Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2011 - Syriatel Mobile Telecom vs Il-Kunsill
(Kawża T-651/11)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Syriatel Mobile Telecom (Joint Stock Company) (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: J. Pujol, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti ammissibbli u fondata;
konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni 2011/628/PESK, kif ukoll ir-Regolament Nru 950/2011 (UE) u l-atti sussegwenti ta' eżekuzzjoni, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/628/PESK
2 minħabba t-tħassir tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK
4 permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK .
It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' bażi legali tar-Regolament Nru 950/2011 minħabba t-tħassir tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża u, b'mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), fl-Artikolu 215 TFUE u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser l-obbligu ta' motivazzjoni, billi l-motivazzjoni mogħtija ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB, l-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jirrestrinġu b'mod inġustifikat u mhux proporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u, b'mod partikolari, id-drittijiet ta' proprjetà tagħha, previsti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB u fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħha, previst fl-Artikoli 8 u 10(2) tal-KEDB.
Is-sitt motiv ibbażat fuq l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa fejn il-miżuri adottati jwasslu sabiex il-funzjonament normali tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni jiġi distort u għaldaqstant jaffetwaw ħażin il-kompetizzjoni bejn l-operaturi Ewropej u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
____________1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta' Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 247, p. 17).2 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta' Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11).3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56).4 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, tat-23 ta' Settembru 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 247, p. 3).