservazzjoni u restawr diġitali ta’ films; servizzi ta’ stampar għal reġistrazzjonijiet tal-ħoss, vidjow u dejta; ipproċessar u stampar ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; konverżjoni diġitali ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar minn 2D għal 3D; operat ta’ laboratorji għall-ipproċessar ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; ifformattjar u konverżjoni ta’ midja u dejta diġitali; konverżjoni diġitali ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar fuq tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra diġitali rreġistrata u online; servizzi ta’ trasferiment diġitali ta’ films fuq tejp, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ films fuq DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online”;

–        Klassi 41: “Servizzi ta’ laboratorju u ta’ wara l-produzzjoni ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar, vidjow diġitali u tejps tal-vidjow, jiġifieri, skennjar ta’ films b’riżoluzzjoni għolja, temporizzazzjoni ta’ kulur diġitali, reġistrazzjoni ta’ films bil-lejżer ta’ immaġni ta’ definizzjoni għolja u vidjows diġitali fuq films; servizzi ta’ mastering diġitali u vidjow għal films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; servizzi ta’ immaġni diġitali; manipulazzjoni diġitali u elettronika ta’ immaġni għal films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; reġistrazzjoni ta’ immaġni diġitali fuq tejps ta’ films; produzzjoni ta’ midja tal-vidjow u awdjo, jiġifieri, produzzjoni ta’ vidjowkażetts u DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online għal terzi; produzzjoni ta’ effetti speċjali viżivi, ottiċi u diġitali għal terzi, tat-televiżjoni, films ċinematografiċi, avviżi, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online, jiġifieri, ċinema diġitali; servizzi ta’ reġistrazzjoni u produzzjoni ta’ awdjo; servizzi ta’ editjar ta’ films; produzzjoni elettronika ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar minn tejps tal-vidjo, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; produzzjoni ta’ effetti speċjali viżivi għal tejps tal-vidjow, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; produzzjoni u distribuzzjoni ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; reġistrazzjoni ta’ ‘voiceovers’ għal tejps tal-vidjow, diski, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; servizzi ta’ assistenza marbutin mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ films ċinematografiċi; produzzjoni ta’ diski tal-vidjow, tejps tal-awdjo u CD-ROM oriġinali b’mużika u immaġni; organizzazzjoni għad-distribuzzjoni jew it-tqassim ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar; servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ films, tejps, DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; servizzi ta’ doppjaġġ u editjar ta’ films; vidjows u kolonni sonori ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar”;

–        Klassi 42: “Disinn u żvilupp ta’ softwer tal-kompjuter; riċerka u żvilupp tal-prodotti; hosting ta’ siti web għal terzi; servizzi ta’ disinn ta’ siti web għal terzi; marki tal-ilma diġitali; servizzi ta’ arti grafika għar-reklamar tal-istampa relatat ma’ divertiment; disinn ta’ menus ta’ DVDs għal terzi; disinn għal terzi ta’ imballaġġ ta’ mużika, vidjow, DVD u midja diġitali; kontroll tal-kwalità għalterzi tad-duplikazzjoni, riproduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ films u vidjows diġitali; servizzi ta’ ħolqien ta’ kontenut, jiġifieri, id-disinn u l-iżvilupp ta’ softwer interattiv u ta’ kontenut multimedjali ieħor; disinn u żvilupp ta’ prodotti multimedjali, jiġifieri, disinn ta’ menus tad-DVD għal terzi; irkupru ta’ fajls diġitali b’kontenut ċinematografiku, tal-vidjow, tal-awdjo, fotografiku u dokumentarju, għall-industriji ta’ wara l-produzzjoni; konverżjoni ta’ dejta jew dokumenti minn midja fiżika għal midja elettronika; servizzi ta’ ħolqien għal DVD, DVD HD, diski ottiċi u midja oħra rreġistrata, diġitali, li tista’ titniżżel u online; kompressjoni diġitali ta’ dejta; kompressjoni diġitali ta’ dejta tal-awdjo u tal-vidjow; kompressjoni diġitali ta’ dejta tal-films u tal-vidjow; servizzi ta’ kompressjoni ta’ dejta ta’ midja u dejta diġitali”;

–        Klassi 45: “Servizzi ta’ konsulenza għas-sigurtà ta’ prodotti tal-industrija ċinematografika, tat-televiżjoni u tar-reklamar, jiġifieri, l-awtentikazzjoni u d-detezzjoni tal-piraterija ta’ prodotti, u r-reġistrazzjoni u traċċar ta’ dejta diġitali; stampar ta’ sigurtà, jiġifieri, kodifikazzjoni ta’ midja u dejta diġitali sabiex jintużaw fit-traċċar tas-sors tal-kopji mingħajr awtorizzazzjoni u servizzi ta’ kodifikazzjoni u transkodifikazzjoni ta’ midja u dejta diġitali; kodifikazzjoni ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar sabiex jintużaw fit-traċċar tas-sors tal-kopji tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni; servizzi ta’ protezzjoni tal-kontenut irreġistrat; ġestjoni tad-drittijiet kontra l-piraterija, jiġifieri, servizzi ta’ sigurtà għall-prodotti fl-industrija ċinematografika, tat-televiżjoni u tar-reklamar; teknoloġija u servizzi relatati mas-sigurtà, jiġifieri, traċċar u monitoraġġ sabiex jiġu żgurati u traċċati films ikkodifikati kontra l-frodi, il-piraterija u l-falsifikazzjoni; servizzi ta’ protezzjoni tal-kontenut elettroniku; riċerka u żvilupp relatati mat-tniżżil illegali u l-ħżin illegali ta’ arkivji ta’ films ċinematografiċi, tat-televiżjoni u reklamar diġitali mhux awtorizzat”.

[…]

5      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 hawn fuq, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, minn naħa, ma kellhiex karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, kienet tinforma lil-konsumaturi dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

6      Fit-3 ta’ Lulju 2013, [Deluxe] appellat quddiem l-[EUIPO], taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7      Permezz ta[d-deċiżjoni kontenzjuża], it-Tieni Bord tal-Appell tal-[EUIPO] [iktar ’il quddiem, il-“Bord tal-Appell”] ikkonferma d-deċiżjoni tal-eżaminatur. Fost l-oħrajn, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fil-partijiet tal-Unjoni Ewropea fejn tinftiehem il-lingwa Ingliża, l-element verbali “deluxe” waħdu ma jippermettix, minnu nnifsu, li ssir distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi tal-appellanti u dawk tal-kompetituri tagħha, minħabba li kienet tagħmel parti minn assjem komuni ta’ clichés promozzjonali u kienet tikkonsisti biss f’“dikjarazzjoni ta’ kwalità superjuri”. Huwa żied li t-terminu “deluxe” kien jaqa’ taħt il-kategorija ta’ termini li kellhom jiġu esklużi mill-monopolju tat-trade mark u li l-element figurattiv inkwistjoni ma kienx suffiċjenti sabiex jagħti karattru distintiv lit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Għall-istess raġunijiet, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tal-eżaminatur sa fejn kien qies li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tinforma lill-konsumaturi dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Il-Bord tal-Appell qies ukoll li l-imsemmija trade mark ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li sar minnha fl-Unjoni.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2014, Deluxe ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

6        Insostenn tar-rikors tagħha, Deluxe qajmet ħames motivi, kollha bbażati fuq ksur, rispettivament tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-Artikolu 7(1)(c), tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tad-drittijiet miksuba u tal-legalità tal-atti Komunitarji.

7        Deluxe sostniet li l-Bord tal-Appell ma kienx immotiva r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti u servizzi kkonċernati. B’mod partikolari, hija affermat li dan il-bord ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti u servizzi, meta dan kien element essenzjali sabiex tiġi stabbilita n-natura ta’ fantasija, suġġestiva jew allużiva tat-terminu “deluxe”.

8        L-EUIPO sostna li mill-espressjoni “mingħajr eċċezzjoni” li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien wettaq l-eżami individwali tal-prodotti u servizzi inkwistjoni, u li dan seta’ jadotta motivazzjoni globali għaliex dawn il-prodotti u dawn is-servizzi kollha kienu jaqgħu taħt is-settur awdjoviżiv.

9        Il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Deluxe.

10      Wara li fakkret, fil-punti 15 sa 18 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 20 sa 22 ta’ din, li, f’dan il-każ, fid-dawl tad-deskrizzjoni ta’ iktar minn 90 prodott u servizz li jaqgħu taħt 8 klassijiet distinti u oqsma differenti, hemm bejn dawn tali differenzi fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tal-użi intiżi tagħhom u tal-modi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom li huma ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu kategorija omoġenja li tippermetti lill-Bord tal-Appell jadotta motivazzjoni globali. Madankollu, il-Bord tal-Appell ma indikax li l-prodotti u servizzi inkwistjoni għandhom bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta sal-punt li jifformaw kategorija omoġenja (iktar ’il quddiem, ir-“rabta mitluba”).

11      Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell jirreferi, b’mod ġenerali, għall-“prodotti u servizzi”, għall-“prodotti u servizzi kollha”, u għall-“prodotti u servizzi inkwistjoni” iżda ma jirreferi b’mod speċifiku għall-ebda wieħed mill-prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet ikkonċernati, u lanqas għal kategoriji jew gruppi ta’ dawn. Minħabba f’hekk, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi naqas milli jeżamina l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ma wettaqx l-evalwazzjoni konkreta mitluba fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet ikkonċernati u ma mmotivax b’mod suffiċjenti fid-dritt id-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward.

12      Fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li ma jirriżultax, lanqas b’mod indirett, mill-espressjoni “mingħajr eċċezzjoni” li l-Bord tal-Appell evalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha u tas-servizzi kollha kkonċernati. Fil-fatt, kif osservat il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell sempliċement indika fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-prodotti kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li għandhom kwalità superjuri u li s-servizzi kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li jipprovdu tali kwalità. Huwa ma indikax li l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet ikkonċernati għandhom bejniethom ir-rabta mitluba u, għaldaqstant, ma semma l-ebda element tali li jiġġustifika l-użu ta’ motivazzjoni globali.

13      Rigward l-argument tal-EUIPO li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu marbuta direttament mas-settur awdjoviżiv, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li din il-konstatazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza tar-rabta mitluba bejn ċerti prodotti u servizzi, bħal films ċinematografiċi, servizzi ta’ kunsinna ta’ prodotti bit-trakk, servizzi ta’ ħżin ta’ merkanzija, servizzi ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti, kif ukoll ta’ hosting u ta’ disinn ta’ siti tal-internet għal terzi. Hija kkonstatat li, f’kull każ, l-eżistenza ta’ tali rabta ma tirriżultax mill-kliem tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li t-terminu “deluxe” jikkostitwixxu terminu ta’ eloġju u promozzjonali applikabbli għall-prodotti u għas-servizzi kollha inkwistjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

14      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Bl-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkundanna għall-ispejjeż lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-appell

16      Bl-appell tiegħu, l-EUIPO jqajjem aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (2) ta’ dan ir-regolament. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

17      Bl-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta llimitat il-possibbiltà li tiġi adottata motivazzjoni globali biss għall-każ li fih il-prodotti u s-servizzi jkunu jikkostitwixxu kategoriji omoġenji. L-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali ma tistax teskludi l-possibbiltà li tingħata motivazzjoni globali fir-rigward ta’ diversità ta’ prodotti u ta’ servizzi meta l-perċezzjoni tas-sinjal fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom tkun uniformi u, għaldaqstant, il-motivazzjoni li hija applikabbli għalihom tibqa’ mhux varjabbli.

18      B’dan il-mod, skont l-EUIPO, biżżejjed li l-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollhom karatteristika komuni sabiex tkun permessa motivazzjoni globali fir-rigward tagħhom. Din il-karatteristika komuni hija li, għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi koperti, is-suġġeriment ta’ kwalità għolja huwa pperċepit bħala sempliċi argument għall-bejgħ. F’dan il-każ, is-sinjal “deluxe” jikkomunika, b’mod ugwali għal dawn il-prodotti u għal dawn is-servizzi kollha, messaġġ ta’ eloġju u promozzjonali li ma huwiex xieraq sabiex jippermetti lill-pubbliku jidentifika l-oriġini tal-imsemmija prodotti jew tal-imsemmija servizzi. Insostenn tal-argument tiegħu, l-EUIPO jinvoka l-motivazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, FTI Touristik vs UASI (C‑253/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2445), li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti fid-dawl ta’ karatteristika komuni li tikkonsisti fil-fatt li l-prodotti u s-servizzi kollha setgħu jkunu s-suġġett ta’ tnaqqis jew vantaġġi speċjali.

19      Għaldaqstant, l-EUIPO jqis li l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 24 tas-sentenza appellata li l-Bord tal-Appell ma wettaqx l-evalwazzjoni konkreta mitluba, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ omoġenjità bejn il-prodotti u s-servizzi kollha, hija żbaljata.

20      Bl-istess mod, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, bħala irrilevanti, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li t-terminu “deluxe” jikkostitwixxi terminu ta’ eloġju u promozzjonali applikabbli għall-prodotti u servizzi kollha inkwistjoni.

21      Deluxe tirrispondi li l-EUIPO ta’ livell għoli ta’ affidabbiltà lill-kawża BigXtra li tat lok għad-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, FTI Touristik vs UASI (C‑253/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2445), fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BigXtra kienet ġiet irrifjutata għaliex it-terminu kien ta’ natura biċ-ċar ta’ eloġju. Deluxe tqis li din il-kawża ma hijiex rilevanti, għaliex hija differenti mill-każ inkwistjoni. Fil-fatt, it-terminu “deluxe” jista’ jkun deskrittiv jew ta’ eloġju biss għall-prodotti nfushom u mhux għall-mod li bih huma jinbiegħu, għaliex ma teżistix forma “deluxe” li biha jinbiegħ prodott, u dan inqas u inqas jekk il-pubbliku rilevanti jittieħed inkunsiderazzjoni.

22      Bit-tieni parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-interpretazzjoni ta’ rekwiżit ta’ omoġenjità suffiċjenti magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 20 sa 22 u 26 tas-sentenza appellata, li tippermetti lill-Bord tal-Appell jadotta motivazzjoni globali sabiex jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, ma tirrispettax il-ġurisprudenza, b’mod partikolari d-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, (C‑282/09 P, EU:C:2010:153). Fil-fatt, billi stabbilixxiet korrelazzjoni bejn l-eżistenza ta’ “kategorija omoġenja” u d-deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kategorija” jew ta’ “grupp” ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ “omoġenjità suffiċjenti” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza u, għaldaqstant, il-kunċett ta’ “rabta suffiċjentement diretta u konkreta” li għandha teżisti bejn il-prodotti u s-servizzi.

23      Skont l-EUIPO, ir-rekwiżit ta’ omoġenjità suffiċjenti għandu jinftiehem f’sens usa’ b’tali mod li jkun biżżejjed li l-prodotti jew is-servizzi jkollhom kollha karatteristika komuni, li tista’ wkoll teżisti bejn prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt setturi differenti.

24      L-EUIPO jsostni li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika biċ-ċar li l-karatteristika komuni għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati tikkonsisti fil-fatt li l-prodotti kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li għandhom kwalità superjuri u li s-servizzi kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li jipprovdu tali kwalità.

25      Deluxe tikkontesta l-affermazzjoni tal-EUIPO li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma suffiċjentement omoġenji u li huma jistgħu, minħabba f’hekk, jitqiesu bħala assjem uniku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Peress li l-EUIPO jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punti 10 sa 13 ta’ din is-sentenza u peress li ż-żewġ partijiet tal-aggravju uniku huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, huma għandhom jiġu eżaminati flimkien.

27      B’mod preliminari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-awtorità kompetenti ma tistax sempliċement twettaq eżami minimu ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda hija għandha, bil-kontra, twettaq eżami strett u komplet sabiex tevita li t-trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 59).

28      Peress li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija dejjem mitluba fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark taqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut għandha titqies in concreto fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u servizzi (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 31).

29      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jsir fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark intalbet u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha, fil-prinċipju, tkun immotivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi (sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 34, u digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, EU:C:2010:153, punt 37).

30      Madankollu, fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-awtorità kompetenti tista’ tillimita ruħha għal motivazzjoni globali għall-prodotti jew servizzi kollha kkonċernati meta l-istess raġuni għal rifjut tingħata għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 37, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela, C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punt 26).

31      Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li tali fakultà hija estiża biss għal prodotti u għal servizzi li għandhom bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, tant li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġenjità suffiċjenti (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela, C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punt 27).

32      Sabiex jiġi evalwat jekk il-prodotti u s-servizzi koperti minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni għandhomx, bejniethom, rabta suffiċjentement diretta u konkreta u jistgħux jitqassmu f’kategoriji jew gruppi ta’ omoġenjità suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ dan l-eżerċizzju li huwa intiż sabiex jippermetti u jiffaċilita l-evalwazzjoni in concreto tal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkonċernata mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni taqax taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

33      Barra minn hekk, it-tqassim tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni fi grupp jew kategorija, jew f’diversi gruppi jew kategoriji, għandu jsir b’mod partikolari abbażi tal-karatteristiċi li huma komuni għalihom u li huma rilevanti għall-analiżi dwar jekk tistax tiġi opposta kontra t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-imsemmija prodotti u servizzi, raġuni assoluta għal rifjut speċifika. Għaldaqstant tali evalwazzjoni għandha ssir in concreto għall-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, fejn xieraq, għal kull waħda mid-diversi raġunijiet assoluti għal rifjut eventwalment applikabbli.

34      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż a priori li l-prodotti u s-servizzi koperti minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollhom kollha karatteristika rilevanti għall-analiżi ta’ raġuni assoluta għal rifjut u li jistgħu jinġabru, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut, f’kategorija waħda jew fi grupp wieħed ta’ omoġenjità suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

35      F’dan il-każ, mill-punt 26 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fir-rigward tal-prodotti kollha u s-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, il-Bord tal-Appell indika li l-prodotti kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li għandhom kwalità superjuri u li s-servizzi kollha, mingħajr eċċezzjoni, jistgħu jiġu ppreżentati bħala li jipprovdu kwalità superjuri. Minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, qies li l-prodotti kollha u s-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li biha huwa ġie adit kellhom karatteristika li kienet rilevanti għall-eżami tar-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-fatt li kollha setgħu jiġu ppreżentati bħala li għandhom jew li jipprovdu kwalità superjuri u li, għaldaqstant, kienu lkoll jagħmlu parti minn kategorija waħda u minn grupp wieħed ta’ omoġenjità suffiċjenti, għall-finijiet tal-eżami ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut. Ir-rilevanza, skont il-Bord tal-Appell, ta’ din il-karatteristika komuni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni għall-finijiet tal-eżami li l-Bord tal-Appell kellu jwettaq hija murija bil-kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tikkonsisti f’“dikjarazzjoni ta’ kwalità superjuri”.

36      L-ommissjoni tal-Bord tal-Appell, imsemmija fil-punt 22 tas-sentenza appellata, li jindika b’mod espliċitu li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kellhom bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, tant li kienu jifformaw kategorija omoġenja, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti, għaliex tali indikazzjoni tirriżulta b’mod impliċitu mill-kunsiderazzjoni tal-imsemmi Bord tal-Appell imfakkra fil-punt 26 tas-sentenza appellata.

37      Hija l-Qorti Ġenerali li, sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-obbligu tal-Bord tal-Appell li jwettaq l-evalwazzjoni konkreta mitluba fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li jimmotiva b’mod suffiċjenti fid-dritt id-deċiżjoni tiegħu, kellha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni fattwali, il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

38      Hija b’mod partikolari l-Qorti Ġenerali li kellha, minn naħa, tivverifika jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li hija komposta minn element verbali u minn element figurattiv, setgħetx effettivament tiġi pperċepita b’mod dirett u immedjat bħala dikjarazzjoni ta’ kwalità superjuri jew messaġġ ta’ eloġju mill-pubbliku rilevanti pjuttost milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi indikati minnha.

39      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika, fil-kuntest tal-eżami tal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, jekk it-terminu “deluxe” kienx effettivament jikkomunika kunċett ta’ “kwalità superjuri” kif jallega l-Bord tal-Appell, peress li dan l-element verbali jikkostitwixxi riferiment dirett għall-kunċett ta’ “lussu”. Fl-ipoteżi li t-terminu “deluxe” jkollu tifsira distinta minn dak ta’ “kwalità superjuri”, kif iqis l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija f’dak il-każ il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk, fid-dawl ta’ din it-tifsira, il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark inkwistjoni jikkostitwixxux grupp omoġenju li jiġġustifika l-użu ta’ motivazzjoni globali.

40      Madankollu, il-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod ġenerali l-possibbiltà li jiġi konkluż li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati huma ta’ natura omoġenja u ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, in-natura speċifika tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u lanqas, b’mod partikolari, il-perċezzjoni tagħha mill-pubbliku rilevanti.

41      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 21 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kontenzjuża kellhom bejniethom differenzi tali, marbuta man-natura tagħhom, il-karatteristiċi tagħhom, l-użi intiżi tagħhom u l-modi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, li ma setgħux jitqiesu li jikkostitwixxu kategorija omoġenja li tippermetti lill-Bord tal-Appell jadotta, fir-rigward tagħhom, motivazzjoni globali. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant injorat il-possibbiltà li, minkejja d-differenzi tagħhom, il-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni seta’ jkollhom karatteristika komuni, rilevanti għall-eżami li l-Bord tal-Appell kellu jwettaq, li, skont il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, setgħet tiġġustifika li jinġabru fi ħdan l-istess grupp omoġenju u li l-Bord tal-Appell juża, fir-rigward tagħhom, motivazzjoni globali.

42      Għall-istess raġunijiet, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li “il-fatt […] li t-terminu ‘deluxe’ jikkostitwixxi terminu ta’ eloġju u promozzjonali li jista’ japplika għall-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni huwa irrilevanti” hija wkoll żbaljata.

43      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

44      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

45      Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Ġunju 2015, Deluxe Laboratories vs UASI (deluxe) (T222/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:364), hija annullata.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.