Language of document : ECLI:EU:C:2021:258

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Artikolu 27 – Rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment – Natura sospensiva tar-rikors – Artikolu 29 – Modalitajiet u termini ta’ trasferiment – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 18 – Miżura nazzjonali li tattribwixxi lil applikant li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment post fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li fi ħdanha l-persuni li jingħataw akkomodazzjoni jibbenefikaw minn sostenn sabiex jippreparaw it-trasferiment tagħhom”

Fil-Kawża C‑92/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

VW

vs

Agence fédérale pour l’accueil des demandeurs d’asile (Fedasil),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) u mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VW u l-Agence fédérale pour l’accueil des demandeurs d’asile (l-Aġenzija Federali għall-Akkoljenza tal-Applikanti għall-Ażil, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Fedasil”) dwar il-legalità ta’ miżura li tattribwixxi lil VW post fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li fi ħdanha l-persuni li jingħataw akkomodazzjoni jibbenefikaw minn sostenn sabiex jippreparaw it-trasferiment tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Dublin III

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jgħid li:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)];

(c)      ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]”

5        L-Artikolu 26 tar-regolament imsemmi, intitolat “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrapreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni li tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.”

6        Skont l-Artikolu 27 tal-istess regolament:

“1.      L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.      Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)      l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)      it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)      il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha[.] L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata għandha aċċess għall-assistenza legali u, fejn neċessarju, assistenza lingwistika.

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza legali tingħata fuq talba mingħajr ħlas fejn il-persuna kkonċernata ma tistax tħallas l-ispejjeż involuti. […]

[…]”

7        L-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, dwar il-modalitajiet u t-termini tat-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

 Id-Direttiva 2013/33/UE

8        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), intitolat “Residenza u libertà ta’ moviment”, jistabbilixxi li:

“1.      L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikantminħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat mill-Istati Membri. Tali deċiżjoni, li tista’ tkun ta’ natura ġenerali, għandha tittieħed fuq livell individwali u stabbilita mil-liġi nazzjonali.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”:

“1.      Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

[…]

(b)      ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw interessi speċifiċi tas-sess u l-età u s-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli fir-rigward ta’ applikanti fil-binijiet u ċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b).

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li trasferimenti ta’ applikanti minn faċilità ta’ akkomodazzjoni għal oħra jsiru biss meta meħtieġa. […]

[…]”

 Id-dritt Belġjan

 Il-Liġi tal15 ta’ Diċembru 1980

10      It-Titolu I bis tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin), tal‑15 ta’ Diċembru 1980 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), intitolat “Il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin”, huwa maqsum f’ħames kapitoli.

11      Il-Kapitolu 1, intitolat “Stabbiliment u ġurisdizzjoni tal-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 39/2 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li jipprevedi li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jippreżenta quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza meħuda fil-konfront tiegħu, flimkien ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju, li ma hijiex sospensiva.

12      Il-Kapitolu 5, intitolat “Il-Proċedura”, ta’ dan l-istess Titolu I bis tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 huwa maqsum fi tliet taqsimiet. It-Taqsima III, dwar ir-“rikors għal annullament”, tinkludi, b’mod partikolari, is-Subtaqsima 3, intitolata “Il-Proċeduri amministrattivi għal miżuri provviżorji”, li fiha jinsab l-Artikolu 39/82 ta’ din il-liġi, li huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.      Meta att ta’ awtorità amministrattiva jkun jista’ jiġi annullat skont l-Artikolu 39/2, huwa biss il-[Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin] li huwa kompetenti sabiex jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tiegħu.

[…]

Meta r-rikorrent jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, huwa għandu jagħżel jew sospensjoni b’urġenza estrema, jew inkella sospensjoni ordinarja. Fuq piena ta’ inammissibbiltà, huwa ma jistax, la simultanjament u lanqas b’mod konsekuttiv, japplika mill-ġdid il-subparagrafu 3, jew jitlob mill-ġdid is-sospensjoni fir-rikors imsemmi fil-paragrafu 3.

[…]

§ 4.      Il-President tal-Awla jew l-Imħallef innominat minnu sabiex jippresjedi l-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin għandu jiddeċiedi fi żmien tletin jum dwar it-talba għal sospensjoni. Jekk is-sospensjoni tiġi ordnata, għanda tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament fi żmien erba’ xhur mill-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

Meta barrani jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha tkun imminenti, b’mod partikolari meta jinżamm f’post speċifiku previst fl-Artikoli 74/8 u 74/9 jew jitqiegħed taħt ordni għall-ħarsien, huwa jista’, jekk ma jkunx għadu talab is-sospensjoni tagħha bil-mezz ordinarju, jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura b’urġenza estrema fit-terminu previst fis-subparagrafu 3 tal-Artikolu 39/57(1).

[…]”

 Il-Liġi dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għall-Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji Oħra ta’ Barranin

13      L-Artikolu 11(1) tal-loi sur l’accueil des demandeurs d’asile et de certaines autres catégories d’étrangers (il-Liġi dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għall-Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji Oħra ta’ Barranin), tat‑12 ta’ Jannar 2007 (Moniteur belge tas‑7 ta’ Mejju 2007, p. 24027) jipprevedi, f’ċerti kundizzjonijiet, l-għoti vinkolanti ta’ post fi struttura ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi, il-Fedasil tista’ temenda ex officio l-post ta’ akkoljenza ta’ applikant għall-ażil.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fl‑14 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, żagħżugħ maġġorenni ta’ nazzjonalità Gineana, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Belġju.

15      Fl-istennija ta’ deċiżjoni dwar it-talba tiegħu, huwa ngħata akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza tas-Salib l-Aħmar, li jinsab f’Bierset (il-Belġju).

16      L-awtoritajiet Belġjani indirizzaw talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu lill-awtoritajiet Spanjoli. Din it-talba ġiet aċċettata fit‑28 ta’ Ottubru 2020.

17      L-Office des étrangers (l-Uffiċċju għall-Barranin, il-Belġju) adotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza b’ordni ta’ tluq mit-territorju, li ġiet innotifikata lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fit‑2 ta’ Diċembru 2020. Skont din id-deċiżjoni, ġie indikat lilu li r-Renju ta’ Spanja kien responsabbli għall-eżami tal-fajl tiegħu u ġie ordnat jitlaq mit-territorju tal-Belġju u jmur Spanja.

18      Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju).

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2020, il-Fedasil, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, emendat il-post ta’ akkoljenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, billi assenjatu b’mod vinkolanti fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li tinsab f’Mouscron (il-Belġju), sabiex huwa jibbenefika mis-sostenn previst għall-organizzazzjoni tat-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli.

20      Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal miżuri provviżorji quddiem it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) kontra din id-deċiżjoni.

21      Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal‑10 ta’ Diċembru 2020, ikkonfermat fil‑5 ta’ Jannar 2021, it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège) ordnat, provviżorjament, iż-żamma tal-akkomodazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fiċ-ċentru ta’ akkoljenza tas-Salib l-Aħmar ta’ Bierset, bil-kundizzjoni li huwa jippreżenta, f’terminu ta’ xahar, rikors fuq il-mertu kontra d-deċiżjoni tal-Fedasil tal‑4 ta’ Diċembru 2020.

22      Fl‑10 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors fuq il-mertu kontra d-deċiżjoni tal-Fedasil. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa sostna li din kienet tippreġudika d-dritt tiegħu għal rimedju sospensiv kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza.

23      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jiggarantixxi lill-applikant rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza b’ordni ta’ tluq mit-territorju nazzjonali.

24      Madankollu, hija tenfasizza li l-preżentata ta’ rikors ma għandhiex, fid-dritt nazzjonali, effett sospensiv awtomatiku fuq l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ tluq mit-territorju. Huwa biss fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi għal miżuri provviżorji li l-applikant jista’ jitlob is-sospensjoni ta’ din l-eżekuzzjoni, f’kuntest ta’ urġenza assoluta, jiġifieri fil-każ ta’ eżekuzzjoni imminenti ta’ tali ordni ta’ tluq mit-territorju.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu tal-kawża prinċipali jeħtieġ li jiġi ddeterminat minn qabel jekk u taħt liema kundizzjoni ir-rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu effett sospensiv. F’dan ir-rigward, hija tispjega li, kieku kellu jiġi rrikonoxxut tali effett, il-preżentata ta’ rikors ikollha l-konsegwenza li tostakola temporanjament it-trasferiment tal-applikant ikkonċernat lejn Stat Membru ieħor, b’tali mod li ċ-ċaqliq tiegħu lejn ċentru speċifiku għall-finijiet tal-preparazzjoni tat-trasferiment ikun prematur.

26      Konsegwentement, hija tistaqsi dwar jekk deċiżjoni ta’ bdil tal-post ta’ akkoljenza obbligatorju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha, fl-opinjoni tagħha, titqies bħala bidu tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, hijiex konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Rikors taħt id-dritt nazzjonali organizzat favur applikant għal ażil mitlub biex l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu tiġi eżaminata fi Stat Membru ieħor, li ma għandu ebda natura sospensiva u li ma jistax jikseb tali natura ħlief fil-każ ta’ ċaħda tal-libertà bil-għan tat-trasferiment imminenti, jikkostitwixxi rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III]?

2)      Ir-rimedju effettiv imsemmi fl-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandu jinftiehem fis-sens li jipprekludi biss l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ trasferiment forzat matul l-eżami tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija jew fis-sens li jipprekludi kull miżura preparatorja għal tneħħija, bħat-tqegħid f’ċentru li jiżgura l-istabbiliment ta’ pjan ta’ ritorn fir-rigward tal-applikanti għal ażil mitluba biex l-applikazzjoni għal ażil tagħhom tiġi eżaminata f’pajjiż Ewropew ieħor?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28      Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Marzu 2021, il-Ħames Awla ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ t-talba intiża sabiex din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, peress li l-kundizzjonijiet għall-urġenza previsti fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, it-talba intiża sabiex din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa ġiet miċħuda wkoll. Min-naħa l-oħra, fl-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li l-imsemmija kawża tinqata’ bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

30      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat meta, b’mod partikolari, ir-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 53(2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, meta talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tista’ f’kull ħin tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

31      Hemm lok li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati fil-kuntest ta’ din il-kawża.

 Fuq it-tieni domanda

32      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta, fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, miżuri preparatorji għal dan it-trasferiment, bħall-għoti ta’ post fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li fi ħdanha l-persuni li jingħataw akkomodazzjoni jibbenefikaw minn sostenn sabiex jippreparaw it-trasferiment tagħhom.

33      Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ din id-deċiżjoni quddiem qorti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 27(3) sa (6) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji, l-applikant għall-ażil għandu, b’mod partikolari, jibbenefika mill-possibbiltà li jitlob f’terminu ta’ żmien raġonevoli lil qorti sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tar-rikors tiegħu u għandu jkollu wkoll assistenza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 50).

34      Għalkemm, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27, id-dritt għal rimedju effettiv għandu tal-inqas ikun akkumpanjat mill-possibbiltà mogħtija lill-applikant li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, din id-dispożizzjoni ma tobbligax madankollu lill-Istati Membri jipprevedu fid-dritt tagħhom li l-preżentata ta’ tali rikors timplika awtomatikament is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

35      Fil-fatt, mill-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jippreċiża li l-Istati Membri jipprevedu li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li titlob f’terminu raġonevoli lil qorti sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tar-rikors tagħha, irrikonoxxa li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi sospiż it-trasferiment, li għalhekk jista’ jseħħ mingħajr ma wieħed jistenna l-eżami ta’ dan ir-rikors, sa fejn is-sospensjoni ma tkunx intalbet jew it-talba għal sospensjoni tkun ġiet miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 59).

36      Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li, filwaqt li jipprevedu dritt għal rimedju effettiv u l-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tar-rikors, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Dublin III ma jiipprojbixxu l-adozzjoni ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bħala tali, ma jikkostitwixxux il-bidu tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

37      Fil-fatt, tali miżuri għandhom jitqiesu mhux bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment iżda bħala miżuri preparatorji għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni, peress li l-implimentazzjoni tagħhom ma twassalx sabiex il-persuna kkonċernata titlaq mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti. Mill-bqija, huma lanqas ma jippreġudikaw il-libertà tal-applikant li jmur u jiġi, u lanqas ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali li dan għandu taħt ir-Regolament Dublin III.

38      Barra minn hekk, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex minnhom infushom ta’ natura li jinfluwenzaw is-sens tad-deċiżjoni li għandha tingħata fir-rigward tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, liema fatt barra minn hekk ma huwiex allegat mill-qorti tar-rinviju.

39      Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jseħħ “mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv […]”. Tali dispożizzjoni timplika li t-trasferiment tal-applikant għandu jseħħ mill-iktar fis possibbli, hekk kif ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet legali għal dan il-għan.

40      Għalhekk, l-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji għat-trasferiment tidher li hija koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, sa fejn l-imsemmija miżuri għandhom l-għan li jiġi ppreparat it-trasferiment tal-applikant fl-iqsar żmien possibbli fil-każ li r-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jiġi miċħud.

41      It-tieni, l-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33, li għandha l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, inklużi dawk li lilhom tkun ġiet innotifikata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 50).

42      F’dan ir-rigward, l-obbligu għall-Istati Membri li jittrasferixxu l-applikanti minn akkomodazzjoni għal oħra biss “meta meħtieġ”, previst fl-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2013/33, ma jipprekludix li applikant jiġi assenjat, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, f’akkomodazzjoni ta’ akkoljenza ġdida li toffri servizzi ta’ sostenn għal dan it-trasferiment, minkejja ċ-ċirkustanza li l-applikant ikun ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

43      Fil-fatt, l-Istat Membru rikjedenti ma jistax jiġi kkritikat talli qies li l-bidla fl-akkomodazzjoni tal-applikant hija neċessarja minħabba l-bidla fis-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu, marbuta mad-deċiżjoni ta’ trasferiment, kif ukoll minħabba r-restrizzjonijiet li jirriżultaw minnha għal dan l-Istat Membru.

44      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-informazzjoni pprovduta lill-applikanti u l-intervisti mwettqa magħhom fiċ-ċentru ta’ akkoljenza miftuħ li lejh ikunu ġew diretti ma jistgħux ikunu tali li jeżerċitaw pressjoni indebita fuq l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali sabiex jirrinunzjaw milli jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom mogħtija lilhom mir-Regolament Dublin III.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jadotta, fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, miżuri preparatorji għal dan it-trasferiment, bħall-għoti ta’ post fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li fi ħdanha l-persuni li jingħataw akkomodazzjoni jibbenefikaw minn sostenn sabiex jippreparaw it-trasferiment tagħhom.

 Fuq l-ewwel domanda

46      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-applikant li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment biss meta din id-deċiżjoni tiġi implimentata u meta l-applikant ikun espost għal riskju ta’ trasferiment imminenti.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, A. P. (Miżuri ta’ probation), C‑2/19, EU:C:2020:237, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, A. P. (Miżuri ta’ probation), C‑2/19, EU:C:2020:237, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha “tivverifika jekk l-għajnuna materjali mogħtija lil VW fi ħdan iċ-ċentru ta’ Mouscron ser tipprovdilu l-istess kundizzjonijiet materjali u legali bħall-akkoljenza tiegħu f’ċentru ieħor, b’tali mod li huwa jkun jista’ jeżerċita, taħt l-istess kundizzjonijiet, id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv” kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment li ġiet innotifikata lilu.

50      Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 37 ta’ dan id-digriet, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fis-sens tar-Regolament Dublin III.

51      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar in-natura sospensiva tar-rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma hijiex rilevanti fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

52      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Liège (C‑233/19, EU:C:2020:757), peress li, f’dan il-każ, ir-rabta bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-assenjazzjoni ta’ applikant f’ċentru ta’ akkomodazzjoni li joffri servizzi fid-dawl tat-trasferiment, u l-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III hija ineżistenti. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kwistjoni dwar in-natura effettiva tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem qorti oħra.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-ewwel domanda hija manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna:

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jadotta, fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, miżuri preparatorji għal dan it-trasferiment, bħall-għoti ta’ post fi struttura ta’ akkoljenza speċifika li fi ħdanha l-persuni li jingħataw akkomodazzjoni jibbenefikaw minn sostenn sabiex jippreparaw it-trasferiment tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.