Language of document : ECLI:EU:T:2021:410

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2021 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Preskrizzjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑692/15 RENV,

HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schlingmann, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Tricot, C. Hödlmayr, J. Roberti di Sarsina u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 u 340 TFUE u intiża li jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet wara l-inklużjoni ta’ isimha, minn naħa, mir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1), u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger u O. Porchia (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura qabel ir-rinviju

1        Ir-rikorrenti, HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH, stabbilita fl-2009 minn Naser Bateni, hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li teżerċita attivitajiet ta’ aġent marittimu u ta’ amministratur tekniku ta’ bastimenti.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi meħuda sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex dan l-Istat itemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari. Dawn huma b’mod partikolari miżuri meħuda kontra kumpannija marittima, Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar ’il quddiem “IRISL”), kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi allegatament marbuta ma’ din il-kumpannija, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, IRISL Europe u żewġ kumpanniji marittimi oħra, Hafize Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “HDSL”) u Safiran Pyam Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “SAPID”).

3        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19), il-Kunsill inkluda l-isem tar-rikorrenti fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni. Konsegwentement, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż, permezz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, sa fejn jirrigwardaw l-ewwel inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel inklużjoni”), kienu motivati mill-fatt li din il-kumpannija “[kienet taġixxi] għan-nom tal-HDSL fl-Ewropa”. L-imsemmija inklużjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

4        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1). L-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 kien jinkludi l-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li l-assi tagħhom kienu ffriżati skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament. Mir-regolament inkwistjoni, li jirrigwarda l-inklużjoni tar-rikorrenti f’din il-lista (iktar ’il quddiem it-“tieni inklużjoni”), jirriżulta li l-motiv użat kontra din il-kumpannija kien li hija “[kienet ikkontrollata] […] jew taġixxi f’isem l-IRISL”. Ir-rikorrenti kkontestat it-tieni inklużjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

5        Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni inklużjoni, iżda stabbilixxiet li l-effetti tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dan kien jikkonċerna lir-rikorrenti, kienu miżmuma sas-7 ta’ Frar 2012.

6        Wara l-għoti tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), isem ir-rikorrenti kien is-suġġett ta’ inklużjonijiet oħra min-naħa tal-Kunsill, jiġifieri, fl-ewwel lok, fit-23 ta’ Jannar 2012, permezz tad-Deċiżjoni 2012/35/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2012, L 19, p. 22), għar-raġunijiet li ġejjin: “[i]kkontrollata minn […]jew taġixxi f’isem […] l-IRISL [Ir-rikorrenti] hija rreġistrata taħt l-istess indirizz bħall-IRISL Europe GmbH f’Hamburg [il-Ġermanja], u l-prinċipal tagħha Dr. Naser Ba[t]eni kien impjegat qabel mal-IRISL”. Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż, għal dawn ir-raġunijiet, fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012 tat-23 ta’ Jannar 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 31, p. 7).

7        Fit-tieni lok, isem ir-rikorrenti ġie inkluż, fit-23 ta’ Marzu 2012, fil-lista li tinsab fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 297, p. 8). Din l-inklużjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti ġiet annullata permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312).

8        Fit-tielet u l-aħħar lok, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-ġdid, fil-15 ta’ Novembru 2013, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3). Din l-inklużjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u annullata permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650).

9        Fil-frattemp, b’sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali annullat l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL u ta’ kumpanniji marittimi oħra, fosthom HDSL u SAPID, fil-listi li jikkonċernawhom, għar-raġuni li l-elementi mressqa mill-Kunsill ma kinux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ IRISL u, konsegwentement, ma setgħux b’dan il-mod jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-kumpanniji marittimi l-oħra li kienu ġew inklużi fil-listi minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ IRISL.

10      B’ittra tat-23 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kunsill talba għal kumpens għad-danni li hija kienet tindika li ġarrbet minħabba l-inklużjoni inizjali u l-inklużjonijiet sussegwenti ta’ isimha fil-listi tal-persuni marbuta mal-attività ta’ IRISL. B’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill ċaħad din it-talba.

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha intiż sabiex:

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallasha kumpens għall-ammont ta’ EUR 2 513 221.50 għad-danni materjali u morali subiti minħabba l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi kontenzjużi”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ interessi moratorji bir-rata ta’ interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mis-17 ta’ Ottubru 2015;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

12      Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T‑692/15.

13      Il-Kunsill talab li r-rikors jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat kif ukoll li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2016, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba, konformement mal-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

15      L-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ġie nnotifikat lill-partijiet fit-30 ta’ Awwissu 2016. Ma ġiet ippreżentata ebda talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat dekorribbli minn din in-notifika, kif previst fl-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2016, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tielet Awla.

17      Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2017, innotifikata lill-partijiet l-għada, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li kienet edotta biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ talba tal-partijiet f’dan ir-rigward, li taqta’ l-kawża mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

18      Madankollu, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta, b’mod partikolari minħabba l-għoti tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), u talbet lill-Qorti Ġenerali tisma’, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, lid-direttur u soċju waħdieni, N. Bateni, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-portata tad-danni materjali u immaterjali allegatament subiti.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2017. F’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti li tinżamm seduta, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li din it-talba kienet ġiet ippreżentata lil hinn mit-terminu li hija kienet tat u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat l-assenza ta’ elementi ġodda tali, f’dan il-każ, li jiġġustifikaw li tinżamm din is-seduta. F’dan ir-rigward, hija qieset li s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), kienet sempliċement ikkonfermat is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), u, għaldaqstant, ma setgħetx tiġġustifika l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar is-smigħ ta’ N. Bateni, għar-raġuni li hija qieset li kienet diġà suffiċjentement edotta mid-dokumenti fil-proċess kif ukoll mill-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tal-evalwazzjoni tad-danni li jirriżultaw minn miżura restrittiva illegali.

20      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2017:890), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrenti u kkundannat lil din tal-aħħar għall-ispejjeż. Hija ċaħdet l-ewwel u t-tieni motiv imressqa minnha, jiġifieri, rispettivament, dak ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi.

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza inizjali, liema appell ġie rreġistrat bir-referenza C‑123/18 P. Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u rriżervat l-ispejjeż.

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza inizjali, li l-Kunsill seta’ jinvoka kull element rilevanti li ma tteħidx inkunsiderazzjoni waqt l-inklużjoni tal-appellanti fil-listi kontenzjużi, u, b’mod partikolari, billi ddeċidiet, fil-punt 60 ta’ dik is-sentenza, li minn serje ta’ elementi, indikati fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, kien jirriżulta li l-Kunsill ma kienx wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-portata tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn ir-rikorrenti u IRISL, sakemm dawn l-indizji li jipprovaw il-kwalità tar-rikorrenti bħala “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” minn IRISL ma kinux magħrufa mill-Kunsill fid-data tar-reġistrazzjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati, kif jirriżulta mill-punti 51 u 56 sa 86 tas-sentenza tal-appell.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

23      Il-kawża li ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali ġiet irreġistrata fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar bir-referenza T‑692/15 RENV u ġiet assenjata, fid-19 ta’ Settembru 2019, konformement mal-Artikolu 216(1) tar-Regoli tal-Proċedura, lill-Ewwel Awla.

24      Il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar is-segwitu li għandu jingħata lis-sentenza tal-appell f’din il-proċedura. Huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

25      Fl-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni dwar l-effetti li għandhom jinsiltu f’din il-kawża mis-sentenza mogħtija fl-appell. F’dan ir-rigward, hija żżomm it-talbiet ippreżentati fir-rikors promotur intiż sabiex il-Kunsill jiġi kkundannat iħallasha kumpens għad-danni materjali u morali subiti.

26      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑692/15 u T‑692/15 RENV u għall-ispejjeż tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑123/18 P.

27      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

28      Ir-rikorrenti u l-Kunsill talbu, rispettivament fid-29 u fit-30 ta’ Jannar 2020, li tinżamm seduta.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrenti u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2020, il-President tal-Ewwel Awla ddeċieda, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T‑455/17, Bateni vs Il-Kunsill, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

31      Wara diversi posponimenti ta’ seduti dovuti għall-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID-19, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2020, li nżammet permezz ta’ vidjokonferenza bil-kunsens tar-rikorrenti.

 Id-dritt

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni tar-rikorrenti

32      Fil-kontroreplika ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura inizjali, il-Kunsill jinvoka l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors, minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

33      Il-Kunsill jallega, f’dan ir-rigward, li r-rikors, ippreżentat mir-rikorrenti fil-25 ta’ Novembru 2015, huwa bbażat fuq atti adottati iktar minn ħames snin qabel, jiġifieri fis-26 ta’ Lulju 2010 għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u fil-25 ta’ Ottubru 2010 għar-Regolament Nru 961/2010.

34      Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill iqis li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli minħabba l-preskrizzjoni tad-dritt għal azzjoni għad-danni tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda d-danni allegatament subiti qabel il-25 ta’ Novembru 2010, jiġifieri ħames snin qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali li seħħ fil-25 ta’ Novembru 2015.

35      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill iżomm dan l-argument, billi jafferma li “[s-]sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019 ma għandha l-ebda effett fuq l-argument [tiegħu], li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni parzjalment, peress li d-drittijiet invokati fil-kuntest tar-rikors huma parzjalment preskritti”.

36      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti, mistiedna tieħu pożizzjoni fuq l-imsemmi argument, fakkret li kienet talbet kumpens lill-Kunsill, qabel il-proċedura ġudizzjarja, fit-terminu ta’ ħames snin.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jipprevedi li l-azzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti wara ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE; japplikaw meta jkun il-każ id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikoli 265 TFUE.

38      Barra minn hekk, it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE japplika fil-każ fejn deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba preċedenti lill-istituzzjoni kompetenti tkun ġiet innotifikata lill-persuna li bagħtet it-talba, filwaqt li t-terminu ta’ xahrejn previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE japplika fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx ħadet pożizzjoni fi żmien xahrejn minn din it-talba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Mejju 2005, Holcim (Franza) vs Il-Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 38, u s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Nutria vs Il-Kummissjoni, T‑832/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:428, punt 36).

39      F’dan il-każ, l-ewwel inklużjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Lulju 2010 u r-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill talba għal kumpens permezz ta’ faks fit-23 ta’ Lulju 2015. Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn li jgħoddu bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba, il-Kunsill ipproċeda għall-irtirar ta’ din id-deċiżjoni billi ċaħad l-imsemmija talba permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2015 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2019, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑478/16, EU:T:2019:399, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Billi ppreżentat ir-rikors għad-danni tagħha fil-25 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti għamlet dan fi żmien xahrejn minn meta rċeviet l-ittra ta’ ċaħda tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 1997, Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑20/94, EU:T:1997:55, punt 134).

40      Għaldaqstant, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala interrott fit-23 ta’ Lulju 2015, jiġifieri inqas minn ħames snin wara s-27 ta’ Lulju 2010, b’tali mod li dan ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

41      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita minħabba li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi saret bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

42      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta’ dritt deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Fil-fatt, kif jenfasizzaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, u kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, is-sentenza fl-appell ikkonfermat il-konklużjoni li tinsab fil-punt 88 tas-sentenza inizjali li tgħid li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat barra minn hekk li, anki jekk jitqies li l-appellanti pproduċiet il-provi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-illegalità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, l-ilmenti tagħha ma jistgħux iwasslu għal ksur tad-dritt tal-Unjoni suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza mogħtija fl-appell, punti 102 u 103).

44      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jkun miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati

45      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, hija ssostni li l-Kunsill ma stabbilixxiex, abbażi ta’ provi suffiċjenti, li hija kienet taħt il-kontroll ta’ IRISL. Permezz tat-tieni lment, hija ssostni li l-motivi li wasslu għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-proliferazzjoni nukleari, kienu żbaljati fid-dawl tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453).

46      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 huwa illegali. Fil-fehma tagħha, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn jikkonċernaha, ma jwassalx awtomatikament għall-annullament tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, dawn it-testi ġew adottati fuq bażi fattwali insuffiċjenti u għalhekk huma nulli. Għaldaqstant, hija tqis li jekk, fid-data tat-tieni inklużjoni, ma kinux jeżistu provi suffiċjenti sabiex jippermettu l-inklużjoni ta’ isimha f’lista, dan kellu japplika a fortiori għall-ewwel inklużjoni.

47      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel u t-tieni inklużjonijiet (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“inklużjonijiet kontenzjużi”), motivati rispettivament mill-indikazzjonijiet li hija “Taġixxi f’isem HDSL fl-Ewropa” u “Ikkontrollata […] jew taġixxi f’isem l-IRISL”, ma kinux ibbażati fuq ebda bażi fattwali sa fejn, b’mod partikolari, il-Kunsill ammetta, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2019, li, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija inklużjonijiet ma kellux l-informazzjoni msemmija fil-punt 59 tas-sentenza inizjali u li ma kienx uża din l-informazzjoni meta eżamina l-proċess.

48      Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur imwettaq mill-Kunsill huwa iktar u iktar serju, sa fejn il-motivi li wasslu għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-proliferazzjoni nukleari, kienu diġà żbaljati inkunsiderazzjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), b’tali mod li l-inklużjonijiet kontenzjużi huma vvizzjati bi “żball doppju”. Hija ssostni li, minn naħa, IRISL u HDSL ma pparteċipawx fil-proliferazzjoni nukleari u, min-naħa l-oħra, li ma kienet teżisti l-ebda rabta bejnha u bejn dawn il-kumpanniji li kienet tippermettilhom li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħha.

49      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ilmenti kollha invokati mir-rikorrenti.

 Tfakkira tal-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni

50      Għandu jitfakkar li r-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu li ma huwiex intiż għall-annullament ta’ miżura partikolari, iżda pjuttost għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punt 3) u li l-azzjoni għal annullament ma tirrappreżentax kundizzjoni preliminari sabiex tkun tista’ titressaq kawża għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u fl-appell, punt 32).

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punt 93, u d-digriet tas-17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il-Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14, u tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

53      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, fil-kuntest pereżempju ta’ rikors għal annullament, ma hijiex suffiċjenti, minkejja li din hija lamentabbli, sabiex jitqies li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, marbuta mal-illegalità tal-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, isseħħ awtomatikament minħabba dan il-fatt. Sabiex jiġi ammess li dan jissodisfa din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fatt, li r-rikorrent jipprova li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun wettqet, mhux sempliċi illegalità, iżda ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li jkollha bħala suġġett l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, il-prova ta’ ksur suffiċjentement serju hija intiża li jiġi evitat, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha tiġi ostakolata bir-riskju li din l-istituzzjoni fl-aħħar mill-aħħar tintalab tħallas id-danni li l-persuni kkonċernati mill-atti tagħha setgħu eventwalment iġarrbu, mingħajr madankollu ma titfa’ fuq dawn l-individwi l-piż tal-konsegwenzi, patrimonjali jew morali ta’ nuqqasijiet li l-istituzzjoni kkonċernata tkun wettqet b’mod flagranti u mhux skużabbli (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fil-fatt, l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, huwa ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, li jirriżultaw, għal ċerti operaturi ekonomiċi, mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-atti adottati mill-Unjoni sabiex jitwettaq dan l-għan fundamentali (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 50).

 Tfakkira tal-prinċipji stabbiliti mis-sentenza mogħtija fl-appell

56      Fil-punt 33 tas-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi jkun stabbilit meta dan il-ksur jimplika nuqqas manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-ewwel lok, fil-punt 34 tas-sentenza fl-appell, li r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn tal-aħħar sabiex ma tiġix ipparalizzata l-azzjoni tagħhom u li dan l-ibbilanċjar jirriżulta iktar u iktar importanti fil-qasam tal-miżuri restrittivi, fejn l-ostakoli li jiltaqa’ magħhom il-Kunsill f’termini ta’ disponibbiltà tal-informazzjoni ħafna drabi jagħmlu partikolarment diffiċli l-evalwazzjoni li għandu jwettaq.

58      Fit-tieni lok, fil-punt 43 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

59      Fit-tielet lok, fil-punti 44 u 46 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-parametri elenkati fil-punt 56 iktar ’il fuq u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni kienu kollha relatati mad-data li fiha d-deċiżjoni jew l-aġir kienu ġew adottati mill-istituzzjoni kkonċernata u li minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni kellha neċessarjament tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi li fihom l-istituzzjoni kienet aġixxiet preċiżament f’din id-data.

60      Fir-raba’ lok, fil-punt 41 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, sa fejn it-tieni inklużjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, kienet issodisfatta fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010.

61      Fil-ħames lok, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), li kien aċċetta n-nuqqas ta’ motivazzjoni, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 għandu wkoll jiġi kkunsidrat illegali minħabba l-istess difett u li kien tar-rikorrenti, billi ma kkontestax il-legalità tal-ewwel inklużjoni fil-mezzi ta’ rikors għal annullament, biex turi l-illegalità ta’ dak ir-regolament ta’ implimentazzjoni, peress li, bħala prinċipju, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u, għalhekk, jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunx ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

62      Fis-sitt lok, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kriterji ta’ inklużjoni li tagħhom l-appellanti tinvoka l-ksur gravi u manifest f’dan il-każ, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-użu tal-kliem “proprjetà ta’” u “ikkontrollat”, jiġifieri l-kriterji ta’ inklużjoni inklużi fir-Regolamenti Nri 423/2007 u 961/2010 u li abbażi tagħhom kienu twettqu l-inklużjonijiet kontenzjużi, kien jissodisfa l-ħtieġa li l-Kunsill ikun jista’ jadotta miżuri effikaċi kontra l-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kollha marbuta ma’ kumpanniji involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Skontha ż-żamma jew il-kontroll jistgħu jkunu diretti jew indiretti. Fil-fatt, li kieku din ir-rabta kellha tiġi stabbilita biss fuq il-bażi taż-żamma jew tal-kontroll dirett tal-imsemmija persuni, il-miżuri jkunu jistgħu jiġu evitati b’numru kbir ta’ possibbiltajiet ta’ kontroll kuntrattwali jew fattwali, li jagħtu lil kumpannija possibbiltajiet daqstant wiesgħa daqs żamma jew kontroll dirett sabiex teżerċita influwenza fuq entitajiet oħra.

63      Għaldaqstant, fil-punt 70 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata”, kif imfakkar mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza inizjali, ma kellux, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, l-istess portata bħal dik imsemmija, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-kumpanniji, meta kellha tiġi identifikata r-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li kienet tinsab legalment taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra.

64      B’hekk, fil-punt 75 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, peress li din tal-aħħar kienet tinsab f’sitwazzjoni li fiha hija kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet tal-kumpannija kkonċernata, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta ġuridika, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, bejn waħda u l-oħra minn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi.

65      Fl-aħħar nett, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri, l-aġir taħt il-kontroll ta’ persuna jew ta’ entità u l-aġir f’isem tali persuna jew entità għandhom jiġu assimilati. Hija indikat li din il-konklużjoni kienet sostnuta mill-analiżi tal-għan tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010 li kienet intiża sabiex tippermetti lill-Kunsill jieħu miżuri effikaċi kontra l-persuni involuti fil-proliferazzjoni nukleari u sabiex jiġi evitat li tali miżuri jiġu evitati. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-imsemmija konklużjoni kienet ikkorroborata wkoll mill-analiżi tal-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 50 sa 65 iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

67      Preliminarjament, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 60 iktar ’il fuq, fir-rigward tat-tieni inklużjoni, sa fejn din ġiet annullata permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, kienet issodisfatta fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010.

68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ewwel inklużjoni, kif tfakkar fil-punt 61 iktar ’il fuq, mis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), li kkonstatat in-nuqqas ta’ motivazzjoni, ma setax jiġi dedott li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 kellu wkoll jitqies li huwa illegali minħabba l-istess difett u li kienet ir-rikorrenti, peress li ma kkontestatx il-legalità tal-ewwel inklużjoni permezz ta’ rikors għal annullament, li għandha turi l-illegalità ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni peress li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità.

69      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-ewwel inklużjoni hija illegali, għandu jiġi analizzat, għal din l-inklużjoni kif ukoll għat-tieni waħda, jekk l-elementi mressqa mir-rikorrenti, kif imfakkra fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, jippermettux li jintwera li dawn l-inklużjonijiet jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma pprovdiex elementi fattwali li jsostnu l-konklużjoni li r-rikorrenti kienet taħt il-kontroll ta’ IRISL

70      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq ksur gravi u manifest tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni meta kkunsidra li hija kienet taħt il-kontroll ta’ IRISL jew aġixxiet f’isem din tal-aħħar mingħajr ma kellu provi f’dan ir-rigward.

71      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, waqt l-inklużjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill ma wettaqx riċerki sabiex juri n-natura tal-kontroll ta’ IRISL fuqha, ma kellu l-ebda prova u kien aġixxa fuq indikazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Membri. Dan l-approċċ ta’ proċedura ġie kklassifikat mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), bħala “żball manifest ta’ evalwazzjoni”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-aġir tal-Kunsill wara l-annullament tat-tieni inklużjoni, li jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ inklużjoni ġdida b’motivazzjoni kemxejn mibdula. Hija tikkonkludi li l-Kunsill kiser b’mod sinjifikattiv u manifest il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu u kiser b’mod flagranti l-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni.

72      Min-naħa l-oħra, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-dmir li jistabbilixxi l-fondatezza tal-inklużjonijiet kontenzjużi u li, bħal fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, huwa wettaq ksur gravi u manifest li jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ dawn l-inklużjonijiet mingħajr ebda informazzjoni jew prova. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kunsill ma setax jinvoka bħala ġustifikazzjoni ta’ tali aġir il-kumplessità tal-fatti li għandhom jiġu rregolati u lanqas id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, peress li, fid-dawl tan-natura flagranti tal-ksur, l-imsemmija kumplessità u diffikultà ma kkostitwixxewx il-kawża.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tas-sentenza tal-appell, jekk, fid-data tal-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, fid-dawl esklużivament tal-provi li l-Kunsill kellu f’dak il-mument speċifiku, din l-istituzzjoni wettqitx ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni.

74      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq l-inklużjonijiet kontenzjużi fl-assenza ta’ kwalunkwe prova u abbażi ta’ indikazzjonijiet ġejjin mill-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kunsill speċifika l-kontenut tad-dikjarazzjoni li huwa kien għamel waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 2019, li tgħid li, fid-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-inklużjonijiet, huwa ma kellux l-informazzjoni msemmija fil-punt 59 tas-sentenza inizjali, billi sostna li ma kellux l-informazzjoni kollha.

75      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel inklużjoni, il-Kunsill indika li din kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), Schottweg 7, u li IRISL Europe, sussidjarja Ewropea ta’ IRISL, kienet f’Hamburg, Schottweg 5. Għandu jiġi rrilevat, bħalma sostna l-Kunsill, li, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija inklużjoni, dan fil-fatt kellu dan l-element dwar l-indirizz tar-rikorrenti u dak ta’ IRISL Europe, kif jirriżulta mill-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-impriżi inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, fil-verżjoni li tirriżulta mill-punt 1(d) u (j) tal-Parti III tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

76      Barra minn hekk, il-Kunsill sostna li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1803 (2008) u 1929 (2010) tat-3 ta’ Marzu 2008 dwar IRISL kif ukoll ir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ta’ dan il-Kunsill tas-Sigurtà, li kkonstata tliet istanzi ta’ ksur manifest minn IRISL tal-embargo fuq l-armi impost mir-riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-imsemmi Kunsill tas-Sigurtà, tal-24 ta’ Marzu 2007. Minn naħa, kif ġustament jirrileva l-Kunsill, il-prova li dawn id-dokumenti kienu fil-fatt fil-pussess tiegħu tirriżulta mill-fatt li huma msemmija fil-motivazzjoni dwar l-inklużjoni ta’ IRISL fil-Parti III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fil-Parti III tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

77      Min-naħa l-oħra, ir-realtà materjali tat-tliet ksur tal-embargo fuq l-armi li ġew stabbiliti fl-imsemmi rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma ġietx ikkontestata, l-istess bħall-kontenut tal-imsemmi rapport, sa fejn minnu jirriżulta li IRISL kienet bdiet attivitajiet sabiex tevita l-miżuri adottati billi ttrasferiet l-attivitajiet tagħha lil impriżi oħra u li s-sede tagħha fl-Ewropa kienet tinsab qrib dik tar-rikorrenti. Kif irrileva essenzjalment il-Kunsill, dawn kienu indizji għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni, sa fejn din l-inklużjoni kienet il-konsegwenza diretta ta’ dik ta’ IRISL, u barra minn hekk ta’ HDSL, peress li l-isem ta’ din tal-aħħar li għaliha kienet qiegħda taġixxi r-rikorrenti kien ġie inkluż fil-Parti III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fil-Parti III tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 bħala li taġixxi hija stess f’isem IRISL.

78      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-prossimità ġeografika tas-sedi ta’ IRISL fl-Ewropa u tar-rikorrenti ma ġietx ikkontestata minn din tal-aħħar. Hija rrikonoxxiet ukoll, waqt is-seduta, rigward din il-prossimità, li, fiż-żmien tal-inklużjonijiet kontenzjużi, u għalhekk ukoll fiż-żmien tal-ewwel inklużjoni, hija kienet f’pożizzjoni li tirrikorri għall-impjegati ta’ IRISL Europe li kienet poġġiet parti mill-persunal tagħha għad-dispożizzjoni tagħha.

79      Fir-rigward tat-tieni inklużjoni, il-Kunsill sostna li din kienet ukoll ibbażata fuq ċirkustanzi preċiżi u mhux ikkontestati, li kienu s-suġġett ta’ rikonoxximent min-naħa tal-appellanti f’żewġ ittri, tal-10 u tat-13 ta’ Settembru 2010, li permezz tagħhom hija kienet talbitha teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni li isimha jiġi inkluż fil-listi kontenzjużi. Issa, kif irrileva ġustament il-Kunsill, minn dawn l-ittri jirriżulta li, fiż-żmien tal-inklużjonijiet kontenzjużi, ir-rikorrenti kienet attiva bħala aġent marittimu f’isem HDSL li kienet titqies li kienet marbuta mill-qrib ma’ IRISL, peress li isimha kien ġie inkluż ukoll fil-listi tal-entitajiet issuspettati li jiffaċilitaw il-proliferazzjoni nukleari fl-Iran tas-26 ta’ Lulju 2010, minħabba li hija “[kienet] [t]aġixxi f’isem IRISL [sa fejn kienet twettaq] operazzjonijiet b’kontejners bl-użu ta’ bastimenti [miżmuma] minn IRISL” u li N. Bateni kien Direttur tal-IRISL sal-2008, qabel ma stabbilixxa ruħu fl-Ewropa u stabbilixxa r-rikorrenti.

80      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-inklużjonijiet kontenzjużi, li, fid-data tal-adozzjoni tagħhom, kienu jeżistu sorsi ta’ informazzjoni ta’ natura pubblika, kif irrileva ġustament il-Kunsill waqt is-seduta, b’mod partikolari artiklu tan-New York Times tas-7 ta’ Ġunju 2010, intitolat “Companies Linked to IRISL”, li kien jinkludi l-lista ta’ 66 impriża, fosthom ir-rikorrenti u HDSL, li kellhom rabta ma’ IRISL u li lilhom din tal-aħħar ittrasferixxiet xi bastimenti.

81      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni inklużjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ittri tal-10 u tat-13 ta’ Settembru 2010 imsemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq kienu indirizzati lill-Kunsill stess u ma huwiex ikkontestat li huwa kien irċeviehom waqt l-adozzjoni ta’ din l-inklużjoni. Barra minn hekk, dawn l-ittri ġew iċċitati fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), u għalhekk ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għal dik is-sentenza.

82      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni inklużjoni, l-effetti ta’ dan l-annullament ġew posposti ratione temporis sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 41 sa 43 tal-imsemmija sentenza, li ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi fuq l-appellanti tista’ xorta waħda tirriżulta ġġustifikata. B’hekk, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, anki jekk it-tieni inklużjoni kienet timmerita li tiġi annullata minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, annullament b’effett immedjat tal-imsemmi regolament jista’ jippreġudika b’mod serju u irriversibbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi adottati minn dan ir-regolament kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, peress li kien hemm dubju li, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kunsill, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi tista’ tirriżulta fondata.

83      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-mod ta’ kif ipproċeda l-Kunsill kien ġie kklassifikat mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), bħala “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

84      Minn naħa, kif jirrileva l-Kunsill, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni bħala motiv invokat insostenn ta’ rikors għal annullament għandu jiġi distint mill-ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali invokata sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

85      F’tali kuntest, il-fatt invokat mir-rikorrenti li, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fir-Regolament Nru 267/2012 fit-23 ta’ Marzu 2012, ibbażata fuq l-istess motivi li fuqhom kienet ibbażata t-tieni inklużjoni, kien illeġittimu skont l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ma jippermettix li jiġi konkluż, b’mod awtomatiku u kif ġie ssuġġerit mir-rikorrenti, li l-Kunsill wettaq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni.

86      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza fl-appell, il-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi għandhom kollha kemm huma jirreferu għad-data li fiha l-istituzzjoni kkonċernata adottat id-deċiżjoni jew l-aġir.

87      B’dan il-mod, l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312) dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fir-Regolament Nru 267/2012 fit-23 ta’ Marzu 2012, jiġifieri wara t-tieni inklużjoni, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi disponibbli fid-data ta’ din l-inklużjoni tal-aħħar, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur gravi u manifest min-naħa tal-Kunsill ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi dwar l-imsemmija inklużjoni.

88      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-aġir tal-Kunsill f’din il-kawża kien identiku għal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien wettaq illegalità, meta huwa ma kellux marġni ta’ diskrezzjoni, dan kien jirrigwarda l-fatt li huwa ma kellux, fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, informazzjoni jew provi li jissostanzjaw il-motivi għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti u li huwa għalhekk kiser obbligu li diġà nħoloq, fid-data tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja u li fir-rigward tiegħu l-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Issa, f’din il-kawża, l-osservanza, mill-Kunsill, tal-obbligu li jiġu prodotti provi insostenn tal-inklużjonijiet tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkontestati ma hijiex inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill, billi adotta l-inklużjonijiet kontenzjużi abbażi tal-provi li kienu fil-pussess tiegħu fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija inklużjonijiet, b’mod partikolari dawk indikati fil-punti 74 sa 81 iktar ’il fuq, wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni li kellu l-Kunsill fl-evalwazzjoni tal-indizji użati insostenn tal-miżuri restrittivi.

90      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, għalkemm mis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T‑562/10, EU:T:2011:716), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali annullat it-tieni inklużjoni minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, huwa evidenti li, fid-data tal-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, il-kunċett ta’ kumpannija “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, fir-rigward tal-miżuri restrittivi, iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill.

91      Barra minn hekk, għalkemm, fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kontenut tal-kliem “miżmuma ” u “ikkontrollata”, għandu jiġi rrilevat li hija kkonfermat, fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza, dak li fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza inizjali, jiġifieri li l-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” ma kellux, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, l-istess portata bħal dik imsemmija, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-kumpanniji, meta tkun involuta l-identifikazzjoni tar-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li legalment tkun taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ffavorixxiet definizzjoni pjuttost wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontroll” fil-kuntest tal-miżuri restrittivi u ma tatx definizzjoni stretta tal-kliem “miżmuma” u “kkontrollat(a)”, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 74 u 75 tas-sentenza fl-appell.

92      Għaldaqstant, għandu jitqies, bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-Kummissjoni, li, fid-data tal-adozzjoni tar-reġistrazzjonijiet kontenzjużi, setgħet teżisti inċertezza dwar il-kontenut eżatt tal-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra” u li, konsegwentement, il-Kunsill kellu ċertu marġni fl-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet miżmuma jew ikkontrollata minn kumpannija parteċipanti, li hija assoċjata direttament ma’ jew tipprovdi appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran.

93      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, il-Kunsill ipprovda elementi li huwa qies li huma ta’ natura li jistabbilixxu, kemm fid-data tal-adozzjoni kemm tal-ewwel inklużjoni kif ukoll tat-tieni, in-natura tar-rabta bejn ir-rikorrenti u IRISL.

94      Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li, waqt l-inklużjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq iċ-ċirkustanzi invokati, ma jistax jitqies li dan l-iżball kien ta’ natura flagranti u mhux skużabbli u li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kinitx twettaq dan f’ċirkustanzi analogi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 73).

95      Minn dan isegwi li l-ewwel ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma stabbilixxiex, abbażi ta’ provi suffiċjenti, li r-rikorrenti kienet taħt il-kontroll ta’ IRISL għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-proliferazzjoni nukleari, hija żbaljata

96      Minn naħa waħda, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur imwettaq mill-Kunsill huwa iktar u iktar serju peress li r-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-proliferazzjoni nukleari, kienu diġà żbaljati inkunsiderazzjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453). Min-naħa l-oħra, hija ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u r-Regolament Nru 961/2010 huma vvizzjati bi “żball doppju” sa fejn IRISL u HDSL ma pparteċipawx fil-proliferazzjoni nukleari u li ma kienet teżisti l-ebda rabta bejnha u bejn dawn l-entitajiet li tippermettilhom jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tar-rikorrenti.

97      Permezz tal-ewwel argument, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, wara l-annullament tal-inklużjonijiet tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ SAPID u ta’ HDSL permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), l-inklużjonijiet kontenzjużi huma illegali, peress li minn dik is-sentenza jirriżulta li IRISL u HDSL ma pparteċipawx fil-proliferazzjoni nukleari.

98      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem IRISL fil-listi kontenzjużi ma jistax jitqies bħala suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi stabbilit li l-inklużjonijiet kontenzjużi kienu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni.

99      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, f’din il-kawża, il-legalità tal-atti kkontestati għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat, kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza tal-appell, u li, fl-inklużjonijiet kontenzjużi, l-inklużjonijiet tal-ismijiet ta’ IRISL, SAPID u ta’ HDSL fil-listi tal-entitajiet akkużati li jiffavorixxu l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran kienu għadhom ma ġewx annullati. Konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt 61 iktar ’il fuq, dawn ir-reġistrazzjonijiet kienu jgawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u kienu kompletament fis-seħħ.

100    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (C‑225/17 P, EU:C:2019:82), ir-realtà materjali tat-tliet ksur tal-embargo fuq l-armi, stabbilit bir-riżoluzzjoni 1747 (2007), ma ġietx ikkontestata mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 66, li “tidher li hija ġġustifikata l-kunsiderazzjoni li l-fatt li l-IRISL kienu involuti fi tliet inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) iżid ir-riskju li huma [kienu wkoll] involuti wkoll f’inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari”.

101    Konsegwentement, mill-annullament tal-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ SAPID u ta’ HDSL, wara l-adozzjoni tal-inklużjonijiet inkwistjoni, ma jirriżultax li l-Kunsill wettaq ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

102    Fir-rigward tat-tieni argument, dwar l-allegata ineżistenza bejn IRISL u HDSL, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, ta’ rabta li tippermetti lil IRISL u lil HDSL tinfluwenza d-deċiżjonijiet ekonomiċi tar-rikorrenti, dan jirreferi għall-argumenti diġà analizzati fil-kuntest tal-ewwel ilment imqajjem minnha u dan għandu jiġi miċħud għall-istess motivi indikati fil-punti 70 sa 95 iktar ’il fuq.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li, billi bbaża l-inklużjonijiet kontenzjużi tar-rikorrenti fuq ir-rabtiet bejn din tal-aħħar u IRISL, wettaq irregolarità li ma kinitx isseħħ, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti, li t-trattati jafdawlha kompetenzi speċifiċi, bħal dawk marbuta mal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi meqjusa neċessarji fil-kuntest tal-azzjoni tal-Unjoni intiża li tiżgura ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li jistgħu jiġu kompromessi bl-attività ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punti 73 u 74).

104    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ IRISL u ta’ HDSL fil-proliferazzjoni nukleari, hija żbaljata, għandu jiġi miċħud.

105    Peress li ż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti ġew miċħuda, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mibdija quddiemha, kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑123/18 P.

107    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

108    Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

109    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

110    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, relatati ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċedura fil-Kawża T‑692/15, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

111    Fir-rigward tal-ispejjeż tar-rikorrenti u tal-Kunsill marbuta mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi qieset li, permezz tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appell ippreżentat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ekwu li kull waħda minn dawn il-partijiet tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-imsemmija proċedura.

112    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea relatati ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċedura fil-Kawża T692/15.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura fil-Kawża C123/18 P.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta ma’ din il-proċedura, mal-proċedura fil-Kawża T692/15, kif ukoll mal-proċedura fil-Kawża C123/18 P.

Kanninen

Jaeger

Porchia

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2021.

Firem


Werrej



*       Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.